This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0402
Judgment of the Court (First Chamber), 5 November 2014.#Cypra Ltd v Kypriaki Dimokratia.#Request for a preliminary ruling from the Anotato Dikastirio Kyprou.#Reference for a preliminary ruling — Agriculture — Animal health — Regulation (EC) No 854/2004 — Products of animal origin intended for human consumption — Official controls — Appointment of an official veterinarian — Slaughter of animals.#Case C‑402/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Novembru 2014.
Cypra Ltd vs Kypriaki Dimokratia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Anotato Dikastirio Kyprou.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Agrikoltura ‑ Spezzjonijiet sanitarji ‑ Regolament (KE) Nru 854/2004 ‑ Prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman ‑ Kontrolli uffiċjali ‑ Ħatra ta’ veterinarju uffiċjali ‑ Qtil tal-bhejjem.
Kawża C‑402/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Novembru 2014.
Cypra Ltd vs Kypriaki Dimokratia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Anotato Dikastirio Kyprou.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Agrikoltura ‑ Spezzjonijiet sanitarji ‑ Regolament (KE) Nru 854/2004 ‑ Prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman ‑ Kontrolli uffiċjali ‑ Ħatra ta’ veterinarju uffiċjali ‑ Qtil tal-bhejjem.
Kawża C‑402/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2333
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Spezzjonijiet sanitarji — Regolament (KE) Nru 854/2004 — Prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman — Kontrolli uffiċjali — Ħatra ta’ veterinarju uffiċjali — Qtil tal-bhejjem”
Fil-Kawża C‑402/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Anotato Dikastirio Kyprou (Ċipru), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
Cypra Ltd
vs
Kypriaki Dimokratia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Cypra Ltd, minn T. Andreou, dikigoros, |
— |
għall-Gvern Ċiprijott, minn M. Chatzigeorgiou, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias u A. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u D. Triantafyllou, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 854/2004”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cypra Limited (iktar ’il quddiem “Cypra”), proprjetarja u operatur ta’ biċċerija privata ta’ ħnieżer, ta’ nagħaġ, u ta’ mogħoż fil-provinċja ta’ Nikosija (Ċipru) u Kypriaki Dimokratia (ir-Repubblika ta’ Ċipru), irrappreżentata mill-Ministeru tal-Agrikoltura, tar-Riżorsi Naturali u tal-Ambjent u d-Direttur tas-Servizz Veterinarju, fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ t-talba ta’ Cypra li jibgħat veterinarju uffiċjali f’din il-biċċerija għal skopijiet ta’ kontroll tal-qtil fil-ġranet u fil-ħinijiet speċifiċi. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 4 sa 6, 8 u 9 tar-Regolament Nru 854/2004 huma redatti kif ġej:
[...]
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 4(7) u (9) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “7. Fil-każ ta’ biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa u impjanti tat-tqattiegħ li jqiegħdu laħam frisk fis-suq, veterinarju uffiċjali għandu jwettaq il-kompiti ta’ verifiki msemmija fil-paragrafi 3 u 4. [...] 9. In-natura u l-intensità tal-kompiti ta’ verifika fir-rigward ta’ stabbilimenti individwali għandhom jiddependu fuq ir-riskju stmat. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha regolarment tagħmel stima:
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Laħam frisk”: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk iseħħu skond l-Anness I.
[...]
