Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0365

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-30 ta’ April 2014.
Ordre des architectes vs État belge.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/36/KE — Artikoli 21 u 49 — Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova professjonali.
Kawża C‑365/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:280

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ April 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/36/KE — Artikoli 21 u 49 — Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali — Aċċess għall-professjoni ta’ perit — Eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova professjonali”

Fil-Kawża C‑365/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Ordre des architectes

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J. Malenovský u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Ordre des architectes, minn J. van Ypersele, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. Gloaguen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 49 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22, u rettifika ĠU 2008, L 93, p. 28), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009, tas-6 ta’ April 2009 (ĠU L 93, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ordre des architectes u l-État belge dwar l-eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova ta’ perit prevista mid-dritt Belġjan f’dak li jirrigwarda ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma humiex ir-Renju tal-Belġju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2005/36 ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 118).

4

Il-premessa 19 tad-Direttiva 2005/36 tistipula:

“Il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent reċiproku tal-provi ta’ kwalifiki formali ta’ [...] periti għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju fundamentali tar-rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali abbażi ta’ kondizzjonijiet minimi kordinati għat-taħriġ. [...] Din is-sistema għandha tkun supplimentata b’numru ta’ drittijiet miksuba li minnhom jibbenefikaw professjonisti kwalifikati taħt ċerta kondizzjonijiet.”

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, jistipula:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.”

7

L-Artikolu 21 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala provi ta’ kwalifiki formali [...] bħala perit, elenkati fl-Anness V, punti [5.7.1], dawk il-provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ imsemmija [fl-Artikolu 46], u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, jagħti dawn il-provi l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħala provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess.

Din il-prova tal-kwalifiki formali għandha tinħareġ mill-korpi kompetenti fl-Istati Membri u tkun akkumpanjata, fejn xieraq, miċ-ċertifikati elenkati fl-Anness V, [punt 5.7.1].

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma jolqtux id-drittijiet miksuba msemmija [b’mod partikolari fl-Artikolu 49].

[...]

5.   Provi ta’ kwalifiki formali bħala perit imsemmija fl-Anness V, punt 5.7.1, li huma soġġetti għar-rikonoxximent awtomatiku skond il-paragrafu 1, huma provi ta’ kors ta’ taħriġ kompletat li beda mhux qabel matul is-sena akkademika ta’ referenza msemmija f’dak l-Anness.”

8

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Taħriġ ta’ periti”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-taħriġ bħala perit għandu jkopri total ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ studji full-time jew sitt snin ta’ studju, li minnhom tliet snin ikunu fuq bażi full-time, f’università jew istituzzjoni edukattiva paragunabbli. It-taħriġ għandu jwassal għat-tmiem b’suċċess ta’ eżami f’livell universitarju.

Dak it-taħriġ, li għandu jkun ta’ livell universitarju, u li tiegħu l-arkitettura hija l-komponent prinċipali, għandu jżomm bilanċ bejn l-aspetti teoretiċi u prattiċi ta’ taħriġ arkitetturali u jiggarantixxi il-kisba tal-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

[...]”

9

L-Artikolu 49 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-periti”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaċċetta provi ta’ kwalifiki formali bħala perit elenkati fl-Anness VI, punt 6, mogħtija mill-Istati Membri l-oħra, u li jagħtu prova ta’ […] kors ta’ taħriġ li beda mhux aktar tard mis-sena akkademika ta’ referenza msemmija f’dak l-Anness, anke jekk dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 46, u għandhom, għall-finijiet ta’ l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ perit, jagħtu l-istess effett lil tali provi fit-territorju tiegħu bħal provi ta’ kwalifiki formali ta’ perit li huwa stess joħroġ.

[...]

2.   Bla preġudizzju għall-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi il-provi ta’ kwalifiki formali li ġejjin u għandu, għall-finijiet ta’ l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ perit eżerċitati, jagħtihom l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħal provi ta’ kwalifiki formali li huwa stess joħroġ: ċertifikati maħruġa lil ċittadini ta’ Stati Membri mill-Istati Membri li ippromulgaw regoli li jirregolaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ perit mid-dati li ġejjin: […]

[...]

