EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
LVP NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Banana — Sistema ta’ importazzjonijiet — Rati ta’ dazju applikabbli.
Kawża C‑306/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2465

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Banana — Sistema ta’ importazzjonijiet — Rati ta’ dazju applikabbli”

Fil-Kawża C‑306/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

LVP NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LVP NV, minn R. Verbeke, P. Vlaemminck u B. Van Vooren, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert u E. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u I. Zervas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005, tad-29 ta’ Novembru 2005, dwar ir-rati ta’ tariffa għall-banana (ĠU L 334M, 12.12.2008, p. 649), fid-dawl tal-Artikoli I, XIII(1) u (2)(d), u XXVIII u/jew ta’ kull dispożizzjoni oħra applikabbli tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“GATT 1994”), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn LVP NV (iktar ’il quddiem “LVP”) u l-Belgische Staat dwar talba għal rimbors ta’ dazji mħallsa minn LVP fuq importazzjonijiet ta’ banana li toriġina mill-Kosta Rika u mill-Ekwador.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim tad-WTO

3

Permezz tad-Deċiżjoni 94/800, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO kif ukoll il-ftehim li jinsab fl-Annessi 1, 2 u 3 ta’ dan il-ftehim (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet tad-WTO”), li fosthom hemm inkluż il-GATT 1994.

4

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jipprovdi:

“Il-ftehim u l-istrumenti legali relatati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma parti integrali minn dan il-ftehim u jorbtu lill-Membri kollha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu IV(1) tal-ftehim li jistabbilixxi d-WTO, għandha tiġi stabbilita konferenza ministerjali komposta mir-rappreżentanti tal-Membri kollha tad-WTO. L-Artikolu IX(3) u (4) tal-imsemmi ftehim, jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom il-konferenza ministerjali tista’ tiddeċiedi, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li tikkonċedi lil membru deroga minn wieħed mill-obbligi imposti fuqu permezz tal-ftehim li jistabbilixxi d-WTO jew minn wieħed mill-ftehimiet tad-WTO.

6

Skont l-Artikolu I(1) tal-GATT 1994:

“Il-vantaġġi, benefiċċji, privileġġi jew immunitajiet kollha mogħtija minn parti kontraenti lil prodott li joriġina minn jew li huwa destinat lejn kull pajjiż ieħor għandhom, immedjatament u mingħajr kundizzjoni, jiġu estiżi għall-prodotti kollha simili li joriġinaw minn jew li huma destinati lejn it-territorju tal-partijiet kontraenti l-oħra kollha. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-dazji u l-ħlasijiet ta’ kull natura miġbura mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni jew fl-okkażjoni tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni [...]”

7

L-Artikolu II tal-GATT tal-1994, intitolat “Listi ta’ konċessjonijiet”, jipprovdi:

“1.   

a)

Kull kontraent għandu jagħti lill partijiet kontraenti l-oħra, fil-qasam kummerċjali, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fil-parti relattiva tal-lista korrispondenti annessa ma’ dan il-Ftehim.

[...]

7.   Il-listi annessi ma’ dan il-Ftehim jifformaw parti integrali mill- parti I ta’ dan il-Ftehim.”

8

L-Artikolu XIII tal-GATT 1994, dwar l-applikazzjoni mhux diskriminatorja tar-restrizzjonijiet kwantitattivi, jipprovdi:

“1.   Ma għandha tiġi applikata l-ebda projbizzjoni jew restrizzjoni minn parti kontraenti fuq l-importazzjoni ta’ prodott li joriġina mit-territorju ta’ parti kontraenti oħra [...] sakemm tali projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ma jkunux applikati fuq l-importazzjoni ta’ prodott simili li joriġina minn kull pajjiż terz [...]

2.   Fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ kwalunkwe prodott, il-partijiet kontraenti għandhom jipprovaw jaslu għal distribuzzjoni tal-kummerċ ta’ dan il-prodott li toqrob kemm jista’ għal dik li, fin-nuqqas ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, id-diversi partijiet kontraenti jkollhom id-dritt jistennew u għandhom josservaw, għal dan l-iskop, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

[...]

d)

Meta kwota hija mqassma bejn il-pajjiżi fornituri, il-parti kontraenti li tapplika r-restrizzjonijiet tista’ tiftiehem dwar it-tqassim tal-kwota mal-partijiet kontraenti l-oħra kollha li għandhom interess sostanzjali fil-provvista tal-prodott ikkonċernat. Meta ma jkunx raġonevolment possibbli li dan il-metodu jiġi applikat, il-parti kontraenti in kwistjoni għandha tattribwixxi, lill-partijiet kontraenti li għandhom interess sostanzjali fil-provvista ta’ dan il-prodott, kwoti in proporzjon għall-kontribuzzjoni tal-imsemmija partijiet kontraenti fil-volum totali jew fil-valur totali tal-importazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni matul perijodu ta’ riferiment preċedenti, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi speċjali kollha li setgħu jew li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ ta’ dan il-prodott [...]”

