EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0127

Kawża C-127/13 P: Appell ippreżentat fil- 15 ta’Marzu 2013 minn Guido Strack mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil- 15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-392/07 — Guido Strack vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 147, 25.5.2013, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 147/14


Appell ippreżentat fil-15 ta’Marzu 2013 minn Guido Strack mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-392/07 — Guido Strack vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-127/13 P)

2013/C 147/24

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Guido Strack (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013 mogħtija fil-Kawża T-393/07 sa fejn ma laqgħatx, jew ma laqgħatx kompletament, it-talbiet tar-rikorrent;

tiddeċiedi billi tilqa’ t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawża T-392/07;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha l-Kawża T-392/07 ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka disa’ aggravji:

(1)

Inkompetenza tal-kulleġġ ġudikanti u żbalji konnessi ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ksur konness tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, tal-Artiklu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Istatut tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 12 u 13(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta’ regoli ta’ dritt oħrajn dwar l-hekk imsejħa assenjazzjoni mill-ġdid lil Awla oħra waqt il-proċedura;

(2)

Irregolaritajiet fil-proċedura u ksur tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEBD u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal smigh xieraq flimkien ma’ nuqqas ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti, imputabbli għal: nuqqas ta’ trattament tal-kawża skont proċedura mħaffa; restrizzjonijiet inammissibbli tal-possibbiltajiet tar-rikorrent li jesprimi ruħu u r-rifjut li tiġi aċċettata nota intiża għar-rettifika tar-rapport għas-seduta; stħarriġ ġudizzjarju insuffiċjenti tad-dokumenti u ċaħda tat-talba korrispondenti tar-rikorrent li jiġu eżaminati in camera d-dokumenti kollha; żnaturament tal-fatti; stħarriġ ġudizzjarju insuffiċjenti u ksur tal-prinċipji ta’ tqassim tal-oneru tal-prova u tad-dritt għal smigħ xieraq fir-rigward tal-kwisjtoni tal-kompletezza tad-dokumenti msemmija u tan-numru tal-applikazzjonijiet għal aċċess konkretament ippreżentati skont ir-Regolament Nru 1049/2001; tul eċċessiv tal-proċedura u trattament illegali tat-talbiet korrispondenti għall-ħlas ta’ kumpens;

(3)

Il-formulazzjoni u l-estensjoni tal-punt 1 tad-dispożittiv u s-siltiet mis-sentenza li huma bbażati fuqu huma vvizzjati minn żball ta’ liġi, nuqqas ta’ preċiżjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni, flimkien ma’ żnaturament tal-fatti u b’mod partikolari nuqqas li tiġi rrikonoxxuta l-kontinwità tal-interess ġuridiku tar-rikorrent.

(4)

Żnaturament tal-fatti, nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-portata tat-talba tar-rikorrent intiża li jikseb l-aċċess għad-dokumenti fil-Kawża T-110/04;

(5)

Żball ta’ liġi, żnaturamenti tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni u l-intepretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 1049/2001 flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(6)

Żball ta’ liġi, żnaturamenti tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001;

(7)

Żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba għal danni fir-rikors u b’mod partikolari ksur tal-prinċipji ta’ miżuri ta’ istruttorji u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

(8)

Ksur tal-prinċipju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ ċaħda ta’ talba tar-rikorrent fil-punt 90 tas-sentenza fil-Kawża T-392/0;

(9)

Żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


Top