Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0334

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014.
    Nordex Food A/S vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 800/1999 – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Regolament (KE) Nru 1291/2000 – Sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni – Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata mingħajr liċenzja tal-esportazzjoni – Terminu mogħti mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni – Dokumenti doganali li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju – Dokumenti ffalsifikati – Rettifika tal-irregolaritajiet – Applikazzjoni tas-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.
    Kawża C‑334/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2294

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    16 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 800/1999 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Regolament (KE) Nru 1291/2000 — Sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni — Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata mingħajr liċenzja tal-esportazzjoni — Terminu mogħti mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni — Dokumenti doganali li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju — Dokumenti ffalsifikati — Rettifika tal-irregolaritajiet — Applikazzjoni tas-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999”

    Fil-Kawża C‑334/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    Nordex Food A/S

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Nordex Food A/S, minn U. Schrömbges, avukat,

    għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn D. Baden-Berthold, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u G. von Rintelen, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 49(2) u tal-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2299/2001, tas-26 ta’ Novembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 204), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 800/1999”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nordex Food A/S (iktar ’il quddiem “Nordex”), kumpannija stabbilita fid-Danimarka, u l-Hauptzollamt Hamburg‑Jonas, dwar rifjut ta’ għoti ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni u dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni, abbażi tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “[d]eċiżjoni” bħala “kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma’ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli”.

    4

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1), ħassar ir-Regolament Nru 800/1999, li madankollu jibqa’ applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    5

    Il-premessi 63 u 64 tar-Regolament Nru 800/1999 kienu fformulati kif ġej:

    “(63)

    [...] fid-dawl ta’ l-esperjenza, [bl-għan tal-ġlieda] kontra l-irregolaritajiet u partikolarment frodi li jagħmlu ħsara lill-finanzi tal-Komunità [...] għandha ssir dispożizzjoni għall-ġbir lura ta’ l-ammonti mħallsa żejda u sanzjonijjiet biex iħajru lill-esportaturi josservaw ir-regoli tal-Komunità;

    (64)

    Billi, sabiex jiġi assigurat li s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni [ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni] taħdem tajjeb, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet irrispettivament mis-suġġettività tal-ħtija; billi huwa madanakollu xieraq li ma jiġuxapplikatis-sanzjonijiet f’ċertu każijiet, u b’mod partikolari fejn hemm żball ovvju rikonoxxut mill-awtorità kompetenti; u li jiġu pprovduti sanzjonijiet iżjed iebsa fil-każ fejn ikun hemm każijiet ta’ intenzjoni [...]”

    6

    Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 800/1999:

    “Id-dritt għar-rifondi [għal ħlas lura] għandu jkun bil-kondizzjoni li tkun ippreżentata liċenzja ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifondi, ħlief fil-każi ta’ l-esportazzjoni ta’ l-oġġetti [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ġurnata tal-esportazzjoni tfisser il-ġurnata li fiha d-dipartiment doganali jaċċetta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li fiha jiġi indikat li għandha ssir applikazzjoni għal ħlas lura. Id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għandha tkun determinanti sabiex jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, ir-rata ta’ ħlas lura applikabbli, l-aġġustamenti li jridu jsiru kif ukoll il-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.

    8

    Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament, l-uffiċċju doganali kompetenti għandu jkun jista’ jagħmel il-verifiki fiżiċi u jidentifika l-oġġetti għat-trasport lejn l-uffiċċju tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità.

    9

    L-Artikolu 49(2) u (4) tal-istess regolament kien jipprovdi:

    “2.   Ħlif fil-każijiet ta’ force majeure, id-dokumenti li jirrigwardaw għall-pagamenti tar-rifużjonijiet jew tar-rilaxx ta’ garanzija għandhom ikunu ppreżentati fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tkun aċċettata.

    [...]

    4.   Meta, avolja jkungħamel ħiltu kif imiss, l-esportatur ma jkunx jista’ jakkwista u jwassal id-dokumenti meħtieġa permezz ta’ l-Artikolu 16 fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2, hu jkun jista’ jiġi mogħti, fuq talba tiegħu, aktar żmien biex ikun jista’ jippreżentahom.”

