EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0282

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Jannar 2015.
T-Mobile Austria GmbH vs Telekom-Control-Kommission.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 5(6) — Drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ numri — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 4(1) — Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali — Kunċett ta’ ‘impriża affettwati [affettwata] minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali’ — Artikolu 9b — Trasferiment tad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju — Assenjazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju wara l-għaqda ta’ żewġ impriżi.
Kawża C-282/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:24

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 5(6) — Drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ numri — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 4(1) — Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali — Kunċett ta’ ‘impriża affettwati [affettwata] minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali’ — Artikolu 9b — Trasferiment tad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju — Assenjazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju wara l-għaqda ta’ żewġ impriżi”

Fil-Kawża C‑282/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

T‑Mobile Austria GmbH

vs

Telekom-Control-Kommission,

fil-preżenza ta’:

Hutchison Drei Austria Holdings GmbH, li qabel kienet Hutchison 3G Austria Holdings GmbH,

Hutchison Drei Austria GmbH, li qabel kienet Hutchison 3G Austria GmbH u Orange Austria Telecommunication GmbH,

Stubai SCA,

Orange Belgium SA,

A1 Telekom Austria AG,

Bundesministerin für Verkehr, Innovation und Technologie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T‑Mobile Austria GmbH, minn E. Lichtenberger, avukat,

għat-Telekom-Control-Kommission, minn W. Feiel, avukat,

għal Hutchison Drei Austria Holdings GmbH u Hutchison Drei Austria GmbH, minn B. Burtscher, avukat,

għal A1 Telekom Austria AG, minn H. Kristoferitsch u S. Huber, avukati,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), u tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T‑Mobile Austria GmbH (iktar ’il quddiem “T‑Mobile Austria”) u t-Telekom-Control-Kommission (Kummissjoni tal-Kontroll tat-Telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem it-“TCK”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha l-istatus ta’ parti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni tat-tibdil tal-istruttura azzjonarja li rriżultat mill-akkwist ta’ Orange Austria Telecommunication GmbH (iktar ’il quddiem “Orange”) minn Hutchison 3G Austria GmbH, li saret Hutchison Drei Austria GmbH (iktar ’il quddiem “Hutchison Drei Austria”), kif ukoll il-possibbiltà li tieħu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tat-TCK li ttieħdet fi tmiem din il-proċedura.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Dritt ta’ appell”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali [iktar ’il quddiem l-‘ARN’] jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.

[...]”

4

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-[ARN] għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

[...]

(b)

jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut;

[...]

(d)

jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.”

5

Skont l-Artikolu 9b tad-Direttiva Qafas, intitolat “It-trasferiment jew kiri ta’ drittijiet individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jistgħu jittrasferixxu jew jikru lil impriżi oħra skont il-kundizzjonijiet mehmuża mad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju u skont il-proċeduri nazzjonali d-drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju fil-meded li għalihom huwa previst dan fil-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 3.

[Fil-meded l-oħra, l-]Istati Membri jistgħu jipprovdu dispożizzjonijiet biex l-impriżi jittrasferixxu jew jikru d-drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju lil impriżi oħra skont proċeduri nazzjonali.

[...]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intenzjoni tal-impriża li tittrasferixxi d-drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, kif ukoll it-trasferiment effettiv ta’ dawn tkun innotifikata skont proċeduri nazzjonali lill-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ drittijiet individwali ta’ użu u tkun ippubblikata. [...]

[...]”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 6 tiegħu:

“2.   [...]

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-[Direttiva Qafas]. Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

Meta jagħtu d-drittijiet ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw jekk dawk id-drittijiet jistgħux ikunu ttrasferiti mid-detentur tad-drittijiet, u taħt liema kondizzjonijiet. Fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, tali dispożizzjoni għandha tkun skont l-Artikoli 9 u 9b tad-[Direttiva Qafas].

[...]

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-[Direttiva Qafas]. Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.”

Id-dritt Awstrijak

7

L-Artikolu 8 tal-Liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva (Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz) jipprovdi:

“Il-persuni li jinqdew b’attività tal-awtorità jew li lilhom tirrigwarda din l-attività huma persuni interessati; huma partijiet sa fejn għandhom dritt jew interess ġuridiku fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-attività.”

8

L-Artikolu 54 tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet tal-2003 (Telekommunikationsgesetz 2003, BGBl. I, 70/2003, iktar ’il quddiem it-“TKG 2003”), intitolat “Assenjazzjoni ta’ frekwenzi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-assenjazzjoni ta’ frekwenzi għandha ssir skont il-pjan ta’ użu u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi skont kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, abbażi ta’ proċeduri trasparenti u oġġettivi u b’osservanza tan-newtralità mill-aspett teknoloġiku u fir-rigward tas-servizzi.”

