This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0396
Judgment of the Court (First Chamber) of 12 February 2015.#Sähköalojen ammattiliitto ry v Elektrobudowa Spolka Akcyjna.#Request for a preliminary ruling from the Satakunnan käräjäoikeus.#Reference for a preliminary ruling — Articles 56 TFEU and 57 TFEU — Directive 96/71/EC — Articles 3, 5 and 6 — Workers of a company with its seat in Member State A, posted to carry out works in Member State B — Minimum wage provided for by the collective agreements of Member State B — Locus standi of a trade union with its seat in Member State B — Legislation of Member State A prohibiting the assignment to a third party of claims relating to pay.#Case C-396/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2015.
Sähköalojen ammattiliitto ry vs Elektrobudowa Spolka Akcyjna.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Satakunnan käräjäoikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikoli 3, 5 u 6 — Ħaddiema ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru A, ikkollokati sabiex iwettqu xogħol fi Stat Membru B — Salarju minimu previst mill-ftehimiet kollettivi tal-Istat Membru B — Locus standi ta’ organizzazzjoni sindakali li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru B — Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A li tipprojbixxi t-trasferiment lil terz ta’ krediti marbuta mar-remunerazzjonijiet.
Kawża C-396/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2015.
Sähköalojen ammattiliitto ry vs Elektrobudowa Spolka Akcyjna.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Satakunnan käräjäoikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikoli 3, 5 u 6 — Ħaddiema ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru A, ikkollokati sabiex iwettqu xogħol fi Stat Membru B — Salarju minimu previst mill-ftehimiet kollettivi tal-Istat Membru B — Locus standi ta’ organizzazzjoni sindakali li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru B — Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A li tipprojbixxi t-trasferiment lil terz ta’ krediti marbuta mar-remunerazzjonijiet.
Kawża C-396/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:86
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
12 ta’ Frar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli TFUE u 57 TFUE Direttiva 96/71/KE — Artikoli 3, 5 u 6 — Ħaddiema ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru A, ikkollokati sabiex iwettqu xogħol fi Stat Membru B — Salarju minimu previst mill-ftehimiet kollettivi tal-Istat Membru B — Locus standi ta’ organizzazzjoni sindakali li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru B — Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A li tipprojbixxi t-trasferiment lil terz ta’ krediti marbuta mar-remunerazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑396/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Satakunnan käräjäoikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
Sähköalojen ammattiliitto ry
vs
Elektrobudowa Spółka Akcyjna,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn S. Rodin, President tas-Sitt Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: I. Illessy, Amministratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Sähköalojen ammattiliitto ry, minn J. Kailiala, asianajaja, u J. Hellsten, |
— |
għal Elektrobudowa Spółka Akcyjna, minn V.-M. Lanne, asianajaja, u W. Popiołek, avukat, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u C. Thorning, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Arciszewski, kif ukoll minn J. Fałdyga u D. Lutostańska, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Hagerman, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, anness mat-Trattat FUE, tal-Artikolu 3, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/71, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, u rettifiki ĠU 2007, L 301, p. 28, u L 310, p. 22), kif ukoll tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, u rettifika ĠU 2009, L 309, p. 87). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sähköalojen ammattiliitto ry, (iktar ’il quddiem “Sähköalojen ammattiliitto”), sindakat Finlandiż fis-settur tal-elettriku, u Elektrobudowa Spółka Akcyjna (iktar ’il quddiem “ESA”), kumpannija stabbilita fil-Polonja, dwar krediti salarjali li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, id-Direttiva 96/71 tipprevedi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru. [...] 3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin: [...]
