EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0445

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Mejju 2015.
Voss of Norway ASA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 7(1)(b) — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ flixkun ċilindriku.
Kawża C-445/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:303

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 7(1)(b) — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ flixkun ċilindriku”

Fil-Kawża C‑445/13 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013,

Voss of Norway ASA, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja), irrappreżentata minn F. Jacobacci u B. La Tella, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn:

International Trademark Association, stabbilita f’New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn T. De Haan, avukat, F. Folmer u S. Klos, avukati, kif ukoll minn S. Helmer, solicitor,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Nordic Spirit AB (publ),

parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Rodin, President ta’ Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Voss of Norway ASA (iktar ’il quddiem “Voss”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Voss of Norway vs UASI – Nordic Spirit (Forma ta’ flixkun ċilindriku) (T‑178/11, EU:T:2013:272, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-12 ta’ Jannar 2011 (Każ R 785/2010-1), marbuta ma’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Nordic Spirit AB (publ) (iktar ’il quddiem “Nordic Spirit”) u Voss (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

2

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009, ħassar u ssostitwixxa ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).

3

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”:

“1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

b)

marki kummerċjali li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]”

4

L-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

meta t-trade mark tal-Komunità tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

[...]”

5

L-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi:

“It-trade mark Komunitarja għandha titqies li ma kellhiex, sa mill-bidu, l-effetti speċifikati minn dan ir-Regolament, sa fejn it-trade mark tkun ġiet iddikjarata invalida.”

6

L-Artikolu 99 tal-istess regolament jistabbilixxi li:

“1.   Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom jikkunsidraw it-trade mark Komunitarja bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

2.   Il-validità ta’ trade mark Komunitarja ma tistax tiġi kontestata f’kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni.

3.   Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 96(a) u (c), eċċezzjoni li tirrigwarda r-revoka jew l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja li ma tkunx saret permezz ta’ kontrotalba hija ammissibli biss jekk il-konvenut jallega li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jistgħu jiġu revokati minħabba nuqqas ta’ użu jew li l-istess trade mark Komunitarja tista’ tiġi iddikjarata invalida minħabba dritt preċedenti tal-konvenut.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

7

Skont ir-Regola 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2009, tal-31 ta’ Marzu 2009 (ĠU L 109, p. 3):

“Applikazzjoni lill-Uffiċċju għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skond Artikolu [56 tar-Regolament 207/2009] għandu jkun fiha:

[...]

b)

f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni.

[...]

iv)

indikazzjoni tal-fatti, provi u argumenti preżentati biex isaħħu dawk ir-raġunijiet;

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

8

Fit-3 ta’ Diċembru 2004, Voss kisbet, mingħand l-UASI u skont ir-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni, taħt in-numru 3156163, tat-trade mark tridimensjonali riprodotta hawn taħt (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”):

Image

9

Il-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata jaqgħu taħt il-klassijiet 32 u 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

Il-Klassi 32: Birer; xarbiet mhux alkoħoliċi, ilma;

Il-Klassi 33: xarbiet alkoħoliċi, bl-esklużjoni tal-birra.

10

Fis-17 ta’ Lulju 2008, Nordic Spirit ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (e)(i) sa (iii), ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 51(1)(b) tal-imsemmi regolament.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha.

12

Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-forma tat-trade mark ikkontestata ma hijiex “komuni” fis-suq tax-xarbiet u li, minħabba l-kuntrast bejn il-parti trasparenti u t-tapp, din hija differenti ħafna mill-fliexken eżistenti u tista’, minħabba dan, tiġi rreġistrata bħala trade mark.

13

Fit-6 ta’ Mejju 2010, Nordic Spirit ippreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

14

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) annulla l-imsemmija deċiżjoni u laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

15

Huwa kkunsidra, essenzjalment, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-konsumaturi, fl-ewwel lok, jattribwixxu lill-fliexken li fihom jinsabu dawn il-prodotti s-sempliċi funzjoni ta’ imballaġġ [sentenza Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, EU:T:2006:84], hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konsumaturi jaqraw it-tikketta mwaħħla fuq il-flixkun sabiex jidentifikaw l-oriġini tal-prodott u sabiex jiddistingwuh minn prodotti oħra.

16

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kinux sostnuti minn ebda prova d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li l-konsumatur medju huwa kapaċi li jipperċepixxi l-forma tal-imballaġġ tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, sa fejn din il-forma tippreżenta karatteristiċi li huma suffiċjenti sabiex jiġbdu l-attenzjoni tiegħu.

17

Barra minn hekk, dan il-Bord ikkunsidra li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova minn Voss sabiex tistabbilixxi li kien b’mod żbaljat li Nordic Spirit sostniet li l-fliexken tal-ilma minerali jew li jkun fihom kull xarba oħra jinkludu dejjem elementi verbali u figurattivi u li, għal din ir-raġuni, il-konsumaturi għandhom l-użanza li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodott ikkonċernat abbażi mhux tad-disinn tal-flixkun, iżda ta’ dawn l-elementi l-oħra.

18

Fl-aħħar, l-imsemmi Bord jikkunsidra li l-forma tal-flixkun inkwistjoni ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv mill-forma tal-kontenituri l-oħra użati għal xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi fl-Unjoni Ewropea, iżda li hija biss varjant.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2011, Voss ressqet rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

21

L-ewwel wieħed minn dawn l-erba’ motivi kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ibbaża r-raġunament tiegħu fuq elementi li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti u li fir-rigward tagħhom, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha.

