EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0314

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2014.
Užsienio reikalų ministerija u Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba vs Vladimir Peftiev et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Bjelorussja — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Derogi — Ħlas ta’ onorarji professjonali marbuta ma’ servizzi legali — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità nazzjonali kompetenti — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Effett tal-oriġini illegali tal-fondi — Assenza.
Kawża C‑314/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:1645

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Bjelorussja — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Derogi — Ħlas ta’ onorarji professjonali marbuta ma’ servizzi legali — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità nazzjonali kompetenti — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Effett tal-oriġini illegali tal-fondi — Assenza”

Fil-Kawża C‑314/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Užsienio reikalų ministerija,

Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba

vs

Vladimir Peftiev,

BelTechExport ZAO,

Sport-Pari ZAO,

BT Telecommunications PUE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Peftiev, BelTechExport ZAO, Sport-Pari ZAO u BT Telecommunications PUE, minn V. Vaitkutė Pavan u E. Matulionytė, avukati,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat 18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 352M, p. 432), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011 (ĠU L 28, p. 17) u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 161, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 765/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Užsienio reikalų ministerija (Ministeru tal-Affarijiet Barranin) u l-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba (Servizz tal-investigazzjoni tar-reati finanzjarji mal-Ministeru tal-Intern), minn naħa, u V. Peftiev, BelTechExport ZAO, Sport-Pari ZAO u BT Telecommunications PUE (iktar ’il quddiem, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”, min-naħa l-oħra, dwar miżuri restrittivi meħuda kontra dawn tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 765/2006 taqra kif ġej:

“Fl-24 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew ikkundanna in-nuqqas ta’ l-awtoritajiet tal-Belarus li jilħqu l-impenji ta’ l-[Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)] għal elezzjonijiet demokratiċi, ikkunsidra li l-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta’ Marzu 2006 kienu fundamentalment vizjati u kkundanna l-azzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-Belarus ta’ dak iż-żmien fl-arrest ta’ dimostranti paċifiċi li kienu qed jeżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom ta’ għaqda libera biex jipprotestaw dwar it-tmexxija ta’ l-elezzjonijiet Presidenzjali. Il-Kunsill Ewropew għalhekk iddeċieda li għandhom jiġu applikati miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet ta’ l-istandards elettorali internazzjonali.”

4

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-President Lukashenko u lil ċerti uffiċjali oħra tal-Bjelorussja, kif ukoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

5

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprovdi li l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, jew għall-benefiċċju tagħhom.

6

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li jidhrilhom adatti, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġjonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali; [...]

[...]”

7

Skont l-informazzjoni li tinsab fis-sit internet imsemmi fl-Anness II tar-Regolament Nru 765/2006, l-awtorità kompetenti għar-Repubblika tal-Litwanja hija l-Užsienio reikalų ministerija.

8

Skont il-punt 3 tad-dokument tal-Kunsill intitolat “L-Aħjar prattiki tal-[Unjoni Ewropea] f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-verżjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 (Dokument 8666/1/08 REV 1, iktar ’il quddiem l-“Aħjar prattiki”), dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala rakkomandazzjonijiet mhux eżawrjenti ta’ natura ġenerali, intiżi għall-implementazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi skont id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Huma ma għandhom ebda effett ġuridiku vinkolanti u ma għandhomx jinftiehmu bħala dispożizzjonijiet li jirrakkomandaw azzjoni li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, inklużi dawk dwar il-protezzjoni tad-data.

9

Il-punti 54 u 55 tal-Aħjar prattiki, li jinsabu taħt it-Kapitolu VII tat-Titolu C tagħhom, intitolat “Derogi fuq bażi umanitarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jaqraw kif ġej:

“54

Din il-parti tindirizza biss l-applikazzjoni tal-hekk imsejħa deroga ‘fuq bażi umanitarja’, li għandha tikkontribwixxi sabiex tiżgura li jkunu jistgħu jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet essenzjali tal-persuni indikati, u ma teżamina ebda deroga oħra (pereżempju, għall-ispejjeż ġudizzjarji jew għall-ispejjeż straordinarji).

