EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0497

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015.
Froukje Faber vs Autobedrijf Hazet Ochten BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 1999/44/KE — Bejgħ u garanzija ta’ oġġetti għall-konsum — Status tax-xerrej — Kapaċità ta’ konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Dmir li l-bejjiegħ ikun informat — Nuqqas li jsir apparenti fi żmien sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġetti — Oneru tal-prova.
Kawża C-497/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:357

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 1999/44/KE — Bejgħ u garanzija ta’ oġġetti għall-konsum — Status tax-xerrej — Kapaċità ta’ konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Dmir li l-bejjiegħ ikun informat — Nuqqas li jsir apparenti fi żmien sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġetti — Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑497/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Froukje Faber

vs

Autobedrijf Hazet Ochten BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Autobedrijf Hazet Ochten BV, minn W. van Ochten, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2)(a) u 5 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti [għal]l-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Faber ta’ Autobedrijf Hazet Ochten BV (iktar ’il quddiem il-“garaxx Hazet”) dwar talba għal kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ konformità li kellha l-vettura mixtrija minn F. Faber mingħand il-garaxx Hazet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44 “konsumatur” ifisser “kull persuna naturali li, fil-kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi għall-għanijiet li m’humiex relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.

4

L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

2.   Oġġetti [għal]l-konsum huma preżunti li huma f’konformità mal-kuntratt jekk:

(a)

jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet ta’ l-oġġetti li l-bejjiegħ [ikun] wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell;

(b)

tajbin għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġhom il-konsumatur u li [huwa jkun informa] lill-bejjiegħ dwarhom fil-ħin meta [jkun] ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ [ikun] aċċetta;

(ċ)

tajbin għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta’ l-istess tip;

(d)

juru l-kwalità u l-[prestazzjoni] li huma normali f’oġġetti ta’ l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġjonevoli, skond in-natura ta’ l-oġġetti u b’konsiderazzjoni mogħtija għal kull stqarrija pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oġġetti dwarhom [magħmula] mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, partikolarment fir-riklamar jew fuq it-tikketta.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu li “[...]l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli [lejn il]-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti”.

6

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dwar il-“Limiti ta’ żmien”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità [jsir] apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti [jkunu ġew ikkunsinnati].

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità f’perijodu ta’ xahrejn mid-data li fiha induna b’din in-nuqqas ta’ konformità.

[...]

3.   Jekk kemm-il darba ma jkunx ipprovat mod ieħor, kull nuqqas ta’ konformità li [jsir apparenti] fi żmien sitt xhur mill-[kunsinna] ta’ l-oġġetti għandu jkun preżunt li [jkun eżista] fil-ħin ta’ [kunsinna] sakemm din il-preżunzjoni [tkun] inkompatibbli man-natura ta’ l-oġġetti jew [man]-natura tan-nuqqas ta’ konformità.”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 1999/44 jispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom natura vinkolanti u li, b’mod partikolari, il-klawżoli kuntrattwali li jillimitaw direttament jew indirettament id-drittijiet li jirriżultaw minnhom, ma jorbtux, fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali, lill-konsumatur.

Id-dritt Olandiż

Id-dritt sostantiv

8

L-Artikolu 7:5(1) tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek, iktar ’il quddiem il-“BW”) jiddefinixxi l-bejgħ ta’ oġġett għall-konsum bħala “l-bejgħ ta’ oġġett mobbli [...], konkluż bejn bejjiegħ fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali u xerrej, persuna fiżika, mhux fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali”.

9

L-Artikolu 7:17(1) tal-BW jipprovdi li l-oġġett ikkunsinnat għandu jkun konformi mal-kuntratt.

10

L-Artikolu 7:18(2) tal-BW, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Olandiż l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44, jipprevedi:

“Fil-kuntest tal-bejgħ ta’ oġġett għall-konsum, l-oġġett ikkunsinnat jitqies bħala mhux konformi mal-kuntratt jekk id-diskrepanza mal-oġġett miftiehem timmanifesta ruħha f’terminu ta’ sitt xhur mill-kunisnna, sakemm in-natura tal-oġġett jew tad-diskrepanza ma jipprekludux dan.”

