EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0387

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014.
VAEX Varkens- en Veehandel BV vs Productschap Vee en Vlees.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 612/2009 – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Regolament (KE) Nru 376/2008 – Sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni – Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata qabel il-ħruġ tal-liċenzja tal-esportazzjoni – Esportazzjoni mwettqa matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni – Rettifika tal-irregolaritajiet.
Kawża C‑387/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2296

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 612/2009 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Regolament (KE) Nru 376/2008 — Sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni — Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata qabel il-ħruġ tal-liċenzja tal-esportazzjoni — Esportazzjoni mwettqa matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni — Rettifika tal-irregolaritajiet”

Fil-Kawża C‑387/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

VAEX Varkens- en Veehandel BV

vs

Productschap Vee en Vlees,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VAEX Varkens- en Veehandel BV, minn T. Linssen, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u B. Driessen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-validità tal-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, jiġifieri, minn naħa, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1), kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, p. 3), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008, tal-21 ta’ April 2008, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 115, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VAEX Varkens- en Veehandel BV (iktar ’il quddiem “VAEX”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Productschap Vee en Vlees (iktar ’il quddiem il-“PVV”), dwar rifjut ta’ ħlas lura fuq l-importazzjoni u ż-żamma tal-garanzija kkostitwita bl-għan tal-kisba ta’ liċenzja tal-esportazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 15, 21 u 27 tar-Regolament Nru 376/2008 huma fformulati kif ġej:

“(15)

Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni jew ta’ l-esportazzjoni tagħti d-dritt għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni u għalhekk għandha tkun ippreżentata fil-ħin meta d-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tkun aċċettata.

[...]

(21)

Ir-Regolamenti tal-Komunità li intoduċew il-liċenzji u ċ-ċertifikati kkonċernati jipprovdu li l-garanzija għandha tintilef kollha kemm hi jew parti minnha jekk l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ma’ titwettaqx, jew jekk titwettaq parti minnha biss, matul il-perjodu tal-validità tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat [...]

(27)

F’ċerti setturi ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli hemm dispożizzjoni għal perjodu ta’ riflessjoni qabel ma’ jinħarġu l-liċenzji ta’ l-esportazzjoni. L-għan ta’ dan il-perjodu hu li jippermetti li tkun ikkalkolata s-sitwazzjoni tas-suq u, meta hu xieraq, b’mod partikolari meta jkun hemm diffikultajiet, li jippermettu li jkunu sospiżi l-applikazzjonijiet li jkunu għadhom pendenti, li jammonta għal ċaħda ta’ dawk l-applikazzjonijiet [...]”

4

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.   Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandha tikkostitwixxi awtorizzazzjoni u toħloq obbligazzjoni rispettivament sabiex issir l-importazzjoni jew l-esportazzjoni permezz tal-liċenzja, u, minbarra f’każi ta’ force majeure, matul il-perjodu tal-validità tagħha, il-kwantità speċifikata tal-prodotti jew tal-merkanzija kkonċernata.

[...]

2.   Il-liċenzja ta’ l-esportazzjoni li tiffissa rifużjoni ta’ l-esportazzjoni [ħlas lura fuq l-esportazzjoni] bil-quddiem għandha toħloq obbligu sabiex tkun esportata l-kwantità speċifikata tal-prodott relevanti taħt il-liċenzja u, minbarra f’każi ta’ force majeure, matul il-perjodu tal-validità tagħha.

Meta l-esportazzjoni tal-prodotti li huma suġġetti [tkun suġġetta] għal preżentazzjoni tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni, il-liċenzja ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għandha tistabbilixxi d-dritt għall-esportazzjoni u l-intitolament għar-rifużjoni.

[...]”

5

Skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament:

“1.   Għall-għan biex ikun iddeterminat il-perjodu tal-validità tagħhom, il-liċenzji u ċ-ċertifikati għandhom jitqiesu li jkunu nħarġu dakinhar li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni dwarhom, b’dik il-ġurnata tkun inkluża fil-kalkolu ta’ dak il-perjodu tal-validità. B’dana kollu, liċenzji u ċertifikati ma jkunux jistgħu jiġu wżati qabel il-ħruġ effettiv tagħhom.

