Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0597

    Kawża C-597/13 P: Appell ippreżentat fit- 22 ta’ Novembru 2013 minn Total SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit- 13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-548/08, Total SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 45, 15.2.2014, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/18


    Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013 minn Total SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-13 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-548/08, Total SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-597/13 P)

    2014/C 45/33

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Total SA (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery, E. Lagathu, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellant

    Prinċipalment:

    tannulla fl-intier tagħha, abbażi tal-Artikoli 256 TFUE u 56 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2013, Total vs Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Kawża T-548/08;

    tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;

    konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Candle Waxes) sa fejn din tikkonċerna lil Total;

    sussidjarjament, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ bidla bbażata fuq l-Artikolu 261 TFUE biex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta lil Total.

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minn Total quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji prinċipali u tliet aggravji sussidjarji.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju billi adottat żewġ sentenzi fl-istess ġurnata li wasslu sabiex inbidlet in-natura tar-responsabbiltà imputata lill-appellanti u, konsegwentement, sabiex din ġiet aggravata.

    Fit-tieni lok, l-appellanti tqajjem żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, billi baqgħet lura milli tannulla d-deċiżjoni minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ bidla, ibbażata fuq l-Artikolu 261 TFUE.

    Fit-tielet lok, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ bidla bbażata fuq l-Artikolu 261 TFUE, billi rrifjutat li tnaqqas il-multa tal-appellanti bl-istess proporzjonijiet bħal fil-każ tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja Total Raffinage Marketing. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħa tagħha ta’ bidla, billi bidlet in-natura solidali u unika tar-responsabbiltà tal-appellanti u tas-sussidjarja, filwaqt li hija awtorizzata tbiddel biss l-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent li tirriżulta mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

    Fir-raba’ lok, l-appellanti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ bidla sabiex tannulla jew tbiddel l-ammont tal-multa.

    Fil-ħames lok, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel b’mod limitat l-ammont tal-multa għall-finijiet li tallinjaha ma’ din mogħtija kontra s-sussidjarja Total Raffinage Marketing, fil-Kawża T-566/08.

    Fl-aħħar lok, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel l-ammont bażiku tal-multa għall-finijiet li tallinjaha ma’ dik tal-multa imposta lis-sussidjarja Total Raffinage Marketing, fil-Kawża T-566/08, jew fil-każ ta’ appell, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq appell jekk din tal-aħħar tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, jew fis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali wara li jkun sar rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja.


    Top