Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0552

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2015.
    Grupo Hospitalario Quirón SA vs Departamento de Sanidad del Gobierno Vasco u Instituto de Religiosas Siervas de Jesús de la Caridad.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Bilbao.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 23(2) – Ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi tas-saħħa – Provvista ta’ servizzi tas-saħħa li hija koperta mill-isptarijiet pubbliċi, fi ħdan l-istabbilimenti privati – Rekwiżit li s-servizzi jiġu pprovduti f’muniċipalità speċifika.
    Kawża C-552/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:713

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    22 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 23(2) — Ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi tas-saħħa — Provvista ta’ servizzi tas-saħħa li hija koperta mill-isptarijiet pubbliċi, fi ħdan l-istabbilimenti privati — Rekwiżit li s-servizzi jiġu pprovduti f’muniċipalità speċifika”

    Fil-Kawża C‑552/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no6 de Bilbao (tribunal amministrattiv Nru 6 ta’ Bilbao, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

    Grupo Hospitalario Quirón SA

    vs

    Departamento de Sanidad del Gobierno Vasco,

    Instituto de Religiosas Siervas de Jesús de la Caridad,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ April 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Grupo Hospitalario Quirón SA, minn J. Cabrera Ayala u I. Millán Fernández, avukati,

    għad-Departamento de Sanidad del Gobierno Vasco, minn L. Pérez Ovejero, bħala aġent,

    għall-Instituto de Religiosas Siervas de Jesús de la Caridad, minn L. Galdos Tobalina u A. Arenaza Artabe, avukati,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Grupo Hospitalario Quirón SA (iktar ’il quddiem “Grupo Hospitalario Quirón”) u d-Departamento de Sanidad del Gobierno Vasco (Dipartiment tas-Saħħa tal-Gvern Bask) u l-Instituto de Religiosas Siervas de Jesús de la Caridad, dwar ir-regolarità ta’ rekwiżit inkluż fiż-żewġ avviżi tal-kuntratti pubbliċi ppubblikati minn din l-entità.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18 tipprovdi:

    “L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju tal-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. [...]”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “[...]

    2.   

    a)

    “Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    [...]

    d)

    “Kuntratti għal servizzi pubbliċi” huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

    [...]

    4.   “Konċessjoni tas-servizz” huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

    “L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

    6

    Konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti publiċi”, kif adattat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 314, p. 64), applikabbli ratione temporis fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-direttiva tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi, mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti minbarra dawk mogħtija mill-awtoritajiet governattivi ċentrali u li l-valur stmat tagħhom nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew iktar minn EUR 193000.

    7

    L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Kuntratti ta’ servizz elenkati f’Anness II B”, huwa hekk ifformulat:

    “Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

    8

    Skont it-termini tal-Anness II B ta’ din id-direttiva, is-servizzi tas-saħħa huma koperti mit-taqsima 25 ta’ dan l-anness, intitolata “Saħħa u servizzi soċjali”.

    9

    L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet Tekniċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Speċifikazzjonijiet Tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal dawk li jixħtu l-offerti u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakli mhux ġustifikati għal ftuħ ta’ disposizzjoni pubbliku għal kompetizzjoni.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-País Vasco (Spanja), il-provvista tas-servizzi pubbliċi tas-saħħa hija żgurata permezz ta’ sistema ta’ organizzazzjoni territorjali u ta’ tqassim f’żoni ta’ saħħa. Konformement ma’ din is-sistema, il-pazjenti li huma koperti mis-servizz pubbliku tas-saħħa huma moqdija minn sptar pubbliku, imsejjaħ “sptar ta’ riferiment”, li jinsab fiż-żona ta’ saħħa korrispondenti.

    11

    Sabiex jiġu żgumbrati l-istabbilimenti tal-isptarijiet pubbliċi u jitnaqqsu l-perijodi ta’ stennija tal-pazjenti, li huma koperti minn dawn l-istabbilimenti, li għandhom bżonn kura medika li s-servizzi pubbliċi tas-saħħa ma jistgħux iwettqu f’terminu raġonevoli, l-awtoritajiet kompetenti stabbilixxew mekkaniżmu ta’ kollaborazzjoni mal-istabbilimenti tas-saħħa u mal-isptarijiet privati, skont liema ċerti servizzi pubbliċi ta’ kura medika ta’ sostenn huma delegati u żgurati minn dawn l-istabbilimenti privati, fuq bażi kuntrattwali u wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi. Għalhekk, dawn l-istabbilimenti privati jipprovdu lis-servizz pubbliku tas-saħħa l-infrastruttura tagħhom u r-riżorsi tekniċi u umani tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, l-infermiera u l-assistenti, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-obbligi tas-sistema ta’ servizz pubbliku tas-saħħa. Madankollu, l-interventi kirurġiċi u l-kura l-oħra medika huma żgurati mill-kirurgi li huma koperti mis-servizz pubbliku tas-saħħa, li għal dan il-għan jingħataw fl-imsemmija stabbilimenti privati.

