Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0318

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014.
    X.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Direttiva 79/7/KEE ‑ Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali ‑ Assigurazzjoni għal ħaddiema impjegati fil-każ ta’ inċident ‑ Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal dannu permanenti ‑ Kalkolu attwarjali bbażat fuq aspettattiva tat-tul tal-ħajja medja skont is-sess tal-benefiċjarju tal-imsemmi kumpens ‑ Ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni.
    Kawża C‑318/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2133

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    3 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 79/7/KEE — Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għal ħaddiema impjegati fil-każ ta’ inċident — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal dannu permanenti — Kalkolu attwarjali bbażat fuq aspettattiva tat-tul tal-ħajja medja skont is-sess tal-benefiċjarju tal-imsemmi kumpens — Ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑318/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2013, fil-proċeduri mibdija minn

    X,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn K. Kuusi, asianajaja,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u I. Koskinen, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X u l-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa (iktar ’il quddiem il-“ministeru”) dwar l-għoti ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallas għal inċident fuq il-post tax-xogħol.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont it-termini tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha, id-Direttiva 79/7 tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni, b’mod partikolari, mir-riskji ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol.

    4

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

    “Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

    l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

    l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

    il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

    Id-dritt Finlandiż

    5

    L-implementazzjoni tal-assigurazzjoni għal inċidenti huwa kompitu ta’ ġestjoni pubblika li l-eżekuzzjoni tiegħu, fil-Finlandja, hija fdata lil kumpanniji tal-assigurazzjonijiet privati. Il-persuni li jimpjegaw, bil-għan li jissodisfaw l-obbligu li jipprovdu għas-sigurtà tal-ħaddiema fil-qasam tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, huma obbligati li jiksbu assigurazzjoni mingħand kumpannija tal-assigurazzjonijiet li tassigura r-riskji koperti mil-liġi dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti tal-ħaddiema impjegati (tapaturmavakuutuslaki), tal-1982, kif emendata fl-1992 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-assigurazzjoni għal inċidenti”). L-ispejjeż tal-assigurazzjoni legali stabbilita fil-qasam tal-inċidenti huma koperti mill-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-persuni li jimpjegaw.

    6

    Il-kumpens għad-dannu permanenti huwa wieħed mill-benefiċċji tal-assigurazzjoni għal inċidenti. Dan jaqa’ taħt l-iskema statutorja tas-sigurtà soċjali. L-għan tiegħu huwa li jagħti lill-ħaddiem il-kumpens għall-imsemmi dannu li jirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol jew minn mard ikkaġunat mix-xogħol, jiġifieri t-tnaqqis tal-kapaċità funzjonali tiegħu għat-tul kollu ta’ ħajtu.

    7

    Il-punt 1 tal-Artikolu 14(1) ta’ din il-liġi jipprevedi l-ħlas, b’mod partikolari, ta’ kumpens għad-dannu permanenti f’każ ta’ korriment jew ta’ mard ikkaġunat minn inċident fuq il-post tax-xogħol.

    8

    L-Artikolu 18b(1) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni għal inċidenti jipprovdi li l-kumpens għad-dannu permanenti għandu jitħallas, skont il-każ, jew f’daqqa, jew fil-forma ta’ pagamenti perijodiċi. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-kumpens imħallas f’daqqa għandu jiġi kkalkolat fil-forma ta’ kapital li jikkorrispondi għall-valur tal-kumpens għal dannu permanenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-età tal-ħaddiem, b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti mill-ministeru.

    9

    Id-Deċiżjoni Nru 1662/453/82 tal-ministeru, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar l-elementi għad-determinazzjoni tal-valur tal-kapital tal-pagamenti perijodiċi mħallsa abbażi tal-assigurazzjoni għal inċidenti jew, meta ma jkunx hemm lok għal ħlas ta’ pagamenti perijodiċi, tal-kumpens imħallas f’daqqa, iddefinixxiet il-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat dan l-aħħar imsemmi kumpens.