[…]” |
4 |
Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas msemmija fil-paragrafu 1 (ċ) huwa definit mill-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa mibgħut. [...] 7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawzoli u kundizzjonijiet ta’ mpjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta’ spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta’ l-alloġġ jew ta’ l-ikel. 8. ‘Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ jfisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrjiji kkonċernat. [...]” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ non-konformità mad-Direttiva. Għandhom b’mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappresentanti tagħhom għat-twettiq ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.” |
6 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ġurisdizzjoni”, huwa redatt kif ġej: “Sabiex jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg iggarantiti fl-Artikolu 3, il-proċeduri gudizzjarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem qiegħed jew ġie kkollokat, mingħajr preġudizzju, meta applikabbli, bla ħsara, taħt konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni, li jinfetħu proċeduri fi Stat ieħor.” |
7 |
L-Anness tad-Direttiva 96/71 jipprovdi lista tal-attivitajiet previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din tal-aħħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet kollha eżerċitati fil-qasam tal-kostruzzjoni u maħsuba għall-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta’ bini, bħal dawk speċifikati f’dan l-anness. |
Id-dritt Finlandiż
8 |
L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi 55/2001 dwar il-kuntratti tax-xogħol [Työsopimuslaki (55/2001)] jistabbilixxi: “Fi ftehim kollettiv ta’ portata nazzjonali meqjus bħala rappreżentattiv fis-settur inkwistjoni (ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali), il-persuna li timpjega għandha tosserva mill-inqas id-dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli għall-kompiti mwettaq mill-ħaddiem jew ma’ dawk li huma l-iżjed paragunabbli. Klawżola ta’ kuntratt ta’ xogħol li tmur kontra stipulazzjoni korrispondenti li tkun tidher fil-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali hija invalida u tagħti lok għall-applikazzjoni, minflokha, tad-dispożizzjoni inkluża fil-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali.” […]” |
9 |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-liġi 1146/1999 dwar il-ħaddiema kkollokati [Laki lähetetyistä työntekijöistä (1146/1999)] jipprovdi: “Ħaddiem ikkollokat għandu jirċievi salarju minimu, jiġifieri remunerazzjoni ddeterminata abbażi ta’ ftehim kollettiv fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi Finlandiża dwar il-kuntratt ta’ xogħol [...]” |
10 |
Il-ftehimiet kollettivi tax-xogħol rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol, huma dawk tal-fergħa tal-elettrifikazzjoni u tal-fergħa tal-installazzjonijiet elettriċi, fi ħdan il-fergħa tal-installazzjonijiet tekniċi tal-bini, u dawn jikkonċernaw attivitajiet imsemmija fl-Anness tad-Direttiva 96/71. Dawn il-ftehimiet kollettivi huma ta’ applikazzjoni ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet li jipprovdu għat-tqassim tal-ħaddiema fil-klassijiet ta’ remunerazzjoni, l-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ bonus ta’ vaganzi, il-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum u ta’ allowance għat-traġitt, kif ukoll dispożizzjonijiet marbuta mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
ESA, kumpannija stabbilita fil-Polonja, teżerċita l-attività tagħha fil-qasam tal-elettriku. Hija għandha fergħa fil-Finlandja. |
12 |
Sabiex teżegwixxi x-xogħlijiet ta’ elettrifikazzjoni fis-sit ta’ kostruzzjoni taċ-ċentru nukleari ta’ Olkiluoto, fil-komun ta’ Eurajoki (Il-Finlandja), ESA ikkonkludiet, fil-Polonja u b’applikazzjoni tad-dritt Pollakk, kuntratti ta’ xogħol ma’ 186 ħaddiem. Dawn tal-aħħar ġew ikkollokati fil-fergħa Finlandiża ta’ din il-kumpannija. Ġew assenjati fis-sit ta’ kostruzzjoni ta’ Olkiluoto u ġew alloġġjati f’appartamenti f’Eurajoki, xi 15-il kilometru ’l bogħod minn dan is-sit. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fir-rigward tal-ħin iddedikat għat-traġitt ta’ kuljum li huma jagħmlu l-imsemmija ħaddiema sabiex imorru mill-post fejn huma alloġġati lejn l-imsemmi sit ta’ kostruzzjoni u lura. |
13 |
Filwaqt li sostnew li ESA ma tagħthomx ir-remunerazzjoni minima li kienet dovuta lilhom skont il-ftehimiet kollettivi Finlandiżi tal-fergħa tal-eletrifikazzjoni u tal-fergħa tal-installazzjonijiet tekniċi tal-bini, applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, il-ħaddiema kkonċernati ċedew individwalment il-krediti tagħhom lil Sähköalojen ammattiliitto bil-għan li dan jiżgura l-irkupru tagħhom. |