9

L-Artikolu 55 tat-TKG 2003, intitolat “Assenjazzjoni ta’ frekwenzi mill-awtorità regolatorja”, jaqra kif ġej:

“1)   L-[ARN] għandha tassenja l-frekwenzi li ġew ittrasferiti lilha lill-kandidat li jissoisfa l-kundizzjonijiet ġenerali previsti fit-tieni linja tal-paragrafu 2, u li jiggarantixxi l-iktar użu effiċjenti tal-frekwenzi. [...]

2)   L-[ARN] għandha twettaq l-assenjazzjoni tal-frekwenzi skont il-prinċipji ta’ proċedura miftuħa, ekwa u nondiskriminatorja u ta’ effiċjenza ekonomika. L-assenjazzjoni prevista għandha tkun ibbażata fuq sejħa pubblika għal offerti

1.

jekk ikun ġie kkonstatat bżonn ex officio jew

2.

fuq talba u jekk l-[ARN] tqis li l-kandidat huwa f’pożizzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ użu tal-frekwenzi. [...]

[...]

8)

Il-kandidati għandhom jifformaw komunità fil-proċedura ta’ assenjazzjoni. [...]

[...]”

10

L-Artikolu 56 tat-TKG 2003, intitolat “Trasferiment ta’ frekwenzi, tibdil tal-istruttura azzjonarja”, jipprovdi:

“1)   It-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi li ġew assenjati mill-[ARN] jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din tal-aħħar. L-[ARN] għandha tippubblika t-talba għall-awtorizzazzjoni għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi kif ukoll id-deċiżjoni marbuta magħha. L-[ARN] għandha tieħu din id-deċiżjoni billi tevalwa, każ b’każ, l-impatt, b’mod partikolari tekniku, ta’ trasferiment fuq il-kompetizzjoni. L-awtorizzazzjoni tista’ tkun suġġetta għal obbligi, sa fejn dawn ikunu neċessarji sabiex jiġi evitat kull preġudizzju għall-kompetizzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi rrifjutata meta, minkejja l-impożizzjoni ta’ obbligi, it-trasferiment jirriskja li jikkawża preġudizzju għall-kompetizzjoni.

1a)   Jekk jirriżulta, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, li tibdil tan-natura u tal-portata tal-użu tal-frekwenzi huwa meħtieġ sabiex tiġi evitata kwalunkwe riperkussjoni teknika negattiva fuq il-kompetizzjoni, dan it-tibdil għandu jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57.

2)   It-tibdil essenzjali fl-istruttura azzjonarja ta’ impriżi, li lilhom ġew assenjati drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 55, jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-[ARN]. It-tielet sal-aħħar sentenzi tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

[...]”

11

L-Artikolu 57 tat-TKG 2003, intitolat “Tibdil tal-assenjazzjoni tal-frekwenzi”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Fuq talba tad-detentur tad-drittijiet, l-[ARN] tista’ [Artikolu 54(3)] tibdel l-użu tal-frekwenzi preskritt. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali qamet fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ akkwist ta’ Orange, li tappartjeni lil Stubai SCA u lil Orange Belgium SA, minn Hutchison Drei Austria. A1 Telekom Austria AG (iktar ’il quddiem “A1 Telekom Austria”) kienet involuta f’din it-tranżazzjoni bħala ċessjonarja ta’ ċerti drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju miżmuma mill-entità l-ġdida li tirriżulta minn dan l-akkwist.

13

Fis-7 ta’ Mejju 2012, l-imsemmija tranżazzjoni bejn Hutchison Drei Austria u Orange, li kienet tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament KE fuq il-konċentrazzjonijiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), ġiet innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea.

14

Fit-23 ta’ Mejju 2012, skont l-Artikolu 56(2) tat-TKG 2003, Hutchison Drei Austria u Orange ressqu talba quddiem it-TCK għal awtorizzazzjoni tat-tibdil tal-istruttura azzjonarja tagħhom li kellu jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni.

15

Fid-9 ta’ Lulju 2012, A1 Telekom Austria, Hutchison Drei Austria u Orange ressqu talba quddiem it-TCK għal awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ ċerti frekwenzi skont l-Artikolu 56(1) tat-TKG 2003.

16

Fl-10 ta’ Lulju 2012, fil-kuntest tal-proċedura mressqa fit-23 ta’ Mejju 2012 minn Hutchison Drei Austria u Orange, T‑Mobile Austria ppreżentat osservazzjonijiet lit-TCK li fihom esprimiet id-dubji tagħha dwar l-akkwist ta’ Orange minn Hutchison Drei Austria u t-tibdil tal-istruttura azzjonarja tagħhom. Hija talbet li jiġu imposti obbligi fuq dawn il-kumpanniji sabiex jiġi evitat kull preġudizzju għall-kompetizzjoni.

