Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 62013CO0278

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Settembru 2013.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Pilkington Group Ltd.
    Appell - Proċedura amministrattiva - Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar akkordju fis-suq Ewropew tal-ħġieġ intiż għall-vetturi bil-mutur - Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad parzjalment it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni li tikkonstata dan l-akkordju.
    Kawża C-278/13 P(R).

    Sammlung der Rechtsprechung – allgemein

    ECLI-Identifikator: ECLI:EU:C:2013:558

    DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    tal-10 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Proċedura amministrattiva — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar akkordju fis-suq Ewropew tal-ħġieġ intiż għall-vetturi bil-mutur — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad parzjalment it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni li tikkonstata dan l-akkordju”

    Fil-Kawża C‑278/13 P(R),

    li għandha bħala suġġett appell taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2013,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, P. Van Nuffel u G. Meessen, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Pilkington Group Ltd, stabbilita f’Lathom (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Scott, S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    wara li nstema’ l-ewwel Avukat Ġenerali, N. Jääskinen,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Marzu 2013, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni (T‑462/12 R, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”) li bih dan tal-aħħar laqa’ talba għal miżuri provviżorji li jirrigwardaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 5718 finali, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Pilkington Group Ltd, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Carglass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 2 sa 8 tad-digriet ikkontestat hekk kif ġej:

    “2

    Permezz tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni […] ċaħdet it-talba intiża għaż-żamma tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali tagħha, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.125 – Carglass), iktar ’il quddiem id-‘Deċizjoni tal-2008’), kif ġiet ippubblikata fi Frar 2010 fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali ‘Kompetizzjoni’.

    3

    Fid-deċiżjoni tal-2008, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq bejn l-1998 u l-2003 fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minn [Pilkington Group Ltd (iktar ’il quddiem ‘Pilkington’)], u minn kumpanniji oħra li jiffurmaw parti mill-grupp tagħha, minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Franċiż Saint-Gobain u mill-grupp Ġappuniż Asahi — li minnu tifforma parti b’mod partikolari l-kumpannija AGC Glass Europe — kif ukoll mill-kumpannija Belġjana Soliver għal dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-ħġieġ użat għall-vetturi ġodda u għall-partijiet tal-bdil oriġinali intiżi għall-vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem il-‘kartell għall-ħġieġ tal-karozzi’). Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet fuq il-membri ta’ dan il-kartell multi li jammontaw għal total ta’ iktar minn EUR 1.3 biljun, fejn il-multa imposta lill-grupp ta’ [Pilkington] tammonta għal EUR 370 miljun.

    4

    Wara li ħadet inkunsiderazzjoni t-talbiet għat-trattament kunfidenzjali magħmula mid-destinatarji tad-Deċiżjoni tal-2008, fi Frar 2010, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni sħiħa mhux kunfidenzjali provviżorja ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sit internet tagħha. Din il-pubblikazzjoni ma ġietx ikkontestata minn [Pilkington].

    5

    Permezz tal-ittra tat-28 ta’ April 2011, il-Kummissjoni informat lil [Pilkington] bl-intenzjoni tagħha li tippubblika, għal raġunijiet ta’ trasparenza, verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2008 u li tiċħad, għal dan il-għan, diversi talbiet għat-trattament kunfidenzjali li hija kienet indirizzat lill-Kummissjoni dwar, l-ewwel nett, ismijiet ta’ klijenti, ismijiet u d-deskrizzjonijiet tal-prodotti, kif ukoll informazzjoni oħra li tista’ twassal għal identifikazzjoni ta’ ċerti klijenti (iktar ’il quddiem l-‘informazzjoni ta’ kategorija I’), it-tieni nett, in-numru ta’ partijiet ipprovduti minn [Pilkington], is-sehem ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur speċifiku, il-kalkoli tal-prezz, it-tibdil fil-prezz eċċ. (iktar ’il quddiem l-‘informazzjoni ta’ kategorija II’) u t-tielet nett, l-informazzjoni li, skont [Pilkington], tista’ twassal għall-identifikazzjoni ta’ ċerti membri tal-persunal tagħha allegatament involuti fl-implementazzjoni tal-akkordju (iktar ’il quddiem l-‘informazzjoni tal-kategorija III’). Il-Kummissjoni stiednet lil [Pilkington], li f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, jirreferu l-kwistjoni lill-Uffiċjal tas-Seduta abbażi tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni [Ewropea], tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29).

    6

    Filwaqt li kkonstatat li l-verżjoni iktar iddettaljata proposta kienet tinkludi bosta informazzjoni li ma kinitx ġiet ippubblikata fi Frar 2010 għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, [Pilkington], permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2011, informat lill-Uffiċjal tas-Seduta li kienet qed tikkontesta l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-Deċiżjoni tal-2008 li hija iktar dettaljata minn dik ippubblikata fi Frar 2010, billi sostniet li l-informazzjoni tal-kategoriji I u II kellha tiġi protetta, peress li hija tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali, filwaqt li żvelar ta’ informazzjoni ta’ kategorija III jippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, jiġifieri impjegati ta’ [Pilkington] allegatament implikati fl-implementazzjoni tal-akkordju. [Pilkington] għaldaqstant talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni kollha.

    7

    Fid-deċiżjoni [inkwistjoni], iffirmata ‘[g]ħall-Kummissjoni’, filwaqt li aċċetta l-karattru kunfidenzjali ta’ xi data invokata minn [Pilkington], l-Uffiċjal tas-Seduta madankollu ċaħad kważi t-talbiet kollha tagħha.

    8

    Id-deċiżjoni [inkwistjoni] ġiet innotifikata lil [Pilkington] fit-9 ta’ Awwissu 2012.”

    3

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2012, Pilkington ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, li għadu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni inkwistjoni tikser, minn naħa, l-obbligu tal-kunfidenzjalità li jaqa’ fuq il-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 339 TFUE u 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tiġi protetta data ta’ natura personali li taqa’ taħt din l-istituzzjoni abbażi tal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li l-verżjoni iktar dettaljata tad-deċiżjoni tal-2008 fiha sigrieti tan-negozju, koperti mis-sigriet professjonali, u informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati l-impjegati tagħha.

    4

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, Pilkington ressqet talba għal miżuri provviżorji, billi talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jogħġbu:

    jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-mertu;

    jordna lill-Kummissjoni li tastjeni milli tippubblika verżjoni tad-deċiżjoni tal-2008 li hija iktar iddettaljata, għal dak li jikkonċernaha, minn dik ippubblikata fix-xahar ta’ Frar 2010 fuq is-sit tal-Internet tagħha; u

    jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    5

    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni titlob lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jogħġbu:

    jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji; u

    jikkundanna lil Pilkington għall-ispejjeż.

    Id-digriet ikkontestat

    6

    Peress li ċaħad diversi talbiet għal intervent fil-punti 14 sa 22 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina t-talba għal miżuri provviżorji mill-punt 23 tiegħu.

