Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0608

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
    Compañía Española de Petróleos (CEPSA), SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Akkordji – Artikolu 81 KE – Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Appell dwar l-ispejjeż.
    Kawża C-608/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:414

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Appell — Akkordji — Artikolu 81 KE — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea — Appell dwar l-ispejjeż”

    Fil-Kawża C‑608/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013,

    Compañía Española de Petróleos (CEPSA) SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn O. Armengol i Gasull u J. M. Rodríguez Cárcamo, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn A. J. Rivas, avukat,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Compañía Española de Petróleos (CEPSA) SA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, CEPSA vs Il-Kummissjoni (T‑497/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, ”EU:T:2013:438), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali, tat‑3‑ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] [Każ COMP/38.710 - Bitum (Spanja)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernaha kif ukoll, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), jipprovdi li “[...]d-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat”.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 91 kif ukoll fil-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

    4

    Il-prodott ikkonċernat mill-ksur huwa l-bitum ta’ penetrazzjoni, jiġifieri bitum li ma jkunx ġie ttrasformat u li jintuża għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tat-toroq.

    5

    Is-suq Spanjol tal-bitum jinkludi, minn naħa, tliet produtturi, il-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS u BP, u, min-naħa l-oħra, importaturi, li fosthom jinsabu l-gruppi Nynäs u Petrogal.

    6

    Il-grupp CEPSA‑PROAS huwa grupp internazzjonali ta’ kumpanniji fis-settur tal-enerġija kkwotat fil-Borża u li huwa preżenti f’diversi pajjiżi. Productos Asfálticos (PROAS) SA, 100 % sussidjarja ta’ CEPSA mill-1 ta’ Marzu 1991, tbigħ bitum prodott minn CEPSA u tipproduċi kif ukoll tbigħ prodotti oħra tal-bitum.

    7

    Abbażi tal-bejgħ tagħha ta’ bitum ta’ penetrazzjoni lil terzi, PROAS kisbet fi Spanja dħul mill-bejgħ ta’ EUR 90700000 matul is-sena ta’ negozju 2001, jiġifieri 31.67 % tas-suq inkwistjoni. Id-dħul mill-bejgħ totali kkonsolidat ta’ CEPSA‑PROAS ammonta għal EUR 18474000000 fl-2006.

    8

    Wara talba għal immunità ppreżentata fl-20 ta’ Ġunju 2002 minn waħda mill-kumpanniji tal-grupp BP b’applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), saru verifiki fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002 fi ħdan kumpanniji tal-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS, BP, Nynäs u Petrogal.

    9

    Fis-6 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-impriżi kkonċernati l-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

    10

    Permezz ta’ faks, tal-31 ta’ Marzu 2004 u tal-5 ta’ April 2004, rispettivament, kumpanniji tal-grupp Repsol kif ukoll PROAS ippreżentaw lill-Kummissjoni talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-impriża.

    11

    Wara li indirizzat erba’ talbiet oħra għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bdiet formalment proċedura u, mill-24 sat‑28 ta’ Awwissu 2006, innotifikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji kkonċernati tal-gruppi BP, Repsol, CEPSA-PROAS, Nynäs u Petrogal.

    12

    Qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji kkonċernati tal-grupp CEPSA‑PROAS, il-Kummissjoni talbet lil CEPSA, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, jekk hija kinitx taċċetta li l-Kummissjoni tindirizzalha kwalunkwe dokument uffiċjali, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew deċiżjoni li hija setgħet tadotta fir-rigward tagħha bl-Ingliż. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2006, CEPSA ddikjarat li l-Kummissjoni setgħet tinnotifikalha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż.

    13

    Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija kkonstatat li t-tlettax-il kumpannija li kienu d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw f’sensiela ta’ ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bitum ta’ penetrazzjoni għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fi Spanja (bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji).