2.   jista’ jkun speċifikat li l-liċenzja jew iċ-ċertifikat għandu jsir validu dakinhar tal-ħruġ effettiv tagħhom, f’liema każ dik il-ġurnata għandha tkun inkluża fil-kalkolazzjoni tal-perjodu tal-validità tagħhom.”

6

L-Artikolu 23 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Il-kopja Nru 1 tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat għandha tkun ippreżentata lill-uffiċċju doganali li jkun aċċetta:

[...]

(b)

fil-każ ta’ liċenzja jew ċertifikat ta’ l-iffissar bil-quddiem tar-rifużjonijiet [tal-ħlasijiet lura], id-dikjarazzjoni rigward l-esportazzjoni.

[...]

2.   Il-kopja Nru 1 tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat għandha tintwera, jew tinżamm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali, fiż-żmien ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni li hemm referenza għaliha f’paragrafu 1.”

7

L-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 23, Stat Membru jista’ jippermetti li l-liċenzja jew iċ-ċertifikat ikun:

(a)

ippreżentat mal-korp tal-ħruġ jew, l-awtorità responsabbli mill-ħlas tar-rifużjoni [mill-ħlas lura];

[...]

6.   Meta l-prodotti esportati ma jkunux suġġetti għall-preżentazzjoni tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni imma li r-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni jkunu ġew stabbiliti permezz tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni li tiffissa bil-quddiem ir- rifużjoni ta’ l-esportazzjoni, jekk, minħabba żball, id-dokument użat waqt l-esportazzjoni sabiex juri l-eliġibilità għal rifużjoni ma jsemmix dan l-Artikolu u/jew in-numru tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat, jew jekk l-informazzjoni ma tkunx korretta, l-operazzjoni tista’ tkun regolarizzata sakemm il-kondizzjonijiet segwenti jkunu milħuqa:

(a)

liċenzja ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għall-prodott ikkonċernat, valida dakinhar ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, tkun fil-pussess ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħlas tar-rifużjoni;

(b)

tinżamm prova suffiċjenti għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu rabta bejn il-kwantità esportata u l-liċenzja jew iċ-ċertifikat li jkopri l-esportazzjoni.”

8

L-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Suġġett għall-applikazzjoni fl-Artikoli 39, 40 jew 47, meta l-obbligazzjoni għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni ma tkunx ġiet sodisfatta l-garanzija għandha tintilef b’ammont ugwali għad-differenza bejn:

(a)

95 % tal-kwantità indikata fil-liċenzja jew fiċ-ċertifikat, u

(b)

il-kwantità effettivament importata jew esportata.

[...]”

9

Il-premessi 4 u 10 tar-Regolament Nru 612/2009 huma fformulati kif ġej:

“(4)

Skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, il-ġurnata tal-esportazzjoni titqies bħala dik il-ġurnata meta l-awtoritajiet doganali jaċċettaw l-att li permezz tiegħu d-dikjarant juri l-volontà tiegħu li jattwa l-esportazzjoni tal-prodotti li għalihom jitlob il-benefiċċju ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni [ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni]. Tali att huwa intenzjonat li jiġbed l-attenzjoni, u b’mod partikolari l-attenzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana, għall-fatt li l-operazzjoni konċernata tkun qed issir bl-għajnuna ta’ fondi tal-Komunità sabiex dawk l-awtoritajiet doganali jagħmlu l-verifiki xierqa. Fiż-żmien tal-aċċettazzjoni, il-prodotti jitpoġġew taħt is-superviżjoni tad-Dwana sakemm issir fil-fatt l-esportazzjoni. [Din id-]data sservi bħala referenza sabiex jiġu stabbiliti l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.

[...]

(10)

Sabiex il-kunċett ta’ esportazzjoni mill-Komunità jkun jista’ jiġi interpretat konsistentement, għandu jiġi speċfikat li prodott jiġi meqjus bħala li jkun ġie esportat meta jitlaq mit-territorju doganali tal-Komunità.”

10

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament:

“[...] [L-]intitolament għar-refużjonijiet [għall-ħlasijiet lura] jiġi akkwistat:

mat-tluq mit-territorji doganali tal-Komunità, meta rata waħda ta’ rifużjonijiet tapplika għall-pajjiżi terzi kollha;

mal-importazzjoni f’pajjiż terz speċifiku, meta r-rifużjonijiet differenzjati japplikaw għal dak il-pajjiz terz.”