14 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, Sähköalojen ammattiliitto jsostni li l-imsemmija ftehimiet kollettivi jipprevedu kalkolu tar-remunerazzjoni minima tal-ħaddiema bbażat fuq kriterji iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk applikati minn ESA. Dawn il-kriterji jirrigwardaw b’mod partikolari l-mod ta’ kif jiġu kklassifikati l-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni, kif tiġi ddeterminata remunerazzjoni bħala bis-sigħat jew bil-biċċa xogħol, kif il-ħaddiema jingħataw bonus ta’ vaganzi, allowance ta’ kuljum u allowance għat-traġitt, kif ukoll it-teħid ta’ responsabbiltà għall-akkomodazzjoni tagħhom. |
15 |
Għalhekk, permezz ta’ żewġ rikorsi ppreżentati rispettivament fit-8 ta’ Awwissu 2011 u fit-3 ta’ Jannar 2012, l-iSähköalojen ammattiliitto talab li ESA tiġi kkundannata tħallsu somma totali ta’ EUR 6 648 383,15, flimkien mal-interessi, li jikkorrispondu għall-krediti li ġew ċeduti lilu. |
16 |
ESA talbet iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors. Hija sostniet, b’mod partikolari, li Sähköalojen ammattiliitto ma għandhiex locus standi f’isem il-ħaddiema kkollokati, peress li d-dritt Pollakk jipprojbixxi ċ-ċessjoni ta’ krediti li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg. |
17 |
Fuq it-talba tal-iSähköalojen ammattiliitto, il-qorti tar-rinviju talbet il-qbid, fuq l-attivi ta’ ESA, ta’ somma li tippermetti li l-kreditu ta’ dan is-sindakat ikun iggarantit sal-ammont ta’ ta’ EUR 2 900 000. Peress li d-deċiżjoni li tordna din il-miżura kawtelatorja saret definittiva, l-ESA pprovdiet lill-awtorità kompetenti b’garanzija bankarja f’dan l-ammont, valida sat-30 ta’ Settembru 2015. |
18 |
Peress li kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, l-iSatakunnan käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza ta’ Satakunta) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “1) Sindakat li jaġixxi fl-interess tal-ħaddiema jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 47 tal-[Karta] bħala sors dirett ta’ drittijiet kontra fornitur ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjoni li allegatament tmur kontra l-Artikolu 47 (jiġifieri l-Artikolu 84 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk) hija dispożizzjoni purament nazzjonali? 2) Fi proċedura ġudizzjarja dwar krediti dovuti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 96/71/KE, jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni — b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-libertà ta’ assoċjazzjoni sindakali ggarantita mill-Artikolu 12 tal-[Karta] — li qorti nazzjonali għandha tevita l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tax-xogħol tal-Istat ta’ oriġini tal-ħaddiema li tipprekludi ċ-ċessjoni ta’ kreditu ta’ salarju lil sindakat tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol sabiex dan is-sindakat jiżgura l-irkupru tiegħu, meta d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol tippermetti ċ-ċessjoni tal-kreditu ta’ salarju dovut sabiex jiġi żgurat l-irkupru tiegħu, u għalhekk l-istat ta’ persuna li għandha locus standi, lil sindakat li l-ħaddiema kollha li wettqu ċ-ċessjoni tal-krediti bil-għan ta’ rkupru huma membri tiegħu? 3) Il-klawżoli tal-Protokoll Nru 30 anness mat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki l-qrati nazzjonali li ma humiex stabbiliti fil-Polonja jew fir-Renju Unit għandhom jieħdu dan inkunsiderazzjoni meta t-tilwima inkwistjoni jkollha rabtiet sinjifikattivi mal-Polonja u, b’mod partikolari, meta l-liġi applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol tkun il-liġi Pollakka? Fi kliem ieħor, [dan il-protokoll] jipprekludi li qorti Finlandiża tiddikjara li l-liġijiet, regoli jew dispożizzjonijiet, prattiki jew miżuri amministrattivi tal-Polonja huma kuntrarji għall-prinċipji, libertajiet u drittijiet fundamentali pproklamati mill-[Karta]? 4) Fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [Nru 593/2008] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi ċ-ċessjoni ta’ krediti u ta’ drittijiet li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg? 5) L-Artikolu 14(2) tar-Regolament [Nru 593/2008] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni tal-krediti li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol inkwistjoni skont ir-Regolament [Nru 593/2008], irrispettivament minn jekk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi oħra għandhomx ukoll effett fuq il-kontenut tad-dritt individwali? 6) Moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas ikopri l-paga bażika ta’ kull siegħa fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju, is-salarju ggarantit għax-xogħol ikkuntrattat fuq il-bażi ta’ ħlas skont ix-xogħol li jsir, il-ħlas għal vaganzi, l-allowance fissa ta’ kuljum u l-allowance għat-traġitt ta’ kuljum, skont kif dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ddefiniti fi ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqa’ taħt l-Anness [ta’ din id-direttiva]?
