This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0616
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 9 June 2016.#Productos Asfálticos (PROAS), SA v European Commission.#Appeal — Agreements, decisions and concerted practices — Article 81 EC — Spanish market for penetration bitumen — Market sharing and price coordination — Excessive duration of the proceedings before the General Court of the European Union — Excessive duration of the procedure before the European Commission — Appeal on the costs.#Case C-616/13 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Productos Asfálticos (PROAS), SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Artikolu 81 KE – Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Appell dwar l-ispejjeż.
Kawża C-616/13 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Productos Asfálticos (PROAS), SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Artikolu 81 KE – Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Appell dwar l-ispejjeż.
Kawża C-616/13 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:415
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Appell — Akkordji — Artikolu 81 KE — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea — Appell dwar l-ispejjeż”
Fil-Kawża C‑616/13 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013,
Productos Asfálticos (PROAS) SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn C. Fernández Vicién, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn A. J. Rivas, avukat,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Productos Asfálticos (PROAS) SA, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, PROAS vs Il-Kummissjoni (T‑495/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:452), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali, tat‑3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] [Każ COMP/38.710 - Bitum (Spanja)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernaha kif ukoll, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003
2 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi li “l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni [u li hija] tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”. |
Il-linji gwida tal-1998
3 |
Il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu [65(5) KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) jipprovdu fil-punt 1.A, iddedikat għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur: “A. Gravità Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti. Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna. [...]
Dawn ġeneralment ikunu restrizzjonijiet orriżontali bħal konsorzji ta’ prezzjiet u kwota tas-sehem tas-suq [...] Multi applikabbli: aktar minn [EUR] 20 miljun. [...]” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 89 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej. |
5 |
Il-prodott ikkonċernat mill-ksur huwa l-bitum ta’ penetrazzjoni, jiġifieri bitum li ma jkunx ġie ttrasformat u li jintuża għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tat-toroq. |
6 |
Is-suq Spanjol tal-bitum jinkludi, minn naħa, tliet produtturi, il-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS u BP, u, min-naħa l-oħra, importaturi, li fosthom jinsabu l-gruppi Nynäs u Petrogal. |
7 |
Il-grupp CEPSA‑PROAS huwa grupp internazzjonali ta’ kumpanniji fis-settur tal-enerġija kkwotat fil-Borża u li huwa preżenti f’diversi pajjiżi. PROAS, li hija 100 % sussidjarja ta’ Compañía Española de Petróleos (CEPSA) SA mill-1 ta’ Marzu 1991, tbigħ bitum prodott minn din u tipproduċi kif ukoll tbigħ prodotti oħra tal-bitum. |
8 |
Wara talba għal immunità ppreżentata fl-20 ta’ Ġunju 2002 minn waħda mill-kumpanniji tal-grupp BP b’applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), saru verifiki fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002 fi ħdan kumpanniji tal-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS, BP, Nynäs u Petrogal. |
9 |
Fis-6 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati l-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). |
10 |
Permezz ta’ faks, tal-31 ta’ Marzu 2004 u tal-5 ta’ April 2004, rispettivament, kumpanniji tal-grupp Repsol kif ukoll PROAS ippreżentaw lill-Kummissjoni talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-impriża. |
11 |
Wara li indirizzat erba’ talbiet oħra għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bdiet formalment proċedura u, mill-24 sat‑28 ta’ Awwissu 2006, innotifikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji kkonċernati tal-gruppi BP, Repsol, CEPSA-PROAS, Nynäs u Petrogal. |
12 |
Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija kkonstatat li t-tlettax-il kumpannija li kienu d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw f’sensiela ta’ ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bitum ta’ penetrazzjoni għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fi Spanja (bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji). |