11

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Id-dritt għar-rifondi [għall-ħlas lura] għandu jkun bil-kondizzjoni li tkun ippreżentata liċenzja tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifondi, ħlief fil-każi tal-esportazzjoni tal-oġġetti.

[...]”

12

Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-istess regolament, il-“[ġ]urnata tal-esportazzjoni” tfisser il-ġurnata li fiha l-awtoritajiet doganali jaċċettaw id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li tiddikjara li għandha ssir applikazzjoni għal ħlas lura. Id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni hija determinanti sabiex tiġi stabbilita, b’mod partikolari, ir-rata ta’ ħlas lura applikabbli, l-aġġustamenti li għandhom isiru kif ukoll il-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.

13

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 612/2009, l-uffiċċju doganali kompetenti għandu jkun jista’ jagħmel il-verifiki fiżiċi u jidentifika l-oġġetti għat-trasport lejn l-uffiċċju tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità.

14

Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 382/2008 hija fformulata kif ġej:

“[I]n-notifiki dwar id-deċiżjonijiet għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-esportazzjoni għandhom isiru biss wara perjodu ta’ riflessjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel stima tal-kwantitajiet li għalihom tkun tressqet l-applikazzjoni u tan-nefqa rilevanti u jekk ikun xieraq tieħu azzjoni partikolari dwar l-applikazzjonijiet ikkonċernati [...]”

15

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Mingħajr ħsara għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 1291/2000, [tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 145),] kull esportazzjoni tal-prodotti taċ-ċanga u l-vitella li għaliha tintalab rifużjoni [jintalab ħlas lura] fuq l-esportazzjoni għandha teħtieġ it-turija ta’ liċenzja ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-Regolament.”

16

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 382/2008 jistabbilixxi:

“1.   Iż-żmien meta jkunu jgħoddu l-liċenzji għall-esportazzjoni tal-prodotti li għalihom tintalab rifużjoni [jintalab ħlas lura] u li huma suġġetti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni, ikkalkulat mid-data tal-ħruġ fis-sens ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, għandu jkun:

(a)

ta’ ħames xhur b’żieda tax-xahar attwali għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM bin-numru 0102 10 u ta’ 75 jum għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM bin-numru 0102 90 u dawk li qabel kienu jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM bin-numru 1602;

(b)

ta’ 60 jum għall-prodotti l-oħra.

[...]”

17

L-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jipprovdi li:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fil-15 ta’ Ottubru 2009, VAEX talbet lill-PVV il-ħruġ ta’ liċenzja tal-esportazzjoni li tikkonċerna lott ta’ għoġol li għadhom ma welldux iddestinat għar-Russja. Bl-għan tal-kisba ta’ din il-liċenzja, hija kkostitwixxiet garanzija ta’ EUR 6 448. Fil‑15 u fis-16 ta’ Ottubru 2009, il-PVV bagħat lil VAEX dokumenti bit-titolu “Dikjarazzjonijiet tal-bidliet fil-kostituzzjonijiet ta’ garanziji u ta’ kapital”, li jsemmu liċenzji tal-esportazzjoni bin-numru provviżorju 100308 u 100315 rispettivament.

19

Skont VAEX, waqt konverżazzjoni telefonika tad-19 ta’ Ottubru 2009 li kellha bħala suġġett il-liċenzja tal-esportazzjoni li għaliha saret applikazzjoni, wieħed mill-aġenti tal-PVV ikkonferma l-użu tal-liċenzja bin-numru 100315 għal dikjarazzjoni tal-importazzjoni mwettqa l-għada. Il-PVV madankollu jikkontesta li tali informazzjoni ngħatat bit-telefown.

20

Fl-20 ta’ Ottubru 2009, VAEX ippreżentat dikjarazzjoni tal-esportazzjoni dwar il-lott ikkonċernat ta’ għoġol li għadhom ma welldux. Din id-dikjarazzjoni kien fiha applikazzjoni għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi ta’ liċenzja tal-esportazzjoni bin-numru 100315. Id-dipartimenti doganali aċċettaw din id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni dakinhar stess.

