Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0081

    Kawża C-81/13: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Frar 2013 — Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 114, 20.4.2013, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/26


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2013 — Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-81/13)

    2013/C 114/41

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: C. Murrell, aġent, A. Dashwood QC)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/776/UE, tas-6 ta’ Diċembru 2012, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (1);

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    (1)

    Permezz ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq qiegħed jitlob l-annullament, skont l-Artikolu 264 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/776/UE, tas-6 ta’ Diċembru 2012, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

    (2)

    Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    (i)

    tannulla d-Deċiżjoni;

    (ii)

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    (3)

    L-Artikolu 48 TFUE huwa l-bażi legali sostantiva speċifikata fid-Deċiżjoni.

    (4)

    Il-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropew għall-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom.

    (5)

    Ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 48 TFUE ma jistax iservi ta’ bażi legali sostantiva ta’ miżura intiża li jkollha tali konsegwenzi. Din hija dispożizzjoni intiża li tiffaċilita moviment liberu, għal ċittadini ta’ Stati Membri, fi ħdan is-suq intern. Il-bażi legali korretta hija l-Artikolu 79(2)(b) TFUE. Dan jikkonferixxi kompetenza għall-adozzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw “id-definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra”. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi preċiżament tali miżura.

    (6)

    L-Artikolu 79(2)(b) TFUE jinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Skont il-Protokoll 21 għat-Trattati, il-miżuri adottati taħt it-Titolu V ma japplikawx għar-Renju Unit (jew l-Irlanda) sakemm dan ma jinnotifikax l-intenzjoni tiegħu li “jipparteċipa” fihom. Permezz tal-għażla żbaljata tal-Artikolu 48 TFUE minflok l-Artikolu 79(2)(b) TFUE bħala l-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni, il-Kunsill irrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tar-Renju Unit li ma jiħux sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni u li ma jkunx marbut biha.

    (7)

    L-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/776/UE għaldaqstant huwa mitlub għar-raġuni li din ġiet adottata fuq il-bażi legali żbaljata, bil-konsegwenza li d-drittijiet tar-Renju Unit taħt il-Protokoll 21 ma ġewx rikonoxxuti.

    (8)

    Insostenn tat-teżi tiegħu, ir-Renju Unit jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet espliċiti tal-Artikolu 48 u l-Artikolu 79(2)(b) TFUE, interpretati fil-kuntest tat-Trattat u fid-dawl tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, huwa jibbaża ruħu fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/776/UE hija kważi identika għal disa’ deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati skont Ftehim ta’ Assoċjazzjoni oħra abbażi tal-Artikolu 79(2)(b).


    (1)  ĠU L 340, p. 19.


    Top