    7

    Il-President tal-Qorti Ġenerali fakkar, fil-punti 24 sa 27 ta’ dan id-digriet, li ż-żewġ kundizzjonijiet rispettivament dwar l-urġenza u fumus boni juris huma kumulattivi, u li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll jibbilanċja l-interessi inkwistjoni. Huwa rrileva li l-imħallef għandu setgħa diskrezzjonali kbira sabiex jiġi ddeterminat il-mod li fih dawn il-kundizzjonijiet differenti huma vverifikati u ddeċieda li jeżamina qabel kollox, flimkien, il-kwistjonijiet marbuta mal-ibbilanċjar tal-interessi u l-urġenza.

    8

    Fil-punti 28 u 29 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’referenza għad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 1989, Radio Telefis Eireann et vs Il‑Kummissjoni (76/89 R, 77/89 R u 91/89 R, Ġabra p. 1141, punt 15) u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C-182/03 R u C-217/03 R, Ġabra p. I-6887, punt 142) fakkar li l-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni jfisser li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina jekk l-interess tal-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji li dawn jingħataw jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att kontenzjuż billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-eventwali annullament ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ġiet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, kuntrarjament, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att hijiex ta’ natura li toħloq ostakolu għall-effett sħiħ tagħha, fil-każ fejn ir-rikors prinċipali jiġi miċħud. Il-President tal-Qorti Ġenerali żied, b’referenza għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C-313/90 R, Ġabra p. I-2557, punt 24), li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tnaqqsilha l-effettività tagħha.

    9

    Il-President tal-Qorti Ġenerali kompla billi rrileva, fil-punti 31 u 32 tad-digriet ikkontestat, li sabiex tiġi kkonservata l-effettività ta’ sentenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, Pilkington kellha tkun f’pożizzjoni li tevita li l-Kummissjoni tipproċedi bil-pubblikazzjoni illeċita tal-informazzjoni kontenzjuża għaliex tali sentenza ssir illużorja u nieqsa mill-effettività jekk din it-talba għal miżuri provviżorji tkun miċħuda, billi l-konsegwenza ta’ din iċ-ċaħda tkun li tippermetti li l-Kummissjoni tippubblika immedjatament l-informazzjoni inkwistjoni, u dan minkejja l-fatt li anki pubblikazzjoni effettiva tal-informazzjoni kontenzjuża probabbilment ma jkollhiex l-effett li ċċaħħad lil Pilkington mill-interess ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’konsegwenza, fil-punt 33 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra li l-interess tal-Kummissjoni li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji kellu jċedi quddiem l-interess difiż minn Pilkington, speċjalment peress li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba jissarraf biss fiż-żamma, għal perijodu limitat, tal-istatus quo li ilu jeżisti minn Frar 2010.

    10

    Sa fejn il-Kummissjoni invokat l-interess tal-vittmi potenzjali tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi li jkollhom bżonn l-informazzjoni tal-kategoriji I u II sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-azzjonijiet għad-danni tagħhom, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, fil-punti 35 u 36 tad-digriet ikkontestat, li din l-argumentazzjoni ma kinitx tali li tirbaħ fuq l-interessi ta’ Pilkington f’dan il-każ, peress li, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ preskrizzjoni nazzjonali, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni kienet tonqos milli tindika dak li jipprekludi lill-imsemmija vittmi milli jippreżentaw l-azzjonijiet għad-danni tagħhom fi żmien validu, filwaqt li jiksbu s-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sa meta tiġi adottata s-sentenza fil-kawża prinċipali.

    11

    Fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra li, peress li r-riżultat tal-ibbilanċjar tal-interessi huwa favur Pilkington, jidher li huwa urġenti li jiġi protett l-interess difiż minn din il-kumpannija, bil-kundizzjoni li tbati r-riskju li hija ssofri dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji tagħha. Huwa rrileva li, skont Pilkington, is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2008 ma tkunx iktar tista’ titħassar.

    12

    Fil-punti 39 sa 42 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda li r-rekwiżit dwar l-urġenza ma kienx sodisfatt għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fil-kategorija III, essenzjalment għaliex Pilkington ma kinitx, skont huwa, stabbilixxiet li l-miżuri mitluba kienu neċessarji sabiex jiġi protett interess li kien tagħha.

    13

    Fir-rigward tal-informazzjoni fil-kategoriji I u II, min-naħa l-oħra, huwa ddeċieda, fil-punti 43 sa 45 tal-istess digriet, li l-imsemmi rekwiżit kien, fil-prinċipju, sodisfatt. Huwa rrileva, fil-fatt, li fil-każ fejn il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tkun f’kunflitt mad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE, l-istess bħall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), dan id-dritt fundamentali ta’ Pilkington jista’ jitlef b’mod irriversibbli kull sinjifikat. Fl-istess ħin, hemm ir-riskju li d-dritt fundamentali ta’ Pilkington għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikoli 6 tal-KEDB u 47 tal-Karta, jiġi kompromess jekk il-Kummissjoni tkun awtorizzata tippubblika l-informazzjoni inkwistjoni qabel ma l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq ir-rikors prinċipali.

    14

    Fil-punti 46 et seq tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad l-argumenti fis-sens kuntrarju mressqa mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, dan irrileva, fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, li r-rimarka tal-Kummissjoni li tgħid li Pilkington ma kinitx invokat il-ksur ta’ dritt fundamentali, kienet infondata fil-fatt. Huwa kkunsidra wkoll, fil-punti 48 sa 50 tal-imsemmi digriet, li l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-pubblikazzjoni inkwistjoni kienet tirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet ta’ Pilkington, jiġifieri l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din il-kumpannija, b’mod li din il-konsegwenza ma setgħetx tiġi attribwita lil ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, hekk kif wara kollox iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem fis-sentenza tagħha Gillberg vs L-Isvezja tat-3 ta’ April 2012 (§ 67 u 72), ma setax jintlaqa’, peress li din il-kawża kienet tikkonċerna l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni, b’mod differenti minn dik li tat lok għal din is-sentenza.

    15

    Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali enfasizza, fil-punti 52 u 53 tad-digriet ikkontestat, li kellha tiġi abbandunata l-ġurisprudenza preċedenti (id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2003, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T-198/03 R, Ġabra p. II-4879, u tat-22 ta’ Diċembru 2004, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T-201/04 R, Ġabra p. II-4463), li fiha l-Imħallef għal miżuri provviżorji, ikkonfrontat bl-argument ibbażat fuq il-karattru irriversibbli ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, li tista’ tintuża f’azzjonijiet għad-danni kontra l-persuna kkonċernata, kien ikklassifika bħala purament finanzjarju, peress li ma jistax jitqies normalment li huwa irreparabbli, id-dannu li jista’ jirriżulta għall-persuna kkonċernata minn tali użu tal-imsemmija informazzjoni. Huwa żied li, fil-fatt, mhux iktar tard mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, li għolla lill-Karta fl-istatus ta’ dritt primarju tal-Unjoni u jipprovdi li din għandha l-istess valur legali bħat-Trattati (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE), ir-riskju imminenti ta’ ksur gravi u irreparabbli tad-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta f’dan il-qasam għandu jkun ikklassifikat, fih innifsu, bħala dannu li jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni provviżorji mitluba.