11

Mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li x-xerrej għandu jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni, jipprova li l-oġġett ma huwiex konformi mal-ħaġa miftiehma u li n-nuqqas ta’ konformità timmanifesta ruħha f’terminu ta’ sitt xhur mid-data ta’ kunsinna. Għaldaqstant, huwa l-bejjiegħ li għandu jallega u jipprova li, fil-mument tal-kunsinna, l-oġġett jikkorrispondi tabilħaqq għall-ħaġa miftiehma.

12

L-Artikolu 7:23(1) tal-BW jipprovdi:

“Ix-xerrej ma jkunx jista’ jibbaża ruħu iktar fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt tal-oġġetti kkunsinnati, jekk ma jkunx ta avviż dwaru lill-bejjiegħ fil-perijodu debitu wara li jkun skopra jew kellu raġonevolment jiskopri n-nuqqas. Iżda jekk ikun jidher li l-oġġetti jkunu nieqsa minn karatteristika li skont il-bejjiegħ huma kellhom, jew jekk in-nuqqas ta’ konformità jirrigwarda fatti li l-bejjiegħ kien jaf bihom jew kellu jkun jaf bihom, iżda li huwa ma żvelax, in-notifika jkollha sussegwentement issir fiż-żmien debitu wara s-sejba. Fil-każ ta’ bejgħ għall-konsum, in-notifika għandha ssir fiż-żmien debitu wara s-sejba, fejn notifika f’perijodu ta’ xahrejn wara s-sejba tkun saret f’waqtha.”

13

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Hoge Raad (il-Kunsill tal-Istat), huwa jekk il-bejjiegħ isostni li l-informazzjoni ma saritx fit-termini, huwa x-xerrej, li għandu jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni motivata, li jipprova li huwa ta din l-informazzjoni fi żmien utli u b’mod kjarament identifikabbli għall-bejjiegħ. F’każ ta’ bejgħ ta’ oġġett għall-konsum, il-kwistjoni ta’ jekk informazzjoni mogħtija iktar minn xahrejn wara l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità tistax titqies li ngħatat fi żmien utli tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ.

Id-dritt proċedurali

14

Skont l-Artikoli 23 u 24 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering, iktar ’il quddiem ir-“Rv”), il-qorti tista’ tiddeċiedi biss fuq it-talbiet tal-partijiet u għandha żżomm mal-fatti ġuridiċi li fuqhom hija bbażata t-talba, ir-rikors jew ir-risposta.

15

F’proċedura tal-appell, il-qorti li quddiemha jkun tressaq tista’ tiddeċiedi biss fuq l-ilmenti li jkunu tqajmu mill-partijiet fl-ewwel talbiet imressqa fl-appell. Madankollu, il-qorti tal-appell għandha tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ ordni pubbliku, anki jekk dawn ma jkunux ġew invokati mill-partijiet.

16

Madankollu, skont l-Artikolu 22 tar- Rv, “il-qorti tista’, fiċ-ċirkustanzi kollha u f’kull stadju tal-proċedura jitlob lil waħda mill-partijiet jew lit-tnejn sabiex jagħtu iktar spjegazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom jew sabiex jipproduċu ċerti dokumenti dwar il-kawża”.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis-27 ta’ Mejju 2008, F. Faber xtrat vettura użata mingħand garaxx Hazet. Il-kuntratt ta’ bejgħ konkluż bejn il-partijiet tfassal fuq formularju stampat minn qabel fuq letter head ta’ dan il-garaxx, intitolata “Kuntratt ta’ Bejgħ Privat”.

18

Fis-26 ta’ Settembru 2008, il-vettura inkwistjoni ħadet in-nar matul trasport u nqerdet kompletament. F. Faber, li kienet qed issuq il-vettura marret għal appuntament ta’ xogħol ma’ bintha.

19

L-imsemmija vettura tneħħiet minn trakk tal-irmunkar lejn il-garaxx Hazet imbagħad, fuq talba tiegħu, lejn impriża ta’ demolizzjoni sabiex tiġi rreġistrata konformement mal-leġiżlazzjoni ambjentali fis-seħħ. F. Faber issostni, iżda l-garaxx Hazet jikkontesta, li, f’din l-okkażjoni, il-partijiet tħadtu dwar il-ħruq u r-responsabbiltà eventwali tal-garaxx.

20

Fil-bidu tal-2009, il-garaxx Hazet ikkuntattja lil F. Faber bit-telefon u qalilha li kien għadu qed jistenna r-rapport tekniku tal-pulizija dwar il-ħruq. Madankollu, bi tweġiba għal domanda ta’ F. Faber, il-pulizija informatha li ma kien tħejja ebda rapport tekniku.