21

Fil-21 ta’ Ottubru 2009, il-PVV ħareġ liċenzja tal-esportazzjoni bin-numru 100344 bl-għan tal-esportazzjoni mitluba minn VAEX. Fit-22 ta’ Ottubru 2009, l-imsemmi lott ta’ għoġol li għadhom ma welldux ħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea u wasal fid-destinazzjoni tiegħu fis-26 ta’ Ottubru 2009.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010, il-PVV ċaħad l-applikazzjoni għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni ppreżentata minn VAEX u ordna li tinżamm il-garanzija kkostitwita bl-għan tal-kisba tal-imsemmija liċenzja tal-esportazzjoni.

23

L-ilment ippreżentat minn VAEX kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-PVV għar-raġuni li l-esportazzjoni ma twettqitx matul il-perijodu ta’ validità tal-imsemmija liċenzja.

24

VAEX adixxiet lill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (Qorti tal-Appell Amministrattiv fil-qasam ekonomiku) għall-finijiet tal-għoti tal-ħlas lura li għalih saret applikazzjoni u r-rilaxx tal-garanzija kkostitwita.

25

Din il-qorti tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwiex suġġett għall-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni twettqet matul il-validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni.

26

Issa, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li kemm il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħlasijiet lura kif ukoll dik relatata mal-liċenzji tal-esportazzjoni jistgħu jiġu interpretati f’sens favorevoli jew, għall-kuntrarju, f’sens sfavorevoli għall-argument ta’ VAEX, li jgħid li l-ħlas lura jkun dovut meta l-esportazzjoni tkun twettqet matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni.

27

Barra minn hekk, u fl-ipoteżi fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tkun tipprekludi regolarizzazzjoni a posteriori li tippermetti l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li għalih saret applikazzjoni minn VAEX, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità ta’ tali leġiżlazzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-qafas regolamentari Ewropew applikabbli f’dan il-każ jipprekludi, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża,

a)

il-ħlas lura mitlub[,]

b)

ir-rilaxx tal-garanzija ppreżentata bl-iskop tal-ksib tal-liċenzja?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda jew għal parti minnha, dan l-istess qafas regolamentari jipprekludi kwalunkwe rettifika a posteriori li tippermetti li tattribwixxi l-operazzjoni fuq il-liċenzja, li tħallas lura fuq il-bażi ta’ dan u, skont il-każ, li tirrilaxxa l-garanzija?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda wkoll, dan l-istess qafas regolamentari għandu jiġi invalidat sa fejn dan ma jipprovdix għall-ħlas lura u, skont il-każ, ir-rilaxx tal-garanzija meta, bħal f’dan fil-każ, il-liċenzja kienet użata jum wieħed qabel?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 612/2009 kif ukoll dawk tar-Regolamenti Nru 376/2008 u Nru 382/2008 jipprekludux, bħala prinċipju, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni u r-rilaxx tal-garanzija kkostitwita f’dan ir-rigward meta l-esportatur ikkonċernat ma kellux liċenzja tal-esportazzjoni valida fid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, minkejja li l-esportazzjoni effettiva tal-merkanzija kkonċernata seħħet matul il-perijodu ta’ validità ta’ liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa lilu.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 612/2009 jipprovdi li d-dritt għall-ħlas lura huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni lid-dipartiment doganali kompetenti.

31

Billi l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 612/2009 jinsab fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan tal-aħħar relatati mad-dritt għall-ħlas lura, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għal prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 612/2009 u li jagħmel parti mill-istess dispożizzjonijiet ġenerali, li l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 sservi mhux biss għall-kalkolu tal-ammont eżatt tal-ħlas lura, iżda qabel kollox, isservi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza jew le tad-dritt għal dan il-ħlas lura u sabiex jingħata bidu għas-sistema ta’ verifika tal-applikazzjoni għal ħlas lura (sentenza Dachsberger & Söhne, C‑77/08, EU:C:2009:172, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dak li jikkonċerna l-verifiki li għandhom isiru, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 612/2009 jipprevedi li l-uffiċċju doganali kompetenti għandu jkun jista’ jagħmel il-verifiki fiżiċi tal-prodotti li fir-rigward tagħhom tkun saret applikazzjoni għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u jieħu miżuri ta’ identifikazzjoni għat-trasport lejn l-uffiċċju tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni.

33

Fil-fatt, dawn il-kontrolli huma neċessarji sabiex l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dachsberger & Söhne, EU:C:2009:172, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Südzucker et, C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, EU:C:2012:444, punt 43).

34

Minn dan jirriżulta li l-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni hija element essenzjali tas-sistema ta’ verifika tal-applikazzjonijiet għal ħlas lura.