    16

    Il-President tal-Qorti Ġenerali kompla, fil-punti 54 sa 56 tad-digriet ikkontestat billi injora bħala irrilevanti f’dan il-każ id-digrieti l-oħra invokati mill-Kummissjoni, jiġifieri d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill [C-43/98 P(R), Ġabra p. I-1815] u tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2011, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09 R), minħabba li huma kienu jikkonċernaw restrizzjonijiet sempliċi tal-użu tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni, kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C-7/04 P(R), Ġabra p. I-8739], minħabba l-fatt li fil-kawża li tat lok għal din tal-aħħar, li kienet tirrigwarda l-karattru kunfidenzjali jew le tad-dokumenti sekwestrati mill-Kummissjoni matul verifika, kien inkwistjoni mhux l-aċċess tal-pubbliku għal dawn id-dokumenti, iżda l-kwistjoni differenti ħafna dwar jekk il-Kummissjoni kinitx awtorizzata li tieħu konoxxenza tagħhom, peress li din tal-aħħar hija hi stess suġġetta għall-osservanza tas-sigriet professjonali.

    17

    Fil-punti 58 et seq tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina r-rekwiżit dwar fumus boni juris. Wara li fakkar, fl-imsemmi punt 58, li dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt meta tal-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, f’kull każ, ma jkunx nieqes minn bażi serja, huwa kkunsidra, fil-punt 59 ta’ dan id-digriet, li, fil-kuntest speċifiku dwar il-protezzjoni provviżorja ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bir-riskju li ma jirrikonoxxix il-karattru intrinsikament aċċessorju u provviżorju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji kif ukoll bir-riskju imminenti li jiġu eliminati d-drittijiet fundamentali invokati mill-parti li tfittex li tikseb il-protezzjoni provviżorja ta’ dawn tal-aħħar, jista’, bħala prinċipju, jiddeċiedi li ma hemmx fumus boni juris biss fil-każ fejn il-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni jkun manifestament nieqes.

    18

    Fil-punt 60 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina t-tieni motiv imqajjem minn Pilkington insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, li bih din tal-aħħar tikkritika lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, talli kisret l-Artikolu 339 TFUE kif ukoll l-Artikoli 28(1) u 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta ddeċidiet li tippubblika l-informazzjoni li kellha tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u li l-kunfidenzjalità tagħha kellha għaldaqstant tiġi protetta. Barra minn hekk, huwa rrileva li skont Pilkington, il-Kummissjoni kienet għamlet evalwazzjoni żbaljata dwar jekk jeżistux raġunijiet imperattivi li jippermettu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

    19

    Fil-punti 61 sa 65 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda li l-informazzjoni tal-kategoriji I u II, ikkunsidrata globalment, kienet kummerċjalment sensittiva, minkejja l-fatt li din kellha iktar minn ħames snin, essenzjalment għaliex din kienet turi l-prattiki kummerċjali ta’ Pilkington fir-rigward tal-kostrutturi tal-vetturi bil-mutur li kienu minn dejjem klijenti tagħha.

    20

    Il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra wkoll, fil-punti 67 sa 73 tal-imsemmi digriet, li, mingħajr preġudizzju għall-valur tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar il-mertu, ma kienx hemm lok li jiġi konkluż li hemm nuqqas manifest ta’ fumus boni juris. Fil-fatt, huwa enfasizza li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors prinċipali jeħtieġ eżami bir-reqqa tal-informazzjoni li għaliha l-kunfidenzjalità kienet mitluba, kif ukoll ibbilanċjar tal-interessi ta’ Pilkington u tal-interess ġenerali għat-trasparenza, li ma setgħux jitwettqu mill-Imħallef għal miżuri provviżorji. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li l-fatt li l-Uffiċjal tas-Seduta rrikonoxxa l-karattru sigriet ta’ ċerta informazzjoni kemm fil-kategorija I kif ukoll fil-kategorija II jindika, fih innifsu, li l-informazzjoni kontenzjuża ma setgħetx, prima facie, tiġi kklassifikata globalment, minħabba n-natura tagħha stess, bħala nieqsa manifestament minn karattru sigriet jew kunfidenzjali. Barra minn hekk, inkwantu għall-anzjanità tal-informazzjoni kontenzjuża, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-argument ta’ Pilkington, li jgħid li l-informazzjoni kienet madankollu kunfidenzjali fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma kienx jidher irrilevanti.

    21

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jilqa’ t-talba għal miżuri provviżorji ta’ Pilkington inkwantu hija kienet intiża li tipprojbixxi l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni tal-kategoriji I u II u li tiċħadha għall-kumplament. Il-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tad-digriet ikkontestat huma fformulati kif ġej:

    “2)

    Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni [inkwistjoni] għal dak li jirrigwarda ż-żewġ kategoriji ta’ informazzjoni, bħal dawk imsemmija fil-punt 6 tad-Deċiżjoni C(2012) 5718 finali, dwar, minn naħa, l-ismijiet tal-klijenti, ismijiet u deskrizzjonijiet tal-prodotti kif ukoll informazzjoni oħra li tista’ twassal għal identifikazzjoni ta’ ċerti klijenti u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ partijiet ipprovduti minn [Pilkington], is-sehem ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur speċifiku, il-kalkoli tal-prezz, it-tibdil fil-prezz eċċ.

    3)

    Il-Kummissjoni […] hija ordnata tastjeni milli tippubblika verżjoni tad-[deċiżjoni tal-2008] li tkun iktar dettaljata, għal dak li jirrigwarda informazzjoni fiż-żewġ kategoriji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, milli dik ippubblikata fi Frar 2010 fuq is-sit tal-Internet tagħha.”

    Fuq l-appell

    22

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi, li huma bbażati rispettivament:

    fuq żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tar-rekwiżit dwar l-urġenza; u

    sussidjarjament, fuq żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tar-rekwiżit dwar fumus boni juris, flimkien ma’ dak dwar l-urġenza.