22

It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95, sa fejn il-Bord tal-Appell indebitament għabba lir-rikorrenti bl-oneru tal-prova tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, filwaqt li din tal-aħħar kienet irreġistrata u kienet tgawdi, konsegwentement, minn preżunzjoni ta’ validità.

23

It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza marbuta mal-karattru distintiv tat-trademarks tridimensjonali, sa fejn it-test iddefinit mill-ġurisprudenza sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali meta s-suġġett ikun l-imballaġġ ta’ prodott likwidu u meta din it-trade mark tkun ikkostitwita mill-apparenza tal-prodott stess, liema test jikkonsisti fl-evalwazzjoni dwar jekk it-trade mark hijiex differenti b’mod sinjifikattiv min-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat, ġie ssostitwit mill-Bord tal-Appell permezz ta’ test ieħor, ibbażat fuq l-importanza li jeħtieġ li tingħata lit-tikketti u prattiki oħra ta’ mmarkar użati fl-imsemmi settur.

24

Fl-aħħar, ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq żnaturament tal-provi dwar l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn in-normi u l-użanzi tas-settur tax-xarbiet, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat favur l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata.

25

Madankollu, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-ewwel motiv tagħha.

26

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq raġunament kompost minn żewġ pilastri separati u indipendenti minn xulxin.

27

Fil-punt 27 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali indikat li, fil-punti 18 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkorrispondu għall-parti mir-raġunament li hija kklassifikat bħala “l-ewwel pilastru”, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li huwa fatt risaput li x-xarbiet huma kważi dejjem mibjugħa fi fliexken, bottijiet jew imballaġġi oħra miksija b’tikketta jew element verbali jew grafiku ieħor, li dawn huma indikazzjonijiet li jippermettu lill-konsumatur li jiddistingwi bejn il-prodotti fis-suq u li Voss ma kienet ippreżentat l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li dan ma huwiex il-każ.

28

Fil-punt 28 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-punti 36 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkorrispondu għall-parti tar-raġunament li huwa identifika bħala “it-tieni pilastru”, il-Bord tal-Appell wettaq analiżi awtonoma tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata sabiex b’dan jikkonkludi, essenzjalment, li l-flixkun inkwistjoni ma huwiex differenti b’mod sinjifikattiv mill-forma ta’ fliexken oħra fis-suq tax-xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi u li huwa biss varjant, u li, għaldaqstant, dan ma jiddevjax b’mod sinjifikattiv min-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat.

29

Il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 29 tas-sentenza kkontestata, li, meta sarulhom mistoqsijiet dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-partijiet kienu kkonfermaw li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq raġunament kompost minn żewġ pilastri distinti u indipendenti. Barra minn hekk hija indikat, fil-punt 30 tas-sentenza kkontestata, li Voss kienet speċifikat, waqt is-seduta, li t-tieni motiv tagħha ma kienx dirett kontra l-ewwel wieħed minn dawn il-pilastri.

30

Il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tat-tielet motiv, sa fejn dan huwa marbut mat-tieni wieħed minn dawn il-pilastri, kif ukoll tar-raba’ motiv.

31

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali warrbet it-tielet motiv sa fejn dan kien jikkonċerna t-tieni pilastru.

32

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, iddeċidiet li t-trade mark ikkontestata hija kkostitwita minn assjem ta’ elementi li kull wieħed minnhom, peress li jista’ jintuża b’mod komuni fil-kummerċ għall-imballaġġ tal-prodotti suġġetti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ma għandux karattru distintiv inkonnessjoni ma’ dawn il-prodotti.

33

Fir-rigward tal-forma tridimensjonali tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 51 tas-sentenza kkontestata, li huwa fatt risaput li l-maġġoranza tal-fliexken disponibbli fis-suq għandhom parti ċilindrika. Minn dan hija ddeduċiet li, għall-konsumatur medju, huwa naturali li l-fliexken tax-xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi għandhom ġeneralment tali forma. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-forma ta’ “ċilindru perfett” tal-flixkun inkwistjoni, filwaqt li ammettiet ukoll li dan l-element jippreżenta ċerta oriġinalità, ma jistax jitqies li huwa differenti b’mod sinjifikattiv min-normi jew l-użanzi tas-settur ikkonċernat.

34

Fir-rigward tat-tapp mhux trasparenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li dan l-element jista’ diffiċilment jitqies li huwa differenza sinjifikattiva inkonnessjoni man-normi u mal-użanzi ta’ dan is-settur, peress li huwa fatt risaput li numru kbir ta’ fliexken jingħalqu b’tapp magħmul minn materjal u ta’ kulur differenti minn dawk tal-flixkun innifsu.

35

Fir-rigward tad-dijametru tat-tapp, identiku għal dak tal-flixkun, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 53 tas-sentenza kkontestata, li dan jikkostitwixxi biss varjant mill-forom eżistenti u ma jistax jitqies li huwa sinjifikattivament differenti min-normi jew mill-użanzi tal-imsemmi settur, anki jekk jiġi ammess li dan l-element jippreżenta ċerta oriġinalità.