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sal-ħames domanda
19 |
Permezz tal-ewwel sal-ħames domanda tagħha, li hemm lok li jkunu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment fuq il-punt dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 96/71, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tipprekludix li leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża li kkollokat ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li skontha hija pprojbita ċ-ċessjoni ta’ krediti li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg, tista’ tostakola sindakat, bħal Sähköalojen ammattiliitto, milli jippreżenta rikors, quddiem qorti fit-tieni wieħed minn dawn l-Istati Membri, li fih jiġi eżegwit ix-xogħol, bil-għan li jirkupra krediti salarjali ta’ dawn il-ħaddiema kkollokati li ġew ċeduti lilu, u f’każ ta’ risposta pożittiva, jekk leġiżlazzjoni bħal dik tal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
20 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li jirriżulta mhux biss minn informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll mit-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-locus standi, quddiem il-qorti tar-rinviju, ta’ Sähköalojen ammattiliitto huwa rregolat mid-dritt proċedurali Finlandiż, applikabbli skont il-prinċipju tal-lex fori. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, skont l-imsemmi dritt finlandiż, ir-rikorrenti għandu locus standi f’isem il-ħaddiema kkollokati. |
21 |
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni li tinsab fil-kodiċi tax-xogħol Pollakk, invokata minn ESA, hija irrilevanti fir-rigward tal-locus standi, quddiem il-qorti tar-rinviju, ta’ Sähköalojen ammattiliitto u ma tostakolax id-dritt ta’ dan tal-aħħar milli jippreżenta rikors quddiem is-Satakunnan käräjäoikeus. |
22 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-suġġett tal-kawża prinċipali hija marbuta mad-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas [salarjali]”, fis-sens tad-Direttiva 96/71, li jistgħu jippretendu l-ħaddiema Pollakki kkollokati fil-Finlandja. |
23 |
Issa, jirriżulta mingħajr ebda ambigwità mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), tal-imsemmija direttiva li l-kwistjonijiet marbuta mar-rata minima salarjali fis-sens ta’ din tal-aħħar huma rregolati, irrispettivament mil-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikunu kkollokati l-ħaddiema bil-għan li jeżegwixxu x-xogħol tagħhom, jiġifieri fir-Repubblika tal-Finlandja. |
24 |
Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mill-kliem tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li ċ-ċessjoni tal-krediti salarjali li bbenefika minnha Sähköalojen ammattiliitto bil-għan li jirkuprahom favur il-ħaddiema kkollokati hija konformi mad-dritt Finlandiż u li, barra minn hekk, l-impriża Pollakka li rreklutat lil dawn il-ħaddiema għandha fil-Finlandja fergħa li fiha ġew ikkollokati dawn tal-aħħar. |
25 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni ESA quddiem il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ ma teżisti l-ebda raġuni li tista’ tpoġġi f’dubju l-azzjoni li nbdiet minn Sähköalojen ammattiliitto quddiem is-Satakunnan käräjäoikeus. |
26 |
Jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel sal-ħames domanda li, f’ċirkustanzi bħal dawn fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 96/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, tipprekludi li leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża li kkollokat ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li skontha hija pprojbita ċ-ċessjoni ta’ krediti li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg, tista’ tostakola sindakat, bħal Sähköalojen ammattiliitto, milli jippreżenta rikors, quddiem qorti fit-tieni wieħed minn dawn l-Istati Membri, li fih jiġi eżegwit ix-xogħol, bil-għan li jirkupra, favur ħaddiema kkollokati, krediti salarjali li huma marbuta mas-salarju minimu fis-sens tad-Direttiva 96/71, u li ġew ċeduti lilu, peress li din iċ-ċessjoni hija konformi mad-dritt vinkolanti f’dan l-aħħar Stat Membru. |
Fuq is-sitt domanda
