Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0626

Kawża C-626/13 P: Appell ippreżentat fid- 29 ta’ Novembru 2013 minn Villeroy & Boch Austria GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis- 16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch Austria GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 39, 8.2.2014, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/12


Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013 minn Villeroy & Boch Austria GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, Villeroy & Boch Austria GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-626/13 P)

2014/C 39/18

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Villeroy & Boch Austria GmbH (rappreżentanti: A Reidlinger u J. Weichbrodt, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi magħquda T-373/10, T-374/10, T-382/10 u T-402/10, sa fejn din tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-appellanti;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-konvenuta C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mis-sentenza appellata, sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta kontra l-appellanti mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010;

iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ allegat ksur fl-Awstrija huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat is-sentenza fuq konstatazzjonijiet u motivazzjonijiet li ma kinux is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jew tal-ilmenti. Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta li diversi argumenti rilevanti mressqa minnha ma ttiħdux inkunsiderazzjoni jew ġew irrappreżentati skorrettament.

(2)

Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali legalment ikkwalifikat diversi prattiki bi ksur uniku, kumpless u kontinwu (single complex and continuous infringement, iktar ’il quddiem “SCCI”), meta dawn il-prattiki kienu indipendenti kemm skont il-liġi kif ukoll skont il-fatti u li tali kwalifika ma kinitx iġġustifikata minħabba li l-prattiki kkunsidrati flimkien ma kinux komplementari. Fl-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, il-kunċett ġuridiku ta’ SCCI jikser il-prinċipju ta’ smigħ xieraq.

(3)

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fit-twettiq tal-hekk imsejħa “light review” u tallega li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx korrettament il-kontroll tagħha u għalhekk ma żguratx l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilit fid-dritt tal-Unjoni.

(4)

Fil-kuntest tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-multa ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali hija fi kwalunkwe każ sproporzjonata. Fid-dawl tal-fatt li ċerti provi inkriminanti kienu annullati mill-Qorti Ġenerali u li provi oħra għandhom ukoll jiġu annullati minħabba motivazzjoni legali żbaljata, la tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata u lanqas bħala legali ż-żamma tas-sanzjoni legali massima imposta mill-Qorti Ġenerali (jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp). Peress li l-parti l-kbira tal-fatti mressqa sabiex jiġġustifikaw il-ksur ma kinux validi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tan-nuqqas manifest ta’ prova u ta’ rabta kawżali kif ukoll tan-natura mhux imputabbli tal-prattiki, li SCCI twettaq għal għaxar snin fir-rigward ta’ 3 gruppi ta’ prodotti f’6 pajjiżi differenti. Jekk ikun possibbli, jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat jekk ksur speċifiku twettaqx fuq livell lokali, tali ksur fl-ebda każ ma jiġġustifika l-gravità tas-sanzjoni imposta. Il-kawża inkwistjoni hija ’l bogħod milli tikkostitwixxi każ serju ħafna, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u għalhekk naqset milli serjament tikkunsidra l-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandha tinterpreta.


Top