36

Fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li trade mark kumplessa hija komposta biss minn elementi li ma għandhomx karattru distintiv inkonnessjoni mal-prodotti kkonċernati tippermetti, bħala regola ġenerali, li jiġi konkluż li din it-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, ma għandhiex karattru distintiv. Hija żiedet li tali konklużjoni tista’ titwarrab biss f’każ fejn indizji konkreti, b’mod partikolari, bħall-mod kif dawn l-elementi jkunu magħquda, jindikaw li l-imsemmija trade mark kumplessa, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tirrappreżenta iktar mit-total tal-elementi li jikkomponuha.

37

Fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali indizji huma neqsin f’dan il-każ, peress li l-mod kif inhuma magħquda l-elementi li jikkomponu s-sinjal tridimensjonali li għalih ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata ma jirrappreżentax iktar mit-total tal-elementi li jikkomponu din it-trade mark, jiġifieri flixkun b’tapp mhux trasparenti, bħall-maġġoranza tal-fliexken maħsuba sabiex jaħżnu fihom xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi fis-suq ikkonċernat.

38

Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-konsumatur medju tal-Unjoni jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata, fl-intier tagħha, unikament bħala varjant tal-forma tal-prodotti li għalihom qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

39

Hija kkonkludiet, fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord tal-Appell, fil-punti 36 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, kien applika konkretament it-test previst mill-ġurisprudenza sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tas-sinjali tridimensjonali, liema test jeżiġi l-eżami tal-punt dwar jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex differenti b’mod sinjifikattiv min-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat, meta s-suġġett ikun imballaġġ ta’ prodott likwidu u li dan is-sinjal huwa kkostitwit mill-apparenza tal-prodott innifsu.

40

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 62 sa 91 tas-sentenza kkontestata, warrbet ir-raba’ motiv invokat minn Voss insostenn tar-rikors tagħha. Fil-fatt hija kkunsidrat li kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma għandhiex karattru distintiv u li hija ma hijiex realment differenti mill-forom ta’ imballaġġ tal-prodotti użati frekwentement fis-settur tax-xarbiet, iżda tikkostitwixxi varjant ta’ dawn il-forom.

41

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li tiġi kkontestata din il-konklużjoni.

42

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument ta’ Voss li l-Bord tal-Appell, billi pparaguna forma ċilindrika mas-sezzjoni ta’ ċilindru, żnatura l-provi li jinsabu fil-proċess, peress li sezzjoni ċilindrika hija devjazzjoni mill-perspettiva matematika, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan il-Bord kellu l-intenzjoni, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li jagħti lit-terminu “sezzjoni ċilindrika” sinjifikat matematiku, fis-sens ta’ “rappreżentazzjoni ta’ sezzjoni trasversali (cross-section) ta’ forma ġeometrika”. Skont il-Qorti Ġenerali, huwa, għall-kuntrarju, fis-sens “ta’ waħda mill-partijiet ftit jew wisq distinti li fihom oġġett huwa jew jista’ jiġi diviż jew li minnhom huwa kompost” (“any of the more or less distinct parts into which something is or may be divided or from which it is made up”, Oxford Dictionary) li għandha tinftiehem il-kelma “sezzjoni”.

43

Fil-punti 92 sa 96 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali warrbet bħala ineffettivi t-tieni motiv kif ukoll it-tielet motiv, sa fejn dan tal-aħħar kien dirett kontra l-ewwel pilastru tar-raġunament li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

44

Fil-fatt ġie deċiż li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-UASI hija bbażata fuq raġunament li jinkludi diversi pilastri, li kull wieħed minnhom huwa minnu nnifsu suffiċjenti biex jiġġustifika dan id-dispożittiv, dan l-att jista’, bħala regola, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn il-pilastri jkun illegali. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk jiġi preżunt li l-motivi diretti kontra l-ewwel pilastru tar-raġunament li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma fondati, dan il-fatt ma jinċidix fuq id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, peress li t-tieni pilastru ta’ dan ir-raġunament ma huwiex illegali.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 95 tas-sentenza kkontestata, li, “anki jekk jiġi preżunt li kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien fatt risaput li x-xarbiet huma kważi dejjem mibjugħa fi fliexken miksija b’tikketta jew b’element verbali jew grafiku, li huwa dawn l-indikazzjonijiet li jippermettu lill-konsumatur li jiddistingwi bejn il-prodotti fis-suq u li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li dan ma huwiex il-każ, dawn il-kunsiderazzjonijiet jibqgħu mingħajr ebda effett fuq il-konklużjoni li tikkonstata l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata bbażata fuq l-evalwazzjonijiet iddikjarati legali fil-punti 46 sa 91 [tas-sentenza kkontestata]”.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiemha minn Voss.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

47

Voss titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

48

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lil Voss għall-ispejjeż.

49

L-International Trademark Association (iktar ’il quddiem l-“INTA”), li ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Voss bid-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Voss of Norway vs UASI (C‑445/13 P, EU:C:2014:202), titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata; u

tiddeċiedi li hija għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

Fuq l-appell

50

Insostenn tal-appell tagħha, Voss tinvoka sitt aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

51

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina t-tieni motiv invokat insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza u bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell għabbiha indebitament bl-oneru tal-prova tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, meta din tal-aħħar kienet irreġistrata u kienet tgawdi minn preżunzjoni ta’ validità.