13 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li kull waħda miż-żewġ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni kkonstatati, jiġifieri l-ftehimiet orizzontali għat-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, kienet taqa’, min-natura tagħha stess, taħt it-tipi ta’ ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, liema tipi ta’ ksur jistgħu jiġġustifikaw, skont il-ġurisprudenza, li jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”. |
14 |
Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-“ammont inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti għas-somma ta’ EUR 40000000, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-valur tas-suq inkwistjoni stmat għal EUR 286400000 fl-2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, u l-fatt li l-ksur kien limitat għall-bejgħ tal-bitum imwettaq fi Stat Membru wieħed. |
15 |
Il-Kummissjoni mbagħad ikklassifikat lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża f’diversi kategoriji ddefiniti skont l-importanza relattiva tagħhom fuq is-suq inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament differenzjat, b’tali mod li ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu gravi lill-kompetizzjoni. |
16 |
Il-grupp Repsol u PROAS, li s-sehem tagħhom mis-suq inkwistjoni kien jammonta, rispettivament, għal 34.04 % u għal 31.67 % għas-sena finanzjarja 2001, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, il-grupp BP, b’sehem mis-suq ta’ 15.19 %, fit-tieni kategorija, u l-gruppi Nynäs u Petrogal, li s-sehem tagħhom mis-suq kien ta’ bejn 4.54 % u 5.24 %, fit-tielet kategorija. Fuq din il-bażi, l-“ammonti inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti ġew adattati kif ġej:
|
17 |
Wara li żiedet l-“ammont inizjali” tal-multi abbażi tat-tul tal-ksur, jiġifieri perijodu ta’ ħdax-il sena u seba’ xhur għal dak li jirrigwarda PROAS (mill-1 ta’ Marzu 1991 sal-1 ta’ Ottubru 2002), il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha kellu jiżdied bi 30 % abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, peress li din il-kumpannija kienet fost il-“muturi” sinjifikattivi tal-akkordju inkwistjoni. |
18 |
Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li, skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, PROAS kellha dritt għal tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa li normalment kellha tiġi imposta fuqha. |
19 |
Abbażi ta’ dawn l-elementi, ġiet imposta fuq CEPSA u PROAS in solidum multa ta’ EUR 83850000. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
20 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. Hija talbet ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. |
21 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet tmien motivi. |
22 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu. |
23 |
Bħala kontrotalba, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq PROAS, talba li hija rrifjutat li tilqa’. |
It-talbiet tal-partijiet
24 |
Permezz tal-appell tagħha, PROAS titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
25 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
26 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji. |
27 |
L-ewwel aggravju, li jinkludi erba’ partijiet, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz tat-tieni aggravju, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998
L-argumenti tal-partijiet
28 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, intiż kontra l-punti 129 sa 135, 140 sa 143, 149 kif ukoll 439 sa 442 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħha, billi qrat b’mod żbaljat il-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998. |
29 |
Fl-ewwel lok, hija tqis li, konformement għall-ittra ta’ dan il-punt u għall-għanijiet tal-politika ta’ kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, l-impatt fuq is-suq tal-ksur inkwistjoni, peress li dan l-impatt kien f’dan il-każ “jista’ jkun ikkalkolat”. |
30 |
Issa, l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kummissjoni tikklassifika l-ksur kontenzjuż bħala “ksur serju ħafna” fis-sens tal-imsemmi punt u tiffissa l-ammont bażiku tal-multa għad-doppju tal-ammont minimu previst għal tali istanzi ta’ ksur, mingħajr ma tevalwa l-impatt tiegħu. |
31 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat ukoll in-natura vinkolanti għall-Kummissjoni tal-linji gwida tagħha stess, ippermettiet lil din tal-aħħar li titbiegħed mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta billi ttrasformat, skont l-appellanti, il-preżunzjoni li tipprovdi li l-akkordji huma ksur serji ħafna “sempliċement abbażi tan-natura tagħhom stess” għal preżunzjoni inkonfutabbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 |
Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tilmenta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tikklassifika l-ksur kontenzjuż bħala “serju ħafna”, fis-sens tal-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998, minħabba n-natura stess ta’ dan il-ksur. |
33 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mil-linji gwida tal-1998 jirriżulta li l-akkordji orizzontali tal-prezzijiet jew ta’ tqassim tas-suq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna sempliċement abbażi tan-natura tagħhom stess, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 75; tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 103; kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 97). |
