Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0084

    Kawża C-84/13 P: Appell ippreżentat fil- 21 ta’ Frar 2013 minn Electrabel SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit- 12 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-332/09, Electrabel vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 129, 4.5.2013, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/6


    Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2013 minn Electrabel SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-332/09, Electrabel vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-84/13 P)

    2013/C 129/12

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Electrabel SA (rappreżentanti: M. Pittie u P. Honoré, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

    bħala konsegwenza, tannulla s-sentenza appellata fejn tikkundanna lil Electrabel tħallas multa għal ammont ta’ EUR 20 miljun;

    bħala konsegwenza:

    jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni ġdida;

    jew tagħti deċiżjoni definittiva billi tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkundanna lil Electrabel tħallas multa għal ammont ta’ EUR 20 miljun jew tnaqqis b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ din il-multa;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha ppreżentat kontra s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Ġunju 2009, li kkundannat lil Electrabel għal multa ta’ EUR 20 miljun talli kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 (1), dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14.3 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, peress li kkunsidrat l-allegat “tul” tal-ksur bħala element ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-multa, filwaqt li dan l-artikolu jipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jiġi stabbilit unikament skont in-“natura” u s-“serjetà” tal-ksur.

    Fit-tieni lok, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma osservatx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi, peress li applikat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (2) għal konċentrazzjoni mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u li għalhekk taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89.

    Fl-aħħar lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kif ukoll kontradizzjoni ta’ motivi peress li kklassifikat il-ksur meqjus kontra Electrabel bħala kontinwu, filwaqt li dan kien ksur istantanju.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


    Top