EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0537

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2015.
Birutė Šiba vs Arūnas Devėnas.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil- Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur.
Kawża C-537/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:14

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u konsumatur”

Fil-Kawża C‑537/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Birutė Šiba

vs

Arūnas Devėnas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J. Malenovský, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Devėnas, minnu stess, assistit minn I. Vėgėlė, avukati,

għall-Gvern Litwan, minn G. Taluntytė, A. Svinkūnaitė u R. Krasuckaitė kif ukoll D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Carolan, BL, u D. McDonald, SC,

għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek kif ukoll A. Steiblytė u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Šiba u A. Devėnas, fil-kwalità tiegħu ta’ avukat, dwar talba għall-ħlas tal-onorarji

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għaxar, it-tnax, l-erbatax, is-sittax u t-tmintax Il-premessa tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxu:

“Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ linkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;

[…]

billi […], din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; […]

[…]

billi […] din id-Direttiva tgħodd ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika;

[…]

billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

[…]

billi n-natura tal-merkanzija [beni] jew is-servizzi għandu jkollha influwenza fuq l-istima ta’ kemm ma jkunux ġusti klawżoli kuntrattwali”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-direttiva:

[…]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”.

6

L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

7

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13/KEE jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu”.

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

Id-dritt Litwan

9

L-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat (Advokatūros įstatymas), tat-18 ta’ Marzu 2004 (Žin., 2004, Nru 50-1632), jipprovdi:

“1.   Il-klijenti jħallsu lill-avukat għas-servizzi legali pprovduti skont il-kuntratt billi jħallsu r-remunerazzjoni miftiehma bejn il-partijiet.

[…]

3.   Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tar-remunerazzjoni dovut lill-avukat minħabba fis-servizzi legali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kawża, il-kwalifika u l-esperjenza tal-avukat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent kif ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

B. Šiba kkonkludiet ma’ A. Devėnas, fil-kwalità tiegħu ta’ avukat, tliet kuntratti standard għal provvista ta’ servizzi legali bi ħlas, jiġifieri, fil-25 ta’ Frar 2008, kuntratt li kellu bħala għan id-difiża tal-interessi tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, ta’ qsim tal-beni u tal-istabbiliment tal-post ta’ residenza ta’ wild, fl-14 ta’ Novembru 2008, kuntratt intiż għad-difiża tal-interessi tagħha fil-proċedura għal annullament ta’ tranżazzjoni mibdija minn B. Šiba u, fil-21 ta’ Jannar 2010, kuntratt li permezz tiegħu B. Šiba qabdet lil A. Devėnas sabiex jippreżenta appell quddiem il-Klaipėdos apygardos teismas (Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) u sabiex jiddefendi l-interessi tagħha fil-proċedura quddiem din il-qorti.

11

Il-modalitajiet ta’ ħlas tal-onorarji u t-terminu li fih kellu jsir dan il-ħlas ma ġewx speċifikati fl-imsemmija kuntratti, u dawn tal-aħħar ma identifikawx bi preċiżjoni la d-diversi servizzi legali li minħabba fihom kien intalab l-imsemmi ħlas u lanqas l-ispejjeż għall-provvisti li jikkorrispondu għalihom.

12

Peress li B. Šiba ma ħalsitx l-onorarji fit-terminu impost minn A. Devėnas, dan tal-aħħar adixxa lil Klaipėdos miesto apylinkės teismas (Qorti Distrettwali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) billi talab għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas tas-somma ta’ 15 000 litas Litwani (LTL) bħala ħlas għall-onorarji dovuti.

13

Permezz tad-digriet tat-8 ta’ Lulju 2011 u tas-sentenza tal-11 ta’ April 2012, il-Klaipėdos miesto apylinkės teismas laqgħet it-talba ta’ A. Devėnas.

14

Adita b’appell ippreżentat minn B. Šiba, il-Klaipėdos apygardos teismas ċaħdet dan l-appell permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Ottubru 2012.

15

B. Šiba appellat fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-appell tagħha, hija ssostni b’mod partikolari li l-qrati inferjuri ma ħadux inkunsiderazzjoni l-kwalità tagħha ta’ konsumatur, b’tali mod li, għal kuntrarju ta’ dak li timponi l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward, dawn ma tawx interpretazzjoni favuriha tal-kuntratti kkontestati.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk avukat li jeżerċita professjoni liberali jistax jikklassifika bħala “bejjiegħ jew fornitur” u jekk kuntratt ta’ servizzi legali konkluż bejn avukat u persuna fiżika jikkostitwixxix kuntratt mal-konsumaturi bil-garanziji kollha marbuta għall-imsemmija persuna fiżika.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Persuna fiżika, li, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ servizzi legali bi ħlas konkluż ma’ avukat, irċeviet servizzi legali f’kawżi li jistgħu jikkonċernaw l-interessi personali tagħha (divorzju, qsim tal-beni bejn ex miżżewġin, eċċ.), għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi?

2)

Avukat, membru ta’ professjoni liberali (“[liberal] profession” bl-Ingliż), li jikkonkludi ma’ persuna fiżika kuntratt ta’ servizzi legali bi ħlas, li permezz tiegħu huwa jintrabat li jipprovdi servizzi legali sabiex jippermetti lil din il-persuna fiżika tissodisfa bżonnijiet li ma humiex konnessi mal-attività professjonali tagħha, għandu jiġi kklassifikat bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi?