Iċ-certifikati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiċċertifikaw li t-titolari kien awtorizzat, mhux aktar tard mid-data rispettiva, li juża t-titolu professjonali ta’ perit [...] u li effettivament eżerċita l-attivitajiet in kwistjoni, fil-kuntest ta’ dawk ir-regoli, għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin li jippreċedu l-għoti taċ-ċertifikat.”

Id-dritt Belġjan

10

L-Artikolu 1 tal-Liġi tal-20 ta’ Frar 1939 dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ perit (Moniteur belge tal-25 ta’ Marzu 1939, p. 1942), kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Novembru 2008 li tittrasponi d-Direttivi 2005/36/KE u 2006/100/KE u li temenda l-Liġijiet tal-20 ta’ Frar 1939 dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ perit u tas-26 ta’ Ġunju 1963 li tistabbilixxi Kamra tal-Periti (Moniteur belge tal-11 ta’ Frar 2009, p. 11596, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-20 ta’ Frar 1939”), jipprevedi:

“1.   Ħadd ma jista’ juża t-titolu ta’ perit [...] jekk ma jkollux diploma li jistabbilixxi li huwa għadda mill-eżamijiet meħtieġa għall-ksib ta’ din id-diploma.

2.   Bla ħsara għall-paragrafi 1 u 4 u għall-Artikoli 7 u 12 ta’ din il-liġi, il-Belġjani u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Komunità Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-‘Ftehim ŻEE’)] jistgħu jużaw, fil-Belġju, it-titolu ta’ perit jekk huma għandhom diploma, ċertifikat jew kwalifiki formali oħra msemmija fl-Anness 1(b) ta’ din il-liġi, kif emendata bl-aġġornamenti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(7) tad-[Direttiva 2005/36]. Dawn l-aġġornamenti huma ppubblikati integralment, fil-forma ta’ avviż uffiċjali, fil-Moniteur belge.

2/1.   L-Etat belge jirrikonoxxi l-provi ta’ kwalifiki formali ta’ perit imsemmija fl-Anness 2(a) mogħtija mill-Istati Membri l-oħra, u li jagħtu prova ta’ kors ta’ taħriġ li beda mhux iktar tard mis-sena akkademika ta’ referenza msemmija f’dak l-Anness, anke jekk dawn il-provi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi msemmija fl-Anness 1(a). L-Etat belge għandu jagħtihom l-istess effett fit-territorju tiegħu bħall-provi ta’ kwalifiki formali ta’ perit li huwa stess joħroġ, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-attivitajiet professjonali ta’ perit u l-eżerċizzju tagħhom.

[...]

2/2.   Bla ħsara għall-paragrafu 2/1, huma rrikonoxxuti ċ-ċertifikati maħruġa lil ċittadini ta’ Stati Membri mill-Istati Membri li ppromulgaw regoli li jirregolaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ perit mid-dati li ġejjin:

[...]

Iċ-ċertifikati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiċċertifikaw li d-detentur kien awtorizzat, mhux aktar tard mid-data rispettiva, li juża t-titolu professjonali ta’ perit u li effettivament eżerċita l-attivitajiet inkwistjoni, fil-kuntest ta’ dawk ir-regoli, għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin li jippreċedu l-għoti taċ-ċertifikat.

[...]”

11

L-Artikolu 50(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963 li tistabbilixxi Kamra tal-Periti (Moniteur belge tal-5 ta’ Lulju 1963, p. 6945), kif emendata bil-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tadatta ċerti leġiżlazzjonijiet għad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (Moniteur belge tad-29 ta’ Diċembru 2009, p. 82151, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963”) jipprevedi:

“Ħadd ma jista’ jitlob li ismu jitniżżel fir-Reġistru tal-Kamra jekk ma jkunx wettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn ma’ persuna li ilha rreġistrata fir-Reġistru għal mill-inqas għaxar snin.”