52

Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali warrbet it-tieni motiv unikament minħabba l-fatt li hija, b’mod arbitrarju, ikkunsidrat li dan il-motiv kien dirett kontra l-ewwel pilastru tar-raġunament li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, meta dan kien dirett b’mod ċar kontra t-tieni pilastru, kif ġie ddefinit fil-punt 28 tas-sentenza kkontestata.

53

L-UASI kkontesta d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u jitlob iċ-ċaħda ta’ dan l-ewwel aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Essenzjalment, Voss tallega li l-Qorti Ġenerali biddlet it-termini tad-distinzjoni, bejn iż-żewġ pilastri tar-raġunament żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata, maqbula waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

55

Skont ir-rikorrenti, fil-punti 27 u 28 tas-sentenza appellata, l-ewwel u t-tieni pilastri ġew iddefiniti bil-maqlub tad-definizzjoni li saret waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

56

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina t-tieni motiv invokat minn Voss insostenn tar-rikors tagħha ppreżentat fl-ewwel istanza u bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell indebitament għabbiha bl-oneru tal-prova tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata.

57

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-proċess verbal tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali, innotifikat lir-rikorrenti bil-faks tat-13 ta’ Marzu 2013, riċevut minn din tal-aħħar, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq raġunament li jinkludi żewġ pilastri indipendenti, l-ewwel wieħed jinsab fil-punti 18 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata u t-tieni fil-punti 36 sa 41 ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li t-tieni motiv tagħha ma kienx dirett kontra r-raġunament żviluppat fil-punti 36 sa 41 tagħha.

58

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li dan it-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali kien dirett, kif issostni r-rikorrenti, kontra l-imsemmi tieni pilastru, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 28 u 50 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell wettaq, fil-punti 36 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, analiżi tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata b’mod awtonomu u ma għabbiex lil Voss bl-oneru tal-prova dwar l-eżistenza ta’ tali karattru.

59

Isegwi li l-ewwel aggravju invokat minn Voss insostenn tal-appell tagħha ma huwiex fondat u għandu, konsegwentement, jitwarrab.

Fuq it-tieni motiv

L-argumenti tal-partijiet

60

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95, sa fejn, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza kkontestata, hija qalbet l-oneru tal-prova, li kien impost esklużivament fuq Nordic Spirit fil-kwalità tagħha ta’ parti li ppreżentat proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, billi imponiet fuqha l-obbligu li tipprova l-karattru distintiv tat-trademark, minkejja l-assenza ta’ kull prova pprovduta minn Nordic Spirit insostenn tal-allegata assenza ta’ karattru distintiv ta’ din tal-aħħar.

61

F’dan ir-rigward, Voss issostni, li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li tistabbilixxi li l-fatt li trade mark kumplessa hija komposta biss minn elementi li ma għandhomx karattru distintiv jippermetti, bħala regola ġenerali, li jiġi konkluż li din it-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, ma għandhiex karattru distintiv, ħlief fil-każ fejn “indizji konkreti bħal, partikolarment, il-mod kif l-elementi differenti huma magħquda, jindikaw li t-trade mark kumplessa tirrappreżenta aktar mit-total tal-elementi li hija komposta minnhom”, hija marbuta mal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarji, u ma hijiex applikabbli għat-trade marks irreġistrati li, bħat-trade mark ikkontestata, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità.

62

L-INTA tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 52, 55 u 99 tar-Regolament Nru 207/2009, li minnhom jirriżulta li t-trade marks Komunitarji rreġistrati jgawdu minn preżunzjoni ta’ validità, kif ukoll fuq ir-regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95 sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qalbet l-oneru tal-prova tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni.

63

Skont din l-assoċjazzjoni, jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tintlaqa’, it-trade mark miksuba tkun preżunta valida, salv għal prova kuntrarja, u l-applikant ma għandux jintalab jistabbilixxi mill-ġdid, il-validità tat-trademark tiegħu, sakemm ma jkunux ġew prodotti fatti u provi li juru l-kuntrarju mill-parti li tkun tfittex li tipprova tannulla din it-trade mark.

64

Issa, f’dan il-każ, l-awtur tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma pproduċa l-ebda fatt verifikabbli u lanqas provi quddiem l-UASI. Minn dan, l-INTA tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolamenti Nru 207/2009 u Nru 2868/95 billi ma annullatx id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li kienet ikkunsidrat li d-dikjarazzjoni ta’ Voss, li l-konsumaturi huma f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti billi jħarsu lejn il-forma tal-imballaġġ tagħhom, ma kinitx sostnuta minn provi u għaldaqstant ma kinitx suffiċjenti “sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli ddefiniti mill-ġurisprudenza”.

65

L-UASI jikkontesta d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali twassal għal tqassim żbaljat tal-oneru tal-prova tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni u jsostni li, salv għal dispożizzjoni kuntrarja espressa li tinsab fir-Regolament Nru 207/2009, l-applikazzjoni tal-motivi assoluti għal rifjut hija suġġetta għall-istess kriterju, fir-rigward kemm tat-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom kif ukoll dawk li diġà ġew irreġistrati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Sa fejn jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, qalbet l-oneru tal-prova billi imponiet fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tipprova l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, minkejja l-assenza ta’ kull prova prodotta minn Nordic Spirit insostenn tal-allegata assenza ta’ karattru distintiv ta’ din tal-aħħar, it-tieni aggravju tal-appell għandu jitwarrab bħala infondat.