35

Madankollu r-Regolament Nru 612/2009 ma jagħmel ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-modalitajiet li għalihom hija suġġetta l-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet jirriżultaw mir-Regolament Nru 376/2008 kif ukoll, f’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari s-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, mir-Regolament Nru 382/2008.

36

B’hekk, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 376/2008, il-liċenzja tal-esportazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jesporta u li, għaldaqstant, din għandha tiġi ppreżentata mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

37

Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, il-liċenzja tal-esportazzjoni tawtorizza u tobbliga li tiġi esportata, matul il-perijodu ta’ validità tagħha, il-kwantità speċifikata tal-prodotti jew tal-merkanzija inkwistjoni.

38

F’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ validità ta’ liċenzja tal-esportazzjoni, mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 376/2008 jirriżulta li l-liċenzji huma meqjusa bħala maħruġa fil-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni, iżda dawn jistgħu jintużaw biss mill-ħruġ effettiv tagħhom. Skont l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament huwa madankollu possibbli li ssir deroga minn din ir-regola billi jiġi previst li l-validità tal-liċenzja tibda mill-ħruġ effettiv ta’ din tal-aħħar, u din il-possibbiltà kienet ikkonfermata b’mod partikolari fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 382/2008.

39

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 376/2008 u mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 382/2008, f’ċerti setturi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, il-liċenzji tal-esportazzjoni jinħarġu biss wara perijodu ta’ riflessjoni, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tevalwa s-sitwazzjoni tas-suq, il-kwantitajiet mitluba kif ukoll l-ispiża relatata u sabiex tipprevedi, jekk ikun il-każ, miżuri partikolari applikabbli għall-applikazzjonijiet pendenti.

40

Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 376/2008, il-liċenzja tal-esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali fejn tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni dwar l-esportazzjoni. Skont l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, din il-liċenzja għandha tiġi ppreżentata jew għandha tinżamm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fil-ħin meta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun aċċettata.

41

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li liċenzja tal-esportazzjoni valida għandha, bħala prinċipju, tiġi ppreżentata mill-esportatur fil-ħin meta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun aċċettata mill-uffiċċju doganali kompetenti. Bħala prinċipju, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fil-mument tal-esportazzjoni effettiva tal-merkanzija inkwistjoni, dan l-esportatur kellu liċenzja tal-esportazzjoni għall-imsemmija merkanzija.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 612/2009 kif ukoll dawk tar-Regolamenti Nru 376/2008 u Nru 382/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, bħala prinċipju, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni u r-rilaxx tal-garanzija kkostitwita f’dan ir-rigward meta l-esportatur ikkonċernat ma kellux liċenzja tal-esportazzjoni valida fid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, minkejja li l-esportazzjoni effettiva tal-merkanzija kkonċernata seħħet matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa lilu.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 612/2009 kif ukoll dawk tar-Regolamenti Nru 376/2008 u Nru 382/2008 jipprekludux, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, regolarizzazzjoni a posteriori li tippermetti li t-tranżazzjoni titniżżel fil-liċenzja tal-esportazzjoni, li jsir il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi tagħha u, jekk ikun il-każ, li tiġi rrilaxxata l-garanzija kkostitwita.

44

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni seħħet fil-jum ta’ qabel il-ħruġ materjali tal-liċenzja tal-esportazzjoni. Madankollu, l-esportazzjoni effettiva tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet wara l-ħruġ ta’ din il-liċenzja u matul il-perijodu ta’ validità tagħha.

45

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li l-perijodu ta’ riflessjoni li jissemma fil-punt 39 tal-preżenti sentenza ma ġiex osservat jew li, apparti n-numru ta’ referenza tal-liċenzja tal-esportazzjoni żbaljat, l-eżattezza tal-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni kienet invalidata mill-kontrolli fiżiċi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

46

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi vverifikat, hekk kif issuġġeriet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk l-irregolarità li biha huwa vvizzjat il-fajl ippreżentat lill-awtoritajiet kompetenti tistax tiġi rrimedjata a posteriori.

47

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, minkejja li r-Regolament Nru 612/2009 ma fih ebda dispożizzjoni li tippermetti li din l-irregolarità tiġi rrimedjata, l-Artikolu 24(6) tar-Regolament Nru 376/2008 jipprevedi possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni, b’mod partikolari meta l-awtorità responsabbli mill-ħlas lura jkollha f’idejha l-liċenzja tal-esportazzjoni valida fil-jum tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni.