    14

    Il-Kummissjoni kkunsidrat li kull waħda miż-żewġ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni kkonstatati, jiġifieri l-ftehimiet orizzontali għat-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, kienet taqa’, min-natura tagħha stess, taħt it-tipi ta’ ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, liema tipi ta’ ksur jistgħu jiġġustifikaw, skont il-ġurisprudenza, li jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”.

    15

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-“ammont inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti għas-somma ta’ EUR 40000000, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-valur tas-suq inkwistjoni stmat għal EUR 286400000 fl-2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, u l-fatt li l-ksur kien limitat għall-bejgħ tal-bitum imwettaq fi Stat Membru wieħed.

    16

    Il-Kummissjoni mbagħad ikklassifikat lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża f’diversi kategoriji ddefiniti skont l-importanza relattiva tagħhom fuq is-suq inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament differenzjat, b’tali mod li ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu gravi lill-kompetizzjoni.

    17

    Il-grupp Repsol u PROAS, li s-sehem tagħhom mis-suq inkwistjoni kien jammonta, rispettivament, għal 34.04 % u għal 31.67 % għas-sena finanzjarja 2001, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, il-grupp BP, b’sehem mis-suq ta’ 15.19 %, fit-tieni kategorija, u l-gruppi Nynäs u Petrogal, li s-sehem tagħhom mis-suq kien ta’ bejn 4.54 % u 5.24 %, fit-tielet kategorija. Fuq din il-bażi, l-“ammonti inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti ġew adattati kif ġej:

    l-ewwel kategorija, għall-grupp Repsol u PROAS: EUR 40000000;

    it-tieni kategorija, għall-grupp BP: EUR 18000000; u

    it-tielet kategorija, għall-gruppi Nynäs u Petrogal: EUR 5500000.

    18

    Wara li żiedet l-“ammont inizjali” tal-multi abbażi tat-tul tal-ksur, jiġifieri perijodu ta’ ħdax-il sena u seba’ xhur għal dak li jirrigwarda PROAS (mill-1 ta’ Marzu 1991 sal-1 ta’ Ottubru 2002), il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha kellu jiżdied bi 30 % abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, peress li din il-kumpannija kienet fost il-“muturi” sinjifikattivi tal-akkordju inkwistjoni.

    19

    Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li, skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, PROAS kellha dritt għal tnaqqis ta’ 25 % mill-ammont tal-multa li normalment kellha tiġi imposta fuqha.

    20

    Abbażi ta’ dawn l-elementi, ġiet imposta fuq CEPSA u PROAS in solidum multa ta’ EUR 83850000.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    21

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. Hija talbet ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

    22

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet seba’ motivi.

    23

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

    24

    Bħala kontrotalba, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq CEPSA, talba li hija rrifjutat li tilqa’.

    It-talbiet tal-partijiet

    25

    Permezz tal-appell tagħha, CEPSA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla l-ewwel u t-tielet punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

    tiddeċiedi b’mod definittiv it-tilwima, mingħajr ma tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tnaqqas l-ammont tal-multa deċiż fid-deċiżjoni kontenzjuża għal ammont li hija tqis korrett; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.

    26

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    27

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.

    28

    L-ewwel żewġ aggravji, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u fuq l-iżnaturament tal-fatti għal dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika. It-tielet aggravju jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti. Permezz tar-raba’ u l-ħames aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima.

    Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji, ibbażati fuq il-ksur ta ’ forom proċedurali sostanzjali u fuq l-iżnaturament tal-fatti għal dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, intiż kontra l-punti 113 sa 115 u 119 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża għal ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni bagħtet lil CEPSA dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż, bi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 3 TUE kif ukoll tal-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), hekk kif hija sostniet, b’mod partikolari, fil-kuntest tar-replika tagħha kif ukoll waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-fatt li hija aċċettat b’mod ħieles u volontarju dan il-ksur huwa irrilevanti.

    30

    Il-Kummissjoni tqis li l-aggravju bbażat fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u tar-Regolament Nru 1 jikkostitwixxi motiv ġdid, li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell. Sussidjarjament, hija tqis li huwa infondat.