67

Fil-fatt, fil-punt 51 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod awtonomu l-punt dwar jekk it-trade mark ikkontestata għandhiex karattru distintiv.

68

Wara li kkunsidrat, wara l-eżami separat ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tat-trade mark ikkontestata, li din tal-aħħar hija kkostitwita minn assjem ta’ elementi li kull wieħed minnhom ma għandux karattru distintiv meta mqabbel mal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, indikat li din iċ-ċirkustanza “tippremetti, bħala regola ġenerali, li jiġi konkluż li din it-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, ma għandhiex karattru distintiv”, sakemm “indizji konkreti bħal, partikolarment, il-mod kif l-elementi differenti huma magħquda, jindikaw li t-trade mark kumplessa tirrappreżenta aktar mit-total tal-elementi li hija komposta minnhom”.

69

Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “[f]’dan il-każ, ma jidhirx li jeżistu tali indizji”. Hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li “t-trade mark ikkontestata hija kkaratterizzata mill-kongolmerazzjoni ta’ forma tridimensjonali ta’ flixkun ċilindriku trasparenti u ta’ tapp mhux trasparenti tal-istess dijametru bħall-flixkun proprja [u li l-]mod kif dawn l-elementi huma magħquda flimkien f’dan il-każ ma jirrappreżentawx iktar mit-total tal-elementi li t-trade mark ikkontestata hija komposta minnhom, jiġifieri flixkun b’tapp mhux trasparenti, bħall-maġġoranza tal-fliexken maħsuba sabiex jinħażnu fihom xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi fis-suq peress li [, tali] forma fil-fatt [tista’] tintuża komunament, fil-kummerċ, għall-imballaġġ tal-prodotti suġġetti għar-reġistrazzjoni”.

70

Il-Qorti Ġenerali b’hekk ivverifikat hija stess l-eżistenza ta’ indizji konkreti li kienu jindikaw li t-trade mark kumplessa, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tirrappreżenta iktar mit-total tal-elementi li hija komposta minnhom u ma għabbietx, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-INTA u r-rikorrenti, lil din tal-aħħar bl-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ tali indizji.

71

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Voss u tal-INTA huwa bbażat fuq apprezzament żbaljat tas-sentenza appellata u li għandu għaldaqstant jitwarrab.

72

Fir-rigward tal-argument invokat mill-INTA, li billi ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata, li kienet ikkunsidrat li ma kinux ġew sostnuti minn ebda prova d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li l-konsumatur medju huwa kapaċi jipperċepixxi l-forma tal-imballaġġ tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini tagħhom, il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95, hemm lok li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 12 tas-sentenza kkontestata, li din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tinsab fil-punt 31 tal-imsemmija deċiżjoni.

73

Kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza kkontestata, l-imsemmija evalwazzjoni taqa’, konsegwentement, taħt l-ewwel pilastru tar-raġunament li fuqu hija mibnija d-deċiżjoni kkontestata, kif iddefinita mill-Qorti Ġenerali. Issa, din tal-aħħar, fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata, tiċħad bħala ineffettivi l-motivi diretti kontra l-imsemmi pilastru.

74

Għaldaqstant, l-INTA ma hijiex fondata meta ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell kien iddeċieda li d-dikjarazzjonijiet ta’ Voss, li l-konsumatur medju huwa kapaċi jipperċepixxi l-forma tal-imballaġġ tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, ma kienu sostnuti minn ebda prova.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

76

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Voss issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ddeċidiet li l-forma tal-flixkun inkwistjoni ma għandhiex karattru distintiv, mingħajr ma ddefinixxiet, preliminarjament, liema huma n-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat.

77

Barra minn hekk, l-INTA ssostni, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx legalment tikkonkludi li l-flixkun tar-rikorrenti ma huwiex sinjifikattivament differenti min-normi u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat, sa fejn hija ddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li ma “kienx stabbilit li kinux jeżistu fis-suq flixkien oħra simili”, li seta’ jiġi preżunt li dan il-flixkun huwa “uniku fil-ġeneru tiegħu” u, fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li kien “jippreżenta ċerta oriġinalità”.

78

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta opponiet “sempliċi varjant” u “diverġenza sinifikattiva” fir-rigward tan-normi u l-użanzi applikabbli. F’dan ir-rigward, l-INTA ssostni li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi li l-uniku fattur determinanti huwa dak dwar jekk forma tridimensjonali rreġistrata bħala trade mark tħallix barra forom li huma abitwalment jew normalment użati fis-settur ikkonċernat, għall-prodotti rilevanti, sal-punt tali li l-konsumaturi jkunu kapaċi jattribwixxuhom b’sinjifikat.

79

Fl-aħħar, l-INTA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta pparagunat mal-elementi ta’ forom abitwali jew normali fl-imsemmi settur, is-sempliċi elementi ta’ forma minflok il-forma rreġistrata fl-intier tagħha.

80

L-UASI jikkontesta dan l-argument u jsostni li dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31, u Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, C-98/11 P, EU:C:2012:307, punt 42).

