Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0331

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ottubru 2014.
Ilie Nicolae Nicula vs Administraţia Finanţelor Publice a Municipiului Sibiu u Administraţia Fondului pentru Mediu.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C‑331/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2285

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑331/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Sibiu (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Ilie Nicolae Nicula

vs

Administraţia Finanţelor Publice a Municipiului Sibiu,

Administraţia Fondului pentru Mediu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, A. Ó Caoimh, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, A. Borg Barthet, G. Arestis, J. Malenovský, E. Levits, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. N. Nicula, minn D. Târşia, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. Radu u V. Angelescu kif ukoll minn A.‑L. Crişan, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u G.‑D. Bălan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 TUE u 110 TFUE, tal-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. N. Nicula u l-Administraţia Finanţelor Publice a Municipiului Sibiu (dipartiment tal-finanzi pubbliċi ta’ Sibiu) u l-Administraţia Fondului pentru Mediu (dipartiment responsabbli mill-fondi għall-ambjent), fir-rigward tar-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jilqgħu t-talba tiegħu intiża għall-ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġiż tal-vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq it-tniġġis”) miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008 li jistabbilixxi t-taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur (Ordonanţă de Urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 327 tal-25 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2008”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, stabbilixxa taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3. L-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa kien b’mod partikolari jitnissel waqt l-ewwel reġistrazzjoni fir-Rumanija ta’ vettura bil-mutur.

4

L-OUG Nru 50/2008 ġie emendat diversi drabi, qabel ma ġie imħassar bil-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur (Legea nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiili poluante provenite de la autovehicule), tas-6 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 17 tal-10 ta’ Jannar 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru°9/2012”), li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2012.

5

Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 9/2012, l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur kien jitnissel mhux biss waqt l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fir-Rumanija, iżda wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, waqt l-ewwel reġistrazzjoni, fir-Rumanija, tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura użata.

6

Madankollu, b’effett tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 1/2012, li jissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur u ħlas lura tat-taxxa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) ta’ dik il-liġi (Ordonanța de Urgență a Guvernului nr. 1/2012 pentru suspendarea aplicării unor dispoziții ale Legii nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, precum şi pentru restituirea taxei achitate în conformitate cu prevederile art. 4 alin. 2 din lege), tat-30 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 79 tal-31 ta’ Jannar 2012), li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012, l-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzjoni, fir-Rumanija, tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura użata ġiet sospiża sal-1 ta’ Jannar 2013.

7

Id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 9/2013 fuq it-taxxa ambjentali għall-vetturi bil-mutur (Ordonanţa de urgenţă nr. 9/2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule), tad-19 ta’ Frar 2013 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 119 tal-4 ta’ Marzu 2013, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 9/2013”), li ħassar il-Liġi Nru°9/2012, daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2013.

8

Skont l-Artikolu 4 tal-OUG Nru 9/2013:

“Il-ħlas tat-taxxa [ambjentali għall-veturi bil-mutur (iktar ’il quddiem le it-“taxxa ambjentali”)] huwa dovut darba biss, kif ġej:

a)

waqt ir-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-akkwist tad-dritt tal-proprjetà ta’ vettura bil-mutur mill-ewwel proprjetarju fir-Rumanija u l-għoti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll ta’ numru ta’ reġistrazzjoni;

b)

waqt l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ vettura bil-mutur fil-flotta awtomobilistika nazzjonali, fil-każ fejn, meta ġiet irtirata mill-flotta awtomobilistika nazzjonali, il-valur residwali [tat-taxxa ambjentali] kien tħallas lura lill-proprjetarju […];

c)

waqt ir-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura bil-mutur użata, li għaliha ma tħallsitx it-taxxa speċjali fuq il-karrozzi tal-passiġġieri u l-vetturi bil-mutur, [it-taxxa fuq it-tniġġis] u t-taxxa fuq l-emissjonijiet tat-tniġġis tal-vetturi bil-mutur, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha;

d)

waqt ir-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura bil-mutur użata li għaliha qorti ordnat il-ħlas lura tat-taxxa jew li tagħha hija ordnat ir-reġistrazzjoni mingħajr ħlas tat-taxxa speċjali fuq il-karrozzi tal-passiġġieri u l-vetturi bil-mutur, [tat-taxxa fuq it-tniġġis], jew tat-taxxa fuq l-emissjonijiet tat-tniġġis tal-vetturi bil-mutur.”