    10

    L-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 800/1999 kien jipprovdi:

    “Meta l-prov[i] li r-rekwiżiti kollha stabbiliti bir-regolamenti tal-Komunità jkunu ġew sodisfatti jkunu ġew ipprovduti fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 49(2) u (4), ir-rifużjonijiet imħallsa għandhom ikunu 85 % tas-somma li kienet tkun imħallsa li kieku r-rekwiżiti kollha kienu ġewsodisfatti.

    [...]”

    11

    Skont l-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament:

    “1.   Meta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni [ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni] jkun applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli, ir-rifużjonijiet dovuti għall-esportazzjoni relevanti għandhom ikunu dawk applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b’:

    (a)

    nofs id-differenza bejn ir-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni u dawk applikabbli għall-esportazzjoni attwali,

    (b)

    id-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjonijiet li tkun saret applikazzjoni għalihom u dawk applikabbli meta l-esportatur intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza.

    [...]

    3.   Il-penalità li hemm provvediment dwarha fil-punt (a) tal-paragrafu 1 m’għandhiex tkun applikabbli:

    (a)

    fil-każijiet ta’ force majeure,

    (b)

    f’każijiet eċċezzjonali meta l-esportatur, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, immedjetament wara li jsir jaf li r-rifużjonijiet li jkun applika għalihom ikunu eċċessivi jinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti dwar dan, sa kemm l-awtorità kompetenti ma tkunx diġà infurmat lill-esportatur li jkollha l-intenzjoni li teżamina t-talba jew li l-esportatur ikun diġà sar jaf b’din l-intenzjoni, jew li l-awtorità kompetenti tkun diġà stabbiliet li r-rifużjonijiet mitluba ma kinux korretti;

    (ċ)

    fil-każijiet ta’ żball ovvju rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti rigward ir-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni,

    [...]

    7.   Il-penalitajiet m’għandhomx japplikaw sempliċement meta r-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni jkunu aktar mir-rifużjonijiet applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikoli 4(2), 18(3), 35(2) u/jew 50.

    [...]”

    12

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 145), tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, p. 3).

    13

    Ir-Regolament Nru 1291/2000 madankollu jibqa’ applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    14

    Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1291/2000 kienu fformulati kif ġej:

    “(15)

    Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni jew ta’ l-esportazzjoni tagħti d-dritt għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni u għalhekk għandha tkun ippreżentata fil-ħin meta d-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tkun aċċettata.

    (16)

    Meta jintużaw proċeduri ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ssimplifikati, il-kondizzjoni li tkun ippreżentata l-liċenzja lejn l-awtoritajiet doganali [tista’ titneħħa jew il-liċenzja tista’] tkun ippreżentata sussegwentament [...]. B’dana kollu, l-importatur jew l-esportatur għandu jkun fil-pussess tal-liċenzja fid-data li tkun ikkunsidrata bħala dik li fiha tkun aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.”

    15

    L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

    “1.   Il-kopja Nru 1 tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat għandha tkun ippreżentata fl-uffiċċju doganali li jkun aċċetta:

    [...]

    (b)

    fil-każ tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni jew taċ-ċertifikat ta’ l-istabbilizzar [tal‑iffissar] bil-quddiem tar-rifużjoni, id-dikjarazzjoni li jkollha x’taqsam ma’:

    l-esportazzjoni […]

    [...]

    2.   Il-kopja Nru 1 tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat għandha tintwera, jew tinżamm għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali, fiż-żmien ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni li hemm referenza għaliha f’paragrafu 1.

    3.   Wara li l-uffiċċju li hemm referenza għalih f’paragrafu 1 ikun għamel l-attribuzzjoni u jkun awtorizza l-kopja Nru 1 tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat, din għandha tkun mibgħuta lura lejn il-parti kkonċernata. B’dana kollu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu jew jippermettu lill-parti kkonċernata li tagħmel il-kitba fuq il-liċenzja jew iċ-ċertifikat; f’dawk il-każi kollha, il-kitba għandha tkun eżaminta u awtorizzata mill-uffiċċju kompetenti.