    10

    F’dan ir-rigward, l-Anness ta’ din id-deċiżjoni kien jistabbilixxi l-formuli li ġejjin:

    “Il-mortalità applikabbli hija (TLE-82) b’estensjoni abbażi tal-età ta’ 3 snin

    ux = 0,0000797 e 0,0875 (x+3) (raġel)

    ux = 0,0000168 e 0,1000 (y+3) (mara).”

    11

    Id-danni li jirriżultaw minn korrimenti jew minn mard jinqasmu, għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni tad-dannu ġenerali permanenti, f’20 klassi skont in-natura medika tagħhom u l-grad ta’ gravità tagħhom. L-ammont tal-kumpens jingħata skont il-klassi tad-dannu. Il-kumpens abbażi ta’ korrimenti u ta’ mard inqas serji, li jaqgħu taħt il-klassijiet ta’ dannu 1 sa 10, dejjem jitħallas f’daqqa. Fil-każ tal-klassijiet ta’ dannu 11 sa 20, il-persuni assigurati jistgħu jagħżlu li jitħallsu f’daqqa jew permezz ta’ pagamenti mensili matul il-ħajja.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    X, li twieled fl-1953, korra waqt inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fis-27 ta’ Awwissu 1991. Il-vakuutusoikeus (qorti tal-assigurazzjonijiet soċjali), permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-18 ta’ Ottubru 2005, ikkonstatat li dan tal-aħħar kellu d-dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal dannu permanenti, skont il-liġi dwar l-assigurazzjoni għal inċidenti.

    13

    Wara din id-deċiżjoni, il-kumpannija tal-assigurazzjonijiet kompetenti, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Diċembru 2005, stabbilixxiet l-ammont ta’ EUR 4 197.98, b’kull żieda inkluża, bħala l-ammont li kellu jitħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa lil X bħala kumpens.

    14

    X appella minn dawn id-deċiżjonijiet, billi sostna li l-kumpens imħallas f’daqqa għal dannu permanenti kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-istess kriterji bħal dawk li huma previsti għan-nisa. L-appell ġie miċħud fil-31 ta’ Awwissu 2006 mill-kummissjoni għall-appelli ta’ każijiet ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Din id-deċiżjoni ġiet approvata mill-vakuutusoikeus fis-27 ta’ Mejju 2008.

    15

    F’ittra mibgħuta lill-ministeru fit-13 ta’ Ottubru 2008, X sostna li l-ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa li kien irċieva bħala kumpens għad-dannu permanenti ġie ddeterminat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni marbuta mal-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa. Għaldaqstant, X talab is-somma ta’ EUR 278.89, bl-interessi moratorji inklużi. Dan l-ammont jikkorrispondi għad-differenza bejn il-kumpens irċevut minn X u dak li kien jitħallas lil mara tal-istess età li tkun tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli. Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-ministeru rrifjuta l-ħlas tas-somma mitluba.

    16

    Fis-17 ta’ Ġunju 2009, X ippreżenta rikors quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Helsinki) bil-għan li l-Istat Finlandiż jiġi kkundannat iħallsu s-somma inkwistjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2010, il-Helsingin hallinto-oikeus iddikjarat dan ir-rikors inammissibbli, peress li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni.

    17

    Għaldaqstant X appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva suprema) li, fit-28 ta’ Novembru 2012, annullat id-deċiżjoni tal-Helsingin hallinto-oikeus.

    18

    Fir-rigward tal-mertu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-ammont ta’ benefiċċju soċjali legali mħallas minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol ivarja, minħabba l-applikazzjoni ta’ fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess, skont jekk il-benefiċjarju jkunx raġel jew mara.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha, tqum il-kwistjoni dwar jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    20

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [79/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju dovut minħabba f’inċident fuq il-post tax-xogħol, l-użu [l-applikazzjoni], bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattivi tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa, fejn l-użu ta’ dan il-fattur iwassal għall-ħlas ta’ kumpens f’daqqa taħt din id-dispożizzjoni li meta jingħata lil raġel, huwa inqas minn dak li tirċievi mara tal-istess età u f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-kumplament?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, hemm f’dan il-każ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħala kundizzjoni għall-implementazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-fatt li:

    il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament, fil-ġurisprudenza tagħha, dwar il-legalità ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fid-determinazzjoni tal-benefiċċji mħallsa taħt sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7;

    il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, [EU:C:2011:100]), li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi [ĠU L 153M, p. 294]), li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatturi, kien invalidu, iżda dan kien ser ikun hekk biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni, u li

    il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttivi [2004/113] u 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol [(tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23)], approva taħt ċerti kundizzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji msemmija taħt dawn id-direttivi, li għalhekk iħalli lil-leġiżlatur nazzjonali jassumi li dawn il-fatturi setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21