12

L-Artikolu 52(a) tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963 huwa fformulat kif ġej:

“Il-kumitati tal-Kamra għandhom jeżentaw parzjalment jew kompletament mill-perijodu ta’ prova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Re:

a)

liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea jew [ta’] Stat ieħor parti [għall-Ftehim ŻEE] li jkunu pprovdew f’pajjiż barrani servizzi meqjusa ekwivalenti għal perijodu ta’ prova”.

13

L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Marzu 2011 dwar l-eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova ta’ perit (Moniteur belge tal-11 ta’ April 2011, p. 23207, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-23 ta’ Marzu 2011”) jipprovdi:

“Il-kumitati tal-Kamra tal-periti għandhom jeżentaw mill-perijodu ta’ prova msemmi fl-Artikolu 50 tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963 li tistabbilixxi Kamra tal-Periti, liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti [għall-Ftehim ŻEE] li għandhom diploma, ċertifikat jew kwalifiki formali oħra msemmija fl-Artikolu 1(2/2) u fl-Annessi 1(b) u 2(a) u (b) tal-Liġi tal-20 ta’ Frar 1939 dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ perit.

L-ewwel paragrafu ma japplikax għad-diplomi, ċertifikati jew kwalifiki formali oħra maħruġa minn organu Belġjan imsemmi fl-Annessi 1(b) u 2 tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tal-20 ta’ Frar 1939.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni għall-annullament tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Marzu 2011 ippreżentata mill-Ordre des architectes quddiem il-Conseil d’État b’rikors tal-25 ta’ Mejju 2011.

15

Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-Ordre des architectes jinvoka ksur tal-Artikoli 50 u 52(a) tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963. Fil-fatt, l-imsemmi digriet irjali jipprovdi għal eżenzjoni mill-obbligi ta’ perijodu ta’ prova għal kull ċittadin ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE jew ta’ Stat Membru ieħor għajr ir-Renju tal-Belġju li jkollu diploma, ċertifikat jew kwalifiki formali oħra msemmija fl-Artikolu 1(2/2), u fl-Annessi 1(b) u 2(a) u (b) tal-Liġi tal-20 ta’ Frar 1939. Madankollu, dan id-digriet irjali ma jissuġġettax din l-eżenzjoni għall-osservanza tar-rekwiżiti li jippermettu li jiġi vverifikat li dan iċ-ċittadin ipprovda barra mill-pajjiż servizzi meqjusa ekwivalenti għal perijodu ta’ prova. Dan id-digriet irjali jipprevedi b’hekk mekkaniżmu ta’ eżenzjoni ġenerali mill-perijodu ta’ prova skont il-klassifikazzjonijiet elenkati fih mingħajr ma jissuġġetta din l-eżenzjoni għall-fatt jekk l-Istat Membru tal-oriġini jiftaħx jew le l-aċċess għall-professjoni ta’ perit lid-detenturi ta’ dawn il-kwalifiki formali. Barra minn hekk, l-Annessi V u VI tad-Direttiva 2005/36 ma ġewx trasposti korrettament fid-dritt Belġjan, jiġifieri fl-Annessi 1(b) u 2(a) tal-Liġi tal-20 ta’ Frar 1939. Il-konsegwenza ta’ dan hija li d-detenturi ta’ diplomi ta’ perit, li ma jkollhomx ċertifikat komplimentari li jippermettilhom jaċċedu għall-professjoni ta’ perit fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, jistgħu jaċċedu għaliha fil-Belġju, mingħajr ma l-Ordre des architectes ma tkun tista’ timponilhom l-obbligu ta’ perijodu ta’ prova, peress li d-Digriet irjali tat-23 ta’ Marzu 2011 jipprovdi għall-eżenzjoni tiegħu.