27 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li jiġu esklużi mis-salarju minimu, l-elementi ta’ remunerazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżultaw mill-kunċett ta’ salarju bażiku għal kull siegħa jew ta’ salarju ggarantit għal biċċiet ta’ xogħol, b’mod konformi mal-klassifikazzjoni fi gruppi ta’ remunerazzjoni, tal-għoti ta’ bonus ta’ vaganzi, ta’ allowances ta’ kuljum u għat-traġitt ta’ kuljum, kif ukoll ta’ kumpens għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni li huma ddefiniti minn ftehim kollettiv li jaqa’ taħt l-anness ta’ din id-direttiva, ta’ applikazzjoni ġenerali fl-Istat Membri ta’ kollokazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, jew, fir-rigward tal-għoti ta’ vawċers tal-ikel, huma previsti mir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiema kkollokati u l-persuna li tħaddimhom fl-Istat Membru tal-oriġni. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 96/71 bil-għan, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, li jipprovdi, fl-interess tal-persuni li jħaddmu u l-persunal tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol meta impriża stabbilita fi Stat Membru partikolari tikkolloka ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, temporanjament, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi (sentenzi Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 58, u Isbir, C-522/12, EU:C:2013:711, punt 33). |
29 |
Għalhekk, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza ta’ assjem ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, irrispettivament mil-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, l-impriżi jiggarantixxu lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw il-materji elenkati f’din id-dispożizzjoni (sentenza Laval un Partneri, EU:C:2007:809, punt 73). |
30 |
F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 għandha għan doppju. Minn naħa, din għandha l-għan li tiżgura kompetizzjoni leali bejn l-impriżi nazzjonali u l-impriżi li jwettqu provvista ta’ servizzi transkonfinali sa fejn hija tobbliga lil dawn tal-aħħar li jirrikonoxxu favur il-ħaddiema tagħhom, fir-rigward ta’ lista limitata ta’ materji, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, din l-id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ protezzjoni minima tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg marbuta mal-imsemmija materji matul il-perijodu li fih huma jwettqu xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza Laval un Partneri, EU:C:2007:809, punti 74 u 76). |
31 |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-imsemmija direttiva ma armonizzatx il-kontenut materjali ta’ dawn ir-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima, anki jekk din tipprovdi ċerta informazzjoni dwar dan is-suġġett. |
32 |
Għalhekk, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jagħmel riferiment espress, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, għal-leġiżlazzjoni jew għall-prassi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ikkollokat il-ħaddiem għad-determinazzjoni tar-rati minimi salarjali msemmija fl-ewwel subparagrafu Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza Isbir, EU:C:2013:711, punt 36). |
33 |
Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva jispeċifika, fir-rigward tal-allowances proprji għall-kollokazzjoni, sa fejn dawn l-elementi ta’ remunerazzjoni huma kkunsidrati bħala li jifformaw parti mis-salarju minimu fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva. |
34 |
Għalhekk, b’riżerva għall-indikazzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, il-kompitu sabiex jiddefinixxi liema huma l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ salarju minimu, għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jaqa’ taħt id-dritt tal-Istat Membru tal-kollokazzjoni, sakemm din id-definizzjoni, kif din tirriżulta mil-leġiżlazzjoni jew mill-ftehimiet kollettivi nazzjonali rilevanti jew mill-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali, ma jkollhiex l-effett li tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri (sentenza Isbir, EU:C:2013:711, punt 37). |
35 |
F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikklassifika ċerti elementi ta’ remunerazzjoni bħala li ma jifformawx parti mis-salarju minimu. |
36 |
Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żidiet u s-supplimenti, li ma humiex iddefiniti bħala elementi li jifformaw parti mis-salarju minimu mil-liġi jew mill-prassi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem jiġi kkollokat, u li jibdlu r-relazzjoni bejn ix-xogħol ipprovdut mill-ħaddiem, min-naħa, u l-korrispettiv li dan jirċievi, min-naħa l-oħra, ma jistgħux, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71, jiġu kkunsidrati bħala elementi bħal dawn (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-341/02, EU:C:2005:220, punt 39, u Isbir, EU:C:2013:711, punt 38). |