    [...]”

    16

    L-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

    “Minkejja l-Artikolu 24, l-Istat Membru jista’ jippermetti li l-liċenzja jew iċ-ċertifikat ikun ippreżentat għand il-korp tal-ħruġ jew, meta jkun hemm bżonn, għand l-awtoritajiet responsabbli mill-ħlas tar-rifużjoni [mill-ħlas lura].”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Fit-2 ta’ Mejju 2002, Nordex iddikjarat mal-uffiċċju doganali kompetenti, iz-Zollamt Nesserland, esportazzjoni ta’ ġobon feta mill-Ġermanja lejn il-Kosovo. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għal liċenzja tal-esportazzjoni redatta mill-awtoritajiet Daniżi. Peress li din il-liċenzja ma kinitx mehmuża mad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, iz-Zollamt Nesserland ta lil Nordex terminu ta’ ġimgħa sabiex tippreżentaha. Billi l-imsemmija liċenzja ġiet ippreżentata f’dan it-terminu, iz-Zollamt Nesserland niżżel il-merkanzija esportata fuqha.

    18

    Fit-22 ta’ Mejju 2002, Nordex ippreżentat applikazzjoni għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni differenzjata lill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, awtorità kompetenti għal dan il-ħlas lura. Ma’ din it-talba ġiet mehmuż formularju bid-data tas-7 ta’ Mejju 2002 u maħruġ mill-amministrazzjoni doganali provviżorja tal-Kosovo, il-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (MINUK), li tistabbilixxi ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-imsemmi ġobon fil-Kosovo.

    19

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2002, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas irrifjuta li jagħti l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li għalih saret applikazzjoni, minħabba li l-esportazzjoni kkonċernata seħħet mingħajr liċenzja tal-esportazzjoni valida. Billi l-ilment imressaq minn Nordex kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, Nordex adixxiet lill-Finanzgericht Hamburg sabiex tikseb l-imsemmi ħlas lura.

    20

    Kien biss fis-snin 2004 u 2005 li xi irregolaritajiet li jivvizzjaw id-dokumenti doganali tal-Kosovo ġew skoperti. Peress li t-timbru tad-dipartiment doganali li kien hemm fuq id-dokument doganali li jistabbilixxi ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija fil-Kosovo kien ġie ffalsifikat, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas imponiet fuq Nordex, permezz ta’ deċiżjoni rettifikattiva tal-25 ta’ Jannar 2006, sanzjoni, abbażi tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999.

    21

    Konsegwentement, Nordex talbet ukoll, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja relatata mal-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li kienet għadha pendenti quddiem il-Finanzgericht Hamburg, l-annullament tas-sanzjoni imposta. F’dan ir-rigward, Nordex ippreżentat dokumenti ġodda fil-forma ta’ ittri tad-dipartiment doganali tal-MINUK kif ukoll kopja ċċertifikata ta’ attestazzjoni oriġinali ta’ ħlas tad-dazji redatta minn dan id-dipartiment.

    22

    Il-Finanzgericht Hamburg ċaħdet l-azzjonijiet ta’ Nordex. Skont din il-qorti, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas huwa marbut mid-deċiżjoni ta’ estensjoni tat-terminu meħuda miz-Zollamt Nesserland u għaldaqstant ma jistax jirrifjuta l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni abbażi ta’ preżentazzjoni tardiva tal-liċenzja tal-esportazzjoni. Għall-kuntrarju, sa fejn id-dokumenti li jistabbilixxu t-twettiq tal-formalitajiet doganali tal-importazzjoni kollha fil-Kosovo, prodotti minn Nordex matul il-proċedura ġudizzjarja, ma ġewx ippreżentati fit-termini stabbiliti, jiġifieri, fit-terminu ta’ 12-il xahar previst fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 800/1999, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fit-terminu ta’ 18-il xahar imsemmi fl-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li għalih kienet saret l-applikazzjoni ma setax jingħata u s-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999 kellha wkoll tiġi imposta.

    23

    Nordex appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi).