16

Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tippreċiża li r-riferiment li d-Digriet Irjali tat-23 ta’ Marzu 2011 jagħmel għall-kwalifiki formali msemmija fl-Annessi 1(b) u 2(a) tal-Liġi tal-20 ta’ Frar 1939 ma jiggarantixxix l-eżistenza ta’ esperjenza professjonali minima peress li dawn l-annessi jelenkaw provi ta’ kwalifiki formali mingħajr ma jimponu li dawn ikunu akkumpanjati minn ċertifikat li jiċċertifika eżerċizzju effettiv tal-attivitajiet ta’ perit. Minn dan hija tiddeduċi li mid-Digriet Irjali tat-23 ta’ Marzu 2011 ma jirriżultax li d-detenturi tal-kwalifiki formali ikkonċernati jibbenefikaw mill-eżenzjoni minn perijodu ta’ prova biss jekk dawn ikunu professjonisti kompletament ikkwalifikati. Minn dan isegwi, skontha, li l-imsemmi digriet irjali jikser l-Artikolu 52(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963 li jippermetti l-għoti ta’ din l-eżenzjoni biss liċ-ċittadini kkonċernati li pprovdew, f’pajjiż barrani, servizzi meqjusa ekwivalenti għal perijodu ta’ prova, li ma jistax jintwera bis-sempliċi detenzjoni tal-kwalifika formali. Madankollu, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 52(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1963 mal-Artikoli 21(1) u 49 tad-Direttiva 2005/36.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Sa fejn jobbligaw kull Stat Membru li jirrikonoxxi fir-rigward ta’ provi ta’ kwalifiki formali li huma jirrikjedu, għall-aċċess għal attivitajiet professjonali u l-eżerċizzju tagħhom, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħall-provi ta’ kwalifiki formali mogħtija minnu, l-Artikoli 21 u 49 tad-[Direttiva 2005/36] għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu Stat milli jirrikjedi li, sabiex jiġi inkluż f’reġistru tal-Ordre des architectes, id-detentur ta’ prova ta’ kwalifiki formali ta’ perit b’mod konformi mal-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva jew dak ta’ kwalifika imsemmija fl-Artikolu 49(1) [tagħha], għandu, barra minn hekk, jissodisfa kundizzjonijiet ta’ perijodu ta’ prova professjonali jew ta’ esperjenza, ekwivalenti għal dawk li huma rikjesti mid-detenturi ta’ diplomi mogħtija fit-territorju tiegħu wara l-kisba ta’ dawn tal-aħħar?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 21 u 49 tad-Direttiva 2005/36, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istat Membru ospitanti milli jeżiġi li detentur ta’ kwalifika professjonali miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini jwettaq perijodu ta’ prova, jew jipprova li huwa għandu esperjenza professjonali ekwivalenti, sabiex jiġi awtorizzat jeżerċita l-professjoni ta’ perit.

19

Għandu jitfakkar li din id-direttiva tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali, fir-rigward tal-aċċess għal ċertu numru ta’ professjonijiet irregolati. L-għan essenzjali tar-rikonoxximent reċiproku, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 4(1) tal-imsemmija direttiva, huwa li jippermetti li detentur ta’ kwalifika professjonali, li tagħtih aċċess għal professjoni rregolata fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, ikun jista’ jaċċedi, fl-Istat Membru ospitanti, għall-istess professjoni bħal dik li għaliha huwa kkwalifikat fl-Istat Membru tal-oriġini u li hemmhekk jeżerċita din il-professjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.

20

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-professjoni ta’ perit, l-istess direttiva tipprevedi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tagħha, sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali, ibbażata fuq rekwiżiti minimi kkoordinati għat-taħriġ

21

Skont il-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 85/384, li tħassret bid-Direttiva 2005/36, tali sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali jipprekludi lill-Istat Membru ospitanti milli jissuġġetta r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalifikazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal rekwiżiti addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑43/06, EU:C:2007:300, punti 27 u 28, kif ukoll Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et, C‑111/12, EU:C:2013:100, punti 43 u 44).

22

Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2005/36. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li kliem din id-direttiva ma huwiex ambigwu. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-professjoni ta’ perit, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-provi ta’ kwalifiki formali msemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V tal-istess direttiva, billi jagħtuhom, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-professjoni ta’ perit, l-istess effett bħal kwalifiki formali li huma stess joħorġu. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2005/36, dawn il-kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn korpi kompetenti u għandhom ikunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn ċertifikati komplimentari. Il-punt 5.7.1 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jelenka, għall-kull Stat Membru, il-provi ta’ kwalifiki formali, il-korpi li huma awtorizzati li joħorġuhom u ċ-ċertifikati komplimentari li jippermettu li jinkiseb l-aċċess għall-professjoni ta’ perit. L-imsemmija kwalifiki formali u ċertifikati huma konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kors ta’ taħriġ ta’ perit deskritti fl-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva.