37 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok li jiġu eżaminati l-elementi differenti ta’ remunerazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jifformawx parti mis-salarju minimu, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71. |
Is-salarju ggarantit għax-xogħol bis-siegħa u/jew bil-biċċa xogħol, skont il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni
38 |
Bil-għan li tkun tista’ tirriżolvi l-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandux jiġi interpretati fis-sens li dan jipprekludi kalkolu tas-salarju minimu għal kull siegħa u/jew għal kull biċċa xogħol ibbażat fuq il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni, kif inhu previst mill-ftehimiet kollettivi rilevanti tal-Istat Membru ospitanti. |
39 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta b’mod espliċitu mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 li r-rata minima salarjali hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prassi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi kkollokat il-ħaddiem. Dan il-kliem jimplika li l-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija rata u l-kriterji adottati għall-iskopijiet tiegħu għandhom ukoll jirriżultaw mill-Istat Membru ospitanti. |
40 |
Minn dan kollu li ntqal, jirriżulta, fl-ewwel lok, li r-regoli viġenti fl-Istat Membru ospitanti jistgħu jiddeterminaw jekk il-kalkolu tas-salarju minimu għandux isir bis-siegħa jew bil-biċċa xogħol. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati kontra l-persuna li tħaddem li tikkolloka l-ħaddiema tiegħu f’dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli għandhom ikunu vinkolanti u jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ trasparenza, fatt li jimplika, b’mod partikolari, li dawn ikunu aċċessibbli u ċari. |
41 |
Għalhekk, skont dawn il-kriterji, is-salarju minimu kkalkulat b’riferiment għall-ftehimiet kollettivi rilevanti ma jistax jiddependi fuq l-għażla libera tal-persuna li tħaddem u tikkolloka impjegati bil-għan ewlieni li toffri spiża tax-xogħol bi prezz iktar baxx minn dak tal-ħaddiema lokali. |
42 |
Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika n-natura vinkolanti u trasparenti tar-regoli tal-kalkolu tas-salarju minimu applikati skont ftehimiet kollettivi rilevanti. |
43 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, fit-tieni lok, ir-regoli ta’ klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni, applikati fl-Istat Membru ospitanti abbażi tal-kriterji differenti, bħal, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni, il-formazzjoni, l-esperjenza tal-ħaddiema u/jew in-natura tax-xogħol imwettaq minn dawn tal-aħħar, japplikaw minflok ir-regoli applikabbli għall-ħaddiema kkollokati fl-Istat Membru tal-oriġini. Huwa biss fil-kuntest ta’ paragun bejn il-kundizzjonijiet tal-impjieg u ta’ xogħol, imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, applikati fl-Istat Membru tal-oriġini u dawk viġenti fl-Istat Membru ospitanti, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni mwettqa mill-Istat Membru tal-oriġini, meta din tkun iktar favorevoli għall-ħaddiem. |
44 |
Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati kontra l-persuna li tħaddem u tikkolloka l-ħaddiema, ir-regoli ta’ klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fi gruppi ta’ remunerazzjoni, applikati fl-Istat Membru ospitanti, għandhom ukoll ikunu ta’ natura vinkolanti u jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ trasparenza, li jfisser b’mod partikolari, li dawn għandhom ikunu aċċessibbli u ċari. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk humiex issodisfatti dawn il-kundizzjonijiet fil-kawża prinċipali. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix kalkolu tas-salarju minimu għal kull siegħa u/jew għal kull biċċa xogħol, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ remunerazzjoni, kif inhu previst mill-ftehimiet kollettivi rilevanti tal-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li dan il-kalkolu u din il-klassifikazzjoni jitwettqu skont regoli vinkolanti u trasparenti, fatt li għandu jiġi vverfikat mill-qorti nazzjonali. |
L-allowance ta’ kuljum