34 |
Għaldaqstant, huwa b’mod ġust u mingħajr ma kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti jew inkella l-Artikolu 47 tal-Karta li l-Qorti Ġenerali, wara li fil-punt 130 tas-sentenza appellata fakkret li l-ksur kontenzjuż kellu l-forma ta’ ftehimiet orizzontali ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, imbagħad, fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza essenzjalment imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argumenti tal-appellanti li jipprovdu li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-ksur kontenzjuż bħala “ksur serju ħafna”, fis-sens tal-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998, mingħajr ma tevalwa l-impatt tiegħu fuq is-suq. |
35 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003
Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażati fuq l-iżnaturament tal-motivi invokati mill-appellanti u fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, rispettivament
– L-argumenti tal-partijiet
36 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 125, 127 u 140 sa 142 tas-sentenza appellata, żnaturat il-motivi li hija invokat. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant qieset, minn naħa, li hija sempliċement ikkontestat il-klassifikazzjoni bħala “ksur serju ħafna” tal-ksur inkwistjoni, mingħajr ma kkontestat b’mod awtonomu l-ammont bażiku tal-multa li ġie applikat għaliha. Min-naħa l-oħra, hija qieset li PROAS kienet invokat l-elementi karatteristiċi tas-suq Spanjol bħala ċirkustanzi attenwanti u mhux bħala fatturi li juru li l-ksur kontenzjuż kien inqas serju. |
37 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma ppermettietilha fl-ebda ħin tikkontesta l-ammont bażiku ta’ EUR 40000000 adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u għaldaqstant poġġietha f’pożizzjoni impossibbli li tiddefendi ruħha. |
38 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni wkoll li, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, intiża kontra l- punti 129 sa 143, 149 sa 160 u 439 sa 446 tas-sentenza appellata li, billi ma wettqitx analiżi awtonoma tal-argumenti li hija kienet invokat dwar il-gravità tal-ksur u billi sempliċement ikkonfermat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħal kif jidhru fid-deċiżjoni kontenzjuża, u l-interpretazzjoni li din l-istituzzjoni tagħmel tal-linji gwida tagħha stess, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq “l-obbligu tagħha li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa fl-istħarriġ tad-deċiżjoni kontenzjuża konformement għall-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003”. |
39 |
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali sempliċement irrepetiet id-dikjarazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jirrigwarda l-gravità u l-portata ġeografika tal-ksur, minkejja li hija kienet qiegħda tikkritika lill-Kummissjoni li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward. Hija tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali ma fehmitx biżżejjed l-eżistenza ta’ pressjoni magħmula mill-Gvern Spanjol f’dan il-każ, b’mod partikolari billi fil-punt 138 tas-sentenza appellata hija qieset li din il-pressjoni kienet tikkostitwixxi sempliċi approvazzjoni jew tolleranza ta’ ksur min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. PROAS tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali sempliċement irreferiet għall-linji gwida tal-1998 għal dak li jirrigwarda l-impatt konkret tal-akkordju kontenzjuż fuq is-suq u tadotta motivazzjoni ineffettiva rigward l-adozzjoni tal-ammont bażiku tal-multa. |
40 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli “tirrevedi d-deċiżjoni [kontenzjuża] fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha”. |
41 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju huma manifestament infondati. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, preliminarjament, li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71). |
43 |
F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża diversi drabi, il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kemm fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal‑aħħar, kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors li l-Qorti Ġenerali tkun adita bih, sa fejn dawn il-provi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72). |
44 |
Min-naħa l-oħra, il-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali hija strettament limitata, b’differenza mill-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 76). |
45 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti, li tkopri l-ksur tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tinftiehem li hija intiża kontra l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx ġurisdizzjoni sħiħa fl-istħarriġ tal-ammont tal-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża. |
46 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li fil-punti 129 sa 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet diskussjoni ddettaljata tal-fatturi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-grad tal-gravità tal-ksur kontenzjuż meqjus mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. |