    24

    Din il-qorti tqis, fl-ewwel lok, li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 800/1999, id-dritt għall-ħlas lura inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex suġġett għall-osservanza tar-regoli proċedurali kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1291/2000. Hija tippreċiża li madankollu din il-kwistjoni tqum biss fl-ipoteżi fejn l-awtorità kompetenti għall-ħlasijiet lura ma tkunx marbuta mit-terminu addizzjonali mogħti mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni għall-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni.

    25

    Fit-tieni lok, il-Bundesfinanzhof għandha dubji f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tat-terminu ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 800/1999, fil-każ fejn il-preżentazzjoni tardiva tal-prova tal-wasla tal-merkanzija fid-destinazzjoni tagħhom la xekklet u lanqas dewmet il-proċedura ta’ ħlas lura, peress li l-awtoritajiet kompetenti ċaħdu t-talba ta’ Nordex għal raġunijiet oħra.

    26

    Fit-tielet nett, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni, il-Bundesfinanzhof tqis li mill-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax b’mod ċar li tiġi imposta sanzjoni anki meta d-dokumenti li jagħtu prova tal-wasla tal-merkanzija fid-destinazzjoni tagħha jirriżultaw li huma ffalsifikati, iżda jiġu ssostitwiti, matul il-proċedura ġudizzjarja, minn dokumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat [tal-liċenzja] tal-esportazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 800/1999] jekk l-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni ikun aċċetta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata mingħajr ċertifikat, filwaqt li jkun awtorizza lill-esportatur sabiex jippreżenta ċ-ċertifikat iktar tard f’terminu preċiż, u meta dan tal-aħħar ikun ippreżentah f’tali terminu?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 800/1999] jirrikjedi b’mod imperattiv, li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-esportazzjoni mill-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni jew huwa biżżejjed li l-esportatur jippreżenta biss iċ-ċertifikat tal-esportazzjoni (li jingħata lilu qabel l-esportazzjoni) fil-proċedura tal-ħlas?

    3)

    L-esportatur, li l-ewwel nett ippreżenta dokumenti doganali ffalsifikati sabiex tiġi stabbilita l-wasla ta’ merkanzija esportata fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, ikun jista’ jerġa’ jippreżenta, sabiex jippreżerva d-dritt tiegħu, dokumenti doganali validi wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentazzjoni, stabbiliti mir-Regolament [Nru 800/1999] jekk il-preżentazzjoni tardiva ma tkunx dewmet jew ipprekludiet l-iżvolġiment tal-proċedura tal-ħlas peress li t-talba għal-ħlas lura kienet, l-ewwel nett, ġiet miċħuda għal raġunijiet oħra barra n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ tali provi tal-wasla fid-destinazzjoni u li dawn tal-aħħar jiġu prodotti wara li tkun ġiet irrikonoxxuta l-falsifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti?

    4)

    Is-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament [Nru 800/1999] għandha tiġi imposta jekk il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mitlub, ikun jikkorrispondi b’mod ċert għal dak li għandu effettivament jiġi mogħti, iżda meta l-esportatur ikun l-ewwel nett ippreżenta fil-proċedura tal-ħlas, dokumenti li abbażi tagħhom il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma setax jingħatalu?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni tistax titqies li twettqet konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 800/1999 meta l-esportazzjoni tkun seħħet mingħajr din il-liċenzja, li l-eżistenza tagħha madankollu ġiet stabbilita fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u li ġiet ippreżentata, mill-esportatur, fit-terminu addizzjonali ta’ ġimgħa mogħti għal dan l-għan mill-uffiċċju doganali kompetenti.

    29

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprevedi li d-dritt għall-ħlas lura huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni lid-dipartiment doganali kompetenti.