55

Filwaqt li taġixxi skont l-ittra u l-ispirtu tar-regolamenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-drittijiet fundamentali inkunsiderazzjoni meta tagħti derogi intiżi sabiex jissodisfaw bżonnijiet essenzjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Il-punti 57 u 59 sa 61 tal-Aħjar prattiki, li jinsabu taħt it-Kapitolu VIII tat-Titolu C tagħhom, intitolat “Gwida għall-eżami tat-talbiet għal derogi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiddikjaraw:

“57

Il-persuni u l-entitajiet indikati jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni sabiex jużaw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati tagħhom, b’mod partikolari sabiex jissodisfaw kreditur. [...]

[...]

59

Persuna jew entità li tixtieq tqiegħed fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’ persuna jew entità indikata għandha titlob awtorizzazzjoni. Meta jeżaminaw tali talbiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha pprovduti insostenn tat-talba u jaraw jekk ir-rabtiet ta’ min jagħmel it-talba mal-persuna jew mal-entità indikata jistgħux jagħtu x’jifhem li t-tnejn li huma qegħdin jaġixxu bi ftehim bejniethom sabiex jevitaw il-miżuri ta’ ffriżar.

60

Meta jeżaminaw talbiet għal awtorizzazzjoni intiżi sabiex jintużaw fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew sabiex isiru disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kull investigazzjoni ulterjuri li jidhrilhom xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi, inkluża l-possibbiltà li jikkonsultaw kull Stat Membru kkonċernat ieħor. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirriflettu dwar il-kundizzjonijiet jew il-miżuri ta’ salvagwardja li jippermettu li jiġi evitat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi rrilaxxati jintużaw għal finijiet inkompatibbli mal-għan tad-deroga. Għaldaqstant, pereżempju, trasferimenti bankarji diretti jistgħu jkunu preferibbli għal ħlasijiet fi flus.

Jekk ikun il-każ, meta tingħata awtorizzazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet jew il-limiti xierqa (pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-kwantità jew il-valur tal-bejgħ mill-ġdid ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni kull xahar), fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fir-regolamenti. L-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub u qabel ma jintużaw jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati.

61

Skont ir-regolamenti, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jinnotifikaw lil min jagħmel it-talba u lill-Istati Membri l-oħra dwar jekk it-talba tkunx intlaqgħet. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Permezz tar-Regolament Nru 588/2011 kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 161, p. 25), il-konvenuti fil-kawża prinċipali ġew inklużi fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni.

12

Bil-għan li jikkontestaw dawn il-miżuri restrittivi, huma inkarigaw uffiċċju legali Litwan li ppreżenta rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea [kawżi BelTechExport vs Il‑Kunsill, T‑438/11 (ĠU 2011 C 290, p. 15); Sport-Pari vs Il‑Kunsill, T‑439/11 (ĠU 2011 C 290, p. 15); BT Telecommunications vs Il‑Kunsill, T‑440/11 (ĠU 2011 C 290, p. 16), u Peftiev vs Il‑Kunsill, T‑441/11, ĠU 2011 C 290, p. 17)].

13

Fit-3 ta’ Awwissu 2011, dan l-uffiċċju legali ħareġ erba’ fatturi f’isem il-konvenuti fil-kawża prinċipali għas-servizzi legali mogħtija, li abbażi tagħhom il-konvenuti fil-kawża prinċipali ttrasferew l-ammonti kkonċernati fuq il-kont bankarju tal-imsemmi uffiċċju. Madankollu, l-ammonti ttrasferiti ġew iffriżati fuq il-kont bankarju tal-uffiċċju legali inkwistjoni, skont il-miżuri restrittivi stabbiliti mill-Unjoni.

