This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0515
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 26 February 2015.#Ingeniørforeningen i Danmark v Tekniq.#Request for a preliminary ruling from the Østre Landsret.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 2000/78/EC — Equal treatment in employment and occupation — Article 2(1) and (2)(a) — Article 6(1) — Difference of treatment on grounds of age — National legislation providing for severance allowance not to be paid to workers entitled on the date of termination of the employment relationship to a State retirement pension.#Case C-515/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) ta* 26 ta’ Frar 2015.
Ingeniørforeningen i Danmark, agissant pour Poul Landin vs TEKNIQ, agissant pour ENCO A/S - VVS.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Differenza fit-trattament bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza ta’ ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli, fid-data ta’ meta jitilqu, għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-rtirar tal-iskema ġenerali.
Kawża C-515/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) ta* 26 ta’ Frar 2015.
Ingeniørforeningen i Danmark, agissant pour Poul Landin vs TEKNIQ, agissant pour ENCO A/S - VVS.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Differenza fit-trattament bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza ta’ ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli, fid-data ta’ meta jitilqu, għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-rtirar tal-iskema ġenerali.
Kawża C-515/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:115
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
26 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Differenza fit-trattament bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assenza ta’ ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli, fid-data ta’ meta jitilqu, għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-rtirar mill-Istat”
Fil-Kawża C‑515/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura
Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal Poul Landin
vs
Tekniq, li qed taġixxi għal ENCO A/S - VVS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal Poul Landin, minn K. Schioldann, avukat, |
— |
għal Tekniq, li qed taġixxi għal ENCO A/S - VVS, minn C. Ketelsen, u T. Lind-Larsen, avukati, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, kif ukoll minn C. Thorning u U. Melgaard, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Clausen u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(a) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal P. Landin, u Tekniq, li qed taġixxi għal ENCO A/S – VVS, dwar iċ-ċaħda minn Tekniq ta’ applikazzjoni ta’ P. Landin li hija intiża sabiex tinkiseb allowance speċjali ta’ tkeċċija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2000/78
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 din għandha “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[...]” |
5 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[...] 2. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
Id-dritt Daniż
6 |
Il-Liġi dwar l-Impjegati [lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer (funktionærloven), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Impjegati”], tinkludi fl-Artikolu 2a tagħha, d-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-kumpens speċjali għal tkeċċija: “1. F’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat, li jkun ilu fl-impjieg mal-istess impriża b’mod kontinwat għal 12-il sena, 15-il sena jew 18-il sena, il-persuna li tħaddem trid tħallsu somma, fil-mument tat-tmiem tal-impjieg, li tkun ekwivalenti għal paga ta’ xahar, ta’ xahrejn, jew ta’ tliet xhur rispettivament. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma japplikawx jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impjegat jirċievi l-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali. 3. Il-kumpens għal tkeċċija ma jitħallasx jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, l-impjegat jirċievi mingħand il-persuna li timpjegah pensjoni tax-xjuħija u jekk l-impjegat ikun daħal fis-sistema tal-pensjoni inkwistjoni qabel ma jagħlaq ħamsin sena. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (3) ma japplikawx jekk ikun hemm ftehim kollettiv li, fl-1 ta’ Lulju 1996, jirregola l-kwistjoni tat-tnaqqis jew it-tneħħija tal-kumpens għal tkeċċija minħabba l-pensjoni tax-xjuħija. 5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 japplikaw mutatis mutandis f’każ ta’ tkeċċija inġusta”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 |
