EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CO0665

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tal-21 ta' Ottubru 2014.
Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins vs Via Directa - Companhia de Seguros SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal do Trabalho de Lisboa - il-Portugall.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 53(2) tar-Regolament tal-Proċedura - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tnaqqis fir-remunerazzjoni għal ċerti ħaddiema tas-settur pubbliku - Assenza ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni - Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-665/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2327

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 53(2) tar-Regolament tal-Proċedura — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tnaqqis fir-remunerazzjoni għal ċerti ħaddiema tas-settur pubbliku — Assenza ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑665/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal do Trabalho de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins

vs

Via Directa – Companhia de Seguros SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda mill-avukat ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins u Via Directa – Companhia de Seguros SA (iktar ’il quddiem “Via Directa”), dwar is-sospensjoni tal-bonus tal-vaganzi u tal-Milied jew ta’ kwalunkwe benefiċċju li jikkorrispondi għat-tlettax jew għall-erbatax-il xhar, għas-sena 2012.

Il-kuntest ġuridiku

3

Fil-Portugall, il-liġi Nru 64-B/2011, tat-30 ta’ Diċembru 2011, li tadotta l-liġi finanzjarja għall-2012 (Diário da República, Serje 1, Nru 250, tat-30 ta’ Diċembru 2011, iktar ’il quddiem il-“liġi finanzjarja għall-2012”), tipprovdi, fl-Artikolu 20 tagħha, li t-tnaqqis fir-remunerazzjoni għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, jirriżulta mil-liġi Nru 55-A/2010, tal-31 ta’ Diċembru 2010, li tadotta l-liġi finanzjarja għall-2011, (Diário da República, Serje 1, Nru 253, tal-31 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“liġi finanzjarja għall-2011”), għandu jibqa’ fis-seħħ matul is-sena 2012.

4

L-Artikolu 21(1) tal-liġi finanzjarja għall-2012, intitolat “Sospensjoni tal-ħlas tal-bonus tal-vaganzi u tal-Milied jew simili”, jipprovdi:

“Matul l-applikazzjoni tal-programm ta’ assistenza ekonimika u finanzjarja (PAEK), skont miżura eċċezzjonali ta’ stabbiltà tal-baġit, għandu jiġi sospiż il-ħlas tal-bonus tal-vaganzi u tal-Milied jew ta’ kwalunkwe somma li tikkorrispondi għat-tlettax u/jew għall-erbgħatax-il xhar lill-persuni msemmija fl-Artikolu 19(9) tal-[liġi finanzjarja għall-2012], emendata bil-liġijiet Nri 48/2011, tas-26 ta’ Awwissu 2011, u 60-A/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011, li s-salajru bażiku tagħhom ta’ kull xhar huwa ta’ iktar minn EUR 1 100.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Via Directa, kumpannija tal-assigurazzjoni Portugiża, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital esklużivament pubbliku. Hija firmatarja ta’ ftehim kollettiv applikabbli għall-partijiet fil-kawża prinċipali.

6

Matul ix-xahar ta’ Jannar 2012, Via Directa ddeċidiet li tapplika għall-impjegati tagħha l-Artikolu 21(1) tal-liġi finanzjarja għall-2012, billi tikkanċella għalhekk il-ħlas tal-bonus previst minn dan il-ftehim kollettiv.

7

Il-liġi finanzjarja għall-2012 ikkompletat id-dispożizzjonijiet tal-liġi finanzjarja għall-2011, li kienet ukoll tipprovdi għat-tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi.

8

Adit b’żewġ kawżi oħra rispettivament dwar l-Artikolu 19 tal-liġi finanzjarja għall-2011 u dwar l-Artikolu 21 tal-liġi finanzjarja għall-2012 u wara li tqajmulu diversi dubji serji dwar il-konformità ta’ dawn l-artikoli mad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal do Trabalho do Porto kien ressaq żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2012 u fid-29 ta’ Mejju 2012, li wasslu, rispettivament għad-digrieti Sindicato dos Bancários do Norte et (C-128/12, EU:C:2013:149) u Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (C-264/12, EU:C:2014:2036).

9

Mingħajr ma stenniet li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet dwar il-Kawża C-264/12, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja din it-talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem kwistjonijiet analogi għal dawk imqajma fil-Kawżi C‑128/12 u C-264/12.

10

Peress li qies li hija neċessarja deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta sabiex huwa jkun jista’ jaqta’ l-kawża li għandu quddiemu, it-Tribunal do Trabalho de Lisboa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li minnu tirriżulta l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għall-ħaddiema tas-settur pubbliku?

2)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li minnu tirriżulta l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għall-ħaddiema tas-settur pubbliku?”

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

11

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

12

Fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea (digrieti Corpul Naţional al Poliţiştilor, C-434/11, EU:C:2011:830, punt 13; Sindicato dos Bancários do Norte et, EU:C:2013:149, punt 9; kif ukoll Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins, EU:C:2014:2036, punt 18).

13

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-digriet tagħha Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (EU:C:2014:2036), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar domandi mressqa mit-Tribunal do Trabalho do Porto li kienu analogi għal dawk magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Fil-fatt, bħall-każ ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża li wasslet għal dak id-digriet, ma kienet tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-liġi finanzjarja għall-2012 kienet intiża sabiex timplementa d-dritt tal-Unjoni.

14

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kawża li kienet wasslet għad-digriet Sindicato dos Bancários do Norte et (EU:C:2013:149), it-Tribunal do trabalho do Porto kien għamel domandi preliminari dwar il-liġi finanzjarja għall-2011, analogi għal dawk magħmula fil-kawża li wasslet għad-digriet Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (EU:C:2014:2036) dwar il-liġi finanzjarja għall-2012. Fl-ewwel wieħed minn dawn id-digrieti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonstatat in-nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi magħmula, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma kienet tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-liġi kkonċernata kienet intiża sabiex timplementa d-dritt tal-Unjoni.

15

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, bħal fiż-żewġ kawżi li wasslu għall-imsemmija digrieti, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li t-trattament tagħha ġie, fil-fatt, sospiż sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fil-kawża li wasslet għad-digriet Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (EU:C:2014:2036), ma tistax tiġi stabbilita.

16

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tal-aħħar manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal do Trabalho de Lisboa.

Fuq l-ispejjeż

17

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal do Trabalho de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013 (Kawża C-655/13).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top