21

Fit-8 ta’ Mejju 2009, il-vettura kkonċernata nqerdet, wara li l-garaxx Hazet ġie informat minn qabel.

22

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2009, F. Faber informat lill-garaxx Hazet li hija kienet ser iżżommu responsabbli għad-dannu li hija kienet ġarrbet minħabba n-nar li qered il-vettura tagħha. Dan id-dannu, li jikkorrispondi għall-prezz ta’ xiri tal-vettura kif ukoll għall-valur ta’ diversi oġġetti li kienu jinsabu fiha, ġie kkalkolat minn F. Faber għal EUR 10828.55.

23

Fil-bidu ta’ Lulju 2009, F. Faber inkarigat uffiċċju ta’ esperti sabiex iwettqu investigazzjoni teknika fuq il-kawża tal-ħruq tal-vettura. Peress li din sadanittant inqerdet, din l-investigazzjoni ma seħħitx.

24

Fis-26 ta’ Ottubru 2010, F. Faber ressqet kawża kontra l-garaxx Hazet quddiem ir-Rechtbank Arnhem (Qorti ta’ Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi).

25

Insostenn tar-rikors tagħha, F. Faber sostniet li l-vettura ma kinitx tikkorrispondi għall-ħaġa miftiehma u li għaldaqstant kien hemm nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 7:17 BW. Madankollu, hija ma sostnietx li hija xtrat bħala konsumatur.

26

Il-garaxx Hazet iddefenda lilu nnifsu billi kkontesta l-eżistenza ta’ każ ta’ nuqqas ta’ konformità u billi sostna li F. Faber ressqet l-ilment tagħha tardivament, b’tali mod li, skont l-Artikolu 7:23(1) tal-BW, hija tilfet id-drittijiet kollha tagħha.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2011, ir-Rechtbank Arnhem ċaħdet il-pretensjonijiet ta’ F. Faber. Din il-qorti kkunsidrat li l-garaxx Hazet jista’ ġustament jinvoka l-Artikolu 7:23(1) tal-BW, peress li l-ewwel kuntatt bejn il-partijiet seħħ biss permezz tat-telefon fil-bidu tas-sena 2009, jew iktar minn tliet xhur wara l-ħruq tal-vettura. L-imsemmija qorti qieset ukoll li ma kienx hemm bżonn li jitqies b’mod ulterjuri jekk F. Faber aġixxietx bħala konsumatur.

28

Fis-26 ta’ Lulju 2011, F. Faber appellat mid-deċiżjoni tar-Rechtbank Arnhem quddiem il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi).

29

Fil-kuntest tal-appell tagħha, F. Faber invokat żewġ aggravji, l-ewwel wieħed indirizzat kontra l-evalwazzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza skont liema hija ma aġixxietx fit-termini legali, it-tieni jallega li l-pompieri u l-pulizija li waslu fuq il-postijiet tal-ħruq irrappurtaw difett tekniku fil-vettura inkwistjoni.

30

Min-naħa l-oħra, F. Faber ma ressqet l-ebda lment kontra l-evalwazzjoni tar-Rechtbank Arnhem skont liema ma kienx hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet jikkonċerna oġġett għall-konsum. Hija ma speċifikatx jekk xtratx il-vettura kkonċernata bħala konsumatur.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu, kemm minħabba l-prinċipju ta’ effettività, kemm minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni, kif ukoll minħabba dispożizzjonijiet jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni [Ewropea], li teżamina ex officio jekk, f’kuntratt, ix-xerrej huwiex konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(44)(a) tad-Direttiva 1999/44?

2)

Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll jekk il-fajl tal-proċess ma jinkludix punti ta’ fatt (jew jinkludi punti ta’ fatt insuffiċjenti jew kontradittorji) li jippermettu li tiġi stabbilita l-kwalità tax-xerrej?

3)

Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll fi proċeduri ta’ appell li fihom ix-xerrej ma jikkontestax id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li ma għamlitx (ex officio) dan l-eżami fid-deċiżjoni tagħha u li ma eżaminatx espressament fiha iktar ’il quddiem jekk ix-xerrej jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur?

4)

(Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 ta’) Id-Direttiva 1999/44 għandha tiġi kkunsidrata bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku fl-ordinament ġuridiku intern?