    23

    L-aħħar parti tal-appell hija ddedikata għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw, skont il-Kummissjoni, mid-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Qorti Ġenerali fid-digriet ikkontestat. Din l-istituzzjoni ssostni, essenzjalment, li jekk l-Imħallfin għal miżuri provviżorji tal-Unjoni jadottaw l-approċċ sostnut f’dan id-digriet, isir fil-prattika impossibbli għaliha li tippubblika fi żmien utli informazzjoni dwar il-ksur tar-regoli fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li issa huwa biżżejjed għal impriża li tallega li l-informazzjoni hija kunfidenzjali biex twaqqaf il-pubblikazzjoni tagħha qabel ma l-qorti fil-każ prinċipali tiddeċiedi fuq il-kunfidenzjalità. Skont il-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza tal-President tal-Qorti Ġenerali ser ikollha wkoll effett negattiv fuq it-tħaddim tal-proċeduri fil-qasam tar-ripressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li hija tista’ tapplika wkoll fl-istadju tal-aċċess għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    24

    Pilkington issostni li dan l-argument tal-Kummissjoni huwa inammissibbli peress li dan ma fih ebda aggravju tal-appell u li, f’kull każ, il-biżgħat tal-Kummissjoni ma humiex fondati. Fir-rigward tal-eventwali applikazzjoni, b’analoġija, tal-approċċ adottat mill-President tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-komunikazzjoni tal-ilmenti, hija tenfasizza li teżisti differenza kbira bejn l-iżvelar ta’ informazzjoni lil numru limitat ta’ kumpanniji u l-iżvelar tagħha fuq l-Internet għall-pubbliku inġenerali.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tar-rekwiżit dwar l-urġenza

    L-argumenti tal-partijiet

    25

    Il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali tar-rekwiżit dwar l-urġenza, fil-punti 44 sa 56 tad-digriet ikkontestat, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra li l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi dannu li jiġġustifika l-għoti ta’ sospensjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mingħajr ma kien hemm lok li jiġi evalwat jekk l-imsemmi ksur joħloq, f’dan il-każ, dannu gravi u irreparabbli. Issa, id-dannu li għandha tistabbilixxi Pilkington biex turi li r-rekwiżit dwar l-urġenza ġiex sodisfatt għandu jkun gravi u irreparabbli, fis-sens li la d-deċiżjoni prinċipali u lanqas azzjoni distinta għad-danni ma tista’ ssewwih. Fil-punti 45 u 53 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ppreżuma l-eżistenza ta’ “dannu li jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni provviżorji mitluba” fuq il-bażi biss ta’ allegat ksur tad-drittijiet fundamentali, mingħajr evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk Pilkington kinitx sostniet b’mod kredibbli li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-każ, hija kienet tista’ ssofri dannu gravi u irreparabbli, fl-assenza tal-imsemmija miżuri.

    26

    Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li tiġi ddeterminata l-urġenza fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli japplika, mingħajr distinzjoni, għall-fergħat kollha tad-dritt, u jinkludi fil-każ fejn rikorrenti titlob miżuri provviżorji intiżi li jissospendu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata informazzjoni li hija tallega li hija kunfidenzjali. Din l-istituzzjoni tenfasizza li l-fatt li sa issa t-teħid ta’ konoxxenza ta’ din l-informazzjoni jinżamm sigriet huwa irriversibbli ma jfissirx li l-iżvelar tagħha joħloq neċessarjament, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-każijiet kollha. Huwa, fil-fatt, dak li l-President tal-Qorti Ġenerali kien iddeċieda, korrettament, fid-digrieti tiegħu iċċitati iktar ’il fuq Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni (punti 50 sa 62) u Microsoft vs Il‑Kummissjoni (punti 253 sa 256).

    27

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-impriżi kkonċernati mill-proċeduri fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni għandhom normalment interessi prinċipalment ekonomiċi għall-protezzjoni tas-sigriet tal-informazzjoni tagħhom. Il-miżura li biha l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun irreparabbli jiddependi minn numru ta’ ċirkustanzi, bħall-utilità kummerċjali ta’ din l-informazzjoni għall-impriżi li jipprovduhom u impriżi oħra preżenti fuq is-suq ikkonċernat. Għaldaqstant, il-probabbiltà li l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni jikkawża dannu gravi u irreparabbli li ma jistax jissewwa b’kumpens finanzjarju ulterjuri tista’ tiġi ddeterminata biss minn evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ dan l-iżvelar fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji ta’ dan il-każ.

    28

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu li jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit dwar l-urġenza huwiex sodisfatt fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji f’dan il-każ japplika wkoll meta talba għal miżura provviżorja tirrigwarda deċiżjoni li allegatament tikser id-drittijiet fundamentali. Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet tiegħu Camar vs Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq (punti 46 u 47), ċaħad l-argument li jgħid li d-dannu invokat huwa, mid-definizzjoni tiegħu irreparabbli billi huwa “jmiss mal-isfera tal-libertajiet fundamentali”, u kkunsidra la ma huwiex biżżejjed li tiġi allegata, b’mod astratt, ħsara għad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi stabbilit li l-ħsara li tista’ tirriżulta minnu tippreżenta neċessarjament natura irreparabbli.

    29

    Skont il-Kummissjoni, huwa żbaljat li l-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tad-digriet ikkontestat, injora r-rilevanza tad-digriet Camar vs Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, minħabba li, fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet tal-aħħar, ir-rikorrenti setgħet tinvoka biss “restrizzjoni” waħda tad-drittijiet fundamentali tagħha, filwaqt li, f’dan il-każ, jekk it-talba għal miżuri provviżorji tkun miċħuda, Pilkington tkun “kompletament imċaħda mid-drittijiet fundamentali invokati”. Fil-fatt, id-digriet Camar vs Il‑Kummissjoni u l-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, ma jistabbilixxix din id-distinzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk rikorrenti li tinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha għandha turi l-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ ħsara “irreparabbli”.

    30

    F’dak li jikkonċerna r-rilevanza, f’dan ir-rigward, tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta li jirriżultaw minnu, iċ-ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-punt 53 tad-digriet ikkontestat, il-Kummissjoni tenfasizza li l-President tal-Qorti Ġenerali ma spjegax fejn dawn tal-aħħar kienu affettwaw ir-rekwiżiti tal-miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, speċjalment peress li kemm id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikoli 8 tal-KEDB u 7 tal-Karta, kif ukoll id-dritt għal rikors effettiv, stabbilit fl-Artikoli 6 ta’ din il-konvenzjoni u 47 tal-Karta, huma protetti taħt il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mill-inqas mill-bidu tas-snin 80. L-approċċ użat mill-President tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-allegat ksur ta’ regola superjuri ta’ dritt ma huwiex suffiċjenti sabiex, minnu nnifsu, jiġu stabbiliti l-gravità u n-natura irreparabbli ta’ ħsara possibbli [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1998, L‑Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill, C-159/98 P(R), Ġabra p. I-4147, punt 62, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Parlament u l-Kunsill, C-377/98 R, Ġabra p. I-6229, punt 45].

