Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0071

    Kawża C-71/13 P: Appell ippreżentat fil- 11 ta’ Frar 2013 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit- 13 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-588/10, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 101, 6.4.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 101/13


    Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2013 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-588/10, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-71/13 P)

    2013/C 101/27

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellant: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u E. Leftheriotou)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellant

    tilqa’ l-appell u tannulla kompletament is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-UE, skont kif espost f’iktar dettall iktar ’il quddiem;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Permezz tal-ewwel aggravju għal annullament dwar is-settur tat-tabakk, ir-Repubblika Ellenika ssostni dan li ġej:

    (1)

    ksur tad-dritt tal-Unjoni — interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005;

    (2)

    il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-primjum għat-tabakk ġew iddefiniti b’mod restrittiv u esklużiv permezz tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2075/92 (1) u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat, illegalment, li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2848/1998 (2) leġittimament impona, bħala kundizzjoni supplimentari għall-għoti tal-primjum, il-kunsinna tat-tabakk lill-impriża li tieħu ħsieb l-ewwel ipproċessar bejn it-30 ta’ April tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad, filwaqt li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2848/1998, li jċaħħad lill-agrikoltur mill-primjum kollu fil-każ ta’ kunsinna tardiva, anki b’ġurnata, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità flimkien mal-Artikolu 39(1)(b) TFUE u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2075/92;

    (3)

    ksur tad-dritt tal-Unjoni — interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2848/1998 (fir-rigward tal-kunsinni tardivi ta’ tabakk);

    (4)

    motivazzjoni kontradittorja tas-sentenza appellata u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2848/1998 (fir-rigward tat-trasferiment tal-kuntratti ta’ koltivazzjoni); u

    (5)

    interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2075/92 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2848/1998 (fir-rigward tal-użu ta’ bini u ta’ tagħmir mikrija mill-impriża li tieħu ħsieb l-ewwel ipproċessar).

    Permezz tat-tieni aggravju għal annullament dwar is-settur tal-għeneb imqadded, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet:

    (1)

    interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1621/1999 (3), fir-rigward tal-kunċett ta’ diżastri naturali; u

    (2)

    interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni tal-orjentamenti li tikkonċerna r-rettifiki f’forma ta’ somom f’daqqa fis-settur tal-għeneb imqadded (għas-sultana fir-rigward tal-ħsad tal-2004 u 2005 u għall-għeneb imqadded ta’ Kórinthos fir-rigward tal-ħsad tal-2005), inkwantu ma jirriżultawx il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ rettifika ta’ 25 %, fejn għalhekk is-sentenza hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti.

    Permezz tat-tielet aggravju għal annullament fis-settur tal-prodotti minn art li tinħarat, jirriżulta:

    (1)

    ksur tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-bażi legali tar-rettifika, minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (4), fejn l-Artikolu 31 biss tar-Regolament Nru 1290/05 (5) jikkostitwixxi bażi legali validu; u

    (2)

    ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni, fl-assenza ta’ adattament tal-orjentamenti li jikkonċernaw ir-rettifiki f’forma ta’ somom f’daqqa tal-politika agrikola komuni (PAK) preċedenti għall-PAK ġdida, fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-verifiki ewlenin u l-verifiki sekondarji, motivazzjoni insuffiċjenti kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, fejn il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jikkostitwixxi espressjoni speċifika tagħhom, sa fejn il-perċentwali tar-rettifiki f’forma ta’ somom f’daqqa kienu jikkonċernaw is-sistemi ta’ verifika differenti u l-adattament imfakkar mill-orjentamenti msemmija iktar ’il fuq seħħ f’Ġunju 2006 u għaldaqstant ma setax japplika għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2006.

    Permezz tar-raba’ aggravju għal annullament dwar in-natura kundizzjonali, ir-Repubblika Ellenika tqis li l-Qorti Ġenerali kisret, fis-sentenza, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

    Permezz tal-ħames aggravju għal annullament, dwar il-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew li jaqgħu taħt il-POSEI (Programm ta’ Għażliet Speċifiċi għat-Tbegħid u għall-Insularità), ir-Repubblika Ellenika ssostni l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tat-terminu raġjonevoli u ta’ prontezza fl-azzjoni tal-UE.

    Permezz tas-sitt aggravju għal annullament, dwar is-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tan-nagħaġ u tal-mogħoż, qed jiġu sostnuti l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 8 tar-Regolament Nru 1663/95 (6) u 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, kif ukoll tal-Artikoli 12 u 24(2) tar-Regolament Nru 2419/01 (7), il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u motivazzjoni difettuża.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tat-tabakk mhux ipproċessat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 29).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2848/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 dwar l-iskema ta’ premju, kwoti ta’ produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lil gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk mhux maħdum (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24 p. 25)

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1621/1999, tat-22 ta’ Lulju 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-għajnuna għat-tkabbir tal-għeneb biex jipproduċi ċerti varjetajiet ta’ għeneb imqadded (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 163).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).

    (5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1).

    (6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31).

    (7)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 308).


    Top