    31

    Permezz tat-tieni aggravju, intiż kontra, minn naħa, il-punti 109, 110 u 114 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punt 115 ta’ din is-sentenza, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti billi kkonstatat li hija kienet aċċettat b’mod ħieles il-ksur tas-sistema lingwistika u li d-drittijiet tad-difiża tagħha ma kinux ġew ippreġudikati b’konsegwenza ta’ dan il-ksur.

    32

    F’dan ir-rigward hija ssostni, minn naħa, li hija bagħtet lura, fl-20 ta’ Lulju 2006, id-dokument li bih hija kienet aċċettat li tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż, bl-uniku għan li tevita żieda tas-sanzjoni dovuta mill-fatt li kieku d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tintbagħat wara l-1 ta’ Settembru 2006 dan kien iwassal lill-Kummissjoni tagħtiha sanzjoni kunsiderevolment ikbar.

    33

    Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma tfasslitx bil-lingwa meħtieġa kellu jitqies mill-Qorti Ġenerali mhux biss li huwa ksur tar-Regolament Nru 1, iżda wkoll li huwa preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tagħha, inkwantu hija kellha tara li dan id-dokument jiġi tradott qabel ma tirrispondi u għaldaqstant hija ġiet imċaħħda mill-eżattezza u l-awtentiċità marbuta ma’ kwalunkwe oriġinal.

    34

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żnaturament tal-fatti u li, fi kwalunkwe każ, ma seta’ jiġi stabbilit ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża peress li, fl-assenza tal-allegata irregolarità, il-proċedura ma kinitx twassal għal riżultat differenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35

    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, parti hija intitolata tqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravji intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17). Issa, fil-punti 107 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet espliċitament għall-ilmenti tal-appellanti bbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u tar-Regolament Nru 1. Għaldaqstant, l-appellanti hija intitolata tqajjem aggravji li jikkritikaw, fid-dritt, il-parti tas-sentenza appellata li tiċħad dawn il-motivi.

    36

    Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u tar-Regolament Nru 1, kif ukoll tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 41(4) tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-użu tal-lingwa prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 ma jikkostitwixxix forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-ksur tagħha neċessarjament jaffettwa r-regolarità ta’ kull dokument indirizzat lil persuna b’lingwa oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, EU:C:1970:71, punti 47 sa 52). Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, jekk istituzzjoni tindirizza lil persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru test li ma huwiex imfassal bil-lingwa ta’ dan l-Istat, tali proċess ma jivvizzjax il-proċedura ħlief jekk minn dan jirriżultaw konsegwenzi dannużi għal din il-persuna fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

    37

    Minn dan isegwi, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, li huwa biss jekk l-użu ta’ lingwa li ma hijiex dik prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kellu konsegwenzi dannużi għall-appellanti li r-regolarità ta’ din it-trażmissjoni u, għaldaqstant, dik tal-proċedura hekk mibdija, jistgħu jiġu mminati.

    38

    F’dan ir-rigward, l-argument tal-appellanti, imressaq fil-kuntest tat-tieni aggravju, li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonstatat li hija kienet tat il-kunsens tagħha b’mod ħieles sabiex tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-verżjoni tagħha bl-Ingliż għandu jiġi miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li l-l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-eventwali fondatezza tiegħu. Fil-fatt, l-allegat żnaturament fil-każ ineżami ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata ħlief jekk jiġi pprovat li n-nuqqas ta’ kunsens li rriżulta, skont il-każ, wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

    39

    Madankollu, sabiex tistabbilixxi tali ksur, l-appellanti essenzjalment tinvoka l-istess argumenti bħal dawk li hija ppreżentat diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, u li ġew miċħuda fil-punt 113 tas-sentenza appellata, għal raġunijiet li fir-rigward tagħhom l-appellanti ma tqajjem ebda żnaturament tal-fatti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u minn dan isegwi li t-tieni aggravju ma jistax jiġi milqugħ inkwantu bbażat fuq allegat żnaturament tal-fatti.