82

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 51 sa 53 tas-sentenza appellata, il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata fid-dawl tan-normi u tal-użanzi tas-settur tax-xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi.

83

Fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, hija kkunsidrat qabelxejn, fir-rigward tal-forma tridimensjonali tat-trade mark ikkontestata, “li huwa fatt risaput li l-maġġoranza l-kbira tal-fliexken disponibbli fis-suq jippreżentaw forma ċilindrika”.

84

Fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet sussegwentement, fir-rigward tat-tapp mhux trasparenti, “li huwa fatt risaput li numru kbir ta’ fliexken jingħalqu b’tapp magħmul minn materjal materjal u ta’ kulur differenti minn dak tal-flixkun innifsu”.

85

Fl-aħħar, fil-punt 53 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dijametru tat-tapp, identiku għal dak tal-flixkun, “jikkostitwixxi biss varjant tal-forom eżistenti u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala differenti b’mod sinifikattiv min-normi jew l-użanzi tas-settur, anki jekk jiġi preżunt li huwa ammess li dan l-element jippreżenta ċerta oriġinalità”.

86

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi tal-karattru distintiv tal-elementi distintivi li jikkostitwixxu s-sinjal tridimensjonali inkwistjoni fid-dawl tan-normi tas-settur ikkonċernat billi bbażat ruħha fuq fatti risaputi.

87

Għaldaqstant, Voss u l-INTA ma humiex fondati li jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddefinixxi n-normi u l-użanzi tas-settur tal-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata.

88

Fir-rigward tal-argument tal-INTA, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi opponiet “sempliċi varjant” u “diverġenza sinifikattiva” fir-rigward tan-normi u tal-użanzi applikabbli, minflok stħarrġet jekk it-trade mark ikkontestata tħallix barra forom li huma abitwalment jew normalment użati fis-settur ikkonċernat sal-punt tali li l-konsumaturi jkunu kapaċi jattribwixxuhom b’sinjifikat, jeħtieġ li jitfakkar li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom li jkunu jirriżultaw minn impriża partikolari u għalhekk li ssir id-distinzjoni bejn dawn il-prodotti u dawk ta’ impriżi oħra (sentenza Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti (sentenza Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali kkostitwiti mill-forma tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks (sentenzi Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 30, u Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 45). Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku medju ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-użanza li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-imballaġġ tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, fir-rigward ta’ trade mark tridimensjonali milli fir-rigward ta’ trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 30, u Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 46).

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, iktar ma l-forma li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tkun qrib tal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tkun differenti min-normi jew mill-użanzi tas-settur u, minn dan il-fatt, tista’ twettaq il-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31, u Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, C-98/11 P, EU:C:2012:307, punt 42).

92

Isegwi li, meta trade mark tridimensjonali hija kkostitwita mill-forma tal-prodott li għaliha tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, is-sempliċi fatt li din il-forma tkun “varjant” ta’ waħda mill-forom abitwali għal dan it-tip ta’ prodotti ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija trade mark ma għandhiex karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Jeħtieġ dejjem li jiġi vverifikat jekk tali trade mark tippermettix lill-konsumatur medju ta’ dan il-prodott, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jiddistingwi, mingħajr ma jwettaq analiżi u mingħajr ma tingħata prova ta’ attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta’ impriżi oħrajn (sentenza Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 32).

93

F’dan il-każ, wara li fakkret, fil-punti 37 sa 44 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza applikabbli, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 51 sa 58 ta’ din tal-aħħar, ivverifikat jekk it-trade mark ikkontestata hijiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat.

94

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-konsumatur medju tal-Unjoni jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata, fl-intier tagħha, unikament bħala varjant tal-forma tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Sussegwentement, hija kkunsidrat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata, kif din hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti, ma tistax tindividwa l-prodotti kkonċernati mill-imsemmija trade mark u li tiddistingwihom minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra.

95

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod korrett u segwiet il-kriterji ddeterminati mill-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward.

96

Barra minn hekk, sa fejn l-INTA tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-flixkun tar-rikorrenti ma huwiex differenti b’mod sinjifikattiv min-normi u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din l-analiżi taqa’ taħt il-qasam tal-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali.

97

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Fil-fatt, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn l-elementi ta’ prova b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi sottomessa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza Louis Vuitton Malletier vs UASI, C‑97/12 P, EU:C:2014:324, punt 61).

98

Issa, għandu jiġi kkonstatat li insostenn ta’ din il-kontestazzjoni, l-INTA ma invokat l-ebda argument ta’ natura li turi li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi.

99

Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi pparagunat sempliċi elementi ta’ forma ma’ elementi ta’ forom abitwali jew normali fis-settur ikkonċernat, minflok ipparagunat il-forma rreġistrata fl-intier tagħha man-normi jew l-użanzi ta’ dan is-settur, hemm lok li dan jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ aggravju.

100

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq ir-raba ’ motiv

L-argumenti tal-partijiet

101

Permezz tar-raba’ aggravju, Voss tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi evalwat separatament, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni, mingħajr madankollu ma wettqet eżami ta’ dan tal-aħħar fl-intier tiegħu.

