EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0346

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
Ville de Mons vs Base Company SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 13 – Tariffa għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni komunali li tissuġġetta lill-proprjetarji ta’ piluni u ta’ arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli għall-ħlas ta’ taxxa.
Kawża C-346/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:649

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 13 — Tariffa għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni komunali li tissuġġetta lill-proprjetarji ta’ piluni u ta’ arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli għall-ħlas ta’ taxxa”

Fil-Kawża C‑346/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju), b’deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Ville de Mons

vs

Base Company SA, li qabel kienet KPN Group Belgium SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-belt ta’ Mons, minn N. Fortemps, avukat,

għal Base Company SA, li qabel kienet KPN SA, minn A. Verheyden, S. Champagne u M. Derijke, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm, bħala aġent assistita minn J. Bourtembourg, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Base Company SA, li qabel kienet KPN Group Belgium SA (iktar ’il quddiem “Base Company”) u l-belt ta’ Mons dwar taxxa fuq il-piluni u fuq l-arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli li jinsabu fit-territorju tal-imsemmija belt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

4

L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi d-definizzjoni segwenti:

“a) ‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-networks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, skont din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-[Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].”

Id-dritt Belġjan

6

Fil-5 ta’ Marzu 2007, il-kunsill komunali tal-belt ta’ Mons adotta regolament dwar it-taxxa fejn ġiet li impona taxxa fuq il-piluni u fuq l-arbli tax-xandir għat-telefonija mobbli (iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar it-taxxa”) applikabbli għas-snin finanzjarji mill-2007 ’il quddiem.

7

L-Artikolu 1 tar-regolament dwar it-taxxa, intitolat “L-għan tat-taxxa”, jipprovdi li l-imsemmija taxxa tapplika għall-“piluni tax-xandir jew arbli ta’ ċerta importanza li jkunu strutturi indipendenti, li jeżistu matul is-sena fiskali, intiżi li jappoġġaw id-diversi tipi ta’ antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli u li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti (saqaf, knisja ...)”.

8

L-Artikolu 3 tar-regolament dwar it-taxxa, intitolat “Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu, li din it-taxxa hija dovuta minn “kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun proprjetarja tal-istruttura msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ dan ir-regolament dwar it-taxxa]”.

9

L-Artikolu 4 tar-regolament dwar it-taxxa, intitolat “Rata tat-taxxa”, jipprovdi li l-ammont tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovut għal kull pilun jew għal kull arblu tax-xandir għat-telefonija mobbli, huwa ta’ EUR 2500.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li Base Company hija l-operatur tan-netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet u, fuq din il-bażi, hija proprjetarja u operatur ta’ netwerk ta’ piluni li jappoġġaw antenni tat-telekomunikazzjonijiet għat-telefonija mobbli fit-territorju tal-belt ta’ Mons.

11

Fuq il-bażi tar-regolament dwar it-taxxa, l-awtoritajiet tal-belt ta’ Mons indirizzaw tliet avviżi ta’ evalwazzjoni tat-taxxa lil Base Company, li jimponu t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2008, għal ammont totali ta’ EUR 7500. Dawn l-avviżi ta’ evalwazzjoni tat-taxxa ġew ikkontestati quddiem l-awtorità komunali tal-belt ta’ Mons. Peress li din il-kontestazzjoni ġiet miċħuda, ġie ppreżentat rikors quddiem it-tribunal de première instance de Mons (qorti tal-prim’istanza ta’ Mons), li annullathom. Il-belt ta’ Mons appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar kellha dubji dwar l-applikabbiltà fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

12

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-cour d’appel ta’ Mons iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13 tad-Direttiva [ta’ Awtorizzazzjoni] jipprojbixxi lill-awtoritajiet reġjonali milli jintaxxaw, għal raġunijiet baġitarji jew raġunijiet oħra, l-attività ekonomika tal-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet li jimmanifestaw ruħhom fuq it-territorju tagħhom permezz ta’ piluni, arbli jew antenni [tar-radjotelefonija mobbli] intiżi għal din l-attività?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi imposta fuq proprjetarju ta’ strutturi indipendenti, bħal piluni jew arbli tax-xandir, intiżi li jappoġġaw l-antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli, li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti.

14

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, din id-direttiva tapplika għall-awtorizzazzjonijiet li jikkonċernaw il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 35).

15

Din id-direttiva tipprovdi mhux biss regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jew dwar il-kontenut tagħhom, iżda wkoll regoli dwar in-natura u l-portata tal-piż finanzjarju marbut mal-imsemmija proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu lill-impriżi fis-settur tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membri ma jistgħux, fil-kuntest tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, jimponu taxxi jew tariffi oħra fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għajr dawk li huma previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vodafone España u France Telecom España, C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446, punti 28 u 29, kif ukoll Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Minn dan isegwi li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punti 33 sa 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni japplikaw għal taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li jagħti lok għaliha għandu jkun marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, li skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, tiggarantixxi id-dritt ta’ provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑485/11, EU:C:2013:427, punti 303134; Vodafone Malta u Mobisle Communications, C‑71/12, EU:C:2013:431, punti 2425; kif ukoll Fratelli De Pra u SAIV, C‑416/14, EU:C:2015:617, punt 41).

18

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fir-rigward tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li huwa s-suġġett tad-domanda preliminari fil-kawża inkwistjoni, li din id-dispożizzjoni ma tkoprix it-tariffi kollha li huma suġġetti għalihom l-infrastrutturi li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 34).

19

Fil-fatt, dan l-artikolu jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-issuġġettar ta’ tariffi għad-drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jew għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata (sentenza Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali “hija dovuta minn kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun proprjetarja ta’ struttura” jiġifieri “piluni tax-xandir jew arbli ta’ ċerta importanza li jkunu strutturi indipendenti [...] intiżi li jappoġġaw id-diversi tipi ta’ antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti (saqaf, knisja ...)”.

21

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem “faċilitajiet” u “[in]stallati” użati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirreferu, rispettivament, għall-infrastrutturi fiżiċi li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-installazzjoni fiżika tagħhom fuq il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata (sentenza Belgacom u Mobistar, C‑256/13 u C‑264/13, EU:C:2014:2149, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għalhekk, minkejja li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija imposta fuq proprjetarji ta’ piluni u ta’ arbli tax-xandir intiżi li jappoġġaw l-antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli, li jikkostitwixxu infrastrutturi fiżiċi li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma jidhirx li l-imsemmija taxxa għandha karatteristiċi ta’ tariffa li hija imposta fuq impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bil-korrispettiv tad-dritt li jinstallaw faċilitajiet.

23

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li ta lok għal din it-taxxa, li hija imposta fuq kull proprjetarju ta’ piluni jew ta’ arbli tax-xandir, indipendentement minn jekk huwiex detentur ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, ma jidhirx li huwa marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li tawtorizza lill-impriżi jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

24

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi imposta fuq proprjetarju ta’ strutturi indipendenti, bħal piluni jew arbli tax-xandir, intiżi li jappoġġaw l-antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli, li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti.

Fuq l-ispejjeż

25

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi imposta fuq proprjetarju ta’ strutturi indipendenti, bħal piluni jew arbli tax-xandir, intiżi li jappoġġaw l-antenni neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli, li ma setgħux jitpoġġew fuq sit eżistenti.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top