    31

    Skont il-Kummissjoni, jekk il-valur intrinsiku għoli tad-drittijiet fundamentali jista’ jimplika li ċertu ksur ta’ dawn tal-aħħar ma jistax jissewwa minn kumpens finanzjarju, l-Artikolu 278 TFUE, skont liema r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx effett ta’ sospensjoni, ikun imċaħħad mill-effettività tiegħu jekk il-fatt li jiġi invokat ksur tad-drittijiet fundamentali kien ikun awtomatikament biżżejjed biex tiġi stabbilita n-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni tikkritika lill-President tal-Qorti Ġenerali li kien injora, mingħajr ma eżaminaha, il-possibbiltà li kumpens finanzjarju seta’ jkun biżżejjed biex isewwi l-ħsara kkawżata lill-interess ekonomiku li tirrappreżenta għal Pilkington il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità invokata, minkejja li din il-kumpannija kienet sostniet, essenzjalment, li l-iżvelar tal-informazzjoni allegatament kunfidenzjali jista’ jikkaġunalha żvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-kompetituri tagħha jew tal-klijenti tagħha. Għaldaqstant, l-approċċ adottat mill-President tal-Qorti Ġenerali ma jiħux kont tal-fatt li l-ħsara ekonomika li tista’ tirriżulta mill-ksur allegat tad-dritt għall-kunfidenzjalità ta’ Pilkington tkun purament finanzjarja.

    32

    Filwaqt li tirrikonoxxi li l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali jista’, minħabba n-natura irriversibbli tiegħu, iwassal għal ħsara gravi u irreparabbli f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, marbutin mal-effett li ma jissospendux ir-rikorsi ppreżentati kontra l-atti tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 278 TFUE, jobbligaw lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jevalwa, skont iċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ ħsara gravi u irreparabbli fl-assenza tal-miżuri provviżorji mitluba, li ma għandux ikun sempliċement preżunt minħabba li huwa allegat ksur tad-drittijiet fundamentali.

    33

    Pilkington issostni li ebda element tal-ġurisprudenza ma’ jista’ jsostni l-approċċ adottat mill-Kummissjoni. Ikun manifestament żbaljat li l-ħsara gravi u irreparabbli kkawżata lil dritt fundamentali titqies li tikkostitwixxi tip ta’ ħsara speċjali li tista’ tiġi injorata.

    34

    Pilkington taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit dwar l-urġenza huwa sodisfatt biss meta ħsara gravi u irreparabbli tista’ tirriżulta jekk il-miżuri provviżorji mitluba ma jingħatawx. Madankollu, din il-kumpannija tqis, bħall-President tal-Qorti Ġenerali, li din il-ħsara tista’ tirriżulta minn dik ikkawżata lid-drittijiet fundamentali minħabba ksur gravi u irreparabbli ta’ dawn tal-aħħar. Kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Kummissjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali kien eżamina l-ħsara speċifika li tirriżulta għal Pilkington mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni u kien ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali ta’ din tal-aħħar kienu jirriskjaw li jitkissru b’mod gravi u irreparabbli, liema fatt ikun allura jikkostitwixxi, għal din il-kumpannija, ħsara gravi u irreparabbli.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35

    L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba”. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-implementazzjoni hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat preġudizzju gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun invokata, li jiġu deċiżi u li joħolqu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30]. Jekk ikun il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jibbilanċja wkoll l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73).

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika assigurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li għandu jkun hemm deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu serju u irreparabbli kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja [ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Euroalliages et, C-404/01 P(R), Ġabra p. I-10367, punti 61 u 62]. Huwa f’din l-aħħar parti li għandha titressaq il-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura prinċipali, mingħajr ma ssofri dannu ta’ din in-natura (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C-278/00 R, Ġabra p. I-8787, punt 14).

    37

    Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li jinħtieġ li l-okkorrenza tad-dannu tkun stabbilita b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li dan tal-aħħar ikun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li qed titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata li tipprova l-fatti li huma mistennija li jiffurmaw il-bażi ta’ tali dannu gravi u irreparabbli [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il‑Kummissjoni, C-335/99 P(R), Ġabra p. I-8705, punt 67].

    38

    Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-dannu invokat jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, u mingħajr dannu għall-eżami tal-fumus boni juris, liema eżami hija marbuta mal-imsemmija evalwazzjoni filwaqt li tkun distinta minnha, il-President tal-Qorti Ġenerali kellu neċessarjament jitlaq mill-premessa li l-informazzjoni allegatament kunfidenzjali kienet effettivament hekk, b’mod konformi mal-allegazzjonijiet li tressqu minn Pilkington kemm fir-rikors prinċipali tagħha kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 44 u 45 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeduċa l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli mill-fatt li d-drittijiet fundamentali ta’ Pilkington jinkisru b’mod serju u irriversibbli mill-pubblikazzjoni tal-allegati sigrieti tal-kummerċ tagħha fiċ-ċirkustanzi fejn ebda rikors effettiv ma jinfetaħlu. F’dan ir-rigward, mill-punti 52 u 53 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jabbanduna l-ġurisprudenza preċedenti ta’ din l-istess qorti, skont liema l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali ta’ natura kummerċjali, bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja, ma timplikax neċessarjament l-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli. Insostenn ta’ dan ir-raġunament, huwa invoka b’mod partikolari d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll il-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta li tirriżulta minnha.

    40

    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-teżi li tgħid li dannu huwa b’definizzjoni irreparabbli meta jmiss mal-isfera tad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi ammessa, peress li ma huwiex biżżejjed li tiġi allegata, b’mod astratt, ħsara għad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jirriżulta għandu neċessarjament natura irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet Camar vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punti 46 u 47). Il-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona ma tpoġġix f’dubju din il-ġurisprudenza, peress li dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari dawk invokati f’dan il-każ, kienu diġà protetti fid-dritt tal-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat.

    41

    Ċertament, il-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali, bħall-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta, jista’, minħabba n-natura stess tad-dritt miksur, jagħti lok minnu nnifsu għal dannu gravi u irreparabbli. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ dan id-digriet, huwa dejjem l-obbligu tal-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tesponi u tistabbilixxi l-okkorrenza probabbli ta’ dan id-dannu fil-każ partikolari tiegħu.

    42

    Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta parti titlob l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji bil-għan li tipprevjeni l-pubblikazzjoni ta’ data kummerċjali allegatament koperta mis-sigriet professjonali. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat bir-raġun, il-miżura li biha l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jikkawża dannu gravi u irreparabbli tiddependi minn numru ta’ ċirkustanzi, bħal, b’mod partikolari, l-importanza fuq il-pjan kummerċjali tal-informazzjoni għall-impriża li tipprovdihom u l-utilità ta’ dawn tal-aħħar għal impriżi oħra preżenti fuq is-suq.

    43

    Sa fejn il-President tal-Qorti Ġenerali ddikjara, fil-punt 54 tad-digriet ikkontestat, li, minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni f’dan il-każ, Pilkington ikollha d-drittijiet tagħha kompletament revokati, filwaqt li fil-kawża li tat lok għad-digriet Camar vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, kien hemm sempliċi restrizzjoni tad-drittijiet inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-differenza li teżisti bejn dawn iż-żewġ kawżi ma ċċaħħadx dan id-digriet tal-aħħar mir-rilevanza tiegħu. Fil-fatt, din id-differenza bl-ebda mod ma tbiddel l-obbligu msemmi iktar ’il fuq, li jaqa’ fuq il-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja, li tesponi u tistabbilixxi l-okkorrenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-każ partikolari tagħha.