47 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, li kien ġust li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-ksur kontenzjuż bħala “ksur serju ħafna” fis-sens tal-punt 1.A. tal-linji gwida tal-1998. |
48 |
Hija qieset, fit-tieni lok, li fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni setgħet tiffissa b’mod validu għas-somma ta’ EUR 40000000 l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq PROAS, mingħajr ma kellha għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq inkwistjoni. Għal dan il-għan, hija qieset li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li dan is-suq ma kienx ta’ dimensjoni nazzjonali. Barra minn hekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur totali tas-suq Spanjol tal-bitum ta’ penetrazzjoni matul is-sena 2001 kif ukoll is-sehem mis-suq ta’ PROAS minnu, li kien ta’ 31.67 %. |
49 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 158 tas-sentenza appellata li “jekk jiġi preżunt li l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq inkwistjoni huwa stabbilit, dan ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tbiddel l-ammont tal-multa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
50 |
Il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 439 sa 446 tas-sentenza appellata lanqas ma tista’ tiġi kkritikata għan-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tagħti risposta ddettaljata għall-ilmenti tal-appellanti, b’raġunament propju għal kull wieħed minnhom. L-istess jgħodd għall-ilmenti dwar, l-ewwel nett, nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ impatt konkret fuq is-suq tal-akkordju kontenzjuż, it-tieni nett, il-konfużjoni tal-membri tal-ksur dwar il-legalità tal-ftehimiet, maħluqa mill-indħil tal-Gvern Spanjol, u t-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-piż rispettiv tal-parteċipanti fil-ksur abbażi tad-dħul mill-bejgħ relattiv għall-bitum ta’ penetrazzjoni. |
51 |
Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li, fil-punti 157, 158 u 449 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-multa imposta fuq PROAS, diversi elementi tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża, u li l-legalità tagħha ġiet preċedentement ikkonstatata ma jistax jistabbilixxi nuqqas ta’ eżerċizzju minn din tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 99). |
52 |
Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali rigward il-pressjoni eżerċitata mill-Gvern Spanjol u, b’mod partikolari, l-fatt li din hija meqjusa minnha bħala sempliċi approvazzjoni jew tolleranza ta’ ksur min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, fil-prinċipju, sabiex teżamina l-provi li hija taċċetta insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40). |
53 |
Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
54 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, dwar l-allegat żnaturament tal-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argument li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-appellanti sempliċement ikkontestat il-klassifikazzjoni ta’ “ksur serju ħafna” tal-ksur inkwistjoni, mingħajr ma kkontestat b’mod awtonomu l-ammont bażiku tal-multa li ġiet applikat għaliha, huwa ineffettiv. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kkuntentatx ruħha, fi kwalunkwe każ, li teżamina l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala “ksur serju ħafna”, iżda vverifikat ukoll l-iffissar tal-ammont bażiku. |
55 |
L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna l-argument li l-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti kienet invokat l-elementi karatteristiċi tas-suq Spanjol bħala ċirkustanzi attenwanti u mhux bħala fatturi li juru li l-ksur kontenzjuż kien inqas serju. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar il-karatteristiċi tas-suq Spanjol fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, ma tistax tiġi kkritikata, fi kwalunkwe każ, li ma eżaminathomx waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punti 78 u 79). |
56 |
Minn dan isegwi li l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
57 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet titbiegħed mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, hekk kif tirriżulta, b’mod partikolari, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] [Każ Nru COMP/F/38.456 - Bitum (NL)]. |
58 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 161 tas-sentenza appellata li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali applikabbli għall-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ analiżi effettiva mill-Qorti Ġenerali tal-piż speċifiku ta’ PROAS fil-ksur kontenzjuż u r-rifjut tagħha li tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba
– L-argumenti tal-partijiet
60 |
Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, intiża kontra l-punti 209 u 215 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li wettqet żball billi ma analizzatx, għar-raġuni li kienet allegazzjoni ġdida, l-argument tal-appellanti li l-metodu ta’ kalkolu tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni seta’ jwassal għal żieda artifiċjali tal-piż tagħha fl-akkordju, inkwantu l-Kummissjoni eskludiet bejgħ intragrupp ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju u ta’ prodotti oħra li ma humiex il-bitum ta’ penetrazzjoni. |