46 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk allowance ta’ kuljum, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tifformax parti mis-salarju minimu, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, jeħtieġ li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-ftehimiet kollettivi tax-xogħol rilevanti fil-Finlandja kienu jipprevedu l-għoti ta’ allowance ta’ kuljum lill-ħaddiema kkollokati. Skont dawn il-ftehimiet, l-imsemmija allowance hija fil-forma ta’ ħlas ta’ kuljum ta’ somma stabbilita, li kienet tammonta, matul il-perijodu kkonċernat, bejn EUR 34 u EUR 36. |
47 |
Jidher, fid-dawl tal-proċess, li din l-allowance ma titħallasx lill-ħaddiema bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71. |
48 |
Fil-fatt, l-imsemmija allowance hija maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema kkonċernati billi tipprovdi kumpens għall-inkonvenjenza li tirriżulta mill-kollokazzjoni, li tikkonsisti fit-tbegħid tal-persuni kkonċeranti mill-ambjent abitwali tagħhom. |
49 |
Isegwi li tali allowance għandha tiġi kklassifikata bħala allowance proprja għall-kollokazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71. |
50 |
Issa, skont l-imsemmija dispożizzjoni, din l-allowance tifforma parti mis-salarju minimu. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allowance ta’ kuljum għandha titħallas lill-ħaddiema kkollokati, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-istess mod bħalma jibbenefikaw minnha l-ħaddiema lokali f’każ li dawn jiġu kkollokati fit-territorju Finlandiż. |
52 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li allowance ta’ kuljum, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mis-salarju minimu, f’kundizzjonijiet identiċi għal dawk li għalihom hija suġġetta l-inklużjoni ta’ din l-allowance fis-salarju minimu mħallas lill-ħaddiema lokali f’każ ta’ kollokament ta’ dawn tal-aħħar fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. |
L-allowance għat-traġitt ta’ kuljum
53 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn tirrigwarda l-allowance għat-traġitt ta’ kuljum, id-domanda magħmula ma tirrigwardax il-kumpens tal-ispejjeż tal-movimenti mwettqa mill-ħaddiema kkonċernati sabiex jaslu fuq il-post tax-xogħol u jirritornaw lura, iżda unikament il-punt dwar jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpens għall-ħin tat-traġitt ta’ kuljum għandux jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi element tas-salarju minimu ta’ dawn il-ħaddiema. |
54 |
Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet kollettivi Finlandiżi, allowance għat-traġitt għandha titħallas lill-ħaddiema jekk it-traġitt li dawn ikollhom jagħmlu kuljum biex dawn imorru u jiġu jkun ta’ iktar minn siegħa. |
55 |
Jeħtieġ li jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu, jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-ħin effettivament użat, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, mill-ħaddiema kkollokati kkonċernati sabiex jivvjaġġaw bejn il-post fejn ikunu alloġġati, fil-Finlandja, u l-post tax-xogħol tagħhom, fis-sit ta’ kostruzzjoni f’dak l-Istat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjoni tat-tul, prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Finlandja għall-ħlas tal-allowance għat-traġitt, hijiex issodisfatta mill-ħaddiema kkonċernati. |
56 |
F’din il-perspettiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress li tali allowance għat-traġitt ma titħallasx bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-ħaddiem minħabba l-kollokament, din għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi allowance proprja għall-kollokament u, għalhekk, tifforma parti mis-salarju minimu. |
57 |
Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li allowance għat-traġitt, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titħallas lill-ħaddiema bil-kundizzjoni li t-traġitt ta’ kuljum li huma jwettqu sabiex imorru fuq il-post tax-xogħol u jerġgħu lura ikun ta’ iktar minn siegħa, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mis-salarju minimu tal-ħaddiema kkollokati sakemm tkun issodisfatta din il-kundizzjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. |
It-teħid ta’ responsabbiltà għall-akkomodazzjoni
58 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-akkomodazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi element tas-salarju minimu ta’ dawn tal-aħħar, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont il-kliem tal-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, dan ma jistax ikun il-każ. |
59 |