    Il-Gvern Finlandiż irrileva, waqt is-seduta, li l-fatti li wasslu għall-kawża, jiġifieri l-inċident fuq il-post tax-xogħol ta’ X, ġraw matul is-sena 1991, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fl-Unjoni Ewropea. Għalkemm il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa inkwistjoni huwa maħsub sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu permanenti li rriżulta mill-imsemmi inċident fuq il-post tax-xogħol, hija biss id-data tal-fatti li taw lok għal dan id-dannu li hija rilevanti għall-finijiet tal-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju.

    22

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-att legali li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali ġie adottat matul is-sena 2008 permezz tad-deċiżjoni tal-vakuutusoikeus. Huwa stabbilit ukoll li l-kumpens għal dannu permanenti li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża huwa maħsub sabiex jikkumpensa l-konsegwenzi tal-inċident ta’ X matul il-ħajja kollha ta’ dan tal-aħħar.

    23

    Isegwi li l-kawża prinċipali ma għandhiex bħala suġġett, sitwazzjoni li kienet ipproduċiet l-effetti kollha tagħha qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fl-Unjoni.

    24

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    25

    Bil-għan li tingħata risposta għall-ewwel domanda, hemm lok li jiġi osservat preliminarjament li, għalkemm huwa veru li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħallas minn kumpannija privata tal-assigurazzjonijiet, l-assigurazzjoni għal ħaddiema impjegati fil-każ ta’ inċident fil-Finlandja u l-kriterju tal-għoti tal-imsemmi kumpens jifformaw parti mill-iskemi “statutorji” li jassiguraw protezzjoni kontra r-riskji ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 79/7. Konsegwentement, il-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    26

    Jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprojbixxi, b’mod partikolari, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċji hemm previst.

    27

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-modalitajiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens dovut abbażi tad-dannu li jirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol, li tħallas darba fil-forma ta’ somma f’daqqa. L-imsemmi kalkolu għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-età tal-ħaddiem kif ukoll l-aspettattiva tat-tul tal-ħajja medja residwa ta’ dan tal-aħħar. Għad-determinazzjoni tal-fattur imsemmi l-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sess tal-ħaddiem.

    28

    Huwa stabbilit li, skont il-modalitajiet tal-kalkolu tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mara tal-istess età bħal X li tisfa vittma, fl-istess jum bħal dan tal-aħħar, ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol identiku u li jagħti lok għall-istess danni għandha dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa superjuri għal dak li jibbenefika minnu X.

    29

    Madankollu, il-Gvern Finlandiż isostni li tali mara u X ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Huwa jesponi, f’dan ir-rigward, li l-modalitajiet tal-kalkolu tal-kumpens imħallas f’daqqa bħala kumpens għal dannu permanenti, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jippermettu li l-ammont ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit f’livell ekwivalenti għall-ammont globali ta’ dan l-istess kumpens f’każ li dan tal-aħħar jitħallas fil-forma ta’ pagamenti perijodiċi matul il-ħajja. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ tul differenti tal-aspettattiva tat-tul tal-ħajja bejn l-irġiel u n-nisa, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ mortalità identika għaż-żewġ sessi tkun twassal sabiex il-kumpens imħallas f’daqqa lil ħaddiema ta’ sess femminili li tkun ġarrbet inċident ma jkunx jikkorrispondi iktar għall-aspettattiva tat-tul tal-ħajja medja residwa tal-benefiċjarju tagħha.