P. Landin twieled fl-24 ta’ Novembru 1944 u ġie impjegat fil-11 ta’ Jannar 1999 bħala inġinier skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjegati. |
8 |
B’effett mill-jum meta għalaq 65 sena, fl-24 ta’ Novembru 2009, huwa talab li l-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali tiegħu jiġi pospost sabiex jikseb ammont ogħla. |
9 |
Fit-30 ta’ Novembru 2011, il-konvenuta fil-kawża prinċipali nnotifikat lil P. Landin, li dak iż-żmien kellu 67 sena, bid-deċiżjoni tagħha li tkeċċih fi tmiem preavviż ta’ sitt xhur, fl-aħħar ta’ Mejju 2012, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjegati meta titqies l-anzjanità tiegħu. |
10 |
Peress li P. Landin, kellu iktar minn 65 sena, huwa kien eliġibbli għall-benefiċċju tal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx ħallsitu l-allowance speċjali għal tkeċċija previst fl-Artikolu 2a(1) tal-Liġi dwar l-Impjegati minħabba li, konformement għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2a(2) ta’ din il-liġi, l-impjegat eliġibbli għall-benefiċċju tal-pensjoni tal-irtirar mill-Istat jitlef id-dritt għall-allowance previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 2a, anki jekk huwa kompla jeżerċita attività professjonali u anki jekk huwa talab li l-ħlas ta’ din il-pensjoni jiġi pospost. |
11 |
P. Landin ħadem matul il-perijodu kollu tal-preavviż u, fl-iskadenza tiegħu, beda jaħdem bħala inġinier tal-irrigazzjoni ma’ persuna oħra li timpjega, fil-kundizzjonijiet normali tas-suq u skont il-Liġi dwar l-Impjegati. |
12 |
Għaldaqstant, huwa beda proċeduri sabiex jikseb l-allowance speċjali għal tkeċċija previst fl-Artikolu 2a(1) tal-Liġi dwar l-Impjegati, billi argumenta li r-rifjut ta’ dan il-ħlas imur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Il-projbizzjoni minn diskriminazzjoni diretta [...] fuq il-bażi ta’ età li tinsab fl-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva [2000/78] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi Stat Membru milli jżomm fis-seħħ sitwazzjoni ġuridika fejn min iħaddem, wara li jitkeċċa ħaddiem impjegat li kien jaħdem mal-istess kumpannija għal 12, 15 jew 18-il sena, għandu, malli jiġi tterminat l-impjieg tal-ħaddiem impjegat, iħallas ammont ekwivalenti għal xahar, xahrejn jew tliet xhur paga rispettivament, iżda li dan il-benefiċċju m’għandux jitħallas meta l-ħaddiem impjegat, meta jintemm il-kuntratt, huwa intitolat li jirċievi pensjoni tax-xjuħija minn skema ta’ pensjoni li għaliha jkun ikkontribwixxa min iħaddem? [pensjoni tax-xjuħija tal-iskema ġenerali]?” |
Fuq id-domanda preliminari
14 |
Bil-għan li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk tirriżultax differenza fit-trattament mill-applikazzjoni tal-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. |
15 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati għandu bħala effett li jċaħħad mid-dritt tal-allowance speċjali għal tkeċċija lil ċerti ħaddiema u dan biss minħabba l-fatt li huma jistgħu jibbenefikaw, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, minn pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali. Issa, mill-proċess jirriżulta li l-għoti tal-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija huwa suġġett għal kundizzjoni tal-età minima li ġiet iffissata għal 65 sena għall-ħaddiema li twieldu fis-sena 1954. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq kriterju li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-età tal-impjegati (ara, b’analoġija, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 23). |
16 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi differenza fit-trattament bbażata direttament fuq il-kriterju tal-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
17 |
It-tieni nett, jaqbel li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata. |
18 |
Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għanijiet leġittimi, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi intiżi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji (sentenza Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 37). |
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod repetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jiksbuh (sentenzi Specht et, C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 38). |
20 |