9

L-Artikolu 12(1) u (2) tal-OUG Nru 9/2013 jipprevedi:

“(1)   Fil-każ fejn it-taxxa speċjali fuq il-karrozzi tal-passiġġieri u l-vetturi bil-mutur, it-[taxxa fuq it-tniġġis], jew it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur li tħallset, hija ogħla mit-taxxa li hija dovuta bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa ambjentali, ikkalkolata f’[lei Rumeni (RON)] bir-rata ta’ kambju applikabbli fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura bil-mutur użata, l-ammont li jirrapreżenta d-differenza jista’ jitħallas lura, unikament lill-persuna li għandha l-obbligu li tħallas, skont il-proċedura prevista fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet ta’ urġenza. Id-differenza li għandha titħallas lura hija kkalkolata skont il-formula ta’ kalkolu stipulata f’dan id-digriet ta’ urġenza, billi jintużaw l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura bil-mutur użata.

(2)   L-ammont tad-differenza bejn is-somma mħallsa mill-persuna taxxabbli bħala taxxa speċjali fuq il-karrozzi tal-passiġġieri u l-vetturi bil-mutur, it-[taxxa fuq it-tniġġis], jew it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-vetturi bil-mutur, minn naħa, u s-somma li tirriżulta mill-applikazzjoni [tat-taxxa ambjentali], min-naħa l-oħra, għandu jiġi mħallas lura fit-terminu ta’ preskrizzjoni previst mid-Digriet tal-Gvern [Nru 92 dwar il-kodiċi proċedurali tat-taxxa (Ordonanţa Guvernului nr. 92 privind Codul de procedură fiscală), tal-24 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 941 tad-29 ta’ Diċembru 2003)], ippubblikat mill-ġdid, hekk kif emendat u kkompletat sussegwentement, skont il-proċedura prevista fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Matul is-sena 2009, I. N. Nicula, ċittadin Rumen residenti r-Rumanija, xtara vettura bil-mutur użata li kienet ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fil-Ġermanja. Minħabba r-reġistrazzjoni ta’ din il-vettura fir-Rumanija huwa kellu jħallas l-ammont ta’ RON 5 153 bħala taxxa fuq it-tniġġis kif previst fl-Artikolu 4 tal-OUG Nru 50/2008.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012, it-Tribunalul Sibiu laqgħet ir-rikors ippreżentat quddiemha minn I. N. Nicula kontra l-Administraţia Fondului pentru Mediu, jiġifieri l-benefiċjarju tat-taxxa fuq it-tniġġis, u kkundannat lil dan id-dipartiment iħallas lura din it-taxxa peress li din kienet ġiet stabbilita bi ksur tal-Artikolu 110 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219). Madankollu din il-qorti ċaħdet ir-rikors sa fejn dan kien ġie ppreżentat ukoll kontra l-Administraţia Finanţelor Publice a Municipiului Sibiu, jiġifieri d-dipartiment responsabbli għall-ġbir ta’ din it-taxxa.

12

Fil-25 ta’ Jannar 2013, wara l-appell ippreżentat kontra din is-sentenza, il-Curtea de Apel de Alba-Iulia annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza filwaqt li indikat, għall-finijiet tal-proċedura l-ġdida, li, fil-kawżi ta’ dan it-tip, is-“suġġett passiv” tal-azzjoni għal ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex biss il-benefiċjarju tat-taxxa inkwistjoni iżda wkoll min jiġborha.

13

L-OUG Nru 9/2013 daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2013, jiġifieri wara li l-kawża reġgħet tniżżlet fil-lista tal-kawżi tat-Tribunalul Sibiu. Din tal-aħħar tesponi li, abbażi ta’ dan l-att leġiżlattiv, it-taxxa fuq it-tniġġis diġà mħallsa tista’ titħallas lura biss fil-każ fejn l-ammont tagħha huwa għola minn dak tat-taxxa ambjentali, peress li l-ħlas lura huwa previst b’mod limitat u ristrett biss għal din l-eventwali differenza.

14

Fis-sitwazzjoni konkreta ta’ I. N. Nicula, l-ammont tat-taxxa ambjentali kif ikkalkolata skont l-OUG Nru 9/2013 għall-vettura inkwistjoni kien ta’ RON 8 126.44, filwaqt li t-taxxa fuq it-tniġġis imħallsa preċedentement kienet ta’ RON 5 153. Skont it-Tribunalul Sibiu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa żbaljat meta jiddikjara li l-valur tat-tpaċija tat-taxxa ambjentali għall-vettura tiegħu huwa biss ta’ RON 3 779.74, peress li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-OUG Nru 9/2013, id-differenza li għandha titħallas lura għandha tiġi kkalkolata skont il-formola prevista fl-istess digriet, billi jintużaw l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vettura fir-Rumanija, u mhux fuq il-bażi tal-elementi attwali.