9

L-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, intitolat “Tibdil tal-listi”, jinkludi regoli ddettaljati fir-rigward tat-tibdil tal-listi tal-konċessjonijiet, billi jipprovdi għal dan l-għan sistema kumplessa ta’ negozjati bejn il-partijiet kontraenti.

10

L-Artikolu XXVIII(1), (3) u (5) tal-GATT 1994 jipprovdi:

“1.   Fl-ewwel jum ta’ kull perijodu ta’ kull tliet snin, l-ewwel perijodu jibda fl-1 ta’ Jannar 1958 [...], kull parti kontraenti (imsejħa f’dan l-artikolu ‘il-parti kontraenti rikorrenti’) tista’ tbiddel jew tirtira konċessjoni inkluża fil-lista korrispondenti annessa ma’ dan il-Ftehim, wara negozju u ftehim mal-partijiet kontraenti kollha li magħhom kienet ġiet innegozzjata din il-konċessjoni oriġinarjament kif ukoll ma’ kull parti kontraenti oħra li l-interess tagħha bħala fornitur prinċipali huwa rikonoxxut mill-partijet kontraenti (dawn iż-żewġ kategoriji ta’ partijiet kontraenti, bl-istess mod bħall-parti kontraenti rikorrenti, jissejħu f’dan l-artikolu ‘partijiet kontraenti prinċipalment ikkonċernati’), u dment li din tkun ikkonsultat ma’ kull parti kontraenti oħra li l-interess sostanzjali tagħha f’din il-konċessjoni huwa rrikonoxxut mill-partijiet kontraenti.

[...]

3.   

a)

Jekk il-partijiet kontraenti prinċipalment ikkonċernati ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew qabel l-iskadenza ta’ kull perijodu previst fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-parti kontraenti li tipproponi li tbiddel jew li tirtira il-konċessjoni għandu jkollha madankollu il-fakultà li tagħmel dan. Jekk din il-parti tadotta tali miżura, kull parti kontraenti li magħha tkun ġiet innegozzjata din il-konċessjoni oriġinarjament, kull parti kontraenti li l-interess tagħha bħala fornitur prinċipali jkun ġie rrikonoxxut skont l-ewwel paragrafu kif ukoll kull parti kontraenti li l-interess sostanzjali tagħha jkun ġie rrikonoxxut skont l-imsemmi paragrafu, għandu jkollha il-fakultà li tirtira, f’terminu ta’ sitt xhur dekorribbli mill-applikazzjoni ta’ din il-miżura u tletin jum wara li l-partijiet kontraenti jkunu rċevew preavviż bil-miktub, il-konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti li jkunu ġew innegozzjati oriġinarjament mal-parti kontraenti rikorrenti.

b)

Jekk il-partijiet kontraenti prinċipalment ikkonċernati jaslu għal ftehim li ma jissodisfax lil parti kontraenti li l-interess sostanzjali tagħha jkun ġie rrikonnoxxut skont l-ewwel paragrafu, din tal-aħħar għandu jkollha l-fakultà li tirtira, f’terminu ta’ sitt xhur dekorribbli mill-applikazzjoni tal-miżura prevista minn dan il-ftehim u tletin jum wara li l-partijiet kontraenti jkunu rċevew preavviż bil-miktub, il-konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti li jkunu ġew innegozzjati oriġinarjament mal-parti kontraenti rikorrenti.

[...]

5.   Wara l-1 ta’ Jannar 1958 u qabel l-iskadenza ta’ kull perijodu previst fl-ewwel paragrafu, huwa possibbli li kull parti kontraenti, permezz ta’ notifika indirizzata lill-partijiet kontraenti, tirriżerva d-dritt, matul il-perijodu li ġej, li tbiddel il-lista korrispondenti, bil-kundizzjoni li tikkonforma ruħha mal-proċeduri definiti fil-paragrafi 1 sa 3. Jekk parti kontraenti tuża din il-fakultà, kull parti kontraenti oħra tista’, matul l-istess perijodu, tibdel jew tirtira kull konċessjoni nnegozzjata oriġinarjament mal-imsemmija parti kontraenti, bil-kundizzjoni li tikkonforma ruħha mal-istess proċeduri.”