[…]” |
7 |
L-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004, intitolat “Laħam frisk” jippreċiża fit-Taqsima I tal-Kapitolu II, B:
|
8 |
It-Taqsima III ta’ dan l-anness intitolat “Responsabbiltajiet u frekwenza ta’ kontrolli”, tipprovdi fil-Kapitolu II tagħha:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2007, Cypra kkomunikat lis-servizzi veterinarji kompetenti l-programm tagħha ta’ qtil għax-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2007 u talbithom jorganizzaw il-kontroll tal-qtil qabel ma jseħħ fil-ġranet u fil-ħinijiet ippreċiżati f’din l-ittra, b’mod partikolari minħabba l-bżonnijiet ta’ qtil nhar ta’ Ħadd, intiżi li jissodisfaw impenji kuntrattwali għall-esportazzjoni ta’ laħam tal-majjal lejn il-Greċja. |
10 |
Fid-9 ta’ Marzu 2007, Cypra tenniet it-talba tagħha billi ppreċiżat, b’mod parallelu, li hija tistabbilixxi hija stess il-programm u l-ħinijiet ta’ xogħol tal-biċċerija tagħha. |
11 |
Peress li din it-talba ġiet miċħuda, Cypra ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni. |
12 |
Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors, prinċipalment billi laqgħet fl-eċċezzjoni preliminari mqajma mill-konvenuti li tipprovdi li r-rifjut li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti “ma jikkostitwixxix nuqqas għal obbligu li jirriżulta mil-liġi, iżda nuqqas li tittieħed azzjoni li jirriżulta minn setgħa diskrezzjonali” u, b’konsegwenza, ma jikkostitwixxix att li għandu saħħa eżekuttiva li jista’ jiġi kkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni. |
13 |
Adita b’appell, l-Anotato Dikastirio Kyprou (Qorti Suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru) tqis li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 854/2004 hija inkwistjoni. Hija tistaqsi liema huma l-obbligi li għandhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u liema huma l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li minnha jibbenefikaw dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
14 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Anotato Dikastirio Kyprou ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
15 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huwa l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tistabbilixxi l-mument li fih isir il-qtil tal-bhejjem, bil-ħsieb li jinħatar veterinarju uffiċjali għall-finijiet ta’ kontroll tal-qtil, jew jekk din l-awtorità hijiex obbligata tibgħat tali veterinarju fil-ġranet u fil-ħinijiet tal-qtil stabbiliti mill-biċċerija, mingħajr ma tkun tista’ topponi. |
16 |
Bil-ħsieb li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004, mill-bidu għandu jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 168(4)(b) TFUE li l-iskop tiegħu huwa l-ħarsien tas-saħħa pubblika. |
17 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[l]-kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali għandhom ikopru l-aspetti kollha li huma importanti għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, fejn xieraq, is-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali”. Mill-premessi 8 u 9 jirriżulta li “[l]-kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam huma meħtieġa biex jivverifikaw li l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jikkonformaw mar-regoli ta’ l-iġjene u jirrispettaw il-kriterji u l-miri preskritti fil-leġislazzjoni tal-Komunità” u li “[m]inħabba l-kapaċità speċifika tagħhom, huwa xieraq li l-veterinarji uffiċjali jwettqu verifiki u spezzjonijiet ta’ biċċeriji [...]”. |
18 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċjali għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali. |
19 |
Fir-rigward tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-veterinarji uffiċjali, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi li l-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kompiti ta’ spezzjoni f’biċċeriji skont il-ħtiġijiet ġenerali tat-Taqsima I tal-Kapitolu II tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, li n-numru ta’ veterinarji uffiċjali għandu jkun biżżejjed sabiex iwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa taħt l-Anness I bil-frekwenza speċifikata fit-Taqsima III tal-Kapitolu II. |
20 |
B’mod iktar partikolari, il-punt 1(b) tat-Taqsima I tal-Kapitolu II, B tal-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tiżgura li veterinarju uffiċjali jkun preżenti fil-biċċeriji sabiex iwettaq spezzjoni qabel il-qatla, din l-ispezzjoni għandha sseħħ fi żmien 24 siegħa tal-wasla fil-biċċerija u inqas minn 24 siegħa qabel il-qatla. |
21 |
B’hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdu mhux biss setgħa diskrezzjonali tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u għall-welfare tal-annimali, iżda wkoll l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw in-natura u l-ħeffa tal-proċeduri pprovduti kif ukoll l-obbligu li jkollhom il-persunal meħtieġ. |
22 |