5)

Il-prinċipju ta’ effettività, jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur obbligu li jinvoka u oneru tal-prova li jirrigwarda l-obbligu li jinfoma (fi żmien xieraq) lill-bejjiegħ bid-difett preżuppost tal-oġġett ikkunsinnat?

6)

Il-prinċipju ta’ effettività jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni, jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur li jinvoka jew li jipproduċi prova li dan l-oġġett ma huwiex konformi u li dan in-nuqqas ta’ konformità mmanifesta ruħu fis-sitt xhur tal-kunsinna? Xi jfissru t-termini ‘kull nuqqas ta’ konformità li titfaċċa’ li jinsabu fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 u, b’mod partikolari, sa fejn ix-xerrej-konsumatur għandu jinvoka fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw (ir-raġuni ta’) in-nuqqas ta’ konformità?

7)

L-assistenza ta’ avukat li għamlet użu minnu F. Faber fiż-żewġ istanzi ta’ dawn il-proċeduri għandha effett fuq ir-risposta għad-domandi preċedenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet u seba ’ domandi

32

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk, skont il-prinċipju ta’ effettività, il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq kawża li tirrigwarda l-garanzija dovuta mill-bejjiegħ lejn l-akkwirent fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ li jirrigwarda oġġett mobbli tanġibbli, għandha teżamina ex officio jekk l-akkwirent għandu jitqies li huwa konsumatur skont id-Direttiva 1999/44, anki jekk din il-parti ma tkunx invokat din il-kwalità.

33

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali inkwistjoni hija bejn żewġ individwi. Anki jekk huwa minnu li f’tilwima privata, l-ebda parti ma tista’ tibbaża fuq l-effett dirett tad-Direttiva 1999/44, hija madankollu ġurisprudenza stabbilita qorti nazzjonali li titressaq quddiemha kawża bejn żewġ individwi biss, għandha, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, tieħu inkunsiderazzjoni l-assjem ta’ regoli tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-finalità tad-direttiva applikabbli fil-qasam sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan mixtieq minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/44 fl-ordinament ġuridiku Olandiż ġie żgurat bl-entrata fil-Ktieb 7 tal-BW, intitolat “Kuntratti Speċjali”, fost ir-regoli ta’ garanzija applikabbli indistintament għall-kuntratti kollha ta’ bejgħ, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ bejgħ fir-rigward ta’ oġġett għall-konsum.

35

Madankollu, fir-rigward tal-kuntratt ta’ bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li jeżisti dubju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli, fin-nuqqas ta’ għarfien ta’ jekk dan il-kuntratt ta’ bejgħ ġiex konkluż ma’ konsumatur.

36

Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li, jekk F. Faber ipproduċiet, insostenn tat-talba tagħha għal garanzija kontra l-garaxx Hazet, dokument kuntrattwali intitolat “Kuntratt ta’ Bejgħ Privat”, hija ma speċifikatx jekk dan il-kuntratt diġà kien konkluż fil-kuntest tal-attività tagħha professjonali jew barra minnha, filwaqt li dan l-element jippermetti lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali inkwistjoni li tiddetermina jekk hija tistax titqies li hija konsumatur skont id-dritt nazzjonali applikabbli u tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44. Barra dan, fl-ewwel istanza, it-talba ta’ F. Faber ġiet miċħuda bħala tardiva fir-rigward tat-termini ffissati mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma ġie stabbilit f’liema kapaċità r-rikorrenti kienet ikkonkludiet l-imsemmi kuntratt. Fl-aħħar nett, fl-aggravji li hija invokat insostenn tal-appell tagħha u li jiddefinixxu l-portata tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tal-appell, F. Faber lanqas ma argumentat li hija aġixxiet fil-kapaċità ta’ konsumatur.

37

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, f’tali kuntest, il-qorti nazzjonali għandhiex teżamina ex officio jekk l-akkwirent għandux jitqies li huwa konsumatur, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli ta’ proċedura, il-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet, li l-partijiet ikkonċernati għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, madankollu bil-kundizzjoni li ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha, għal-finijiet tal-identifikazzjoni tar-regoli ta’ dritt applikabbli għal kawża li titressaq quddiemha, tikklassifika ġuridikament il-fatti u atti invokati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom. Din il-klassifikazzjoni ġuridika hija imposta minn qabel fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-garanzija tal-oġġett mibjugħ, mitluba mill-attriċi, tista’ tiġi rregolata minn regoli distinti skont il-klassifikazzjoni tal-akkwirent. Tali klassifikazzjoni ma timplikax, per se, li l-qorti teżerċita setgħa diskrezzjonali, ex officio, iżda biss li hija għandha tikkonstata u tivverifika l-eżistenza ta’ kundizzjoni legali li tiddetermina norma ġuridika applikabbli.