    30

    Billi l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 800/1999 jinsab fil-parti tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan tal-aħħar dwar id-dritt għall-ħlas lura, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għal prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), li jikkorrispondi għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 800/1999 u li jagħmel parti mill-istess dispożizzjonijiet ġenerali, li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 sservi mhux biss għall-kalkolu tal-ammont eżatt tal-ħlas lura, iżda qabel kollox sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, jew in-nuqqas ta’ eżistenza, tad-dritt għal dan il-ħlas lura u jingħata bidu għas-sistema ta’ verifika tal-applikazzjoni għal ħlas lura (sentenza Dachsberger & Söhne, C‑77/08, EU:C:2009:172, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dak li jikkonċerna l-verifiki li għandhom isiru, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprevedi li l-uffiċċju doganali kompetenti għandu jkun jista’ jwettaq il-kontroll fiżiku tal-prodotti li għalihom ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u li jieħu l-miżuri ta’ identifikazzjoni għat-trasport lejn l-uffiċċju tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni.

    32

    Fil-fatt, dawn il-kontrolli huma neċessarji sabiex l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jkunu jistgħu jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dachsberger & Söhne, EU:C:2009:172, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Südzucker et, C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, EU:C:2012:444, punt 43).

    33

    Minn dan jirriżulta li l-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ verifika tal-applikazzjonijiet għal ħlas lura.

    34

    Madankollu r-Regolament Nru 800/1999 ma fih ebda preċiżazzjoni dwar il-modalitajiet li għalihom hija suġġetta l-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet jirriżultaw mir-Regolament Nru 1291/2000. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, din il-liċenzja tagħti d-dritt li wieħed jesporta u, għaldaqstant, għandha tiġi ppreżentata fil-mument meta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun aċċettata.

    35

    L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1291/2000 jipprovdi li l-liċenzja tal-esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali fejn tkun aċċettata d-dikjarazzjoni dwar l-esportazzjoni. Skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, il-liċenzja għandha tiġi ppreżentata jew tinżamm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fil-mument meta din id-dikjarazzjoni tiġi aċċettata.

    36

    B’deroga mill-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 25 ta’ dan tal-aħħar jawtorizza li Stat Membru jippermetti li l-liċenzja tal-esportazzjoni tiġi ppreżentata quddiem il-korp li joħroġha jew, fejn xieraq, quddiem l-awtorità responsabbli mill-ħlas lura.

    37

    Barra minn hekk, skont il-premessa 16 tal-istess regolament, fil-każ ta’ proċeduri tal-esportazzjoni ssimplifikati, il-kundizzjoni li tkun ippreżentata l-liċenzja lejn l-awtoritajiet doganali tista’ titneħħa jew il-liċenzja tista’ tkun ippreżentata sussegwentement. Madankollu, l-esportatur għandu jkun fil-pussess ta’ din il-liċenzja fid-data li tkun meqjusa bħala dik li fiha tkun aċċettata d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

    38

    Għalhekk, mill-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament Nru 1291/2000 kif ukoll mill-premessa 16 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprevedi, f’ċerti ċirkustanzi, il-possibbiltà għall-esportatur li jew iżomm il-liċenzja tal-esportazzjoni għad-dispożizzjoni tad-dipartiment doganali, jew li jippreżentaha lilu iktar tard.

    39

    L-eżistenza stess ta’ dawn l-eċċezzjonijiet għaldaqstant turi li l-preżentazzjoni tal-liċenzja tal-esportazzjoni fil-mument meta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun aċċettata ma hijiex, fil-każijiet kollha, kundizzjoni indispensabbli għall-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, sakemm madankollu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma jkunux kompromessi u sakemm il-kontrolli fiżiċi jkunu setgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti.

    40

    F’dan il-każ, huwa qabel kollox stabbilit li l-liċenzja tal-esportazzjoni kienet teżisti fil-mument meta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni kienet aċċettata u li l-uffiċċju doganali kompetenti sar jaf biha. Sussegwentement, jidher li d-dewmien fit-trażmissjoni, lil dan l-uffiċċju, tal-liċenzja tal-esportazzjoni redatta mill-awtoritajiet Daniżi ma kienx imputabbli direttament għal Nordex. Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-preżentazzjoni ta’ din il-liċenzja tal-esportazzjoni wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni kkawżat xi ostakolu għall-kontrolli fiżiċi neċessarji li twettqu mill-uffiċċju doganali kompetenti.