    40

    Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità

    L-argumenti tal-partijiet

    41

    Permezz tat-tielet aggravju, intiż kontra l-punti 321 sa 332 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    42

    Il-Qorti Ġenerali kien messa, bħas-soluzzjoni li hija adottat fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, EU:T:1994:85), invokata mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq CEPSA u PROAS, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-proporzjon żgħir – jiġifieri 0.77 % – li kien jirrappreżenta d-dħul mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mill-ksur meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp CEPSA‑PROAS, li jwassal sabiex l-ammont finali tal-multa imposta fuq CEPSA kien jirrappreżenta iktar minn 90 % tad-dħul mill-bejgħ miksub minn PROAS matul l-ewwel sena sħiħa tal-ksur.

    43

    Issa, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tapplika t-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza billi sempliċement ikkonstatat, minn naħa, li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kien ġie applikat b’mod korrett fil-każ ineżami mingħajr ma pproċediet għal eżami tar-rilevanza jew le tad-dħul mill-bejgħ żgħir tal-prodott affettwat mill-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija sentenza ma tikkonċernax grupp ta’ kumpanniji.

    44

    Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li kkonfermat livell ta’ sanzjoni mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv tant li huwa sproporzjonat, fis-sens tal-punt 126 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738).

    45

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    46

    Sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda tal-argumenti dwar in-natura sproporzjonata tal-multa imposta fuq il-grupp CEPSA‑PROAS, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tirriżulta minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata.

    47

    Fil-fatt, sabiex tiċħad l-ilment li jirrigwarda n-natura sproporzjonata tal-multa imposta in solidum fuq CEPSA u fuq PROAS, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, fil-punt 316 tas-sentenza appellata, li għal dak li jirrigwarda l-grupp CEPSA‑PROAS, kien biss il-bejgħ tal-bitum ta’ penetrazzjoni ta’ PROAS li kien ittieħed inkunsiderazzjoni. It-tieni nett, hija rrilevat, fil-punti 317 u 318 ta’ din is-sentenza, li ebda koeffiċjent multiplikatur ma kien ġie applikat mill-Kummissjoni. It-tielet nett, hija qieset, fil-punt 323 ta’ din is-sentenza, li s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, EU:T:1994:85), ma kinitx rilevanti f’dan il-każ fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ bejgħ tal-prodott li kien is-suġġett għall-ksur u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li, fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, EU:T:1994:85), din kienet kumpannija indipendenti, b’tali mod li l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ globali tal-grupp ma kienx jidħol inkwistjoni. Ir-raba’ nett, b’risposta għall-argument ta’ CEPSA rigward il-fatt li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) inqabeż, fil-punt 324 tal-imsemmija sentenza ġie kkunsidrat li l-fatt li l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp CEPSA‑PROAS huwa kważi ugwali għaċ-ċifra totali tal-bejgħ ta’ PROAS matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur inkwistjoni ma kienx jippermetti, fih innifsu, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li ġie kkonstatat f’dan ir-rigward, fil-punti 327 sa 329 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament qieset li PROAS u CEPSA kienu jikkostitwixxu unità ekonomika u li dan il-limitu kellu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE

    48

    Sa fejn l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat in-natura proporzjonata tal-ammont tal-multa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea min-naħa tagħhom. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 205 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif ġustament għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 328 tas-sentenza appellata, li l-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li issa jikkorrispondi għall-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 109; tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punti 172173; kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 56). Fil-fatt, il-proporzjonalità ta’ sanzjoni għandha b’mod partikolari tiġi evalwata fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni li jrid jintlaħaq mill-impożizzjoni tagħha u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċifra akkumulata huwa għaldaqstant neċessarju għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa ekonomika tal-imsemmija entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 8384).