39

Bl-istess mod li, fil-kuntest tal-modalitajiet proċedurali tal-ordinament ġuridiku intern tagħha, hija mitluba, għall-finijiet li tidentifika r-regola tad-dritt nazzjonali applikabbli, sabiex tikklassifika l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu tressqu mill-partijiet, skont il-każ, billi tistieden lil dawn tal-aħħar sabiex jipproduċu kwalunkwe speċifikazzjoni utli, il-qorti nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, twettaq l-istess proċess sabiex tiddetermina jekk norma tad-dritt tal-Unjoni hijiex applikabbli.

40

Dan jista’ jkun il-każ fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti nazzjonali għandha, kif ġie rrilevat minnha stess fid-deċiżjoni tar-rinviju, “indizju”, f’dan il-każ il-produzzjoni minn F. Faber ta’ dokument intitolat “Kuntratt ta’ Bejgħ Privat”, u fejn, skont l-Artikolu 22 tar-Rv, din il-qorti għandha l-possibbiltà, enfasizzata mill-Gvern Olandiż, li tordna lill-partijiet li jispeċifikaw ċerti dokumenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq verifiki għal dan il-għan.

41

Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ effettività jistax jawtorizza l-klassifikazzjoni ta’ konsumatur ta’ parti li ma tkunx invokat din il-kwalità tqum biss f’din iċ-ċirkustanza fejn il-modalitajiet proċedurali tal-ordinament ġuridiku intern ma jipprovdu ebda mezz lill-qorti nazzjonali li tippermettilha li tagħti lill-fatti u lill-atti kkontestati l-klassifikazzjoni eżatta tagħhom, jekk din ma tkunx ġiet invokata espressament mill-partijiet infushom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom.

42

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, abbażi tal-prinċipju ta’ effettività u minkejja r-regoli ta’ dritt intern kunfliġġenti, li l-qorti nazzjonali tapplika ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ex officio. Dan ir-rekwiżit ġie ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn dawn id-direttivi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni u li jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari, b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2 p. 288), is-sentenza Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), is-sentenza Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65].

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li kull sitwazzjoni fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, il-modalitajiet proċedurali li, kif jista’ jkun il-każ fil-kawża prinċipali, jipprojbixxu kemm lill-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll il-qorti tal-appell, li quddiemhom tkun tressqet talba għal garanzija bbażata fuq kuntratt ta’ bejgħ, li jikklassifikaw, abbażi ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt li huma għandhom jew li jista’ jkollhom fuq sempliċi talba li tingħata kjarifika, ir-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata bħala bejgħ lill-konsumatur, meta dan tal-aħħar ma invokax espressament din il-kwalità, tkun tammonta għal l-issuġġettar tal-konsumatur għall-obbligu li jipproċedi hu nnifsu, taħt piena ta’ telf tad-drittijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħtih permezz tad-Direttiva 1999/44, għal klassifikazzjoni ġuridika sħiħa tas-sitwazzjoni tiegħu. F’qasam fejn, f’numru ta’ Stati Membri, ir-regoli ta’ proċedura jippermettu lill-individwi li jirrappreżentaw lilhom infushom quddiem it-tribunali, jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari, b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan il-livell ta’ rekwiżiti.

45

Minn dan isegwi li l-modalitajiet proċedurali bħal dawk deskritti fil-punt preċedenti ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività peress li huma ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli, fl-azzjonijiet għal garanzija bbażati fuq nuqqas ta’ konformità li fihom huma partijiet il-konsumaturi, l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 1999/44 hija intiża li tagħti lil dawn tal-aħħar.

46

Kuntrarjament, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li, l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, għandha l-obbligu, dejjem jekk ikollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan jew jista’ jiddisponi fuq sempliċi talba għal kjarifika, li jiġi vverifikat jekk l-akkwirent jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx espressament invoka din il-kwalità.