    30

    Il-Gvern Finlandiż jispeċifika li t-trattament differenti skont is-sess huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li n-nisa jiġu ttrattati b’mod sfavorevoli meta mqabbla mal-irġiel. Fil-fatt, peress li n-nisa għandhom statistikament aspettattiva tat-tul tal-ħajja ogħla, il-kumpens maħsub sabiex jagħmel tajjeb permezz ta’ ħlas f’daqqa għad-dannu subit matul il-ħajja residwa tal-persuna affettwata għandu jkun ogħla għan-nisa meta mqabbel ma’ dak dovut lill-irġiel. Konsegwentement, ma hemmx diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa.

    31

    F’dan ir-rigward, u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, jeħtieġ li jiġi rrilevat li tali argumentazzjoni tippermetti l-iktar l-iktar il-ġustifikazzjoni tal-inugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fl-għoti ta’ kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux il-kontestazzjoni, kif ġie rrikonoxxut mill-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, tar-realtà ta’ inugwaljanza fit-trattament, li twassal għaliha l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn iwasslu, f’ċirkustanzi identiċi, għal kumpensi differenti.

    32

    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu inugwaljanza fit-trattament li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

    33

    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din l-inugwaljanza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata.

    34

    Fir-rigward tar-raġunijiet possibbli għal deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur ibbażat fuq l-aspettattiva tal-ħajja residwa ma huwiex previst la fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li għandha bħala suġġett, dispożizzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-mara minħabba l-maternità, u lanqas fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva li jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar ċertu numru ta’ regoli, ta’ vantaġġi u ta’ benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

    35

    Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/7 li r-raġunijiet għal deroga stabbiliti fih ma humiex ta’ natura eżawrjenti u li l-Istati Membri huma liberi li jiżviluppaw raġunijiet oħra għal deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fattur ma hijiex ipprojbita espressament mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-leġiżlatur nazzjonali li jipprevedi dan il-fattur bħala element għal kalkolu ta’ kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    36

    Madankollu, il-Gvern Finlandiż sostna li d-differenza fl-ammont ta’ dan il-kumpens skont is-sess tal-ħaddiem ikkonċernat tista’ tiġi ġġustifikata mid-differenza oġġettiva tal-aspettattiva tal-ħajja medja tal-irġiel u tan-nisa. Kull soluzzjoni oħra twassal għal trattament sfavorevoli għan-nisa, li l-aspettattiva tal-ħajja tagħhom hija ogħla minn dik tal-irġiel, peress li l-ħlas tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż sabiex jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi ta’ dannu għat-tul tal-ħajja kollha residwa tal-persuna affettwata.

    37

    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat li, minkejja l-fatt li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa previst minn skema li tistabbilixxi wkoll benefiċċji għal dannu li jirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol imħallas matul il-ħajja kollha residwa tal-persuna affettwata, il-kalkolu ta’ dan il-kumpens ma jistax isir abbażi ta’ ġeneralizzazzjoni marbuta mal-aspettattiva tal-ħajja medja tal-irġiel u tan-nisa.

    38

    Fil-fatt, tali ġeneralizzazzjoni tista’ twassal għal trattament diskriminatorju tal-persuni assigurati ta’ sess maskili meta mqabbla ma’ dawk ta’ sess femminili. Barra minn hekk, meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ġenerali tal-istatistika, skont is-sess, tirriżulta l-assenza ta’ ċertezza li persuna assigurata ta’ sess femminili għandha dejjem aspettattiva tal-ħajja ogħla minn persuna assigurata ta’ sess maskili tal-istess età li jkun f’sitwazzjoni paragunabbli.

    39

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-iskema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata.

    40

    Għalhekk, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju mħallas minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, l-applikazzjoni, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattiva tal-ħajja bejn l-irġiel u n-nisa, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur twassal sabiex il-kumpens imħallas f’daqqa abbażi tal-imsemmi benefiċċju jkun inferjuri, meta dan jingħata lil raġel, għal dak li tirċievi mara tal-istess età li tkun tinsab f’sitwazzjoni simili.