Il-memoranda ta ’ ftehim fuq il-banana konklużi mill-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Ekwador u l-Istati Uniti tal-Amerika

11

Fil-11 ta’ April u fit-30 ta’ April 2001, l-Unjoni kkonkludiet memoranda ta’ ftehim, rispettivament, mal-Istati Uniti tal-Amerika u mar-Repubblika tal-Ekwador, li speċifikaw il-mezzi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim imressqa minn dawk il-pajjiżi quddiem id-WTO fir-rigward tat-trattament tariffarju tal-banana importata fl-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“memoranda ta’ ftehim dwar il-banana”). Dawn il-memoranda jipprovdu li l-Unjoni għandha timplementa sistema bbażata esklużivament fuq tariffi għall-importazzjonijiet tal-banana mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006.

12

Il-memorandum ta’ ftehim dwar il-banana konkluż mar-Repubblika tal-Ekwador kien jipprevedi li b’mod tempestiv u għal dan l-għan għandhom jinbdew negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, li fihom dan l-Istat Membru għandu jiġi rrikonoxxut bħala l-fornitur prinċipali.

Id-deroga ta ’ Doha

13

Fl-14 ta’ Novembru 2001, il-konferenza ministerjali tad-WTO, li ġiet imlaqqa’ f’Doha, ikkonċediet lill-Unjoni deroga fl-Artikolu I tal-GATT 1994 (iktar ’il quddiem id-“deroga ta’ Doha”), sal-punt neċessarju sabiex l-Unjoni tkun tista’ tagħti lill-prodotti li joriġinaw mill-grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) (iktar ’il quddiem l-“Istati AKP”) it-trattament tariffarju preferenzjali rikjest mill-ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, p. 3), u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 121, iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sħubija AKP-KE”), mingħajr ma tkun obbligata li tagħti l-istess trattament preferenzjali lil prodotti simili minn kull membru ieħor tad-WTO.

14

L-Anness tad-deċiżjoni tal-konferenza ministerjali li tagħti d-deroga ta’ Doha pprevediet madankollu proċeduri ta’ arbitraġġ speċifiċi bejn l-Unjoni u l-Istati li fihom il-banana hija suġġetta għar-rata tan-nazzjon l-aktar iffavorit (iktar ’il quddiem l-“Istati NPF”), fil-kuntest tan-negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-konsolidazzjoni mill-ġdid prevista fid-dritt doganali applikat mill-Unjoni għall-banana kellhiex l-effett tal-inqas li jinżamm l-aċċess totali għas-suq għall-fornituri tal-banana fl-Istati NPF.

15

L-imsemmi anness ippreveda li n-negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u dawn il-proċeduri ta’ arbitraġġ jiġu kompluti qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema tariffarja unika l-ġdida fl-1 ta’ Jannar 2006.

Il-Ftehim ta ’ Ġinevra

16

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni u ċerti Stati NPF tal-Amerika Latina inizjalaw il-ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ Ġinevra”), iffirmat fil-31 ta’ Mejju 2010 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/194/UE, tas-7 ta’ Marzu 2011 (ĠU L 88, p. 66).

17

Il-paragrafu 3(a) tal-ftehim ta’ Ġinevra jipprevedi l-ammonti massimi tad-dazji li għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fuq il-banana sa mill-15 ta’ Diċembru 2009, fejn dawn tal-aħħar għandhom jitnaqqsu progressivament, sal-1 ta’ Jannar 2017, minn EUR 148 għal kull tunnellata għal EUR 114 għal kull tunnellata.

18

Mill-paragrafu 5 tal-ftehim ta’ Ġinevra jirriżulta li t-tilwim pendenti fil-kuntest tad-WTO u l-ilmenti kollha ppreżentati mill-Istati NPF li huma partijiet f’dan il-ftehim, skont il-proċeduri tal-Artikoli XXIV u XXVIII tal-GATT 1994, li jikkonċernaw is-sistema kummerċjali tal-Unjoni applikabbli għall-banana għandhom jiġu solvuti. Barra minn hekk, l-imsemmi paragrafu jipprevedi li l-partijiet fil-ftehim ta’ Ġinevra għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt lill-organu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tal-WTO li huma waslu għal soluzzjoni milħuqa b’mod reċiproku li fil-kuntest tagħha huma jkunu waslu sabiex itemmu dan it-tilwim.

Id-dritt tal-Unjoni

19

It-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1) issostitwixxa, fis-settur tal-banana, sistema komuni għan-negozju ma’ pajjiżi terzi għal sistemi nazzjonali varji preċedenti.

20

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 404/93 speċifika, għall-finijiet tat-Titolu IV tal-imsemmi regolament, erba’ kategoriji ta’ banana, jiġifieri l-banana tradizzjonali tal-Istati AKP, il-banana mhux tradizzjonali tal-Istati AKP, il-banana tal-pajjiżi terzi minbarra dawk tal-Istati AKP u l-banana Komunitarja.