102

Ir-rikorrenti ssostni li, wara li eżaminat separatament l-elementi li jikkomponu l-imsemmi sinjal tridimensjonali f’ħames punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li l-mod kif dawn l-elementi huma magħquda “ma jirrappreżentax iktar mit-total tal-elementi li minnhom hija komposta t-trade mark ikkontestata”, fatt li, skont Voss, ma jikkostitwixxix il-verifika fid-dettall tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark rikjesta mill-ġurisprudenza.

103

L-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett id-dritt u l-ġurisprudenza fir-rigward tal-metodu tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal tridimensjonali.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx, kif kellha tagħmel, l-impressjoni ġenerali li tipproduċi din it-trade mark.

105

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li hija tipproduċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, EU:C:2005:422, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Madankollu dan ma jistax jimplika li l-awtorità kompetenti, inkarigata sabiex tivverifika jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tistax tiġi ppreċepita mill-pubbliku bħala indikazzjoni tal-oriġini, ma tistax twettaq, fl-ewwel lok, eżami suċċessiv tal-elementi differenti ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni globali mwettqa mill-imsemmija awtorità, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, EU:C:2005:422, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, wara l-eżami separat ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tat-trade mark ikkontestata, li din tal-aħħar “hija kkostitwita minn assjem ta’ elementi li kull wieħed minnhom, peress li jista’ jintuża komunement fil-kummerċ għall-imballaġġ tal-prodotti msemmjia fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huwa nieqes minn karattru distintiv meta mqabbel ma’ dawn il-prodotti”. Hija kompliet l-analiżi tagħha billi vverifikat jekk l-imsemmija trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, għandhiex jew le tali karattru.

108

Kien għalhekk li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li “l-mod kif inhuma magħquda f’dan il-każ [il-forma tridimensjonali ta’ flixkun ċilindriku trasparenti u t-tapp mhux trasparenti tal-istess dijametru bħall-flixkun innifsu] ma jirrappreżentawx iktar mit-total tal-elementi li hija komposta minnhom it-trade mark ikkontestata, jiġifieri flixkun b’tapp mhux trasparenti, bħall-maġġoranza tal-fliexken maħsuba sabiex jaħżnu fihom xarbiet alkoħoliċi jew mhux alkoħoliċi fiq-suq”, li “[t]ali forma tista’ fil-fatt tintuża komunement, fil-kummerċ, għall-imballaġġ tal-prodotti suġġetti għar-reġistrazzjoni” u li, konsegwentement, “il-mod kif l-elementi tat-trade mark kumplessa huma magħquda flimkien lanqas ma jista’ jagħtiha karattru distintiv”. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li “t-trade mark ikkontestata, kif din hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti, ma hijiex adatta sabiex tindividwa l-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark u sabiex tiddistingwihom minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra”.

109

Isegwi li l-Qorti Ġenerali b’mod korrett ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata fuq l-impressjoni ġenerali li tirriżulta mill-forma u mill-organizzazzjoni tal-elementi kostituttivi ta’ din it-trade mark, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt [105] ta’ din is-sentenza.

110

Barra minn hekk, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi fid-dettall biżżejjed tal-impressjoni ġenerali li tirriżulta mit-trade mark ikkontestata, sa fejn il-forma tridimensjonali inkwistjoni hija komposta minn żewġ elementi, jiġifieri forma bażika ċilindrika u tapp mhux trasparenti tal-istess dijametru bħaċ-ċilindru, u sa fejn huwa diffiċli li wieħed jimmaġina possibbiltajiet oħra kif jistgħu jingħaqdu dawn l-elementi f’entità tridimensjonali waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, EU:C:2005:422, punt 29).

111

Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad ir-raba’ motiv tal-appell bħala infondat.

Fuq il-ħames motiv

L-argumenti tal-partijiet

112

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Voss issostni li l-Qorti Ġenerali, bħall-Bord tal-Appell, żnaturat il-provi inklużi fil-proċess billi pparagunat iċ-ċilindru perfett tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni ma’ “sezzjoni ċilindrika” bidimensjonali. Skont ir-rikorrenti, “sezzjoni ċilindrika” hija devjazzjoni mill-perspettiva matematika, il-Qorti Ġenerali, u l-Bord tal-Appell fil-verità riedu jagħmlu riferiment, permezz ta’ dawn il-kliem, għal “sezzjoni ċirkulari”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali pparagunat sinjal tridimensjonali ma’ karatteristika bidimensjonali relattiva għall-maġġoranza tal-fliexken, b’tali mod li l-evalwazzjoni tagħha marbuta man-normi u mal-użanzi tas-settur ikkonċernat hija żbaljata fl-intier tagħha.

113

L-UASI jsostni li dan il-motiv ma huwiex fondat, sa fejn huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

114

Skont dan l-Uffiċċju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mhux li parti ċirkulari hija l-uniku punt komuni tal-maġġoranza l-kbira tal-fliexken, iżda li l-maġġoranza tal-fliexken tippreżenta “parti”, fis-sens tal-punt 66 tas-sentenza appellata, ċilindrika, anki jekk partijiet oħra ma humiex ċilindriċi bħal, pereżempju, meta l-flixkun ikun irtirat ’il ġewwa fil-parti ta’ fuq tiegħu sabiex jifforma għonq jew ikun ta’ forma kkurvata fil-parti tan-nofs tiegħu.