61 |
Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet it-talba tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex jiġi ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li jippermettu lill-appellanti tistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fid-determinazzjoni tal-piż speċifiku ta’ PROAS fil-kartell inkwistjoni. Minħabba f’dan, il-Qorti Ġenerali poġġiet lill-appellanti f’pożizzjoni impossibbli li ssostni b’mod utli l-argumentazzjoni tagħha. |
62 |
Il-Kummissjoni tqis li din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 |
Għal dak li jirrigwarda l-ilment tal-appellanti bbażat fuq in-nuqqas ta’ analiżi effettiva mill-Qorti Ġenerali tal-piż speċifiku ta’ PROAS fil-ksur kontenzjuż, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
64 |
Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment b’mod sostanzjat. Għal dan il-għan, hija indikat, prinċipalment, fil-punti 204 sa 208 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni għas-sena użata bħala referenza għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, il-bejgħ tal-grupp Repsol lil Composán Distribución SA u, b’mod addizzjonali, fil-punti 211 sa 215 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti ma kienet żviluppat ebda argument dwar kumpanniji oħrajn li jagħmlu parti minn dan il-grupp. |
65 |
Għaldaqstant, jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, fil-punt 209 ta’ din is-sentenza, li l-argumenti żviluppati f’dan ir-rigward mill-appellanti kienu ġodda, hija tat b’mod suffiċjenti fil-liġi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti li ma hijiex suġġetta għal appell, ir-raġunijiet għaliex hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kisret, meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
66 |
Għal dak li jirrigwarda r-rifjut tal-Qorti Ġenerali tat-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal investigazzjoni magħmula mill-appellanti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi, fil-prinċipju, jekk hemmx il-ħtieġa li tiġi kkompletata l-informazzjoni li hija għandha dwar il-kawżi mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Viega vs Il-Kummissjoni, C‑276/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:163, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Fid-dawl tal-motivazzjoni suffiċjenti mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 204 sa 208 tas-sentenza appellata, sabiex tistabbilixxi li d-dokumenti relattivi għall-bejgħ tal-grupp Repsol lil Composán Distribución huma irrilevanti, is-sempliċi allegazzjonijiet tal-appellanti rigward il-possibbiltà li dawn id-dokumenti jkunu utli għad-difiża tagħha ma humiex biżżejjed sabiex jintwera li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tagħti d-deċiżjoni tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dawn l-allegazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għandha obbligu li tuża miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri ta’ investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 59). |
68 |
Isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, l-istess bħar-raba’ parti tal-ewwel aggravju kollha kemm hi. |
69 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ osservanza tat-terminu raġonevoli
L-argumenti tal-partijiet
70 |
Permezz tat-tielet aggravju, intiż kontra l-punti 372 sa 400 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, li damet madwar ħames snin u erba’ xhur, kienet ġiet ittrattata fi żmien raġonevoli u li, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma kienx ġie miksur. F’dan ir-rigward, hija ssostni li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-proċedura ma jistax jiġi kkonstatat fid-dawl tal-osservanza min-naħa tal-Kummissjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003. Hija ssostni wkoll li t-tul eċċessiv tal-imsemmija proċedura kellu bħala konsegwenza l-impożizzjoni ta’ multa ogħla minn dik li kienet tiġi imposta fuqha kieku l-proċedura kienet intemmet f’terminu raġonevoli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-issikkar progressiv tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ emendi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. |
71 |
Min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali għat-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja – jiġifieri ħames snin u disa’ xhur –, li ma huwa ġġustifikat b’ebda ċirkustanza eċċezzjonali. |
72 |
Fid-dawl tal-fatt li t-tul tal-proċedura, kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja, magħquda flimkien jaqbeż ħdax-il sena, li magħhom għandu jiżdied it-tul tat-trattament ta’ dan l-appell, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tislet direttament il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli u ta’ amministrazzjoni tajba billi tannulla s-sentenza appellata u billi tinvoka l-kawża sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa abbażi ta’ dan, mingħajr ma tobbligaha tippreżenta rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali. |