15

Għalhekk, skont l-imsemmija qorti, skont l-OUG Nru 9/2013, I. N. Nicula ma għandux id-dritt li jirkupra t-taxxa fuq it-tniġġis u l-interessi relatati magħha, peress li l-ammont korrispondenti għandu jinżamm mill-awtoritajiet tat-taxxa u ambjentali abbażi tat-taxxa ambjentali, minħabba l-valur ta’ din tal-aħħar, li huwa għola minn dak tat-taxxa fuq it-tniġġis li huwa kien ħallas waqt ir-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħu.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [TFUE], tal-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 110 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ non reformatio in peius li jirriżultaw mid-dritt [tal-Unjoni] u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [sentenzi Belbouab, 10/78, EU:C:1978:181, u Belgocodex, C‑381/97, EU:C:1998:589), jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet bħal dawk [tal-OUG Nru 9/2013?]”

17

Il-Gvern Rumen talab, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-kawża tinstema quddiem l-Awla Manja.

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

18

Il-Gvern Rumen iqis li din t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli. F’dan ir-rigward huwa jsostni, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Artikolu 12 tal-OUG Nru 9/2013, jirregolaw proċedura amministrattiva u extraġudizzjarja ta’ ħlas lura tat-taxxi, b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni ma timponix limiti interpretattivi fuq il-qrati li quddiemhom jitressqu talbiet għal ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju hija żbaljata meta tikkunsidra li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludiha milli tordna l-ħlas lura tas-somma kollha mħallsa minn I. N. Nicula bħala taxxa fuq it-tniġġis.

19

It-tieni nett, il-Gvern Rumen isostni li l-OUG Nru 9/2013 ma huwiex, f’kull każ, applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li din ma kinitx fis-seħħ fid-data ta’ meta I. N. Nicula ħallas it-taxxa fuq it-tniġġis.

20

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Gvern Rumen jikkunsidra li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li, għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħudha bħala inammissibbli.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 276 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li trid tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni. (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 28; Zurita García u Choque Cabrera, C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 34, kif ukoll Filipiak, C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 40).

22

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tressqet kawża quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Filipiak, EU:C:2009:719, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Zurita García u Choque Cabrera, EU:C:2009:648, punt 35).

24

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101(1) tar-regoli tal-proċedura tagħha, talbet lill-qorti tar-rinviju tindika jekk, fid-dawl tan-natura tal-proċedura pendenti quddiemha, l-Artikolu 12 tal-OUG Nru 9/2013 japplikax għall-kawża prinċipali. Permezz tar-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2014, din l-istess qorti kkonfermat li dan l-artikolu jikkostitwixxi d-dispożizzjoni legali sostantiva applikabbli għall-kawża prinċipali għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid tal-kawża rrinvijata quddiemha. Skont l-imsemmija qorti, ir-regola stipulata fl-imsemmi Artikolu 12(1) hija ċara u tillimita l-ħlas lura tat-taxxi mħallsa qabel ma ġiet stabbilita t-taxxa ambjentali biss għall-każ fejn il-valur ta’ dawn it-taxxi jkun għola mill-valur tat-taxxa ambjentali kif stabbilita fl-OUG Nru 9/2013.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju hija utli għaliha sabiex tiddeċiedi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-argument tal-Gvern Rumen dwar l-allegata inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi miċħud u li, għaldaqstant, din it-talba għandha tingħata risposta.

Fuq il-mertu

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Istati Membri bħala prinċipju għandhom l-obbligu li jirrimborsaw t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24, kif ukoll Irimie, C‑565/11, EU:C:2013:250, punt 20).

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta Stat Membru ġabar taxxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt mhux biss għar-rimbors tat-taxxa indebitament miġbura, iżda wkoll għall-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Littlewoods Retail et, EU:C:2012:478, punt 25, kif ukoll Irimie, EU:C:2013:250, punt 21).

29

Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jħallsu lura bl-interessi l-ammonti tat-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt (sentenzi Littlewoods Retail et, EU:C:2012:478, punt 26, kif ukoll Irimie, EU:C:2013:250, punt 22).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar liema hija l-verżjoni tal-OUG li ntużat bħala bażi sabiex tiġi imposta t-taxxa fuq it-tniġġis lil I. N. Nicula, fid-data tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħu fir-Rumanija. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi taxxa bħat-taxxa fuq it-tniġġis stabbilita bl-OUG Nru 50/2008 kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll fil-verżjonijiet emendati tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tatu, EU:C:2011:219, punti 58 u 61, kif ukoll Nisipeanu, C‑263/10, EU:C:2011:466, punti 27 u 29).