115

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dan li tippretendi Voss, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx l-analiżi tagħha tas-sinjal tridimensjonali kkontestata għal paragun tal-forma ta’ dan tal-aħħar b’karatterisika bidimensjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116

Għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Voss, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, meta kkonfermat li l-maġġoranza tal-fliexken disponibbli fis-suq jippreżentaw “sezzjoni ċilindrika”, kellha tagħmel riferiment, permezz ta’ dan il-kliem, għal “sezzjoni ċilindrika”, min-natura tagħha bidimensjonali, huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

117

Fil-fatt, wara li fakkret, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li “l-Bord tal-Appell ikkonstata, [fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata], li ‘l-maġġoranza l-kbira tal-fliexken disponibbli fis-suq għandhom sezzjoni ċilindrika’”, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt sussegwenti ta’ din is-sentenza, li “[x]ejn madankollu ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti lil dawn il-kliem sinifikat matematiku, fis-sens tar-‘rappreżentazzjoni ta’ sezzjoni trasversali (cross-section) ta’ forma ġeometrika’ [u li] huwa, għall-kuntrarju, fis-sens ‘ta’ waħda mill-partijiet ftit jew wisq distinti li fihom oġġett huwa jew jista’ jiġi diviż jew li minnhom huwa kompost’ (‘any of the more or less distinct parts into which something is or may be divided or from which it is made up’, Oxford Dictionary) li din il-kelma għandha tinftiehem”.

118

Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkunsidrat li l-kelma “sezzjoni” użata mill-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tfisser “parti”, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-fliexken għandhom fl-opinjoni tagħha parti ċilindrika.

119

Isegwi li, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx l-analiżi tagħha tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni għal paragun tal-forma ta’ dan tal-aħħar ma’ karatteristika bidimensjonali.

120

Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad il-ħames aggravju bħala infondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

121

Voss tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li t-trade mark ikkontestata hija komposta minn elementi li waħidhom ma għandhomx karattru distintiv, hija fl-intier tagħha nieqsa minn tali karattru. Skont ir-rikorrenti, tali raġunament iwassal sabiex jostakola lil imballaġġ ta’ prodott, waħdu jew bħala assjem tal-elementi li jikkomponuh, milli jkollu karattru distintiv, fatt li jmur kontra l-għan segwit mir-Regolament Nru 207/2009.

122

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat għat-trade marks tridimensjonali l-kriterju, żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-trade marks verbali kumplessi, li “assjem ta’ elementi li kull wieħed minnhom ma għandux karattru distintiv jista’ jkollu dan il-karattru, dment li jkun jirrappreżenta iktar mit-total pur u sempliċi tal-elementi li jikkomponuh”.

123

L-UASI jsostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124

Jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ sinjal tridimensjonali li l-karattru distintiv eventwali jista’ jiġi eżaminat, parzjalment għal kull wieħed mill-elementi tagħhom, meħuda separatament, iżda għandu, f’kull każ, ikun ibbażat fuq il-perċezzjoni globali tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti u mhux fuq il-preżunzjoni li xi elementi li, waħedhom, ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux, meta jinġabru flimkien, ikollhom tali karattru. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħuda separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li l-assjem li huma jifformaw jista’ jkollu karattru distintiv (Digriet Timehouse vs UASI, C‑453/11 P, EU:C:2012:291, punt 40).

125

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ċertament iddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li trade mark kumplessa hija komposta biss minn elementi li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti kkonċernati jippermetti, bħala regola ġenerali, li jiġi konkluż li din it-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, ma għandhiex karattru distintiv”.

126

Madankollu, hija speċifikat immedjatament li din il-konklużjoni tista’ tiġi invalidata fil-preżenza ta’ indizji konkreti, bħal, b’mod partikolari, il-mod kif l-elementi differenti jkunu magħquda, li jindika li t-trade mark kumplessa, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tirrappreżenta iktar mit-total tal-elementi li jikkomponuha.

127

Isegwi li, sa fejn Voss, permezz tas-sitt aggravju tagħha, tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li t-trade mark ikkontestata hija komposta minn elementi li huma individwalment nieqsa minn karattru distintiv, hija allura fl-intier tagħha nieqsa minn tali karattru, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala li huwa msejjes fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

128

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat fir-rigward tat-trade mark ikkontestata l-ġurisprudenza li assjem ta’ elementi li kull wieħed minnhom huwa nieqes minn karattru distintiv jista’ jkollu dan il-karattru, dment li dan jirrappreżenta iktar mit-total pur u sempliċi tal-elementi li jikkomponuh, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 107 sa 109 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali korrettament ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata fuq l-impressjoni ġenerali li tirriżulta mill-forma u mill-organizzazzjoni tal-elementi kostituttivi tal-imsemmija trade mark, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 u 124 ta’ din is-sentenza.

129

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li s-sitt aggravju jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, jiġi miċħud l-appell.

Fuq l-ispejjeż

130

Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI talab il-kundanna ta’ Voss u din tal-aħħar tilfet fit-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

131

Skont l-Artikolu 140(3) tal-imsemmi regolament, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti li ma tkunx waħda minn dawn imsemmija fl-Artikolu 140(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura għandha tħallas l-ispejjeż tagħha. Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż li l-INTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tiddeċiedi li:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Voss of Norway ASA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

The International Trademark Association għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top