21

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 404/93 kien jipprevedi l-ftuħ għal kull sena ta’ kwota tariffarja ta’ 2 miljun tunnellata/piż net għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi terzi minbarra l-Istati AKP u tal-banana mhux tradizzjonali tal-Istati AKP, filwaqt li ssottometta madankollu l-importazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ banana għal żewġ rati ta’ dazju differenti.

22

Ir-Regolament Nru 404/93, sussegwentement, ġie emendat diversi drabi.

23

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 3290/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 432), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 213/2001, tad-29 ta’ Jannar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 31, p. 226), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2587/2001, tad-19 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 422), emendaw l-Artikoli 15 sa 20 tar-Regolament Nru 404/93, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwota tariffarja u l-ammont tad-dazji stabbiliti fl-Artikolu 18 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament.

24

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/2001, jipprovdi kif ġej:

“Dan l-Artikolu u l-Artikoli minn 17 sa 20 għandhom jgħoddu għall-importazzjonijiet ta’ prodotti friski li jaqgħu taħt il-kodiċi ĊN 08030019 sakemm tidħol fis-seħħ, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, ir-rata tat-tariffa doganali komuni għal dawk il-prodotti stabbiliti taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu XXVIII [tal-GATT 1994].”

25

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 2587/2001, jipprovdi:

“1.   Kull sena mill-1 ta’ Jannar għandhom jinfetħu l-kwoti ta’ tariffi li ġejjin:

a)

kwota ta’ tariffa ta 2200000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa “il-kwota A”;

b)

kwota ta’ tariffa addizzjonali ta’ 453000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa “il-kwota B”;

ċ)

kwota ta’ tariffa awtonoma ta’ 750000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa “il-kwota Ċ”.

Il-Kwoti A u B għandhom ikunu miftuħa għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi kollha.

Il-Kwota Ċ għandha tkun miftuħa għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw [mill-Istati] AKP.

[...]

2.   Importazzjoni taħt il-kwoti A u B u importazzjoni ta’ banana minn pajjiżi terzi li ma jkunux [l-Istati] AKP għandhom ikunu soġġetti għal dazju doganali ta’ EUR 75 għal kull tunnellata metrika. Importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw [mill-Istati] AKP għandhom ikunu suġġetti għal dazju ta’ żero.

3.   Importazzjonijiet taħt il-kwota Ċ għandhom ikunu suġġetti għal dazju ta’ żero.

[...]”

26

Il-premessi 1 sa 7 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(1)

Ir-[Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/2001] jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta’ reġim ta’ tariffa biss għall-importazzjonijiet tal-banana sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006.

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati taħt l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 bil-ħsieb li jiġu mmodifikati ċerti konċessjonijiet għall-banana. Għaldaqstant, il-Komunità nnotifikat lid-WTO fil-15 ta’ Lulju 2004 bl-intenzjoni tagħha li timmodifika l-konċessjonijiet dwar il-punt 0803 00 19 (banana) fl-Iskeda CXL tal-KE. In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tat-Trattat u l-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġin mill-Kunsill.

(3)

Il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tinnegozja ftehim aċċettabbli ma’ l-Ekwador u l-Panama, li għandhom interess ta’ forniment prinċipali, u l-Kolombja u l-Kosta Rika, li għandhom interess ta’ forniment sostanzjali, fi prodotti ta’ HS sub-titolu 0803 00 19 (banana). Skond l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO ta’ l-14 ta’ Novembru 2001 [..] il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, il-Kummissjoni kellha konsultazzjonijiet ukoll ma’ Membri oħrajn tad-WTO. Dawn il-konsultazzjonijiet ma wasslux għal ftehim aċċettabbli.

(4)

Fil-31 ta’ Jannar 2005 l-Komunità nnotifikat lid-WTO bl-intenzjoni tagħha li tibdel il-konċessjonijiet tagħha dwar il-punt 0803 00 19 (banana) b’dazju kkonsolidat ta’ EUR 230 għal kull tunnellata.

(5)

Il-proċedura ta’ arbitraġġ stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni nbdiet fit-30 ta’ Marzu 2005. Id-Deċiżjoni ta’ l-Arbitru maħruġa fl-1 ta’ Awissu 2005 kkonkludiet li r-rata ta’ tariffa ta’ l-MFN ta’ EUR 230 għal kull tunnellata proposta mill-Komunità ma kinitx konsistenti ma’ l-Anness imsemmi hawn fuq minħabba li ma kinitx ser tirriżulta ta’ l-inqas fiż-żamma ta’ l-aċċess għas-suq totali għall-fornituri tal-MFN. Il-Kummissjoni rrevediet il-proposta tal-Komunità fid-dawl tas-sejbiet ta’ l-arbitru. F’tieni deċiżjoni ta’ arbitraġġ, maħruġa fis-27 ta’ Ottubru 2005, l-Arbitru kkonkluda li l-proposta riveduta għal rata ta’ tariffa ta’ l-MFN ta’ EUR 187 tunnellata tonqos milli tirratifika l-kwistjoni. Għalhekk il-Kummissjoni mmodifikat aktar il-proposta tagħha sabiex tirratifika l-kwistjoni.