    44

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ dritt meta kkunsidra, b’mod partikolari fil-punti 44 u 45 tad-digriet ikkontestat, li l-allegat ksur tad-dritt fundamentali ta’ Pilkington għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali tagħha, stabbilit fl-Artikoli 339 TFUE, 8 tal-KEDB u 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt ta’ din il-kumpannija għal appell effettiv, stabbilit fl-Artikoli 6 tal-KEDB u 47 tal-Karta, kien minnu nnifsu biżżejjed biex tiġi stabbilita l-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

    45

    Madankollu, għandu jitfakkar li jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 187 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’dan ir-rigward, mid-digriet ikkontestat, u b’mod partikolari mill-punt 43 tiegħu jirriżulta li d-dannu invokat minn Pilkington għal dak li jirrigwarda informazzjoni fil-kategoriji I u II, jikkonsisti fil-fatt li, ladarba l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ppubblikata, annullament ulterjuri tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ksur tal-Artikolu 339 TFUE u tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali, ma jinvertix l-effetti li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Il-klijenti, il-kompetituri u l-fornituri ta’ Pilkington, l-analisti finanzjarji kif ukoll il-pubbliku inġenerali jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u jużawha liberament, liema ħaġa toħloq dannu gravi u irreparabbli lill-imsemmija kumpannija. Konsegwentement, din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk l-informazzjoni kontenzjuża tiġi kkomunikata qabel ma tkun deċiża l-kawża prinċipali.

    47

    Għandu jiġi rrilevat li d-dannu hekk invokat jippreżenta l-grad ta’ gravità meħtieġ. Fil-fatt, jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-informazzjoni tal-kategoriji I u II kienet koperta mis-sigriet professjonali, il-pubblikazzjoni tagħha tikkawża neċessarjament dannu importanti għal Pilkington, fid-dawl tal-fatt li din hija informazzjoni kummerċjali speċifika li tikkonċerna elementi bħall-identità tal-klijenti, in-numru ta’ dokumenti pprovduti, il-kalkoli tal-prezz u t-tibdiliet tal-prezz.

    48

    Fir-rigward tan-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, huwa effettivament evidenti li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali ma tistax tinverti l-effetti tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-deċiżjoni tal-2008 li fiha l-informazzjoni kontenzjuża, peress li t-teħid ta’ konjizzjoni ta’ din tal-aħħar mill-persuni li qraw din id-deċiżjoni ma titħassarx.

    49

    Madankollu, skont il-Kummissjoni, id-dannu invokat minn Pilkington f’dan il-każ huwa dannu purament finanzjarju, peress li, meta topponi għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni, din il-kumpannija tfittex li tipproteġi interessi kummerċjali u ekonomiċi.

    50

    Issa, dannu ta’ natura monetarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens monetarju huwa, bħala regola ġenerali, kapaċi jreġġa’ lura lill-persuna leża fis-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza tad-dannu (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1991, Abertal et vs Il‑Kummissjoni, C-213/91 R, Ġabra p. I-5109, punt 24). Tali dannu b’mod partikolari jista’ jissewwa fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat fuq il-bażi tal-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1988, Cargill et vs Il‑Kummissjoni, 229/88 R, Ġabra p. 5183, punt 18, u Il‑Kummissjoni vs Euroalliages et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 70).

    51

    F’dan il-każ, kif irrileva bir-raġun il-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tad-digriet ikkontestat, Pilkington tibbaża fuq l-effetti tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni, li jirriżultaw mill-użu liberu tagħha permezz ta’ kategoriji differenti ta’ terzi, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli. Għaldaqstant, id-dannu invokat minn Pilkington huwa kkostitwit, jekk għandu jirriżulta, mill-ħsara mġarrba lill-interessi kummerċjali u ekonomiċi tagħha b’konsegwenza ta’ tali użu. Fil-każ fejn dawn l-interessi kummerċjali u ekonomiċi ta’ Pilkington ikunu leżi minħabba l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni, il-ħlas ta’ kumpens xieraq għandu, għall-inqas fit-teorija, ikun biżżejjed biex isewwi d-dannu invokat. Għaldaqstant, dan tal-aħħar jista’ effettivament jiġi kkwalifikat bħala finanzjarju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, u barra minn hekk ikun, fil-prinċipju, jista’ jissewwa fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

    52

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dannu ta’ natura finanzjarja jista’, b’mod partikolari, jitqies irreparabbli jekk dan id-dannu, anki meta jseħħ, ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il‑Kummissjoni, C‑551/12 P(R), punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    53

    Ċertament, l-inċertezza marbuta mat-tiswija ta’ dannu ta’ natura monetarja fil-kuntest ta’ possibbli rikors għad-danni ma tistax titqies, fiha nfisha, bħala ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fl-istadju ta’ miżuri provviżorji, il-possibbiltà li tinkiseb eventwalment it-tiswija ta’ dannu ta’ natura monetarja fil-kuntest ta’ possibbli rikors għad-danni, li tista’ tiġi ppreżentata wara l-annullament tal-att ikkontestat, hija neċessarjament inċerta. Issa, il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma għandhomx bħala għan li jissostitwixxu lilhom infushom għal tali rikors għad-danni biex jeliminaw din l-inċertezza, peress li l-għan tagħhom huwa biss li jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura li għandha tingħata fil-proċeduri prinċipali li fuqhom ikunu bbażati l-miżuri provviżorji, jiġifieri, f’dan il-każ, rikors għal annullament [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑446/10 P(R), punti 55 sa 57; ara, ukoll, il-punt 36 ta’ dan id-digriet].

    54

    Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tkun differenti meta jkun jidher ċar, mill-evalwazzjoni li twettqet mill-Imħallef tal-miżuri provviżorji, li d-dannu invokat, fid-dawl tan-natura u tal-mod prevedibbli tal-okkorrenza tiegħu, mhux ser ikun jista’ jiġi identifikat u kkalkolat b’mod xieraq jekk jirriżulta u li, fil-prattika, rikors għad-danni ma jistax b’konsegwenza jippermetti li jissewwa. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali speċifika u allegatament kunfidenzjali dwar elementi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari l-identità tal-klijenti, in-numru ta’ dokumenti pprovduti, il-kalkoli tal-prezz u t-tibdil fil-prezz.