Sabiex tiġi evalwata n-natura leġittima tal-għan mixtieq mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-allowance speċjali għal tkeċċija għandha l-għan, kif il-qorti tar-rinviju tindika meta tirreferi għar-raġunijiet tal-abbozz tal-Liġi dwar l-Impjegati, li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn impjieg ġdid tal-iktar ħaddiema anzjani li jkollhom anzjanità kbira mal-istess persuna li timpjegahom. Min-naħa l-oħra, jekk il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi l-benefiċċju ta’ din l-allowance għall-ħaddiema li, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, ma ngħatawx il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar mill-Istat, ix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-miżura leġiżlattiva, iċċitati mill-qorti tar-rinviju, juru li din il-limitazzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni skont liema l-persuni li ngħatalhom il-benefiċċju ta’ tali pensjoni tal-irtirar jiddeċiedu, bħala regola ġenerali, li jitilqu mis-suq tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 27). |
21 |
Kif jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati hija intiża li tiggarantixxi, b’mod sempliċi u razzjonali, li l-persuni li jimpjegaw ma jħallsux lill-impjegati mkeċċija li jkollhom anzjanità kbira kumpens doppju li ma jservi ebda għan fil-qasam tal-politika tal-impjieg. |
22 |
L-għan intiż mill-allowance speċjali għal tkeċċija, ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li għandhom anzjanità kbira fl-impriża u l-għajnuna għall-inseriment professjonali mill-ġdid, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 29). |
23 |
Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn l-għanijiet jistgħu jiġġustifikaw, bħala deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, differenzi fit-trattament marbuta, b’mod partikolari, mal-“istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali […] [tal-]impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, […] [għall-]ħaddiema ta’ età […] sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom”. |
24 |
Konsegwentement, għanijiet bħalma huma dawk mixtieqa mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażat fuq l-età (sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 31). |
25 |
Għandu wkoll jiġi vverifikat, skont il-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-mezzi implementati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”. F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg mixtieqa mil-leġiżlatur mingħajr madankollu ma jkun hemm preġudizzju eċċessiv kontra l-interessi leġittimi tal-ħaddiema li, minħabba din id-dispożizzjoni, jiġu mċaħħda minn din l-allowance peress li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 32). |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jiksbu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma għandux l-effett li jirrendi ineffettiva l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età (sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Issa, ir-restrizzjoni tal-allowance speċjali għal tkeċċija, biss, lill-ħaddiema li fid-data tat-tkeċċija tagħhom, jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali, ma tidhirx irraġonevoli fir-rigward tal-għan mixtieq mil-leġiżlatur, li jikkonsisti f’li jipprovdi protezzjoni ikbar għall-ħaddiema peress li t-tranżizzjoni tagħhom lejn impjieg ġdid hija iktar diffiċli minħabba l-anzjanità tagħhom fl-impriża. L-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati jippermetti wkoll li l-possibbiltajiet ta’ abbuż jiġu limitati, u dan jikkonsisti, għal ħaddiem, li jibbenefika minn kumpens intiż li jkun ta’ sostenn fit-tiftix ta’ impjieg ġdid filwaqt li huwa jkun wasal biex jirtira (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark , EU:C:2010:600, punt 34). |
28 |
Għalhekk, għandu jitqies li dispożizzjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati ma tidhirx manifestament inadegwata sabiex tilħaq l-għan leġittimu tal-politika tal-impjieg mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. |
29 |
Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk din il-miżura teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
30 |
Mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-leġiżlatur żamm bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema li, minħabba l-anzjanità tagħhom fl-impriża, jkunu ġeneralment fost l-ikbar fl-età, u dik tal-ħaddiema iżgħar, li ma jistgħux jitolbu l-benefiċċju tal-allowance speċjali għal tkeċċija. Ix-xogħlijiet preparatorji tal-Liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li permezz tagħha saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, iċċitati mill-qorti tar-rinviju, juru, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-allowance speċjali għal tkeċċija, sa fejn huwa strument ta’ protezzjoni sostnut minn kategorija ta’ ħaddiema ddefiniti b’riferiment għall-anzjanità tas-servizz tagħhom, jikkostitwixxi forma ta’ differenza fit-trattament li jikkawża preġudizzju għall-ħaddiema l-iktar żgħażagħ. Għalhekk, il-Gvern Daniż josserva li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-allowance speċjali għal tkeċċija prevista fl-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati tippermetti li miżura ta’ protezzjoni soċjali, li ma hijiex intiża sabiex tapplika għall-ħaddiema l-iktar żgħażagħ, ma tiġix estiża lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. |
31 |
Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiżgura, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u n-neċessità tal-ġlieda kontra l-abbużi, li l-allowance speċjali għal tkeċċija tingħata biss lill-persuni li għalihom din hija intiża, jiġifieri dawk li jkollhom il-ħsieb li jibqgħu attivi, li iżda, minħabba l-età tagħhom, ġeneralment jiltaqgħu ma’ iktar diffikultajiet sabiex isibu impjieg ġdid. Din il-miżura tippermetti wkoll li jiġi evitat li l-allowance speċjali għal tkeċċija ma titħallasx lil persuni li jridu, barra minn hekk, jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar mill-Istat. |
32 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati, sa fejn dan jeskludi mill-benefiċċju tal-allowance speċjali għal tkeċċija l-ħaddiema li ser jirċievu, fid-data ta’ tkeċċija tagħhom, pensjoni tal-irtirar mill-Istat, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li huwa jrid jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 40). |
33 |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din il-konstatazzjoni tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li din id-dispożizzjoni tekwipara lill-persuni li ser jirċievu effettivament pensjoni tal-irtirar mill-Istat ma’ dawk li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ tali pensjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 41). |
34 |
L-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati għandha bħala effett li teskludi mill-benefiċċju tal-allowance speċjali għal tkeċċija dawk il-ħaddiema kollha li huma eliġibbli, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, għal pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din l-esklużjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 43). |
35 |
Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Daniż jirriżulta li din l-esklużjoni hija bbażata fuq l-idea skont liema, bħala regola ġenerali, l-impjegati jitilqu mis-suq tax-xogħol peress li jkunu eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali. Minħabba din l-evalwazzjoni marbuta mal-età, ħaddiem li, minkejja li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar mill-iskema ġenerali, ikun jixtieq li jirrinunzja temporanjament għal dan il-benefiċċju sabiex ikompli bil-karriera professjonali tiegħu, ma jkunx jista’ jirċievi l-allowance speċjali għal tkeċċija, minkejja li din hija intiża għal protezzjoni tiegħu. Għalhekk, bil-għan leġittimu li jiġi evitat li dan il-kumpens ikun ta’ benefiċċju għal persuni li ma jkunux qed ifittxu impjieg ġdid iżda jkunu ser jieħdu dħul alternattiv fl-għamla ta’ pensjoni tal-irtirar mill-Istat, il-miżura inkwistjoni twassal sabiex teskludi minn din l-allowance lill-ħaddiema mkeċċija li jkunu jridu jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u dan biss minħabba l-fatt li dawn ikunu jistgħu, minħabba b’mod partikolari, l-età tagħhom, jieħdu din il-pensjoni (ara s-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark, EU:C:2010:600, punt 44). |
36 |
Fil-punt 45 tas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (EU:C:2010:600), li fiha qamet il-kwistjoni jekk l-Artikolu 2a(3) tal-Liġi dwar l-Impjegati, li jipprevedi l-esklużjoni tal-allowance speċjali għal tkeċċija fil-każ meta l-impjegat għandu l-possibbiltà, fid-data ta’ meta jitlaq, li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni rendiet iktar diffiċli l-eżerċizzju sussegwenti tad-dritt ta’ tali impjegat li jaħdem, peress li, la kien f’sitwazzjoni ta’ tranżizzjoni lejn impjieg ġdid, ma jibbenefikax minn tali allowance. Fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ riskju għall-ħaddiema kkonċernati li jkollhom jaċċettaw telf ta’ dħul sinjifikattiv fuq perijodu twil. |
37 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali hija distinta minn dik li tat lok għall-kawża li wasslet għas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (EU:C:2010:600). |