    41

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-awtorità kompetenti għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni setgħetx topponi d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ terminu addizzjonali mill-awtorità doganali kompetenti, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti sabiex iwettaq dan il-ħlas lura huwa marbut b’deċiżjoni tal-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni jekk din id-deċiżjoni tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet formali u sostantivi kollha ta’ “deċiżjoni” previsti kemm fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali kif ukoll fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Südzucker et, EU:C:2012:444, punti 64 sa 67).

    42

    Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Südzucker et, EU:C:2012:444, punt 67).

    43

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 800/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1291/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-esportazzjoni seħħet fl-assenza tal-liċenzja tal-esportazzjoni, li l-eżistenza tagħha madankollu ġiet stabbilita fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u li ġiet ippreżentata mill-esportatur fit-terminu addizzjonali ta’ ġimgħa mogħti għal dan l-għan mill-uffiċċju doganali kompetenti.

    Fuq it-tieni domanda

    44

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

    Fuq it-tielet domanda

    45

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-esportatur li ppreżenta dokumenti doganali ffalsifikati sabiex jistabbilixxi l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju huwiex awtorizzat, wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 800/1999, jippreżenta, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti dwar l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, dokumenti doganali validi, filwaqt li kien hemm dewmien f’dan l-għoti għal raġunijiet li ma humiex dawk relatati mal-prova tal-wasla tal-imsemmija merkanzija.

    46

    Preliminarjament għandu jitfakkar li l-esportatur għandu, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 800/1999 jippreżenta applikazzjoni espliċita għall-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni. Skont l-Artikolu 49(2) ta’ dan ir-regolament, l-esportatur għandu, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, terminu ta’ tnax-il xahar mid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni sabiex jippreżenta, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-fajl għall-finijiet tal-għoti tal-imsemmi ħlas lura.

    47

    Fir-rigward ta’ dan it-terminu ta’ tnax-il xahar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li tali terminu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri li jagħlqu l-fajls ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fi żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 3665/87, is-sentenza Eribrand, C‑467/01, EU:C:2003:364, punt 40).

    48

    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-esportaturi jirriskjaw li jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi sabiex jiksbu d-dokumenti doganali min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat terz ta’ importazzjoni, li fuqhom dawn ma għandhom ebda mezz sabiex jeżerċitaw pressjoni. Huwa f’dan il-kuntest li din tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li jagħtu lill-esportatur ikkonċernat żmien addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eribrand, EU:C:2003:364, punti 41 u 42).

    49

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni kif ukoll mill-ispirtu tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u b’mod iktar partikolari mill-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 800/1999, jirriżulta li dan ifittex li ma jċaħħadx awtomatikamet lill-esportatur diliġenti mill-ħlasijiet lura previsti, meta dan l-esportatur, minkejja li jkun għamel l-isforzi kollha li huwa kellu jagħmel, jispiċċa f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalih li jipproduċi d-dokumenti meħtieġa għall-għoti tal-ħlas lura, minħabba li l-imsemmija dokumenti jintilfu bħala riżultat ta’ ċirkustanzi li ma humiex imputabbli lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bonn Fleisch, C‑1/06, EU:C:2007:396, punt 46).

    50

    B’hekk, l-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprevedi li meta d-dokumenti li jagħtu prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ importazzjoni ma jkunux setgħu jiġu prodotti fit-terminu ta’ tnax-il xahar, minkejja li l-esportatur ikun għamel ħiltu kif imiss sabiex jiksibhom u jgħaddihom f’dan it-terminu, jista’ jingħata iktar żmien, fuq talba tiegħu.

    51

    Minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 800/1999 ma fiha ebda restrizzjoni dwar it-tul tat-termini addizzjonali li jistgħu jingħataw, mir-riferiment espress, fl-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, għat-termini previsti fl-Artikolu 49(2) u(4) tiegħu jirriżulta li, fil-każ fejn jingħata terminu addizzjonali lill-esportatur, dan tal-aħħar ikollu perijodu ta’ sitt xhur mill-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex jikkompleta l-fajl tiegħu u b’hekk jikseb il-ħlas ta’ 85 % tal-ħlas lura li dan kien jingħata li kieku r-rekwiżiti kollha kien ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eribrand, EU:C:2003:364, punt 45).