47

Għandu jiżdied li l-punt ta’ jekk il-konsumatur jibbenefikax jew le mill-assistenza ta’ avukat ma jbiddilx din il-konklużjoni, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-portata tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza li huma indipendenti ta’ ċirkustanzi konkreti speċifiċi għal kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-seba’ domandi li d-Direttiva 1999/44 għandha tiġi interpretata f’dan is-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan jew tista’ meta jkollha sempliċi talba għal kjarifika, li tivverifika jekk l-akkwirent jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur fis-sens tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx invoka din il-kwalità.

Fuq ir-raba ’ domanda

49

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/44 jistax jitqies li huwa norma ekwivalenti għal regola ta’ ordni pubbliku skont id-dritt intern tagħhom, jiġifieri bħal regola li tista’ tiġi invokata ex officio mill-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ appell.

50

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda konkretament l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, li tipprevedi li, jekk kemm-il darba ma jkunx ipprovat mod ieħor, kull nuqqas ta’ konformità li jsir apparenti fi żmien sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett għandu jkun preżunt li jkun eżista fil-ħin tal-kunsinna.

51

Għandu jkun irrilevat li l-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ tkun rilevanti biss fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li l-kuntratt ikkonċernat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 1999/44, li jippresupponi, b’mod partikolari, li dan il-kuntratt ġie konkluż ma’ konsumatur.

52

Fis-sistema ta’ responsabbiltà implementata mid-Direttiva 1999/44, filwaqt li l-Artikolu 2(2) ta’ din tal-aħħar jistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli ta’ konformità mal-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-bejjiegħ huwa responsabbli ta’ kull nuqqas ta’ konformità li teżisti mal-kunsinna tal-oġġett. Mill-applikazzjoni konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa l-konsumatur li, bħala prinċipju, għandu jipprova l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ konformità u d-disponibbiltà ta’ dan fid-data tal-kunsinna tal-oġġett.

53

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 jipprevedi regola derogatorja għal dan il-prinċipju fil-każ fejn in-nuqqas ta’ konformità li [jsir apparenti] fi żmien sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett. Fil-fatt f’’dan il-każ, in-nuqqas huwa preżunt li jkun jeżisti fil-mument tal-kunsinna.

54

Dan it-tħaffif tal-oneru tal-prova favur il-konsumatur huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jidher biss sussegwentement għad-data tal-kunsinna tal-oġġett, il-prova li dan in-nuqqas kien jeżisti f’din id-data jista’ joħloq “ostaklu insormontabbli għall-konsumatur”, filwaqt li ġeneralment huwa ferm iktar faċli għal bejjiegħ li jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma jkunx jeżisti fil-mument tal-kunsinna u li jirriżulta, pereżempju, minn użu ħażin mill-konsumatur [ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti għall-konsumatur u garanziji assoċjati COM(95) 520 finali, p. 13].

55

Id-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova li tirriżulta mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 turi, konformement, mal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, natura vinkolanti kemm għall-partijiet, li ma jistgħux jidderogaw minnha permezz ta’ ftehim, kif ukoll mill-Istati Membri, li għandhom jiżguraw l-osservanza tagħha. Minn din ir-regola dwar l-oneru tal-prova jirriżulta li għandha tiġi applikata anki jekk ma tkunx ġiet espressament invokata mill-konsumatur li jista’ jibbenefika minnha.

56

Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi, mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44, din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija regola ekwivalenti għal regoli nazzjonali li għandha, fl-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku. Minn dan jirriżulta li, peress li għandha, bħala parti mis-sistema ġudizzjarja interna tagħha, l-fakultà li tapplika ex officio tali norma, il-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio kull dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 5(3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punti 52 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata lir-raba’ domanda hija li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies li hija regola ekwivalenti għal regola nazzjonali li għandha, fl-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ norma ta’ ordni pubbliku u li l-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio kull dispożizzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern.

Fuq il-ħames domanda

58

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix lil regola nazzjonali li timponi lill-konsumatur li jistabbilixxi li jkun informa lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità fi żmien utli.

59

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Olandiż jipprevedi tali obbligu fl-Artikolu 7:23 tal-BW u li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Hoge Raad, huwa l-konsumatur li, f’każ ta’ kontestazzjoni tal-bejjiegħ, għandu jipprova li jkun informa lil dan tal-aħħar bin-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett kkunsinnat. Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fis-sistema prevista mil-leġiżlatur Olandiż, din l-informazzjoni titqies li tkun ingħatat fi żmien utli jekk tkun ingħatat f’terminu ta’ xahrejn mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità. Barra dan, skont il-ġurisprudenza tal-Hoge Raad, il-kwistjoni ta’ jekk informazzjoni mogħtija fit-tmiem ta’ dan it-terminu tistax titqies li ngħatat fi żmien utli tiddependi miċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44 jippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu li l-konsumatur, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, għandu jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità fit-terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha kkonstataha.