23

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2005/36 huwa kkompletat bl-Artikolu 49 ta’ din id-direttiva. Mill-Artikolu 49(1) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kwalifiki formali msemmija fl-Anness VI tal-istess direttiva li jkunu nħarġu wara kors ta’ taħriġ mibdi sa mhux iktar tard mis-sena akkademika ta’ referenza msemmija f’dan l-anness, anki jekk dawn il-kwalifiki formali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 46 tal-istess direttiva. F’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-professjoni ta’ perit, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-imsemmija kwalifiki formali l-istess effett bħal-kwalifiki formali li huma stess joħorġu.

24

Minn dan isegwi li s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki professjonali prevista, f’dak li jirrigwarda l-professjoni ta’ perit, fl-Artikoli 21, 46 u 49 tad-Direttiva 2005/36, ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Għalhekk, ladarba ċittadin ta’ Stat Membru huwa detentur ta’ waħda mill-provi ta’ kwalifiki formali u taċ-ċertifikati komplimentari msemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V jew fl-Anness VI ta’ din id-direttiva, huwa għandu jkun jista’ jeżerċita l-professjoni ta’ perit fi Stat Membru ieħor mingħajr ma dan tal-aħħar ma jkun jista’ jimponilu li jikseb jew li jipprova li kiseb kwalifiki professjonali supplimentari.

25

It-tieni nett, l-esklużjoni ta’ kull rekwiżit komplimentari li tirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza hija neċessarja iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija direttiva, din issaħħaħ in-natura awtomatika tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, f’dak li jirrigwarda l-professjoni ta’ perit, meta mqabbla mad-Direttiva 85/384. Fil-fatt, din l-aħħar direttiva kienet tipprevedi, fl-Artikolu 23(1) tagħha, il-possibbiltà li Stat Membru jimponi rekwiżiti ta’ perijodu ta’ prova komplimentari fuq id-detenturi ta’ provi ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor anki meta l-imsemmija titoli jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku. Id-Direttiva 2005/36 neħħiet din il-possibbiltà mingħajr ma emendat, fl-essenza tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku, dispożizzjonijiet li kienu preċiżament is-suġġett tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

26

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-prinċipji li jirregolaw is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki professjonali ta’ perit, prevista fid-Direttiva 2005/36, jinsabu fl-Artikoli 21, 46 u 49 ta’ din id-direttiva, l-implementazzjoni ta’ din is-sistema hija bbażata, kif jirriżulta mill-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, fuq il-kontenut tal-Annessi V u VI tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku prevista fid-Direttiva 2005/36 jippresupponi li l-Istati Membri jkunu ttrasponew korrettament mhux biss l-Artikoli 21, 46 u 49 tal-istess direttiva iżda wkoll l-Annessi V u VI tad-Direttiva 2005/36.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 21 u 49 tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istat Membru ospitanti milli jeżiġi li detentur ta’ kwalifika professjonali miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini u msemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V jew fl-Anness VI ta’ din id-direttiva, iwettaq perijodu ta’ prova, jew jipprova li huwa għandu esperjenza professjonali ekwivalenti, sabiex jiġi awtorizzat jeżerċita l-professjoni ta’ perit.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 21 u 49 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009, tas-6 ta’ April 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istat Membru ospitanti milli jeżiġi li detentur ta’ kwalifika professjonali miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini u msemmija fil-punt 5.7.1 tal-Anness V jew fl-Anness VI ta’ din id-direttiva, iwettaq perijodu ta’ prova, jew jipprova li huwa għandu esperjenza professjonali ekwivalenti, sabiex jiġi awtorizzat jeżerċita l-professjoni ta’ perit.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top