3)

Kuntratti ta’ servizzi legali bi ħlas konklużi minn avukat, li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu inkwantu membru ta’ professjoni liberali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE […]?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, għandu jiġi deċiż jekk il-kriterji ġenerali humiex applikabbli għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti bħala kuntratti mal-konsumaturi jew jekk il-klassifikazzjoni tagħhom bħala tali ssegwix kriterji speċifiċi. Jekk għandhom jintużaw kriterji speċifiċi għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti bħala kuntratti mal-konsumaturi, liema għandhom ikunu dawn il-kriterji?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kuntratti standard ta’ servizzi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn avukat u persuna fiżika li ma taġixxix għall-għanijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 93/13 tapplika, kif jirriżulta mill-Artikoli 1(1) u 3(1) tagħha, għall-klawżoli ta’ “kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur” li ma jkunux “ġ[ew] negozjat[i] individwalment” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Constructora Principado, C‑226/12, EU:C:2014:10, punt 18).

20

Kif tistabbilixxi l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 93/13 (ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 29).

21

Għaldaqstant huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, li permezz tagħha jiġi ddeterminat jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, EU:C:2013:341, punt 30).

22

Dan il-kriterju jikkorrispondi mal-idea li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn din id-direttiva, jiġifieri, li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel minn bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, EU:C:2013:341, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, għal dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ servizzi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi nnotat li, fil-qasam tal-provvisti offerti mill-avukati, teżisti, bħala prinċipju, inugwaljanza bejn il-“klijenti-konsumaturi” u l-avukati, minħabba b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ simmetrija ta’ informazzjoni bejn dawn il-partijiet. Fil-fatt, l-avukati jiddisponu minn livell għoli ta’ kompetenza teknika li l-konsumaturi mhux bilfors ikollhom, b’mod li dawn tal-aħħar isibuha diffiċli jevalwaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cipolla et., C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 68).

24

Għalhekk, avukat li, bħal fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu, jipprovdi, bi ħlas, servizz legali għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika li taġixxi għall-għanijiet privati huwa “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13. Il-kuntratt dwar il-provvista ta’ tali servizz huwa, konsegwentement, suġġett għall-iskema ta’ din id-direttiva.

25

Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata min-natura pubblika tal-attività tal-avukati, sa fejn l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 jkopri kull attività professjonali “sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata” u li, kif tistabbilixxi l-erbatax-il premessa tagħha, din id-direttiva tapplika “ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika”.

26

Meta avukat jiddeċiedi li juża, fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijenti tiegħu, il-klawżoli standard redatti minn qabel minnu stess jew mill-korpi tal-ordni ta’ professjonisti tiegħu, hija bir-rieda stess ta’ dan l-avukat li l-imsemmija klawżoli huma direttament integrati fil-kuntratti rispettivi.

27

Peress li l-avukati jiddeċiedu liberament li jagħmlu użu minn tali klawżoli standard li ma jirriflettux id-dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, ma jistax barra minn hekk jiġi sostnut li l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar tista’ tippreġudika l-ispeċifiċità tar-relazzjonijiet bejn avukat u klijent tiegħu kif ukoll il-prinċipji li huma l-bażi tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat.

28

Fil-fatt, fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li tfittex tilħaq din id-direttiva, in-natura pubblika jew privata tal-attivitajiet tal-professjonisti jew il-missjoni speċifika ta’ din tal-aħħar ma jistgħux jiddeterminaw il-kwistjoni tal-applikabbiltà stess tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 37).

29

Kif innotat f’dan ir-rigward il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ta’ numru ta’ kuntratti konklużi mill-“klijenti-konsumaturi” ma’ persuni li jeżerċitaw professjonijiet liberali li huma kkaratterizzati mill-indipendenza u mir-rekwiżiti tal-etika li għalihom huma suġġetti dawn il-persuni ċċaħħad lill dawn il-“klijenti-konsumaturi” kollha mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva.

30

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, l-avukati huma obbligati li jieħdu ħsieb li josservaw il-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet tagħhom mal-“klijenti-konsumaturi”, din iċ-ċirkustanza għalhekk ma tikkostitwixxix ostakolu għall-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 fir-rigward tal-klawżoli standard tal-kuntratti dwar il-provvista ta’ servizzi legali.

31

Fil-fatt, il-klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment, b’mod partikolari dawk li huma redatti għall-użu ġenerali, ma jinkludux, bħala tali, informazzjoni ppersonalizzata dwar il-klijenti tal-avukati li l-iżvelar tagħha tista’ tippreġudika s-sigriet tal-professjoni ta’ avukat.

32

Ċertament, ir-redazzjoni speċifika ta’ klawżola kuntrattwali, b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-modalitajiet ta’ ħlas tal-onorarji tal-avukat, tista’ eventwalment, minn tal-inqas inċidentalment, tiżvela ċerti aspetti tar-relazzjoni bejn l-avukat u l-klijent tiegħu li għandhom jibqgħu sigrieti. Madankollu, tali klawżola hija nnegozjata individwalment u, b’dan il-mod, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, hija eskluża mill-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

33

Xorta jibqa’ l-fatt li n-natura tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 93/13 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tagħha, moqri fid-dawl tat-tmintax-il premessa tagħha, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dawn il-kuntratti. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali billi tittieħed inkunsiderazzjoni din in-natura u billi tirreferi, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 71, kif ukoll id-digriet Sebestyén, C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 29).

34

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar is-servizzi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari ta’ dawn is-servizzi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura tal-klawżoli kuntrattwali abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, u li tagħtihom, f’każ ta’ dubju, skont it-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-konsumatur.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kuntratti standard ta’ servizzi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn avukat u persuna fiżika li ma taġixxix għall-għanijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kuntratti standard ta’ servizzi legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn avukat u persuna fiżika li ma taġixxix għall-għanijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top