(6)

Għandha tinfetaħ ukoll kwota ta’ rata ta’ tariffa għall-banana li toriġina mill-[Istati] AKP f’konformità ma’ l-impenji Komunitarji skond il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE.

(7)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll miżuri transitorji rigward b’mod partikolari, il-ġestjoni tal-kwota ta’ rata ta’ tariffa għall-banana li toriġina mill-pajjiżi AKP, għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [ĠU L 184, p. 23].”

27

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Mill-1 ta’ Jannar 2006 r-rata ta’ tariffa għall-banana (kodiċi NM 0803 00 19) għandha tkun EUR 176 għal kull tunnellata.

2.   Kull sena mill-1 ta’ Jannar, li tibda mill-1 ta’ Jannar 2006, kwota ta’ tariffa awtonoma ta’ 775000 tunnellata ta’ piż nett soġġetta għal rata ta’ dazju żero għandha tinfetaħ għall-importazzjonijiet ta’ banana (NM kodiċi 08030019) li toriġina mill-[Istati] ta’ l-AKP.”

28

Wara l-iffirmar, fil-31 ta’ Mejju 2010, tal-ftehim ta’ Ġinevra, ir-Regolament Nru 1964/2005 ġie mħassar bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 306/2011, tad-9 ta’ Marzu 2011 (ĠU L 88, p. 44).

29

Mill-premessa 3 tar-Regolament 306/2011 jirriżulta li, skont il-ftehim ta’ Ġinevra, l-Unjoni għandha tnaqqas progressivament, id-dazji tagħha applikabbli għall-banana minn EUR 176 għal kull tunnellata għal EUR 114 EUR għal kull tunnellata. L-ewwel tnaqqis, li ġie applikat retroattivament mill-15 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-inizjalar tal-ftehim ta’ Ġinevra, b’hekk naqqas id-dazju għal EUR 148 għal kull tunnellata.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

30

LVP hija kumpannija li timporta l-banana stabbilita fil-Belġju.

31

Il-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba, mressqa minn LVP, għal rimbors tad-dazju mħallas żejjed ta’ EUR 176 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Kosta Rika u mill-Ekwador matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-15 ta’ Diċembru 2009, prinċipalment matul il-perijodu ta’ bejn it-tieni u r-raba’ trimestru tas-sena 2006 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkontestat”).

32

Din it-talba, imressqa fis-6 ta’ Jannar 2009 quddiem id-direttorat reġjonali ta’ Gand mill-amministrazzjoni tad-dwana, ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2009.

33

B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, l-appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-20 ta’ Mejju 2009, ippreżentat mil-LVP fis-27 ta’ Lulju 2009 quddiem l-amministratur ġenerali tad-dwana, ġie ddikjarat infondat peress li d-dazji kienu, fil-mument tal-ħlas tagħhom, legalment dovuti abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

34

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-qorti tar-rinviju fis-7 ta’ Frar 2013, LVP fetħet kawża kontra d-deċiżjoni tal-amministratur ġenerali tad-dwana.

35

LVP tikkontesta, fid-dawl tal-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt tad-WTO, il-validità tar-rata ta’ dazju ta’ EUR 176 EUR għal kull tunnellata, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2006 għall-banana li ma toriġinax mill-Istati AKP, stabbilita bir-Regolament Nru 1964/2005. Skont LVP, is-sistema prevista mill-imsemmi regolament ma tista’ tapplika biss mid-data tal-ftehim ta’ Ġinevra, jiġifieri mill-15 ta’ Diċembru 2009, b’tali mod li, għall-perijodu kkontestat, kellha tapplika r-rata ta’ dazju ta’ EUR 75 għal kull tunnellata stabbilita bir-Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/2001, għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi li ma humiex l-Istati AKP fil-kuntest tal-kwoti A u B stabbiliti mill-imsemmi regolament.