38 |
Peress li l-pensjoni tax-xjuħija inkwistjoni fl-imsemmija kawża tista’ titħallas mill-età ta’ 60 sena, kull impjegat li jkun laħaq din l-età fil-jum tat-tluq tiegħu jkun jista’ jibbenefika biss minn pensjoni ta’ ammont imnaqqas meta mqabbel ma’ dak li kien jikseb kieku stenna li jilħaq l-età tal-irtirar sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu tal-irtirar. Għaldaqstant, huwa fil-fatt jirriskja li jitnaqqaslu l-ammont imħallas bħala rtirar antiċipat. |
39 |
Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, li tikkonċerna l-esklużjoni tal-allowance speċjali għal tkeċċija fil-każ fejn l-impjegat għandu l-possibbiltà, fid-data ta’ tluq tiegħu, li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali. Għalhekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-pensjoni tal-irtirar hija ekwiparabbli għal sostenn meta l-età tal-irtirar iddefinità fil-livell nazzjonali tintlaħaq. Matul il-perijodu li jibda mis-sena 1999 sas-sena 2023, l-età normali tal-irtirar hija ta’ 65 sena u dan il-limitu jiżdied progressivament sal-età ta’ 67 sena għas-sena 2027. |
40 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-riskju li jitnaqqas l-ammont imħallas bħala rtirar antiċipat ma jikkonċernax, bħala prinċipju, lill-impjegati li jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali, bħal P. Landin, li kellu 67 sena fid-data tat-tkeċċija tiegħu. |
41 |
Barra dan, sa fejn l-allowance speċjali għal tkeċċija hija allowance unika li tikkorrispondi għal xahar, għal xahrejn jew għal tliet xhur ta’ salarju, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tista’ tikkawża telf ta’ dħul sinjifikattiv fuq perijodu twil. |
42 |
F’dan ir-rigward, il-kawża prinċipali hija distinta wkoll mill-fatti li wasslu għal kawża li wasslet għas-sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603), li kienet tikkonċerna, għall-uffiċjali li laħqu l-età ta’ 65 sena u li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar, id-dritt li jżommu s-salarju tagħhom matul tliet snin wara t-tmiem tal-impjieg tagħhom. |
43 |
Dawn il-konklużjonijiet ma humiex ikkontestati mill-fatt li impjegat, bħalma hu P. Landin, jista’ jkompli jaħdem wara l-età tal-irtirar, sabiex iżid l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu. Fil-fatt għandu jiġi rrilevat, kif jindika l-Gvern Daniż b’risposta għal domanda magħmula matul is-seduta, li huwa possibbli li persuna tirċievi l-pensjoni tal-irtirar mill-iskema ġenerali filwaqt li teżerċita attività professjonali. Il-ħlas ta’ din il-pensjoni jista’ jiġi sospiż ukoll bil-għan li tiġi eżerċitata din l-attività u għalhekk, fi tmiem, li jiżdied l-ammont tal-imsemmija pensjoni. |
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u inkunsiderazzjoni tal-elementi rrilevati fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-Impjegati ma jidhirx li tikkawża preġudizzju eċċessiv lill-interessi leġittimi tal-ħaddiema li jkunu laħqu l-età normali tal-irtirar. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 2(a) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat li kien fis-servizz tal-istess impriża matul perijodu mhux interrott ta’ 12-il sena, 15-il sena jew 18-il sena, il-persuna li timpjega tħallas, meta dan l-impjegat jitlaq, allowance li tikkorrispondi rispettivament għal xahar, xahrejn jew tliet xhur tas-salarju, iżda li din l-allowance ma titħallasx jekk l-imsemmi impjegat jkollu l-possibbiltà, fid-data tat-tluq tiegħu, li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali, sa fejn, minn naħa l-waħda, din il-leġiżlazzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, hija tikkostitwixxi raġuni xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 2(1) u (2)(a) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat li kien fis-servizz tal-istess impriża matul perijodu mhux interrott ta’ 12-il sena, 15-il sena jew 18‑il sena, il-persuna li tħaddem għandha tħallas, meta dan l-impjegat jitlaq, allowance li tikkorrispondi rispettivament għal xahar, għal xahrejn jew għal tliet xhur ta’ salarju, iżda li din l-allowance ma titħallasx jekk l-imsemmi impjegat ikollu l-possibbiltà, fid-data tat-tluq tiegħu, li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar mill-Istat, sa fejn, minn naħa l-waħda, din il-leġiżlazzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu li jirrigwarda l-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, hija tikkostitwixxi raġuni xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.