14

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 765/2006, il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu lill-Užsienio reikalų ministerija u lill-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba, bejn it-2 ta’ Diċembru 2011 u s-6 ta’ Diċembru 2011, sabiex ma japplikawx il-miżuri ta’ ffriżar tar-riżorsi finanzjarji sa fejn dawn ir-riżorsi huma neċessarji sabiex jiġu rremunerati s-servizzi legali inkwistjoni.

15

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Jannar 2012, l-Užsienio reikalų ministerija ddeċieda li ma jagħtix id-deroga prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 lill-konvenuti fil-kawża prinċipali. F’dawn id-deċiżjonijiet ġie speċifikat li “ittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi legali u politiċi kollha”. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, waqt l-eżami tal-każ amministrattiv, l-Užsienio reikalų ministerija indika li kellu informazzjoni li l-assi likwidi tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li kienu intiżi sabiex jirremuneraw is-servizzi legali mogħtija mill-uffiċċju legali kkonċernat kienu nkisbu illegalment.

16

Fid-19 ta’ Jannar 2012, il-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba ħa deċiżjonijiet li fihom jispjega li, fid-dawl tar-rifjut tal-Užsienio reikalų ministerija, ma setax jilqa’ t-talbiet għal deroga mressqa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

17

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius), li fih talbu lil dik il-qorti tannulla d-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Jannar 2012 tal-Užsienio reikalų ministerija u d-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Jannar 2012 tal-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba u tordna lil dawn tal-aħħar jeżaminaw mill-ġdid it-talbiet tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet motivati, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

18

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Awwissu 2012, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas laqgħet kompletament ir-rikors tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u bagħtet it-talbiet tagħhom lill-Užsienio reikalų ministerija u lill-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid.

19

L-Užsienio reikalų ministerija appella mis-sentenza tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) u talab l-annullament ta’ din is-sentenza u l-adozzjoni ta’ sentenza ġdida. Il-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba wkoll ressaq talba bħal din.

20

Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Užsienio reikalų ministerija, filwaqt li bbaża ruħu fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, isostni li għandu setgħa diskrezzjonali assoluta sabiex jiddeċiedi jekk jagħtix id-deroga inkwistjoni jew le. Huwa jallega li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt din id-deċiżjoni tikkonċerna kwistjonijiet politiċi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet esterni tal-Istati Membri ma’ Stati oħra, qasam li fih l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkollhom libertà ta’ azzjoni wiesgħa.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju jidhrilha, fid-dawl tal-Aħjar prattiki u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-interpretazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-unika possibbiltà sabiex wieħed jannulla l-miżuri restrittivi hija li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali iżda li, għal dan l-iskop, huwa indispensabbli li jkun irrappreżentat minn avukat, skont l-Artikoli 43 u 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’kawżi ta’ din in-natura, il-Qorti Ġenerali teżamina fil-fond it-talbiet għal għajnuna legali mressqa mir-rikorrenti u tagħti din l-għajnuna meta tkun neċessarja.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 765/2006 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament tgawdi minn setgħa diskrezzjonali assoluta sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, liema huma l-kriterji li din l-awtorità għandha ssegwi u liema huma l-kriterji li bihom hija hi marbuta meta tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 765/2006 [...]?

3)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 765/2006 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, meta tipproċedi għall-eżami tat-talba għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għandha, b’mod partikolari, id-dritt jew l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li bit-tressiq tat-talba tagħhom ir-rikorrenti jixtiequ jimplementaw id-drittijiet fundamentali tagħhom (f’din il-kawża, id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja), minkejja li hija għandha wkoll tiżgura li, jekk l-eċċezzjoni tingħata fil-każ speċifiku, l-għan tas-sanzjoni prevista ma jiġix injorata u li l-eċċezzjoni ma tiġix żnaturata (pereżempju, jekk is-somma intiża għad-difiża legali hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza tas-servizzi legali pprovduti)?