36

Filwaqt li tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/2001, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li n-negozjati fil-kuntest tal-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 ma kinux tlestew matul il-perijodu kkontestat, b’tali mod li, fl-opinjoni tagħha, ir-rata ta’ dazju ta’ EUR 75 għal kull tunnellata applikabbli għall-kwota A ta’ 2.2 miljun tunnellata miftuħa għall-importazzjoni tal-banana minn pajjiżi terzi bir-Regolament Nru 404/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/2001, kienet applikabbli matul dan il-perijodu u li din ma setgħetx ġiet issostitwita minn dik prevista fir-Regolament Nru 1964/2005. L-Unjoni, min-naħa, u b’mod partikolari r-Repubblika tal-Kosta Rika u r-Repubblika tal-Ekwador, min-naħa l-oħra, waslu għal ftehim mhux qabel il-15 ta’ Diċembru 2009. Konsegwentement, kien biss wara din id-data li r-rata ta’ dazju ta’ EUR 75 għal kull tunnellata ma baqgħetx tapplika.

37

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li r-Repubblika tal-Ekwador kienet ippreżentat rikors kontra l-introduzzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata quddiem l-organi kompetenti tad-WTO. Fir-rapport tiegħu dwar din il-kawża, l-organu tal-appell tad-WTO ikkunsidra li l-kwota ta’ 2.2 miljun tunnellata bit-tariffa ta’ EUR 75 għal kull tunnellata kellha tibqa’ fis-seħħ sakemm jiġu ffinalizzati n-negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, fatt li seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2009.

38

Minkejja li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tad-WTO ma għandhomx effett dirett (ara s-sentenza Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121), il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa madankollu possibbli l-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mal-ftehimiet tal-WTO jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun ġiet adottata speċifikament ineżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tad-WTO jew jekk din tagħmel riferiment espress għad-dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tad-WTO (ara s-sentenzi Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 31; FIAMM et FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑69/00, EU:T:2005:449, punt 114, kif ukoll Fedon & Figli et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑135/01, EU:T:2005:454, punt 107).

39

Il-qorti tar-rinviju tirrileva b’mod partikolari li l-premessi tar-regolament li jirregolaw l-importazzjonijiet fis-settur tal-banana jagħmlu riferiment għad-WTO u għan-negozjati fil-kuntest tal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994. Għaldaqstant ma huwiex eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-legalità tar-Regolament Nru 1964/2005 fid-dawl tar-regoli tad-WTO.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ir-Regolament [Nru 1964/2005], kif applikat mill-Unjoni [...] matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-15 ta’ Diċembru 2009, jikser l-Artikoli I, XIII(1) u (2)(d), XXVIII, u/jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra applikabbli tal-GATT 1994, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, sa fejn jistabbilixxi rata ta’ tariffa ta’ EUR 176 għal kull tunnellata applikabbli għall-banana (Kodiċi NM 0803 00 19), bi ksur tal-konċessjonijiet tal-banana nnegozati mill-KE, qabel ma ġie nnegozjat ftehim ġdid fuq dan il-punt fil-kuntest tad-WTO?”

Fuq id-domanda preliminari

41

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1964/2005 jiksirx l-Artikoli I, XIII(1) u (2)(d), u XXVIII u/jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-GATT 1994, sa fejn dan ir-regolament stabbilixxa rata ta’ dazju ta’ EUR 176 EUR għal kull tunnellata applikabbli għall-banana mill-1 ta’ Jannar 2006.

42

Mingħajr preġudizzju għall-kwota awtonoma ta’ 775 000 tunnellata f’piż net b’dazju żero miftuħa mill-imsemmi regolament għall-importazzjonijiet ta’ banana li toriġina mill-Istati AKP, ir-regolament Nru 1964/2005 introduċa, mill-1 ta’ Jannar 2006, sistema esklużivament tariffarja għall-importazzjonijiet tal-banana fl-Unjoni, billi stabbilixxa r-rata tad-dazju applikabbli għall-banana minn dik id-data fl-ammont ta’ 176 EUR għal kull tunnellata.

43

L-eżami tad-domanda preliminari jirrikjedi li tiġi deċiża qabel xejn il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994 humiex ta’ natura li joħolqu għall-individwi dazji li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti nazzjonali bil-għan li tiġi prekluża l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju, stabbilita mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/2005.

44

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar qabel xejn li, fid-dawl tan-natura u l-istruttra tagħhom, il-ftehimiet tal-WTO ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli fid-dawl ta’ liema l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kusill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47; Digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, C‑307/99, EU:C:2001:228, punt 24; sentenzi Omega Air et, C-27/00 u C‑122/00, EU:C:2002:161, punt 93; Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 53; Biret International vs Il-Kunsill, C‑93/02 P, EU:C:2003:517, punt 52, kif ukoll Van Parys, EU:C:2005:121, punt 39).