48

Dan ma huwiex preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali.

49

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li esportazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 612/2009 hija sistema doganali u li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi Doganali japplikaw għad-dikjarazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni li jirrigwardaw il-merkanzija suġġetta għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni, bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nowaco Germany, C‑353/04, EU:C:2006:522, punti 45 sa 47). Regolarizzazzjoni a posteriori tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għaldaqstant tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Südzucker et, EU:C:2012:444, punt 46).

50

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 78, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-loġika tiegħu tikkonsisti f’li jallinja l-proċedura doganali mas-sitwazzjoni reali (sentenza Terex Equipment et, C‑430/08 u C‑431/08, EU:C:2010:15, punt 56). Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu ma jistabbilixxix distinzjoni bejn żbalji jew omissjonijiet li jkunu suġġetti għal korrezzjoni u sitwazzjonijiet oħra ta’ dan it-tip li ma jkunux jistgħu jiġu korretti (sentenzi Overland Footwear, C-468/03, EU:C:2005:624, punt 63, u Südzucker et, EU:C:2012:444, punt 47). Il-kliem “informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa” għandu jiġi interpretat bħala li jkopri kemm żbalji jew omissjonijiet materjali kif ukoll żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli (sentenzi Overland Footwear, EU:C:2005:624, punt 63, u Terex Equipment et, EU:C:2010:15, punt 56).

51

Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn l-esportatur, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jitlob lill-awtoritajiet doganali jirregolarizzaw id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tiegħu fis-sens li din titqies li twettqet f’data sussegwenti, li fiha dan l-esportatur kellu liċenzja tal-esportazzjoni valida, l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jippermetti, bħala prinċipju, tali regolarizzazzjoni.

52

Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 78(1) ta’ dan il-kodiċi, l-awtoritajiet doganali, ex officio jew fuq it-talba tad-dikjarant, “jistgħu” jwettqu r-reviżjoni tad-data tad-dikjarazzjoni u, għaldaqstant, tad-data tal-aċċettazzjoni tagħha.

53

Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-awtoritajiet doganali jwettqu f’dan il-każ, dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jikkontrollaw il-kontenut tad-dikjarazzjoni li għandha tiġi riveduta u tat-talba għal reviżjoni (sentenzi Overland Footwear, EU:C:2005:624, punt 47, u Terex Equipment et, EU:C:2010:15, punt 59).

54

Għaldaqstant, meta r-reviżjoni tirrivela li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma ġewx mhedda, b’mod partikolari sa fejn il-merkanzija li tkun is-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun ġiet effettivament esportata u provi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jkunu jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta bejn il-kwantità esportata u l-liċenzja li effettivament tkopri l-esportazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu s-sitwazzjoni mill-ġdid b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi li huma jkollhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Overland Footwear, EU:C:2005:624, punt 52, u Terex Equipment et, EU:C:2010:15, punt 62).

55

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 612/2009 kif ukoll dawk tar-Regolamenti Nru 376/2008 u Nru 382/2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux, bħala prinċipju, regolarizzazzjoni a posteriori tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li tippermetti li t-tranżazzjoni kkonċernata titniżżel fil-liċenzja tal-esportazzjoni, li jsir il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi tagħha u, jekk ikun il-każ, li jsir ir-rilaxx tal-garanzija kkostitwita.

Fuq it-tielet domanda

56

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif ukoll dawk tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli, u Nru 382/2008, tal-21 ta’ April 2008, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, bħala prinċipju, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni u r-rilaxx tal-garanzija kkostitwita f’dan ir-rigward meta l-esportatur ikkonċernat ma kellux liċenzja tal-esportazzjoni valida fid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, minkejja li l-esportazzjoni effettiva tal-merkanzija kkonċernata seħħet matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa lilu.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 612/2009 kif ukoll dawk tar-Regolamenti Nru 376/2008 u Nru 382/2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux, bħala prinċipju, regolarizzazzjoni a posteriori tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li tippermetti li t-tranżazzjoni kkonċernata titniżżel fil-liċenzja tal-esportazzjoni, li jsir il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi tagħha u, jekk ikun il-każ, li jsir ir-rilaxx tal-garanzija kkostitwita.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top