    52

    Għall-kuntrarju, hekk kif diġà kien jirriżulta mill-ħamsa u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 3665/87, meta t-termini tal-esportazzjoni jew it-termini għall-provvista tal-provi neċessarji għall-għoti tal-ħlas lura jkunu skadew, il-ħlas lura ma jingħatax. Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni jista’ jwassal għat-tnaqqis u saħansitra għat-telf tad-drittijiet għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni u li dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta esportatur jippreżenta l-provi neċessarji għall-ksib ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni biss wara l-iskadenza tat-termini msemmija fl-Artikoli 47(2) u 48(2) ta’ dan ir-regolament, li l-kontenut tagħhom huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikoli 49(2) u 50(2) tar-Regolament Nru 800/1999 (sentenza Laub, C-428/05, EU:C:2007:368, punt 16).

    53

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-preżentazzjoni tardiva tal-prova tal-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju ma kellha ebda effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dwar l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, liema proċedura damet għal raġunijiet li ma humiex dawk relatati mal-prova ta’ din il-wasla.

    54

    Jekk tali preżentazzjoni tardiva tiġi ammessa tintilef l-effettività mhux biss tal-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 800/1999 u l-fakultà li l-awtoritajiet kompetenti għandhom sabiex jestendu t-termini fuq talba tal-esportatur, iżda wkoll għall-proċess ta’ verifika tal-applikazzjonijiet għal ħlas lura. Fil-fatt, li kieku d-dokumenti validi li jagħtu l-prova tal-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju setgħu jiġu ppreżentati wara l-konstatazzjoni tal-falsifikazzjoni tad-dokumenti doganali ppreżentati inizjalment, l-esportatur ikun jista’ jibdel l-applikazzjoni għal ħlas lura tiegħu għall-konvenjenza tiegħu jew skont ir-riżultat ta’ kontroll eventwali, u b’hekk jevita, b’mod partikolari, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999, bir-riżultat li jċaħħad lil dan tal-aħħar min-natura dissważiva tiegħu u minn parti kbira mill-effettività tiegħu.

    55

    F’dan l-istess kuntest, it-tul tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu ppermettew li tiġi kkonstatata l-falsifikazzjoni tad-dokumenti li jiċċertifikaw il-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju ma jistax jiġi assimilat għal każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 800/1999, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-premessa ta’ qabel tal-aħħar tar-Regolament Nru 3665/87, dewmien tal-awtoritajiet nazzjonali jista’ jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri meta dan ikun ta’ natura amministrattiva u mhux imputabbli lill-esportatur.

    56

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk in-nuqqas jew l-iżball imwettaq minn parti kontraenti mal-esportatur jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza li ma taqax taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li huma jaqgħu taħt riskju kummerċjali abitwali u ma jistgħux jitqiesu li huma imprevedibbli fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. L-esportatur huwa liberu fl-għażla tal-partijiet kontraenti tiegħu u għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa billi jinkorpora klawżoli f’dan is-sens fil-kuntratti li huwa jikkonkludi ma’ dawn tal-aħħar jew billi jagħmel assigurazzjoni speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AOB Reuter, C‑143/07, EU:C:2008:249, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Eurofit, C‑99/12, EU:C:2013:487, punt 43).

    57

    Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li l-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 800/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, l-esportatur li, sabiex jistabbilixxi l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju, ikun ippreżenta dokumenti doganali li, sussegwentement, irriżultaw li huma ffalsifikati ma jkunx jista’, wara l-iskadenza tat-termini previsti f’dawn l-artikoli, jippreżenta, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti dwar l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, dokumenti doganali validi, minkejja li kien hemm dewmien f’dan l-għoti għal raġunijiet li ma humiex dawk relatati mal-prova tal-wasla ta’ din il-merkanzija.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    58

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tiġi imposta meta l-esportatur ikun ippreżenta, fit-termini stabbiliti, dokumenti li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju u li jirriżultaw li huma ffalsifikati, minkejja li mid-dokumenti validi prodotti matul il-proċedura jirriżulta li l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li għalih saret applikazzjoni jikkorrispondi għal dak li kellu jingħata.