61

Skont ix-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmija direttiva, din il-possibbiltà tirrifletti x-xewqa li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, billi tinkoraġġixxi lix-xerrej ikollu “[ċerta] diliġenza [...], billi jqis l-interessi tal-bejjiegħ”, “[mingħajr] obbligu strett li ssir spezzjoni dettaljata tal-oġġett” [ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva COM(95) 520 finali, p. 14].

62

Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tagħha, u tal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, l-obbligu hekk impost fuq il-konsumatur ma jistax jeċċedi dak li jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità.

63

Fir-rigward tal-kontenut ta’ din l-informazzjoni, il-konsumatur ma huwiex obbligat, f’dan l-istadju, li l-oġġett li xtara kien effettivament milqut b’nuqqas ta’ konformità. Inkunsiderazzjoni tal-inferjorità li jsib ruħu fiha fir-rigward tal-bejjiegħ f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-kwalitajiet ta’ dan l-oġġett u fl-istat li fih inbiegħ, il-konsumatur lanqas ma jista’ jkun obbligat li jiddikjara l-kawża preċiża ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità. Bil-maqlub, bil-għan li l-informazzjoni tista’ tkun utli għall-bejjiegħ, din għandha timplika ċertu numru ta’ indikazzjonijiet, b’preċiżjoni li ser neċessarjament tvarja skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, fir-rigward tan-natura tal-oġġett inkwistjoni, dwar il-kontenut tal-kuntratt ta’ bejgħ korrispondenti u dwar il-manifestazzjonijiet konkreti tan-nuqqas ta’ konformità allegata.

64

Fir-rigward tal-prova li din l-informazzjoni ngħatat lill-bejjiegħ, hija tobdi, bħala prinċipju, għar-regoli nazzjonali fil-qasam, li għandhom madankollu jirrispettaw il-prinċipju ta’ effettività. Minn dan isegwi li Stat Membru ma għandux jipprevedi rekwiżiti ta’ natura li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tad-Direttiva 1999/44.

65

Għaldaqstant, il-ħames domanda għandha tingħata risposta li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li tipprevedi li l-konsumatur, sabiex jibbenefika mid-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa ta’ din id-direttiva, għandu jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità fi żmien utli, bil-kundizzjoni li l-konsumatur għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, sabiex jagħti din l-informazzjoni, terminu li ma jistax ikun inqas minn xahrejn mid-data li fiha huwa jikkonstata dan in-nuqqas, li l-informazzjoni li tiġi pprovduta hija bbażata biss fuq l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas u li ma hijiex suġġetta għal regoli ta’ prova li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-imsemmi konsumatur tad-drittijiet tiegħu.

Fuq is-sitt domanda

66

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif taħdem id-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova stabbilita mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 u, b’mod partikolari, liema huma l-elementi li għandu jistabbilixxi l-konsumatur.

67

Kif ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tipprevedi regola derogatorja għall-prinċipju li huwa l-obbligu tal-konsumatur li jaqleb il-preżunzjoni ta’ konformità tal-oġġett mibjugħ, stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, u li jipprova nuqqas ta’ konformità li huwa jallega.

68

Fil-każ fejn in-nuqqas ta’ konformità tkun dehret f’terminu ta’ sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 iħaffef l-oneru tal-prova fuq il-konsumatur billi jipprovdi li n-nuqqas huwa preżunt li eżista f’dak iż-żmien tal-kunsinna.

69

Sabiex jibbenefika minn dan it-tħaffif, il-konsumatur għandu madankollu jipprova ċerti fatti.

70

Fl-ewwel lok, il-konsumatur għandu jallega u jipprova li l-oġġett mibjugħ ma huwiex konformi mal-kuntratt ikkonċernat billi, pereżempju, ma għandux il-kwalitajiet miftiehma minn dan tal-aħħar jew ukoll li ma huwiex adattat għall-użu abitwalment mistenni minn dan it-tip ta’ oġġett. Il-konsumatur huwa obbligat li jipprova biss l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Huwa ma huwiex obbligat li jipprova l-kawża tiegħu u lanqas li jistabbilixxi li l-oriġini tan-nuqqas hija imputabbli għall-bejjiegħ.