    12

    Huwa f’dan il-kuntest li, fil-15 ta’ Diċembru 2010, id-Direttriċi tat-territorju ta’ Bizkaia tad-Dipartimenti tas-saħħa tal-Gvern Bask approvat l-ispeċifikazzjonijiet, l-ispejjeż u l-proċess tal-kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi dwar l-“interventi ta’ kirurġija minuri, ġenerali u diġestiva, ta’ ġinekoloġija, ta’ uroloġija, ta’ trawmatoloġija u ta’ kirurġija ortopedika” għall-pazjenti li huma koperti mill-isptarijiet pubbliċi ta’ Basurto, li tinsab fil-muniċipalità ta’ Bilbao, u ta’ Galdakao, li tinsab fil-muniċipalità ta’ Galdakao. Il-kuntratt jingħata abbażi ta’ proċedura fil-miftuħ u l-avviż li jsejjaħ għal kandidati ġie ppubblikat fil-Boletín Oficial del País Vasco (Ġurnal Uffiċjali tal-País Vasco) tal-31 ta’ Jannar 2011. Il-valur massimu stmat tal-kuntratt, inkluż ir-rapporti eventwali, kien ta’ EUR 5841041.84 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Nru 21/2011”).

    13

    Fl-10 ta’ Mejju 2011, l-istess awtorità pubblika approvat l-ispeċifikazzjonijiet, l-ispejjeż u l-proċess tal-kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi dwar l-“interventi kirurġiċi oftalmoloġiċi”, għall-pazjenti li huma koperti mill-isptar pubbliku ta’ Galdakao. Il-kuntratt jingħata abbażi ta’ proċedura fil-miftuħ u l-avviż li jsejjaħ għal kandidati ġie ppubblikat fil-Boletín Oficial del País Vasco (Ġurnal Uffiċjali tal-País Vasco) tal-14 ta’ Ġunju 2011. Il-valur massimu stmat tal-kuntratt, inkluż ir-rapporti eventwali, kien ta’ EUR 6273219.53 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Nru 50/2011”).

    14

    Kemm fil-każ tal-kuntratt Nru 21/2011 kif ukoll f’dak tal-kuntratt Nru 50/2011, l-offerent rebbieħ li jipprovdi s-servizzi jkun remunerat direttament mid-Dipartiment tas-saħħa tal-Gvern Bask, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti.

    15

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rigward dawn iż-żewġ kuntratti jispeċifikaw, fil-punt dwar ir-rekwiżiti minimi, intitolat “Lokalizzazzjoni”:

    “Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu pprovduti dawn is-servizzi kemm jista’ jkun viċin il-pazjenti u l-qraba tagħhom, tad-disponibbiltà u tat-tul tal-vjaġġ bit-trasport pubbliku, kif ukoll tal-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun iċ-ċaqlieq indispensabbli minn post għal ieħor tal-persunal mediku tal-isptarijiet [...], iċ-ċentri tas-saħħa proposti għandhom jinsabu fil-muniċipalità ta’ Bilbao.”

    16

    Konsegwentement, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-imsemmija kuntratti, il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi li huma koperti minn dawn tal-aħħar huwa esklużivament il-muniċipalità ta’ Bilbao.