    55

    Għandu jiġi kkonstatat li d-dannu li jista’ jkun subit minn Pilkington minħabba l-pubblikazzjoni tal-allegati sigrieti tal-kummerċ tagħha jkun differenti, kemm f’dak li jikkonċerna n-natura kif ukoll il-portata tiegħu, skont jekk il-persuni li jieħdu konoxxenza ta’ dawn tal-aħħar jaqgħux taħt kull waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-punt 43 tad-digriet ikkontestat, jiġifieri l-klijenti tagħha, il-kompetituri tagħha, il-fornituri tagħha, jew ukoll analisti finanzjarji jew persuni li jaqgħu taħt il-pubbliku ġenerali. Fil-fatt, ikun impossibbli li jiġi identifikat in-numru u l-kwalità tal-persuni kollha li kellhom effettivament konoxxenza tal-informazzjoni ppubblikata u li jiġi evalwat għaldaqstant l-impatt konkret li l-pubblikazzjoni ta’ din seta’ jkollha fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi ta’ Pilkington.

    56

    Finalment, għandu jiżdied għall-għanijiet prattiċi kollha, f’dak li jikkonċerna l-argument imressaq mill-Kummissjoni fit-tielet parti tal-appell tagħha, li jgħid li d-digriet ikkontestat għandu wkoll effett negattiv fuq l-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tar-ripressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li dan jista’ japplika wkoll, b’analoġija, fl-istadju tal-aċċess għall-komunikazzjoni tal-ilmenti, li dan il-każ tal-aħħar huwa differenti ħafna minn dak tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tikkonstata l-eżistenza ta’ tali ksur.

    57

    Fil-fatt, meta parti għall-proċedura amministrattiva jkollha aċċess għal verżjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha sigrieti kummerċjali, dan l-aċċess fil-prinċipju jingħata lilha għall-finijiet biss li jippermettilha li tipparteċipa b’mod siewi f’din il-proċedura, b’mod li hija ma jkollhiex id-dritt li tuża l-informazzjoni li fih dan id-dokument għal finijiet oħra. Barra minn hekk, id-dannu li jista’ jirriżulta mill-aċċess għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mogħti lil numru limitat ta’ persuni ferm identifikabbli, ma huwiex paragunabbli, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġi evalwat u, b’mod definittiv, li jiġi kkalkolat, għal dak li jirriżulta mill-pubblikazzjoni fuq l-Internet ta’ deċiżjoni definittiva li tista’ tiġi kkonsultata mill-persuni kollha.

    58

    Għaldaqstant, minn dak li ġie deċiż fil-punti 51 sa 55 ta’ dan id-digriet ma jistax jiġi dedott li l-fatt, għall-Kummissjoni, li tingħata aċċess għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet neċessarjament jista’ jagħti lok għal dannu gravi u irreparabbli, bl-istess mod li hija l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur.

    59

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa bir-raġun li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet sodisfatta f’dan il-każ, peress li l-okkorrenza probabbli, għal Pilkington, ta’ dannu gravi u irreparabbli kienet stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt.

    60

    B’konsegwenza, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar fumus boni juris flimkien mal-kundizzjoni dwar l-urġenza

    L-argumenti tal-partijiet

    61

    Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, imqajjem sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali impona fuqha, b’mod partikolari fil-punt 59 tad-digriet ikkontestat, l-oneru li tipprova l-assenza ta’ fumus boni juris billi turi li n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni kienet manifestament nieqsa.

    62

    Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, in-natura ftit jew wisq serja tal-motivi invokati sabiex jiġi stabbilit il-fumus boni juris tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji matul l-evalwazzjoni tal-urġenza u, jekk ikun il-każ, matul l-evalwazzjoni tal-interessi. Peress li l-President tal-Qorti Ġenerali kien ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-urġenza b’mod esklużiv fuq il-fatt li l-iżvelar kollu ta’ informazzjoni kunfidenzjali jagħti lok għal ksur tad-drittijiet fundamentali, ma jistax jillimita ruħu għal analiżi astratta tal-kundizzjoni dwar fumus boni juris. Skont il-Kummissjoni, ma kinitx ir-responsabbiltà tagħha li turi li din l-informazzjoni ma kinitx manifestament kunfidenzjali, iżda kienet Pilkington li kellha l-obbligu li tistabbilixxi n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni, liema fatt kien iktar diffiċli peress li din tal-aħħar kellha data ta’ iktar minn ħames snin.

    63

    Il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-President tal-Qorti Ġenerali talli injora, fil-punti 69 u 70 tad-digriet ikkontestat, il-fatt li kien l-obbligu tal-Uffiċjal tas-Seduta mhux li juri li ċerta informazzjoni ma kinitx kunfidenzjali, iżda biss li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk Pilkington kinitx immotivat b’mod suffiċjenti t-talbiet tagħha ta’ kunfidenzjalità. L-argumenti tal-Kummissjoni, għaldaqstant, ġew żnaturati, peress li din tal-aħħar kienet ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni kellha data ta’ iktar minn ħames snin u kienet maqsuma mill-membri fl-akkordju mhux biex teskludi b’mod ġenerali n-natura kunfidenzjali ta’ din tal-aħħar, iżda biss biex tfakkar li kien l-obbligu ta’ Pilkington li tispjega, f’dak li jikkonċerna kull element, ir-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni li għandha data ta’ iktar minn ħames snin u magħrufa mill-membri l-oħra tal-akkordju kienet għadha kunfidenzjali. L-aċċettazzjoni ta’ wħud mit-talbiet ta’ kunfidenzjalità ta’ Pilkington mill-Uffiċjal tas-Seduta, minflok ma tippreżenta natura mhux koerenti, turi li dan tal-aħħar kien dispost jaċċetta dawn it-talbiet, peress li Pilkington kienet ressqet motivi suffiċjenti biex tiġġustifika t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni.

    64

    Skont Pilkington, il-President tal-Qorti Ġenerali applika b’mod korrett il-ġurisprudenza stabbilita li teħtieġ evalwazzjoni konkreta tal-argumenti tal-parti li titlob miżura provviżorja, sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex sodisfatta l-kundizzjoni dwar fumus boni juris. Hija tirrileva li l-applikazzjoni ta’ standard tal-prova ogħla minn dak tal-fumus boni juris tkun kuntrarja għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-miżuri provviżorji u assolutament ma hijiex parti mill-evalwazzjoni provviżorja li għandu jwettaq l-Imħallef għal miżuri provviżorji. F’kull każ, Pilkington issostni li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma mhux biss żbaljati, iżda irrilevanti f’dan il-każ, peress li hija effettivament kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta’ fumus boni juris, hekk kif ammetta l-President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 67 sa 72 tad-digriet ikkontestat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    Permezz ta’ dan it-tieni aggravju, ibbażat fuq allegat żball tad-dritt fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar fumus boni juris flimkien mal-kundizzjoni dwar l-urġenza, il-Kummissjoni tikkritika lill-President tal-Qorti Ġenerali, essenzjalment, talli wettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-kundizzjoni dwar fumus boni juris, fejn tali inverżjoni hija saħansitra iktar kritikabbli, skont din, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali adotta interpretazzjoni wiesgħa wisq għall-kundizzjoni dwar l-urġenza.