F’dan ir-rigward, kif ġustament indikaw kemm il-Gvern Pollakk, il-Gvern Ċiprijott kif ukoll l-Kummissjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 854/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirrigwarda l-ħinijiet ta’ xogħol u l-vaganzi tal-awtoritajiet kompetenti u ma jippreċiża, a fortiori, xejn jekk dawn humiex obbligati li jkollhom persunal il-Ħdud u l-vaganzi. Fil-fatt, il-punt 1(b) tat-Taqsima I tal-Kapitolu II, B tal-Anness I ta’ dan ir-regolament sempliċement jistabbilixxi kuntest ratione temporis fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet tal-veterinarji uffiċjali. |
23 |
F’dan ir-rigward, skont il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea u li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, huma l-Istati Membri li għandhom, skont l-Artikolu 5 KE, jiżguraw fuq it-territorju tagħhom l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni. Sa fejn id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu, ma jipprovdux regoli komuni f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali, fl-implementazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, għandhom isegwu r-regoli sostantivi u r-regoli ta’ proċedura tad-dritt nazzjonali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dominikanerinnen-Kloster Altenhohenau, C‑285/93, EU:C:1995:398, punt 26, Karlsson et, C‑292/97, EU:C:2000:202, punt 27, kif ukoll Azienda Agricola Giorgio, Giovanni u Luciano Visentin et, C‑495/00, EU:C:2004:180, punt 39). |
24 |
Peress li r-Regolament Nru 854/2004 ma jinkludi ebda regola komuni f’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi, fil-prinċipju, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu liema huma l-vaganzi u jirrifjutaw li jibagħtu veterinarju uffiċjali fil-biċċeriji matul dawn il-ġranet. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti ma tistax tkun obbligata li tissodisfa t-talbiet kollha ta’ kontroll imressqa mill-biċċeriji, peress li r-Regolament Nru 854/2004 ma jimponix fuq l-Istati Membri dan l-obbligu. |
25 |
Fil-fatt, l-awtorità kompetenti hija l-unika li għandha elementi ta’ informazzjoni dwar il-biċċeriji kollha u, konsegwentement, hija l-unika li tista’ tiddeċiedi, fid-dawl tal-kompiti li hija għandha fid-diversi biċċeriji, jekk l-ispezzjonijiet sanitarji tal-qtil jistgħux jitwettqu fid-dati proposti mill-biċċerija. B’hekk, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ tistabbilixxi, flimkien mal-persuni responsabbli tal-biċċeriji, il-ħin tat-twettiq tal-kontrolli mill-veterinarji uffiċjali previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 854/2004 li jirreferi għat-Taqsima I tal-Kapitolu II tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
26 |
Madankollu, meta jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom billi josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mulligan et, C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 35, kif ukoll Azienda Agricola Giorgio, Giovanni u Luciano Visentin et, EU:C:2004:180, punt 40), fosthom il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza Kurt u Thomas Etling et, C‑230/09 u C‑231/09, EU:C:2011:271, punt 74). |
27 |
B’hekk, biex jiġu osservati l-prinċipji msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza u bi skop ta’ ppjanar tal-kontrolli uffiċjali meħtieġa mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tibgħat veterinarji uffiċjali fil-ġranet u fil-ħinijiet mitluba mill-biċċeriji sakemm ma jkunx objettivament neċessarju li l-qtil iseħħ f’ġurnata speċifika. |
28 |
Min-naħa l-oħra, huma l-biċċeriji, bi ħsieb li jiġu stabbiliti l-ħinijiet ta’ qtil, li għandhom jinformaw bil-quddiem u f’terminu raġonevoli l-awtoritajiet kompetenti bid-data u bil-ħin tal-qtil tal-bhejjem, sabiex l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jibagħtu veterinarji fil-ħinijiet mitluba. F’dan ir-rigward, u sabiex jiġi ggarantit li ma tiġix ippreġudika l-effiċjenza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa liema punt it-talba ta’ qtil, f’dan il-każ, ġiet ifformulata b’mod suffiċjenti bil-quddiem sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti li torganizza l-wasla ta’ veterinarju uffiċjali u jkun objettivament neċessarju li l-qtil iseħħ il-Ħadd. |
29 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-prinċipju, li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-mument li fih isir il-qtil tal-bhejjem, bil-ħsieb li jinħatar veterinarju uffiċjali għall-finijiet ta’ kontroll tal-qtil, u tirrifjuta li tibgħat dan il-veterinarju fil-ġranet u fil-ħinijiet tal-qtil stabbiliti mill-biċċerija sakemm ma jkunx objettivament neċessarju li l-qtil iseħħ f’ġurnata speċifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-prinċipju, li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-mument li fih isir il-qtil tal-bhejjem, bil-ħsieb li jinħatar veterinarju uffiċjali għall-finijiet ta’ kontroll tal-qtil, u tirrifjuta li tibgħat dan il-veterinarju fil-ġranet u fil-ħinijiet tal-qtil stabbiliti mill-biċċerija sakemm ma jkunx objettivament neċessarju li l-qtil iseħħ f’ġurnata speċifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.