Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0067

    Kawża C-67/13 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Frar 2013 minn Groupement des cartes bancaires (CB) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid- 29 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-491/07, CB vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 114, 20.4.2013, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/24


    Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2013 minn Groupement des cartes bancaires (CB) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-29 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-491/07, CB vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-67/13 P)

    2013/C 114/38

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Groupement des cartes bancaires (CB) (rappreżentanti: F. Pradelles, avukat, J. Ruiz Calzado, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, BNP Paribas, BPCE, li qabel kienet Caisse Nationale des Caisses d’Epargne et de Prévoyance (CNCEP), Société générale

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Novembru 2012, mogħtija fil-Kawża T-491/07, CB vs Il-Kummissjoni;

    tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija terġa’ tiddeċiedi, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5060 finali, tas-17 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (COMP/D1/38606 — Groupement des cartes bancaires “CB”);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, inkluż l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-għan.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-miżuri ta’ Groupement des cartes bancaires “CB” (iktar ’il quddiem “Groupement”). B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni dovuta għall-għan billi kkunsidrat li l-miżuri msemmija iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu restrizzjoni dovuta għall-għan, minkejja li dawn fihom infushom ma kinux suffiċjentement ta’ dannu għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi oħra billi kkunsidrat l-“oriġini” tal-adozzjoni tal-miżuri. Fil-fatt, hija interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, inkwantu espressjoni tar-rieda ta’ Groupement, u żnaturat il-provi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkonstata intenzjoni antikompetittiva ta’ Groupement fl-adozzjoni tal-miżuri mqiegħda inkwistjoni.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-miżuri ta’ Groupement. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza billi kkunsidrat li l-ġlieda kontra l-parasitiżmu, għan leġittimu msemmi mill-miżuri adottati minn Groupement u rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali, seta’ jiġi kkunsidrat biss fl-istadju tal-Artikolu 101(3) TFUE minflok tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-kuntest korrett tal-miżuri ta’ Groupement. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku, billi wettqet żball dwar l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza stabbilita. Hija b’mod partikolari interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C-209/07, Beef Industry Development u Barry Brothers, tal-20 ta’ Novembru 2008, billi riedet tqarreb din is-sentenza mal-kawża inkwistjoni anki jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet huma fundamentalment differenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet bosta żbalji ta’ liġi fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u tal-funzjonament doppju tas-suq f’din it-tilwima. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza dwar in-natura u l-portata tal-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, billi naqset milli twettaq l-istħarriġ a minima impost fuqha.

    Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-effett. Il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-effetti tal-miżuri ta’ Groupement. Fil-fatt, billi naqset milli twieġeb għall-motivi mqajma mill-appellanti dwar l-effetti allegatament antikompetittivi tal-miżuri, hija naqset milli tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali billi ma annullatx l-ordni li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5060 finali. Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa kkaratterizzat miż-żamma tal-ordni imposta mill-Kummissjoni anki jekk din mhux biss ma kinitx meħtieġa sabiex jintemm l-allegat ksur ikkonstatat, iżda kienet ukoll disproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ma annullatx l-ordni msemmija iktar ’il fuq, anki jekk kliemha huwa ġenerali u ambigwu, u ħalliet lil Groupement fl-inċertezza dwar il-miżuri li hija tista’ tieħu biex tiġġieled kontra l-parasitiżmu u tiżgura l-protezzjoni tas-sistema “CB”.


    Top