45

Wara li kkonstatat li s-sistema li tirriżulta mill-ftehimiet tad-WTO kienet tirriżerva post importanti għan-negozjati bejn il-partijiet (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, EU:C:1999:574, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-ftehimiet tad-WTO, iwassal sabiex l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu mċaħħda mill-possibbiltà, ipprovduta b’mod partikolari mill-memorandum ta’ ftehim dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, li jikkostitwixxu l-Anness 2 tal-ftehim li jistabbilixxi d-WTO (iktar ’il quddiem il-“memorandum ta’ ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim”), li jsibu soluzzjonijiet innegozjati, anki jekk fuq bażi temporanja (ara s-sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill, EU:C:1999:574, punt 40, u Van Parys, EU:C:2005:121, punt 48).

46

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-fatt li jiġi ammess li l-obbligu li tiġi żgurata konformità tad-dritt tal-Unjoni mar-regoli tad-WTO huwa impost direttament fuq il-qorti tal-Unjoni jwassal sabiex iċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Unjoni mill-marġni ta’ manuvra li jgawdu minnhom l-organi simili tal-isħab kummerċjali tal-Unjoni. Fil-fatt huwa stabbilit li ċerti partijiet kontraenti, fosthom il-partijiet l-iktar importanti tal-Unjoni mill-perspettiva kummerċjali, waslu preċiżament, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-ftehimiet tad-WTO, għall-konsegwenza li dawn tal-aħħar ma jirriżultawx fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom l-organi ġudizzjarji tagħhom għandhom jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom tad-dritt intern. Tali assenza ta’ reċiproċità, li kieku kellha tiġi aċċettata, tista’ twassal għal applikazzjoni mhux ibbilanċjata tar-regoli tad-WTO (ara s-sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill, EU:C:1999:574, punti 43 sa 46; Van Parys, EU:C:2005:121, punt 53, kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 119).

47

Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tad-WTO, jew f’każ bħal dak ineżami fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim tad-WTO li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara, fir-rigward tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1947, sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22 u Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punt 31, kif ukoll, fir-rigward tal-ftehimiet tad-WTO, is-sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill, EU:C:1999:574, punt 49; Biret International vs Il-Kunsill, EU:C:2003:517, punt 53, u Van Parys, EU:C:2005:121, punt 40).

48

Issa, għall-kuntrarju ta’ dak iddikjarat minn LVP, tali sitwazzjoni eċċezzjonali ma tirriżultax f’dan il-każ.

49

Fil-fatt, hemm lok, qabel xejn li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, hekk kif stabbilita mir-Regolament Nru 404/93 u wara emendata, ma hijiex intiża sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni fis-sistema legali tal-Unjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-GATT u lanqas ma tirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tiegħu (Digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, EU:C:2001:228, punt 28).

50

Sussegwentement, billi stabbiliet, permezz tar-Regolament Nru 1964/2005, ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-banana li toriġina mill-Istati AKP mill-1 ta’ Jannar 2006 fl-ammont ta’ EUR 176 għal kull tunnellata, l-Unjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tiżgura l-eżekuzzjoni fis-sistema legali tal-Unjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO, li jista’ jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli tad-WTO jkunu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni u li jippermetti lil din ta’ l-aħħar teżamina l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fid-dawl ta’ dawn ir-regoli.

51

F’dan ir-rigward, mill-proċess li huwa disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara li kkonkludiet mar-Repubblika tal-Ekwador u l-Istati Uniti tal-Amerika il-memoranda ta’ ftehim dwar il-banana, li jipprevedu li l-Unjoni għandha timplementa sistema esklużivament tariffarja għall-importazzjonijiet tal-banana mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, l-Unjoni bdiet negozjati fil-kuntest tal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, bil-għan li timmodifika il-konċessjonijiet tagħha applikabbli għall-banana u li tasal, skont l-Anness tad-deċiżjoni tal-konferenza ministerjali tad-WTO li biha ġiet mogħtija d-deroga ta’ Doha, għal ftehim dwar id-dazji fuq l-importazzjoni li jżomm l-aċċess totali għas-suq tal-banana li toriġina mill-Istati NPF.

52

Wara li bdew proċeduri differenti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fil-kuntest tad-WTO, minn naħa, abbażi tal-anness tad-deċiżjoni tal-konferenza ministerjali tad-WTO li tagħti lill-Unjoni d-deroga ta’ Doha, kontra r-rati ta’ dazju proposti mill-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-memorandum ta’ ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, kontra r-rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1964/2005, ġiet finalment adottata soluzzjoni fil-15 ta’ Diċembru 2009, bil-ftehim ta’ Ġinevra, mill-Unjoni u l-Istati NPF tal-Amerika latina kkonċernati.