    66

    Fid-dawl tas-sostituzzjoni tal-motivi li saret fil-punti 46 et seq ta’ dan id-digriet, għandhom jiġu miċħuda immedjatament l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-effetti fuq l-analiżi tal-fumus boni juris tal-approċċ adottat mill-President tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-urġenza. Fil-fatt, minħabba li din il-kundizzjoni hija minn issa kkunsidrata bħala sodisfatta mhux minħabba sempliċi ksur tad-drittijiet fundamentali inkwantu tali, iżda, essenzjalment, minħabba l-impossibbiltà li jiġi kkalkolat id-dannu invokat b’mod adegwat f’dan il-każ, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

    67

    Skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 58 tad-digriet ikkontestat, ir-rekwiżit dwar il-fumus boni juris huwa sodisfatt meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, mhux nieqes minn bażi serja, [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 26, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Artegodan et, C-39/03 P-R, Ġabra p. I-4485, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata]. B’mod partikolari, dan huwa l-każ, kif irrileva korrettament il-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tad-digriet ikkontestat, peress li wieħed mill-aggravji avvanzati juri l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni għalihom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta mid-diskussjoni bejn il-partijiet tirriżulta l-eżistenza ta’ disputa legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30).

    68

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, meta, fil-punt 59 tad-digriet ikkontestat, iddeċieda li, għal dak li jirrigwarda l-kontenzjuż dwar il-protezzjoni provviżorja ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bir-riskju li ma jiġix rikonoxxut il-karattru intrinsikament aċċessorju u provviżorju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, jista’ biss, bħala prinċipju, jiddeċiedi li ma hemmx fumus boni juris fil-każ fejn il-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni jkun manifestament nieqes, il-President tal-Qorti Ġenerali ma riedx jevita l-formoli użati fil-punt 58 tad-digriet ikkontestat. Bl-istess mod, għandu jitqies li, billi jirrileva, fil-punt 67 ta’ dan id-digriet, li, mingħajr ħsara għall-valur tal-argumenti magħmula mill-Kummissjoni, li l-fondatezza tagħhom ser tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, il-proċess ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas manifest ta’ fumus boni juris, il-President tal-Qorti Ġenerali sempliċement enfasizza l-bżonn, f’kawża li tikkonċerna l-pubblikazzjoni possibbli ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li ma tiġix ippreġudikata l-kawża fuq il-mertu, fl-istadju tal-evalwazzjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji.

    69

    F’kull każ, il-President tal-Qorti Ġenerali bbaża l-analiżi konkreta tiegħu tal-fumus boni juris fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi li jikkorrispondu effettivament għar-regoli fil-qasam tal-provi u tal-oneru tal-prova esposti fil-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 58 tad-digriet ikkontestat u approvati fil-punt 67 ta’ dan id-digriet.

    70

    Fil-fatt, fil-punt 68 tad-digriet ikkontestat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li, fid-dawl tal-volum tal-informazzjoni koperta mit-talbiet ta’ kunfidenzjalità, l-eżami ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji meta ċaħdet il-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet għal kunfidenzjalità kien qajjem kwistjonijiet kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom jixirqilha eżami dettaljat, li ma setax isir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

    71

    Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova, fil-punt 69 tad-digriet ikkontestat, meta kkunsidra li l-fatt li l-Uffiċjal tas-Seduta rrikonoxxa l-karattru sigriet ta’ ċerta informazzjoni, kemm fil-kategorija I kif ukoll fil-kategorija II, kien idgħajjef l-argument ta’ dan tal-aħħar li jgħid li din l-informazzjoni, minħabba l-fatt li ġiet skambjata bejn il-membri tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi, inbidlet f’data ġeneralment magħrufa, u lanqas meta wasal għall-konklużjoni li tgħid li ma kienx jidher li l-fatt li Pilkington għarrfet din l-informazzjoni lill-membri l-oħra ta’ dan il-kartell, ma kien manifestament ifisser li din l-informazzjoni kienet aċċessibbli, jekk mhux għall-pubbliku inġenerali, għall-inqas f’ċerti ambjenti speċjalizzati. Fil-fatt, prima facie, dawn id-deduzzjonijiet, li bihom il-President tal-Qorti Ġenerali rrisponda għall-argumenti speċifiċi avvanzati mill-Kummissjoni, jidhru loġiċi u ma juru, fil-prinċipju, ebda żball ta’ dritt.

    72

    Sa fejn il-President tal-Qorti Ġenerali ddeduċa wkoll minn din l-istess ċirkustanza, fl-imsemmi punt 69, li l-informazzjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi globalment ikkwalifikata bħala manifestament nieqsa min-natura sigrieta jew kunfidenzjali, hemm lok, madankollu, li jiġi enfasizzat li l-Uffiċjal tas-Seduta għandu jeżamina kull informazzjoni individwalment u li l-konklużjoni tiegħu fuq informazzjoni ma għandha b’konsegwenza ebda effett, fil-prinċipju, fuq l-evalwazzjoni li għandu jwettaq fuq l-oħrajn. Madankollu, għall-finijiet ta’ dan l-appell, biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni ma kinitx indispensabbli għar-raġunament li segwa l-President tal-Qorti Ġenerali u ma tappoġġjax, f’kull każ, it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li dan tal-aħħar kien wettaq żball ta’ dritt li jikkonsisti f’li jevita l-istandard tal-prova mfakkar fil-punt 58 tad-digriet ikkontestat u approvat fil-punt 67 ta’ dan id-digriet, jew biex jiġi invertit l-oneru tal-prova.

    73

    Il-President tal-Qorti Ġenerali lanqas ma inverta l-oneru tal-prova meta qies, fil-punt 70 tad-digriet ikkontestat, li l-argumenti speċifiċi u dettaljati invokati minn Pilkington, miġbura fil-punti 63 sa 65 tad-digriet ikkontestat, ma kinux irrilevanti għal kollox għall-finijiet li jintwera li l-informazzjoni tal-kategoriji I u II kienet baqgħet sigrieta minħabba n-natura tagħha stess, minkejja l-fatt li hija kellha data ta’ iktar minn ħames snin, jew billi jiġi rrilevat li ma setgħax jiġi “manifestament eskluż” li r-regola eċċezzjonali, li tinsab fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), hija rilevanti. Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-osservazzjonijiet, huwa sempliċement ikkonstata li l-imsemmija argumenti kienu jidhru, prima facie, mhux neqsin minn bażi serja, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ dan id-digriet.

    74

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq ebda żball ta’ dritt fl-applikazzjoni li huwa għamel tar-rekwiżit dwar fumus boni juris u li, b’konsegwenza, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

    75

    Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, peress li l-argumenti mressqa fit-tielet parti ta’ dan tal-aħħar bl-ebda mod ma jikkostitwixxu aggravji tal-appell.

    Fuq l-ispejjeż

    76

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Pilkington.

     

    Għal dawn il-motivi, il-viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    nach oben