    Fuq it-tieni domanda

    41

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kklassifikat bħala ksur tad-dritt tal-Unjoni “suffiċjentement ikkaratterizzat”, li tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

    42

    F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), speċifikat li, fost l-elementi li l-qorti adita b’ġurisdizzjoni tista’ tasal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, hemm il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali jew tal-Unjoni, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas kommess jew tad-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball eventwali tad-dritt, iċ-ċirkustanza li l-aġir adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni seta’ jikkontribwixxi għall-ommissjoni, l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni.

    43

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lil individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, issir mill-qrati nazzjonali, b’mod konformi mal-orjentazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq din l-implementazzjoni (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali bl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, EU:C:1996:79, punt 58). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil dawn tal-aħħar b’orjentazzjonijiet u indikazzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju (ara s-sentenza Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 100).

    45

    Fir-rigward tal-kawża odjerna, jeħtieġ li jiġu rrilevati tliet elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-risposta għad-domanda dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni għandhomx jitqiesu li huma ksur “suffiċjentement ikkaratterizzat” tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

    46

    Fl-ewwel lok, il-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarat fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva u l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar sa issa qatt ma kienu s-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċerna lil X, kif ikkonstatat iktar ’il fuq, ġie kkonkretizzat biss fl-2008, permezz tad-deċiżjoni definittiva tal-vakuutusoikeus.

    47

    Fit-tieni lok, la l-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali oħra sal-lum ma ġew suġġetti għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE għal ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

    48

    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, fir-rigward tal-atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni maħsuba sabiex jimplementaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 ikkonċeda lill-Istati Membri l-fakultà li jawtorizzaw, qabel il-21 ta’ Diċembru 2007, differenzi proporzjonali fil-qasam tal-primjums u tal-benefiċċji għall-persuni assigurati meta s-sess ikun fattur determinanti fl-evalwazzjoni tar-riskji, abbażi tad-data attwarjali u tal-istatistika rilevanti u preċiża. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54, minkejja li ddeċieda li ċertu numru ta’ regoli fil-qasam tal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali bbażati fuq is-sess imorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, madankollu inkluda mad-derogi għall-imsemmi prinċipju, f’ċerti każijiet, l-użu ta’ fatturi attwarjali differenti skont is-sess.

    49

    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-1 ta’ Marzu 2011, fil-punt 32 tas-sentenza Association belge des Consommateurs Test-Achats et (EU:C:2011:100), li l-fatt li l-Istati Membri jitħallew iżommu mingħajr ebda limitu ratione temporis deroga għar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji li jgħoddu għaż-żewġ sessi jmur kontra t-twettiq tal-għan tal-ugwaljanza fit-trattament bejn in-nisa u l-irġiel li huwa segwit mid-Direttiva 2004/113 billi ppreċiżat li l-imsemmija dispożizzjoni, minħabba n-natura diskriminatorja tagħha, għandha titqies li hija invalida.

    50

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandux jitqies li huwa “suffiċjentement ikkaratterizzat”.

    51

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ksur “suffiċjentement ikkaratterizzat” tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur ibbażat fuq l-aspettattiva tal-ħajja medja skont is-sess waqt id-determinazzjoni ta’ benefiċċju mħallas abbażi ta’ skema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jimmanifesta ruħu fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, kif ukoll fl-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti hija mfakkra li tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-1 ta’ Marzu 2011 (C‑236/09, EU:C:2011:100), li l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet hija invalida, peress li din tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju mħallas minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, l-applikazzjoni, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattiva tal-ħajja bejn l-irġiel u n-nisa, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur twassal sabiex il-kumpens imħallas f’daqqa abbażi tal-imsemmi benefiċċju jkun inferjuri, meta dan jingħata lil raġel, għal dak li tirċievi mara tal-istess età li tkun tinsab f’sitwazzjoni simili.

     

    2)

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ksur “suffiċjentement ikkaratterizzat” tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur ibbażat fuq l-aspettattiva tal-ħajja medja skont is-sess waqt id-determinazzjoni ta’ benefiċċju mħallas abbażi ta’ skema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7. Il-qorti tar-rinviju hija mfakkra wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jimmanifesta ruħu fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, kif ukoll fl-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti hija mfakkra li tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-1 ta’ Marzu 2011 (C‑236/09, EU:C:2011:100), li l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet hija invalida, peress li din tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top