    50

    Issa, billi essenzjalment issostni li l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp CEPSA‑PROAS jirrappreżenta iktar minn 90 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ PROAS, l-appellanti ma tipprovdi ebda prova, insostenn tal-allegazzjoni tagħha, li turi li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u li jirrappreżenta inqas minn 1 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp CEPSA‑PROAS huwa eċċessiv sal-punt li huwa sproporzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

    51

    Sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158), li naqset milli tistħarreġ jekk il-multa imposta kinitx proporzjonata mhux biss għad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp, iżda wkoll għall-portata tal-ksur, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett din il-ġurisprudenza peress li ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp iżda wkoll il-bejgħ tal-bitum ta’ penetrazzjoni tal-parteċipanti tal-akkordju, inkluż dak ta’ PROAS. Barra minn hekk, l-appellanti ma kkontestatx il-punti 315, 316 u 322 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li PROAS ipparteċipat fil-ksur għal perijodu ta’ ħdax-il sena u seba’ xhur. Hija lanqas ma kkontestat iż-żieda min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont bażiku tal-multa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-perijodu twil ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

    52

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet aggravju ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba ’ u l-ħames aggravji, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ osservanza tat-terminu raġonevoli

    L-argumenti tal-partijiet

    53

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, intiż kontra l-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, billi rrifjutat li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tad-dewmien propju tagħha sabiex tagħti s-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali timponi fuqha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli.

    54

    Il-ħames aggravju, ibbażat ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa maqsum fi tliet partijiet. B’konsegwenza ta’ dan il-ksur u bħala kumpens, l-appellanti titlob li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha jitnaqqas b’ 25 %. F’dan ir-rigward, hija ssostni li kull sena ta’ dewmien fit-trattament tal-kawża kellha twassal għal tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa imposta u kull perijodu ta’ iktar minn sitt xhur u ta’ inqas minn sena kellu jwassal għal tnaqqis ta’ 5 % ta’ dan l-ammont.

    55

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawżi quddiemha f’terminu raġonevoli, fid-dawl ta’ perijodu ta’ ħames snin u disa’ xhur li għadda bejn il-preżentata min-naħa tagħha tar-rikors tagħha u l-għoti tas-sentenza appellata, inkluż perijodu ta’ erba’ snin u xahrejn bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura.

    56

    Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli billi ma evalwatx flimkien it-tul tal-proċedura amministrattiva u ġudizzjarja li, flimkien, ħadu iktar minn ħdax-il sena. Insostenn tal-argument tagħha, hija tirreferi għall-punt 240 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256).

    57

    Permezz tat-tielet parti tal-istess aggravju, intiż kontra l-punti 245 sa 265 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li t-trattament tal-proċedura amministrattiva seħħ f’terminu raġonevoli.

    58

    Insostenn ta’ din il-parti, hija ssostni li l-perijodu ta’ ħames snin għat-trattament ta’ dan il-każ mill-Kummissjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-kumplessità tat-tilwima jew mill-aġir tal-impriżi li kontrihom inbdew proċeduri, li kollha kkollaboraw fil-proċeduri.

    59

    Hija tirrileva wkoll li, fil-punti 245 sa 250 tas-sentenza appellata, sabiex tanalizza t-tul tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, il-fatt li l-Kummissjoni kienet osservat it-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex timponi multi fil-qasam ta’ kompetizzjoni. Hija tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 251 sa 265 tas-sentenza appellata, il-bidu tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-perijodu li għadda bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2002 u x-xahar ta’ Ġunju 2004, li matulu l-Kummissjoni setgħet tanalizza t-talba għal klemenza tal-grupp BP u twettaq il-kontrolli meħtieġa minn din it-talba.