73 |
Il-Kummissjoni ssostni li, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta’ ksur tat-terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja, hija l-appellanti li għandha tressaq quddiem il-Qorti Ġenerali azzjoni għad-danni. Hija żżid tgħid ukoll li, fi kwalunkwe każ, hija ma pproduċiet ebda prova li turi li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, meħuda separatament jew flimkien, kien eċċessiv fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
74 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-proċedura amministrattiva ma kinitx eċċediet terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 42 u 43), il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tat-terminu raġonevoli ta’ tali proċedura amministrattiva, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 109). |
75 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 375 sa 377 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod definittiv li barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mill-appellanti, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li hija ma kinitx ipprovat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha seta’ jiġi affettwat għal raġunijiet marbuta mat-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva. |
76 |
Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-appellanti intiż sabiex jikseb, abbażi tat-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
77 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li t-tul eċċessiv tal-imsemmija proċedura kellu bħala konsegwenza, skont l-appellanti, l-impożizzjoni ta’ multa ogħla minn dik li kienet tiġi imposta fuqha kieku din l-istess proċedura kienet intemmet f’terminu raġonevoli huwa, minħabba n-natura purament spekulattiva ta’ dan l-argument, irrilevanti. |
78 |
L-argument tal-appellanti fuq dan il-punt għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat. |
79 |
Sa fejn l-appellanti titlob, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, fid-dawl tan-natura allegatament eċċessiva tat-tul tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li tali argument huwa ineffettiv. |
80 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma tistax tiġi milqugħa. |
81 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li permezz tagħha l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret id-dritt tagħha għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, għandu jitfakkar li l-ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jkun is-suġġett ta’ rikors għad-danni mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tali azzjoni tikkostitwixxi, bil-kontra ta’ dak li tallega l-appellanti, rimedju effettiv. Għaldaqstant, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 66; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 57; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 17 u 18). |
82 |
Il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, adita b’talba għad-danni, hija obbligata tiddeċiedi dwar tali talba permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 67; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 58; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 19). |
83 |
Fid-dawl ta’ dan, peress li huwa ċar, mingħajr ma huwa neċessarju li l-partijiet jipproduċu provi addizzjonali f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata dan il-ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 59, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 20). |
84 |
Fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ. It-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri kważi ħames snin u disa’ xhur, li jinkludu, b’mod partikolari, perijodu ta’ kważi erba’ snin u xahrejn li għadda, hekk kif issostni l-appellanti u hekk kif jirriżulta mill-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, mingħajr ebda att ta’ proċedura, bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali, la jista’ jiġi spjegat min-natura jew mill-kumplessità tal-kawża u lanqas mill-kuntest tagħha. |
85 |
Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda. |
86 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima
87 |
Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima, billi kkundannat lil PROAS għall-ispejjeż filwaqt li kellha, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ partijiet ma kellhomx suċċess fl-argumenti tagħhom, taqsam l-ispejjeż bejniethom. |
88 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet rigward l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Jannar 1995, Roujansky vs Il-Kunsill, C‑253/94 P, EU:C:1995:4, punti 13 u 14, kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 151). |
89 |
Peress li l-ewwel tliet aggravji mressqa mill-appellanti ġew miċħuda, l-aħħar aggravju, dwar it-tqassim tal-ispejjeż, għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli. |
90 |
Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
91 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
92 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
93 |
Peress li PROAS tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.