4)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 765/2006 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed mill-motivi li jista’ jiġġustifika li ma tiġix applikata l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni jista’ jkun l-illegalità tal-akkwist ta’ fondi li l-użu tagħhom huwa invokat bi ħsieb li tiġi implementata din l-eċċezzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

23

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta tiddeċiedi fuq talba għal deroga mressqa skont din id-dispożizzjoni bil-għan li jiġi ppreżentat rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali assoluta u, fil-każ ta’ risposta negattiva, liema huma l-elementi u l-kriterji li din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

24

Għandu jiġi kkonstatat li, meta tiddeċiedi fuq talba għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun qed timplementa d-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li hija obbligata tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), skont l-Artikolu 51(1) tagħha.

25

Billi l-għan tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 huwa li jiffaċilita l-aċċess għal servizzi legali, huwa għalhekk għandu jiġi interpretat f’konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv, tipprovdi li kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u li tkun irrappreżentata. It-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu jipprovdi speċifikament li għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

26

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta fis-sens li ffriżar ta’ fondi ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad lill-persuni li l-fondi tagħhom jkunu ġew iffriżati minn aċċess effettiv għall-ġustizzja.

27

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, rikors bħal dak li ppreżentaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali u li għalih tirreferi d-deċiżjoni tar-rinviju jista’ jiġi ffirmat biss minn avukat.

28

Ir-raġuni għar-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li l-avukat huwa kkunsidrat kollaboratur tal-ġustizzja, mitlub sabiex jagħti, b’mod indipendenti u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li għandu bżonn il-klijent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24; Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42, u Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 23). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li ebda deroga jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu ma tistax tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors (ara d-digriet Correia de Matos vs Il‑Parlament, C‑502/06 P, EU:C:2007:696, punt 12).

29

Minn dawn il-punti jirriżulta li, meta tiddeċiedi fuq talba għal deroga mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex setgħa diskrezzjonali assoluta, iżda għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod li tirrispetta d-drittijiet previsti fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, in-natura indispensabbli tar-rappreżentanza minn avukat sabiex jiġi ppreżentat rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ miżuri restrittivi.

30

Il-Gvern Litwan isostni li r-rifjut innifsu li tingħata d-deroga prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 ma jiksirx id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sustanza tiegħu, anki peress li l-persuna, fiżika jew ġuridika, li tipprovdi servizzi legali, jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi finanzjarji dovuti lilha wara li titneħħa l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi. Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li r-rikors ippreżentat se jirnexxi, meta tali rikors jista’ ma jirnexxix. Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax jeżiġi li professjonist fil-qasam ta’ servizzi legali jġarrab tali riskju u tali spiża finanzjarja meta l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprovdi li tingħata deroga mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u r-rimbors ta’ spejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi legali.

31

F’dak li jirrigwarda l-oġġezzjoni tal-Gvern Litwan li l-konvenuti fil-kawża prinċipali setgħu jitolbu l-għajnuna legali prevista mid-dritt nazzjonali sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa sistema koerenti li tippermetti li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta, minkejja l-iffriżar tal-fondi. Meta jkollha għalfejn tikseb is-servizz legali li jkollha bżonn, persuna msemmija fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness I ta’ dan ir-regolament ma tistax titqies indiġenti minħabba dan l-iffriżar, iżda, għall-kuntrarju, għandha titlob li, għal dan il-għan, jiġu rrilaxxati ċerti fondi jew riżorsi ffriżati meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 3(1)(b) jipprekludi minnu nnifsu li l-awtorità nazzjonali kompetenti tirrifjuta li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi għar-raġuni li tali persuna tista’ tirrikorri għall-għajnuna legali.

32

F’dak li jirrigwarda l-kriterji li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-awtorità nazzjonali kompetenti meta tiddeċiedi fuq talba għal deroga, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprovdi limitazzjonijiet għall-użu tal-fondi billi dawn tal-aħħar għandhom ikunu maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi legali.