71

It-tieni lok, il-konsumatur għandu jipprova li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni dehret, jiġifieri materjalment irrivelat ruħha, f’terminu ta’ sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett.

72

Ladarba jiġu stabbiliti dawn il-fatti, il-konsumatur jiġi eżentat milli jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ konformità eżistiet fid-data tal-kunsinna tal-oġġett. L-okkorrenza ta’ dan in-nuqqas fil-perijodu qasir ta’ sitt xhur tippermetti li jiġi preżunt li, jekk dan in-nuqqas jiġi rrivelat biss sussegwentement għall-kunsinna tal-oġġett, huwa diġà eżistenti, “fi stat embrjonali”, fih mal-kunsinna [ara l-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta għal direttiva COM(95) 520 finali, p. 12].

73

Għaldaqstant, huwa l-bejjiegħ li għandu jipprova, skont il-każ, li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx eżistenti fil-mument tal-kunsinna tal-oġġett, billi jistabbilixxi li l-kawża jew l-oriġini ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità jinsab f’att jew ommissjoni sussegwenti għal din il-kunsinna.

74

Fiċ-ċirkustanza fejn il-bejjiegħ ma jirnexxilux tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi li l-kawża jew l-oriġini tan-nuqqas ta’ konformità qegħdin f’ċirkustanza li seħħet wara l-kunsinna tal-oġġett, il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 tippermetti lill-konsumatur li jinvoka d-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa ta’ din id-direttiva.

75

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola li n-nuqqas ta’ konformità hija preżunta li kienet teżisti fil-mument tal-kunsinna tal-oġġett:

tapplika sakemm il-konsumatur jipprova li l-oġġett mibjugħ ma jikkonformax mal-kuntratt u li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni tidher, jiġifieri hija materjalment irrivelata, f’terminu ta’ sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett. Il-konsumatur ma għandux obbligu li jipprova l-kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità u lanqas li jistabbilixxi li l-oriġini tiegħu huwa imputabbli għall-bejjiegħ;

tista’ tiġi rrifjutata biss jekk il-bejjiegħ jistabbilixxi b’mod suffiċjenti d-dritt li l-kawża jew l-oriġini tal-imsemmi nuqqas ta’ konformità qegħdin f’ċirkustanza li sseħħ wara l-kunsinna tal-oġġett.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti [għal]l-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan jew tista’ meta jkollha sempliċi talba għal kjarifika, li tivverifika jekk l-akkwirent jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur fis-sens tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx invoka din il-kwalità.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies li hija regola ekwivalenti għal regola nazzjonali li għandha, fl-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ norma ta’ ordni pubbliku u li l-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio kull dispożizzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern.

 

3)

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li tipprevedi li l-konsumatur, sabiex jibbenefika mid-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa ta’ din id-direttiva, għandu jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità fi żmien utli, bil-kundizzjoni li l-konsumatur għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, sabiex jagħti din l-informazzjoni, terminu li ma jistax ikun inqas minn xahrejn mid-data li fiha huwa jikkonstata dan in-nuqqas, li l-informazzjoni li tiġi pprovduta hija bbażata biss fuq l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas u li ma hijiex suġġetta għal regoli ta’ prova li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-imsemmi konsumatur tad-drittijiet tiegħu.

 

4)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola li n-nuqqas ta’ konformità hija preżunta li kienet teżisti fil-mument tal-kunsinna tal-oġġett:

tapplika sakemm il-konsumatur jipprova li l-oġġett mibjugħ ma jikkonformax mal-kuntratt u li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni tidher, jiġifieri hija materjalment irrivelata, f’terminu ta’ sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett. Il-konsumatur ma għandux obbligu li jipprova l-kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità u lanqas li jistabbilixxi li l-oriġini tiegħu huwa imputabbli għall-bejjiegħ;

tista’ tiġi rrifjutata biss jekk il-bejjiegħ jistabbilixxi b’mod suffiċjenti d-dritt li l-kawża jew l-oriġini tal-imsemmi nuqqas ta’ konformità qegħdin f’ċirkustanza li sseħħ wara l-kunsinna tal-oġġett.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top