53

Minbarra t-tnaqqis progressiv, mill-15 ta’ Diċembru 2009, tar-rata tad-dazju applikabbli għall-banana, l-imsemmi ftehim jipprevedi b’mod partikolari li t-tilwim pendenti fil-kuntest tad-WTO fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-banana għandu jiġi riżolt, bl-istess mod bħal kull ilment imressaq mill-Istati NPF partijiet fl-istess ftehim, skont il-proċeduri tal-Artikoli XXIV u XXVIII tal-GATT 1994. Kif jirrilevaw, essenzjalment, il-Gvern Belġjan u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li, wara negozjati magħmula mill-Unjoni, l-Istati NPF partijiet fil-ftehim ta’ Ġinevra aċċettaw, b’mod definittiv, l-applikazzjoni, matul il-perijodu kkontestat, tar-rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata, prevista mir-Regolament Nru 1964/2005, li kontriha huma kienu bdew proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u li kienet ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GATT tal-1994 fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

54

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema li l-Unjoni kisbet permezz tal-ftehim ta’ Ġinevra, b’mod partikolari l-impenn tal-Istati NPF partijiet f’dan tal-aħħar sabiex itemmu kull tilwim u lmenti pendenti, iwassal għan-neċessità li tiġi rrikonoxxuta marġni ta’ manuvra lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għal dan il-ftehim.

55

B’mod iktar partikolari, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-memoranda ta’ ftehim fuq il-banana kienu jipprevedu ċertament li l-Unjoni għandha timplementa sistema esklużivament tariffarja għall-importazzjonijiet tal-banana sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, fejn din tal-aħħar għandha barra minn hekk tibda negozjati abbażi tal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 b’mod tempestiv għal dan l-għan, u, min-naħa l-oħra, li l-Anness tad-deċiżjoni tal-konferenza ministerjali tad-WTO li tat lill-Unjoni d-deroga ta’ Doha kien jimponi fuqha f’dan ir-rigward, li tikkonforma ruħha ma’ proċeduri ta’ arbitraġġ speċifiċi bil-għan li tasal għal ftehim fuq id-dazji fuq l-importazzjoni li jżomm l-aċċess totali għas-suq tal-banana li toriġina mill-Istati NPF. Madankollu jeħtieġ li jiġi kkonstatat li la dawn il-memoranda, la dan l-Anness, u l-anqas iż-żewġ sentenzi tal-arbitraġġ mogħtija fl-1 ta’ Awwissu u fis-27 ta’ Ottubru 2005 abbażi tal-imsemmi anness, li tirreferi għalihom il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1964/2005, ma ffissaw il-livell ta’ dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jiġu applikati mill-Unjoni.

56

Barra minn hekk, il-memoranda ta’ ftehim dwar il-banana ma jissemmewx fir-Regolament Nru 1964/2005, li l-premessa 1 tiegħu sempliċiment jindika li “Ir-[Regolament Nru 404/93, kif emednat bir-Regolament Nru 2587/2001] jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta’ reġim ta’ tariffa biss għall-importazzjonijiet tal-banana sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006”.

57

Barra minn hekk, ir-rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata stabbilita bir-Regolament Nru 1964/2005 ġiet ulterjorment iddikjarata inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GATT 1994 fil-kuntest tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim mobdija skont il-memorandum ta’ ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-LVP, din iċ-ċirkustanza tikkorrobora l-konklużjoni li, billi ffissat tali livell ta’ rata ta’ dazju applikabbli bħall-banana mill-1 ta’ Jannar 2006, l-Unjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Regolament Nru 1964/2005 ma jistax jiġi analizzat bħala miżura maħsuba sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni fis-sistema legali tal-Unjoni obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO.

59

Fl-aħħar, is-sempliċi allużjoni fil-kuntest tan-negozjati adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, li tinsab fil-premessi 2 sa 5 tar-Regolament Nru 1964/2005, ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-regolament jissodisfa t-tieni kundizzjoni li tista’; kif jirriżulta mil-punt 47 ta’ din is-sentenza u skont is-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254, punti 19 sa 22), tiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li jiġu invokati r-regoli tad-WTO quddiem il-qorti tal-Unjoni, jiġifieri l-kundizzjoni li l-att tal-Unjoni inkwistjoni għandu jagħmel riferiment espress għad-dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tad-WTO.

60

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994 ma humiex ta’ natura li joħolqu drittijiet favur individwi li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti nazzjonali sabiex jipprekludu l-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata stabbilita mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1964/2005.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), ma humiex ta’ natura li joħolqu drittijiet favur individwi li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti nazzjonali sabiex jipprekludu l-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ EUR 176 għal kull tunnellata stabbilita mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1964/2005, tad-29 ta’ Novembru 2005, dwar ir-rati ta’ tariffa għall-banana.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top