    17

    Grupo Hospitalario Quirón, proprejtarju ta’ sptar ġenerali privat li jinsab fil-muniċipalità ta’ Erandio, ikkontesta ż-żewġ sejħiet għal offerti pubbliċi dwar il-kuntratti Nru 21/2011 u Nru 50/2011, inizjalment permezz ta’ rimedju amministrattiv, sussegwentement permezz ta’ rimedju legali. Huwa sostna li r-rekwiżit tal-eżekuzzjoni tas-servizzi msemmija f’dawn is-sejħiet għal offerti fil-muniċipalità ta’ Bilbao kien imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-aċċess liberu għas-sejħiet għal offerti u l-kompetizzjoni ħielsa.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-isptar tal-Grupo Hospitalario Quirón jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi kollha msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-imsemmija kuntratti, ħlief għal dak dwar il-lokalizzazzjoni, peress li dan l-istabbiliment ma kienx jinsab fil-muniċipalità ta’ Bilbao, iżda f’dak ta’ Erandio, limitrofu mal-ewwel muniċipalità. Madankollu, il-muniċipalitajiet ta’ Bilbao u ta’ Erandio jifformaw, flimkien ma’ muniċipalitajiet oħra, dak li huwa magħruf bħala “Bilbao l-Kbira” jew iż-“żona metropolitana ta’ Bilbao”. Barra minn hekk, ma kienx hemm sejħiet għal offerti preċedenti għal dawk li jirrigwardaw l-istess kuntratti, proposti mid-Dipartiment tas-saħħa tal-Gvern Bask li jinkludu l-obbligu ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa rilevanti fil-lokalità stabbilita.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li ma huwiex formalment meħtieġ mill-offerenti li huma jkollhom jew li jkunu proprejtarji tal-faċilitajiet ta’ sptar li jinsabu fil‑muniċipalità ta’ Bilbao, iżda li huwa meħtieġ biss li jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tas-saħħa li huma s-suġġett tal-kuntratti Nru 21/2011 u Nru 50/2011 fil-faċilitajiet li jinsabu f’din il-muniċipalità, ikun xi jkun it-titolu legali li bis-saħħa tiegħu huma jibbenefikaw minnhom. Madankollu, de facto, huwa ċert li, minbarra l-ispejjeż inerenti sabiex wieħed ikun jista’ jgawdi minn tali faċilitajiet, l-uniċi kandidati li jistgħu jipparteċipaw għas-sejħiet għal offerti huma l-operaturi tas-saħħa li huma stabbiliti f’Bilbao, peress li l-operaturi l-oħra kollha ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom faċilitajiet u persunal adegwat fit-terminu ta’ bejn id-dati ta’ pubblikazzjoni tas-sejħiet għal offerti ta’ dawn il-kuntratti u dak previst għall-preżentazzjoni tal-offerti.

    20

    Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit dwar il-lokalizzazzjoni inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tal-imsemmija kuntratti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-kompetizzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-offerenti għas-sejħiet għal offerti, li ma jistax jiġi ġġustifikat minn neċessità imperattiva. Fil-fatt, il-muniċipalitajiet limitrofi ma’ Erandio u ma’ Bilbao kienu jappartjenu għall-istess muniċipalità bejn is-sena 1924 u s-sena 1982 u jifformaw, sal-lum, flimkien, ma’ muniċipalitajiet oħra, iż-żona metropolitana ta’ Bilbao. Barra minn hekk, l-isptar tal-Grupo Hospitalario Quirón huwa faċilment aċċessibbli mill-muniċipalità ta’ Bilbao bl-użu tal-mezzi tat-trasport pubbliċi.

    21

    Barra minn hekk, is-servizzi tas-saħħa li huma s-suġġett tal-kuntratt Nru 21/2011 huma intiżi mhux biss għall-pazjenti li huma koperti mill-isptar pubbliku ta’ Basurto, li jinsab fil-muniċipalità ta’ Bilbao, iżda wkoll għall-pazjenti li huma koperti mill-isptar pubbliku ta’ Galdakao, li jinsab fil-muniċipalità ta’ Galdakao, distinta minn dik ta’ Bilbao. Għal dak li jirrigwarda s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt Nru 50/2011, huma intiżi biss għall-pazjenti li huma koperti mill-isptar pubbliku ta’ Galdakao. Konsegwentement, huwa probabbli ħafna li l-pazjenti li għalihom huma intiżi s-servizzi li huma s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ kuntratti joqogħdu prinċipalment f’muniċipalità differenti minn dik ta’ Bilbao, hekk li l-argument ibbażat fuq il-post ta’ domiċilju tal-pazjenti ma jkunx fondat.

    22

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li r-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18.

    23

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 6 de Bilbao (tribunal aministrattiv Nru 6 ta’ Bilbao) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Id-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa kompatibbli mar-rekwiżit imsemmi fil-kuntratti ta’ ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi tas-saħħa, li skontu l-provvista medika li hija s-suġġett tas-sejħa għal offerti għandha biss tiġi pprovduta f’muniċipalità speċifika, li tista’ ma tkunx dik tad-domiċilju tal-pazjenti?”

    Fuq id-domanda preliminari

    24

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żewġ kuntratti Nru 21/2011 u Nru 50/2011 jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/18, fejn l-ammonti jaqbżu l-limitu previst fl-Artikolu 7 ta’ din, u mhux tal-konċessjonijiet tas-servizz, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din l-istess direttiva, sa fejn ir-remunerazzjoni tal-offerent rebbieħ hija kompletament żgurata mill-awtorità kontraenti, li ġġorr ukoll ir-riskju ekonomiku.

    25

    Hemm lok li jiġi osservat ukoll li, kif jirriżulta mill-punti 7 u 8 ta’ din is-sentenza, dawn il-kuntratti, li jirrigwardaw is-servizzi tas-saħħa, huma suġġetti biss għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 u 35(4) tad-Direttiva 2004/18.

    26

    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18, dispożizzjoni li għaliha huma suġġetti l-imsemmija kuntratti u li tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jistabbilixxi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu jippermettu l-aċċess ugwali lill-offerenti.