33

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi kkontrollat bl-aħjar mod l-użu tal-fondi rrilaxxati, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet previsti mill-Kapitolu VII, dwar id-derogi fuq bażi umanitarja, tat-Titolu C tal-Aħjar prattiki, li huma applikabbli mutatis mutandis għat-talba għal deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar tfittex li tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva permezz tal-preżentata ta’ rikors kontra l-miżuri restrittivi li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett tagħhom. Skont l-Aħjar prattiki, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-għan tas-sanzjoni deċiża ma jinġiebx fix-xejn u li d-deroga mogħtija ma tintużax ħażin. B’mod partikolari, din l-awtorità tista’ tagħti prijorità lit-trasferimenti bankarja fuq il-ħlasijiet fi flus.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-punti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tiddeċiedi fuq talba għal deroga mressqa skont din id-dispożizzjoni bil-għan li jiġi ppreżentat rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex setgħa diskrezzjonali assoluta, iżda għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod li tirrispetta d-drittijiet previsti fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u n-natura indispensabbli tar-rappreżentanza minn avukat sabiex jiġi ppreżentat tali rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha d-dritt tivverifika li l-fondi li jintalab ir-rilaxx tagħhom huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi legali. Hija tista’ wkoll tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-għan tas-sanzjoni deċiża ma jinġiebx fix-xejn u li d-deroga mogħtija ma tintużax ħażin.

Fuq ir-raba ’ domanda

35

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li wieħed mill-motivi li jista’ jiġġustifika li ma tiġix applikata l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jista’ jkun l-illegalità tal-akkwist tal-fondi li l-użu tagħhom huwa invokat bil-ħsieb li tiġi implementata din l-eċċezzjoni.

36

Kif jirrilevaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea, sekwestru jew konfiska ta’ fondi akkwistati illegalment jistgħu jitwettqu b’applikazzjoni ta’ diversi regoli li joriġinaw kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali.

37

Dawn ir-regoli huma distinti mir-Regolament Nru 765/2006, li b’applikazzjoni tiegħu ġew iffriżati l-fondi tal-konvenuti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-għan ta’ dan ir-regolament ma huwiex is-sanzjoni tal-akkwist illegali ta’ fondi, iżda, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali waqt l-elezzjonijiet tad-19 ta’ Marzu 2006 fil-Bjelorussja.

38

Għalhekk, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-konvenuti fil-kawża prinċipali għandu jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 765/2006, li jipprovdi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi u r-regoli applikabbli għal dawn il-fondi u għal dawn ir-riżorsi ekonomiċi.

39

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda deroga mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi bil-għan li jiġu rremunerati servizzi legali, din għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, li ma jagħmel ebda allużjoni għall-oriġini tal-fondi jew għall-eventwali akkwist illegali tagħhom.

40

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jkun ibbażat fuq l-imsemmi regolament, deroga mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi bil-għan li jiġu rremunerati servizzi legali għandha tiġi evalwata skont din id-dispożizzjoni, li ma tagħmel ebda allużjoni għall-oriġini tal-fondi jew għall-eventwali akkwist illegali tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat 18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011 u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tiddeċiedi fuq talba għal deroga mressqa skont din id-dispożizzjoni bil-għan li jiġi ppreżentat rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex setgħa diskrezzjonali assoluta, iżda għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod li tirrispetta d-drittijiet previsti fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u n-natura indispensabbli tar-rappreżentanza minn avukat sabiex jiġi ppreżentat tali rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha d-dritt tivverifika li l-fondi li jintalab ir-rilaxx tagħhom huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi legali. Hija tista’ wkoll tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-għan tas-sanzjoni deċiża ma jinġiebx fix-xejn u li d-deroga mogħtija ma tintużax ħażin.

 

2)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011 u bir-Regolament Nru 588/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jkun ibbażat fuq l-imsemmi regolament, deroga mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi bil-għan li jiġu rremunerati servizzi legali għandha tiġi evalwata skont din id-dispożizzjoni, li ma tagħmel ebda allużjoni għall-oriġini tal-fondi jew għall-eventwali akkwist illegali tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top