Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0362

    Kawża C-362/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit- 28 ta’ Ġunju 2013 — Maurizio Fiamingo vs Rete Ferroviaria Italiana SpA

    ĠU C 260, 7.9.2013, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 260, 7.9.2013, p. 21–21 (HR)

    7.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 260/29


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-28 ta’ Ġunju 2013 — Maurizio Fiamingo vs Rete Ferroviaria Italiana SpA

    (Kawża C-362/13)

    2013/C 260/52

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Corte suprema di cassazione

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Maurizio Fiamingo

    Konvenuta: Rete Ferroviaria Italiana SpA

    Domandi preliminari

    (1)

    Il-klawżoli tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat riprodott fid-Direttiva 1999/70/KE (1) huma applikabbli għax-xogħol fis-settur nawtiku? B’mod partikolari, il-klawżola 2(1), tikkonċerna wkoll il-ħaddiema għal żmien determinat impjegati fuq ferry-boats li jagħmlu kollegamenti ta’ kuljum?

    (2)

    Il-ftehim qafas riprodott fid-Direttiva 1999/70/KE, u b’mod partikolari l-klawżola 3(1), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi (Artikolu 332 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li t-“tul”, u mhux it-“terminu”, tal-kuntratt għandu jiġi indikat? Huwa kompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi previst it-tul tal-kuntratt bl-indikazzjoni ta’ tmiem finali ċert fir-rigward tal-eżistenza tiegħu (massimu ta’ 78 ġurnata) iżda mhux fir-rigward ta’ meta jiġi fi tmiemu?

    (3)

    Il-ftehim qafas riprodott fid-Direttiva 1999/70/KE, u b’mod partikolari l-klawżola 3(1), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikoli 325, 326 u 332 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li tikkunsidra li r-raġunijiet oġġettivi tal-kuntratt għal żmien determinat huma kkostitwiti mis-sempliċi indikazzjoni tal-vjaġġ jew vjaġġi li għandhom isiru, fejn b’hekk jikkoinċidu essenzjalment l-għan tal-kuntratt (il-prestazzjoni) mal-kawża tiegħu (il-motiv tal-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat)?

    (4)

    Il-ftehim qafas riprodott fid-Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (f’dan il-każ, il-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li, f’każ ta’ rikors għal kuntratti suċċessivi (ta’ natura li jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-klawżola 5), teskludi t-trasformazzjoni tagħhom f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat (miżura prevista mill-Artikolu 326 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni biss fl-ipoteżi fejn il-persuna impjegata taħdem b’mod mhux interrott għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn sena u fl-ipoteżi fejn ikun għadda terminu massimu ta’ sittin ġurnata bejn it-tmiem ta’ kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt segwenti)?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


    Top