    27

    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taż-żewġ kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreferu għan-neċessità li jiġu żgurati l-prossimità u l-aċċessibbiltà tal-istabbiliment tal-isptar privat ta’ sostenn li ser jintgħażel, fl-interess tal-pazjenti, tal-qraba tagħhom u tal-persunal mediku msejjaħ sabiex jiċċaqlaq sa dan l-istabbiliment, kriterji li huma inerenti għan-natura tas-servizzi mitluba.

    28

    Issa, ir-rekwiżit skont liema tali stabbiliment għandu bilfors jinsab f’muniċipalità speċifika magħżula sabiex tkun il-post tal-provvista esklużiva tas-servizzi mediċi rilevanti, previst fil-klawżoli amministrattivi partikolari u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti Nru 21/2011 u Nru 50/2011, jikkostitwixxi, fir-rigward tas-sitwazzjoni ġeografika tal-kawża prinċipali, restrizzjoni fuq l-eżekuzzjoni territorjali li ma hijiex ta’ natura li tippermetti l-kisba tal-għan stabbilit fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak li jiġu żgurati l-prossimità u l-aċċessibbiltà tal-istabbiliment tal-isptar privat ta’ sostenn, fl-interess tal-pazjenti, tal-qraba tagħhom u tal-persunal mediku msejjaħ sabiex jiċċaqlaq sa dan l-istabbiliment, fil-waqt li jiġi żgurat aċċess ugwali u nondiskriminatorju għal dawn il-kuntratti lill-offerenti kollha.

    29

    Fiċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni ġeografika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rekwiżit tal-lokalizzazzjoni ġeografika, bħal dak ifformulat fil-klawżoli amministrattivi partikolari u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti Nru 21/2011 u Nru 50/2011, għandu bħala effett li jeskludi awtomatikament l-offerenti li ma jistgħux jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fi stabbiliment li jinsab f’muniċipalità speċifika, minkejja l-fatt li huma eventwalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fir-rekwiżiti u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti kkunsidrati.

    30

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li tali huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fejn l-istabbiliment jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rikjesti, inklużi dawk tal-prossimità u tal-aċċessibbiltà, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżit tal-lokalizzazzjoni fuq it-territorju tal-muniċipalità ta’ Bilbao sa fejn dan l-istabbiliment jinsab f’muniċipalità limitrofa ma’ din tal-aħħar.

    31

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat ukoll f’dan ir-rigward li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, numru ta’ pazjenti li għandhom jibbenefikaw mis-servizzi li jingħataw fi ħdan l-istabbiliment tal-isptar privat tal-offerent rebbieħ għandhom id-domiċilju tagħhom ’il barra mill-muniċipalità li fit-territorju tagħha għandu jinsab l-istabbiliment konformement mal-klawżola tal-lokalizzazzjoni kkunsidrata.

    32

    Konsegwentement, dan ir-rekwiżit ma jiżgurax aċċess ugwali u nondiskriminatorju għall-offerenti kollha taż-żewġ kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jiżguraw il-prossimità u l-aċċessibbiltà tal-istabbiliment tal-isptar privat ta’ sostenn, sa fejn huwa jagħmel aċċessibbli dawn il-kuntratti lill-offerenti biss li jistgħu jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fi stabbiliment li jinsab fil-muniċipalità magħżula fl-avviż tal-kuntratt korrispondenti. Għalhekk, huwa jmur kontra l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18 jipprekludi rekwiżit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ifformulat bħala speċifikazzjoni teknika fl-avviż tal-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, li skontu l-provvisti mediċi li huma s-suġġett tas-sejħiet għal offerti għandhom biss jiġu pprovduti minn stabbilimenti tal-isptarijiet privati li jinsabu biss f’muniċipalità speċifika, li tista’ ma tkunx dik tad-domiċilju tal-pazjenti kkonċernati minn dawn is-servizzi, peress li dan ir-rekwiżit jinkludi esklużjoni awtomatika tal-offerenti li ma jistgħux jipprovdu dawn is-servizzi f’tali stabbiliment li jinsab f’din il-muniċipalità iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ dawn is-sejħiet għal offerti.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jipprekludi rekwiżit, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ifformulat bħala speċifikazzjoni teknika fl-avviż tal-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, li skontu l-provvisti mediċi li huma s-suġġett tas-sejħiet għal offerti għandhom biss jiġu pprovduti minn stabbilimenti tal-isptarjiet privati li jinsabu biss f’muniċipalità speċifika, li tista’ ma tkunx dik tad-domiċilju tal-pazjenti kkonċernati minn dawn is-servizzi, peress li dan ir-rekwiżit jinkludi esklużjoni awtomatika tal-offerenti li ma jistgħux jipprovdu dawn is-servizzi f’tali stabbiliment li jinsab f’din il-muniċipalità, iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ dawn is-sejħiet għal offerti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top