    59

    Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 63 u 64 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha l-għan, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, li tiġġieled l-irregolaritajiet, u speċjalment il-frodi mwettqa għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni, billi tipprevedi sanzjonijiet intiżi li jħeġġu lill-esportaturi josservaw ir-regoli fil-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elfering Export, C‑27/05, EU:C:2006:260, punt 31), filwaqt li l-aspett suġġettiv tal-iżball imwettaq mill-esportatur ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza Eurofit, EU:C:2013:487, punt 38).

    60

    Minn dan jirriżulta li r-responsabbiltà li fuqha hija bbażata s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 hija essenzjalment oġġettiva (ara, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 800/1999, is-sentenza AOB Reuter, EU:C:2008:249, punt 19). Minn dan isegwi li t-tnaqqis tal-ħlas lura msemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 għandu jiġi applikat anki meta l-esportatur ma jkun wettaq ebda żball (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AOB Reuter, EU:C:2008:249, punt 17).

    61

    Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-regoli dwar is-sanzjonijiet għandhom l-għan li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kollha tiġi osservata, u mhux biss parti jew dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha (ara, is-sentenza Elfering Export, EU:C:2006:260, punt 32). Id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet għaldaqstant ma jistabbilixxux distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet formali dwar l-osservanza tat-termini u l-kundizzjonijiet sostantivi dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet.

    62

    Issa, f’dan il-każ, id-dokumenti li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju u li ġew ippreżentati fit-termini preskritti bil-leġiżlazzjoni rriżultaw li kienu ffalsifikati. Billi l-esportatur ikkonċernat għaldaqstant ma ppreżentax, fit-termini mogħtija, id-dokumenti kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, is-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 kellha tiġi imposta fuqu, sakemm fir-rigward tiegħu ma jkunx applikabbli wieħed mill-każijiet ta’ eżenzjoni li jinsabu fil-lista eżawrjenti msemmija fl-Artikolu 51(3) ta’ dan ir-regolament, li magħha ma jistax jiżdied każ ġdid ta’ eżenzjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq l-assenza ta’ aġir kolpevoli tal-esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AOB Reuter, EU:C:2008:249, punt 36, u Eurofit, EU:C:2013:487, punt 43).

    63

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tiġi imposta meta l-esportatur ikun ippreżenta, fit-termini stabbiliti, dokumenti li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju u li rriżulta li kienu ffalsifikati, minkejja li mid-dokumenti validi prodotti matul il-proċedura jirriżulta li l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li għalih saret applikazzjoni jikkorrispondi għal dak li kellu jingħata.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2299/2001, tas-26 ta’ Novembru 2001, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, tad‑9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-esportazzjoni seħħet fl-assenza tal-liċenzja tal-esportazzjoni, li l-eżistenza tagħha madankollu ġiet stabbilita fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u li ġiet ippreżentata, mill-esportatur, fit-terminu addizzjonali ta’ ġimgħa mogħti għal dan l-għan mill-uffiċċju doganali kompetenti.

     

    2)

    L-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2299/2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, l-esportatur li, sabiex jistabbilixxi l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju, ikun ippreżenta dokumenti doganali li, sussegwentement, irriżultaw li huma ffalsifikati, ma jkunx jista’, wara l-iskadenza tat-termini previsti f’dawn l-artikoli, jippreżenta, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti dwar l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, dokumenti doganali validi, minkejja li kien hemm dewmien f’dan l-għoti għal raġunijiet li ma humiex dawk relatati mal-prova tal-wasla ta’ din il-merkanzija.

     

    3)

    L-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2299/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tiġi imposta meta l-esportatur ikun ippreżenta, fit-termini stabbiliti, dokumenti li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju u li rriżulta li kienu ffalsifikati, minkejja li mid-dokumenti validi prodotti matul il-proċedura jirriżulta li l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li għalih saret applikazzjoni, jikkorrispondi għal dak li kellu jingħata.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top