Fil-fatt, anki jekk dan il-kliem ma jeskludix li r-rimbors tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni effettivament sostnuti fil-każ ta’ kollokament, u jekk, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ESA ħadet ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż tal-ħaddiema kkonċernati fejn dawn tal-aħħar ma kellhomx jagħmlu ħlas minn qabel u jitolbu r-rimbors tiegħu, il-metodu tat-teħid ta’ responsabbiltà magħżul minn ESA ma jinċidix fuq il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn l-ispejjeż. |
60 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan stess tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 ma jistax jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tas-salarju minimu tal-ħaddiema kkollokati, tal-ispejjeż marbuta mal-akkomodazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
Il-vawċers tal-ikel
61 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, fir-rigward tal-kunċett ta’ salarju minimu inkonnessjoni mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-vawċers tal-ikel ipprovduti lill-ħaddiema kkonċernati minn ESA, hemm lok li jiġi rrilevat li l-provvista ta’ dawn il-vawċers la hija bbażata fuq dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi tal-Istat Membru ospitanti, u lanqas fuq ftehimiet kollettivi rilevanti invokati mis-Sähköalojen ammattiliitto, iżda toriġina mir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita, fil-Polonja, bejn il-ħaddiema kkollokati u ESA, il-persuna li timpjegahom. |
62 |
Barra minn hekk, bħall-ħlas tal-allowances mogħtija bil-għan li jingħata kumpens għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, dawn l-allowances jitħallsu bħala kumpens għall-ispejjeż tal-ħajja effettivament sostnuti mill-ħaddiema minħabba l-kollokament tagħhom. |
63 |
Għaldaqstant, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 3(1) u (7), tad-Direttiva 96/71 li l-imsemmija allowances ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw parti mis-salarju minimu, fis-sens tal-Artikoli 3 ta’ din id-direttiva. |
Il-bonus ta’ vaganzi
64 |
Fir-rigward tal-għoti ta’ bonus ta’ vaganzi, hemm lok li jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kull ħaddiem għandu dritt għal perijodu annwali ta’ leave imħallas. |
65 |
Dan id-dritt, speċifikat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), li għalih id-direttiva ma tippermettix derogi, jippermetti li kull ħaddiem għandu jibbenefika minn perijodu ta’ leave annwali ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Id-dritt għal leave annwali mħallas, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, huwa għaldaqstant mogħti lil kull ħaddiem, irrispettivament mill-post fejn ikun assenjat fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schultz-Hoff et, C-350/06 u C-520/06, EU:C:2009:18, punt 54, kif ukoll Lock, C-539/12, EU:C:2014:351, punt 14). |
66 |
Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-espressjoni “perijodu annwali ta’ leave imħallas”, li tinsab fl-Artikolu 31 tal-Karta u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tfisser li, matul il-leave annwali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-remunerazzjoni għandha tinżamm u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni ordinarja għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (ara s-sentenzi Robinson-Steele et, C-131/04 u C-257/04, EU:C:2006:177, punt 50, kif ukoll Lock, EU:C:2014:351, punt 16). |
67 |
Effettivament, skont din il-ġurisprudenza, id-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu żewġ aspetti ta’ dritt wieħed. L-għan tal-ħtieġa li dan il-leave ikun renumerat huwa li l-ħaddiem jitpoġġa, matul l-imsemmi leave, f’sitwazzjoni li hija, inkwantu s-salarju, kumparabbli mal-perijodu ta’ xogħol (ara s-sentenza Lock, EU:C:2014:351, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Għalhekk, kif irreleva l-avukat ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-bonus ta’ vaganzi riċevut mill-ħaddiem matul il-vaganzi huwa marbut intrinsikament ma’ dak li huwa jirċievi bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti. |
69 |
Isegwi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li bonus ta’ vaganzi minimu, li għandu jingħata lill-ħaddiem, skont il-punt (b) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għall-perijodu minimu tal-leave annwali mħallas, jikkorrispondi għas-salarju minimu li għandu dritt għalih dan il-ħaddiem matul il-perijodu ta’ riferiment. |
70 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li għandha tingħata risposta għas-sitt domanda li l-Artikolu 3(1) u (7) tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firma |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.