31

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-effett tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 50/2008, indipendentement mill-verżjoni tiegħu, kien li l-vetturi użati importati u li kienu kkaratterizzati minn eta u livell ta’ użu kunsiderevoli kienu jiġu suġġetti għal taxxa li setgħet tammonta għal 30 % tal-valur tas-suq tagħhom, filwaqt li l-vetturi simili mibjugħa fis-suq nazzjonali tal-vetturi użati, u li għalhekk jikkostitwixxu prodotti nazzjonali simili fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, ma kinux suġġetti għal tali taxxa. Minn dan il-qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali miżura tiskoraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi użati mixtrija fi Stati Membri oħra, madankollu mingħajr ma x-xerrejja ma jkunu skoraġġuti milli jixtru vetturi użati tal-istess eta u tal-istess livell ta’ użu fis-suq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tatu, EU:C:2011:219, punti 55, 58 u 61, kif ukoll Nisipeanu, EU:C:2011:466, punti 26, 27 u 29).

32

Wara s-sentenzi Tatu (EU:C:2011:219) u Nisipeanu (EU:C:2011:466) ir-Rumanija adottat l-OUG Nru 9/2013, li jintroduċi taxxa ġdida fuq il-vetturi bil-mutur, jiġifieri t-taxxa ambjentali. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet, l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa ambjentali jitnissel jew fil-kuntest tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fir-Rumanija, jew waqt l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ vettura bil-mutur fil-flotta awtomobilistika nazzjonali, jew waqt ir-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq vettura bil-mutur użata li għaliha ma jkunux tħallsu t-taxxi fuq il-vetturi preċedentement fis-seħħ, jew inkella waqt tali reġistrazzjoni ta’ vettura li fil-konfront tagħha l-qorti ordnat il-ħlas lura ta’ dawn it-taxxi jew li tagħha hija ordnat ir-reġistrazzjoni mingħajr ħlas tat-taxxi.

33

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-OUG Nru 9/2013 jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 12 tiegħu, skema ta’ rimbors tat-taxxa mħallsa abbażi, b’mod partikolari, tal-OUG Nru 50/2008 jew tal-verżjonijiet emendati tiegħu, li tippermetti li l-individwi jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa preċedentement imħallsa sakemm l-ammont ta’ din it-taxxa jkun għola minn dak tat-taxxa ambjentali. Dik il-qorti tikkunsidra li hija ma għandhiex, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-possibbiltà li tordna l-ħlas lura lil I. N. Nicula, minn naħa, tas-somma li huwa kellu jħallas abbażi tat-taxxa fuq it-tniġġis u, min-naħa l-oħra, tal-interessi relatati ma din is-somma.

34

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk tali sistema ta’ rimbors permezz ta’ tpaċija tippermettix li l-individwi jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt għar-rimbors tat-taxxa indebitament imħallsa mogħti lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

35

F’dan ir-rigward, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-OUG Nru 9/2013 mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tal-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor, it-taxxa fuq it-tniġġis miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni titħallas lura lill-persuna taxxabbli biss sa fejn din tkun għola mill-ammont dovut għat-taxxa ambjentali, ikkalkolata fuq il-bażi tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-data tar-reġistrazzjoni tal-vettura importata fir-Rumanija.

36

Minn dan isegwi, hekk kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, li fil-każ ta’ vettura użata importata minn Stat Membru ieħor, l-effett ta’ sistema ta’ rimbors bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tillimita, jew saħansitra, bħal fil-kawża prinċipali, li tneħħi kompletament l-obbligu ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġis miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u dan huwa ta’ natura li jipperpetwa d-diskriminazzjoni kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Tatu (EU:C:2011:219) u Nisipeanu (EU:C:2011:466).

37

Barra minn hekk, l-imsemmija sistema għandha l-effett li teżonera lill-awtoritajiet nazzjonali mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi dovuti lill-persuna taxxabbli għall-perijodu ta’ bejn il-ġbir indebitu tat-taxxa fuq it-tniġġis u r-rimbors tagħha u, għaldaqstant, ma tissodisfax ir-rekwiżit espost fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li sistema ta’ rimbors bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li l-individwi jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt għar-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni mogħti lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

39

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi taxxa bħat-taxxa ambjentali, stabbilita bl-OUG Nru 9/2013, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Rumen talab lill-Qorti tal-ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha.

41

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, permezz tat-talba tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-imsemmi dritt jipprekludix taxxa bħat-taxxa ambjentali, iżda biss jekk dan id-dritt jipprekludix sistema bħal dik stabbilita bl-OUG Nru 9/2013 u li tipprevedi l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura abbażi tal-OUG Nru 50/2008.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa biżżejjed li jiġi ppreċiżat li l-argumenti invokati mill-Gvern Rumen favur limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw każijiet oħra għajr dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-talba tal-imsemmi Gvern intiża sabiex l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top