    60

    Il-Kummissjoni ssostni li, għal dak li jirrigwarda allegazzjonijiet ta’ ksur tat-terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja, meħuda separatament jew flimkien, huwa l-obbligu tal-appellanti li tadixxi lill-Qorti Ġenerali b’azzjoni għad-danni. Hija żżid tgħid ukoll li, fi kwalunkwe każ, din ma tipprovdi ebda prova tali li turi li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni u/jew il-Qorti Ġenerali kienet eċċessivament twila fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    61

    Għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tal-ħames aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-proċedura amministrattiva ma kinitx eċċediet terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 4243), il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tat-terminu raġonevoli ta’ tali proċedura amministrattiva, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 109).

    62

    Issa, fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mill-punti 54 kif ukoll 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li, permezz tal-ilmenti tagħha li jirrigwardaw kemm it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-assenza ta’ skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex tikkonstata l-assenza ta’ tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kif ukoll in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ parti mill-proċedura amministrattiva kontenzjuża, l-appellanti tipprova sempliċement tikseb it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

    63

    Irrispettivament mill-fondatezza tagħha, it-tielet parti tal-ħames aggravju għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

    64

    Għal dak li jirrigwarda r-raba’ aggravju kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, għandu jitfakkar li l-ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu, minkejja l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, ikun is-suġġett ta’ rikors għad-danni mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tali azzjoni tikkostitwixxi rimedju effettiv. Għaldaqstant, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 66; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 57; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 1718).

    65

    Il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, adita b’talba għad-danni, hija obbligata tiddeċiedi dwar tali talba permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 67; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 58; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 19).

    66

    Fid-dawl ta’ dan, peress li huwa ċar, mingħajr ma huwa neċessarju li l-partijiet jipproduċu provi addizzjonali f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata dan il-ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 59, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 20).

    67

    Fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ. It-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri kważi ħames snin u disa’ xhur, li jinkludu, b’mod partikolari, perijodu ta’ erba’ snin u xahar li għadda, hekk kif jirriżulta mill-punti 92 sa 94 tas-sentenza appellata, mingħajr ebda att ta’ proċedura, bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali, la jista’ jiġi spjegat min-natura jew mill-kumplessità tal-kawża u lanqas mill-kuntest tagħha.

    68

    Fil-fatt, minn naħa, il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx partikolarment kumplessa. Min-naħa l-oħra, la jirriżulta mis-sentenza appellata u lanqas mill-provi prodotti mill-partijiet li dan il-perijodu ta’ inattività kien oġġettivamet iġġustifikat jew li l-appellanti kienet ikkontribwixxiet għalih.

    69

    Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ aggravju kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda.

    70

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ħames aggravju, li permezz tagħha l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma evalwatx flimkien it-tul tal-fażi amministrattiva u ġudizzjarja sabiex tevalwa, globalment, jekk dan kienx raġonevoli, għandu jerġa’ jiġi rrilevat li din hija intiża sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

    71

    Issa, jekk jiġi preżunt li, bil-kontra tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ksur tad-dritt għall-osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġi stabbilit minħabba t-tul tal-proċedura amministrattiva u ġudizzjarja li għalih kienet suġġetta CEPSA, tali ksur ma jistax, fih innifsu, iwassal lill-Qorti Ġenerali jew lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq din il-kumpannija minħabba l-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, EU:C:2014:301, punt 107).

    72

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

    73

    Konsegwentement, ir-raba’ u l-ħames aggravji għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

    Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima.

    74

    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima, billi kkundannat lil CEPSA għall-ispejjeż filwaqt li, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ partijiet ma kellhomx suċċess fl-argumenti tagħhom, kellha taqsam l-ispejjeż bejniethom.

    75

    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet rigward l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Jannar 1995, Roujansky vs Il-Kunsill, C‑253/94 P, EU:C:1995:4, punti 1314, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2014, is-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 151).

    76

    Peress li l-ewwel ħames aggravji mressqa mill-appellanti ġew miċħuda, l-aħħar aggravju, dwar it-tqassim tal-ispejjeż, għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

    77

    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    78

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    79

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    80

    Peress li CEPSA tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Compañía Española de Petróleos (CEPSA) SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top