17

Fl-10 ta’ Diċembru 2012, T‑Mobile Austria talbet lit-TCK tirrikonoxxi l-istatus tagħha ta’ parti f’din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, hija talbet, minn naħa, id-dritt li tinstema’ b’mod formali fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, li tirċievi notifika tan-noti tal-applikanti, tal-perizji, tal-verbali tas-seduti u tad-deċiżjoni finali u, min-naħa l-oħra, li jkollha l-possibbiltà li tieħu azzjoni legali kontra din id-deċiżjoni.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni prevista mill-imsemmija impriżi u ssuġġettat din l-awtorizzazzjoni għal ċerti impenji. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, T‑Mobile Austria ġiet awtorizzata tattendi s-seduta bħala terz interessat u pparteċipat fil-konsultazzjoni tal-operaturi tas-suq li twettqet fir-rigward tal-impenji ta’ Hutchison Drei Austria.

19

Fit-13 ta’ Diċembru 2012, it-TCK awtorizzat ukoll it-tibdil tal-istruttura azzjonarja mitlub minn Hutchison Drei Austria u Orange, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jiġu ssodisfatti u li dawn l-impriżi jittrasferixxu ċerti drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil A1 Telekom Austria. Għalhekk it-TCK awtorizzat it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju minn Hutchison Drei Austria u Orange lil A1 Telekom Austria. Barra minn hekk, hija ċaħdet it-talba ta’ T‑Mobile Austria li tingħata l-istatus ta’ parti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-istruttura azzjonarja ta’ Hutchison Drei Austria u ta’ Orange.

20

Fid-deċiżjoni tagħha li ċaħdet din it-talba tal-aħħar ta’ T‑Mobile Austria, it-TCK ikkunsidrat li la l-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġu li impriża li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li tibża’ li t-tibdil tal-istruttura azzjonarja ta’ impriżi kompetituri jippreġudika s-sitwazzjoni ekonomika tagħha jkollha l-istatus ta’ parti fil-proċedura intiża għall-awtorizzazzjoni ta’ dan it-tibdil.

21

T‑Mobile Austria ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tat-TCK quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti amministrattiva). Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, mill-ARN, tat-tibdil tal-istruttura azzjonarja ta’ impriżi jew tat-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, kompetitur li huwa stess għandu drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju għandu jitqies li huwa affettwat fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. F’dan ir-rigward, hija tinvoka s-sentenza Tele2 Telecommunication (C‑426/05, EU:C:2008:103).

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk T‑Mobile Austria, detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandhiex titqies li hija affettwata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, minn deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ tibdil tal-istruttura azzjonarja li jirriżulta mill-għaqda-akkwist ta’ impriżi oħra li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija tispjega li, skont is-sentenza tagħha mogħtija fis-26 ta’ Marzu 2008, l-istatus ta’ parti f’din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva, kellu jingħata lil T‑Mobile Austria f’każ li din tal-aħħar titqies li hija affettwata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, prima facie, l-imsemmija proċedura ma tagħtix direttament drittijiet lil impriża terza li s-sitwazzjoni ġuridika tagħha tibqa’ mhux mibdula sa fejn din tal-aħħar tista’ tibqa’ tuża bl-istess mod il-frekwenzi tar-radju li diġà ġew assenjati lilha. Madankollu, skontha, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti, bħala detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandha titqies li hija affettwata fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

24

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fi proċedura intiża sabiex tibdel l-istruttura azzjonarja ta’ impriżi detenturi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri xierqa ta’ akkumpanjament sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-assenjazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, billi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tirreferi espressament għall-“bejgħ [...] ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju”. Hija tosserva li dan huwa preċiżament dak li ġara f’dan il-każ, billi, peress li l-akkwist ta’ Orange minn Hutchison Drei Austria ħoloq il-biża’ ta’ tali distorsjoni tal-kompetizzjoni, it-TCK qieset li kien meħtieġ li din tal-aħħar tittrasferixxi parti mid-drittijiet tagħha ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil impriża oħra. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, tali obbligu jaffettwa mhux biss is-sitwazzjoni ġuridika tal-impriża detentriċi tad-drittijiet ta’ użu li għandhom jiġu ttrasferiti u dik tal-akkwirent ta’ dawn id-drittijiet, iżda wkoll dik tal-impriżi l-oħra li diġà għandhom drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, bħal T‑Mobile Austria, li huma akkwirenti potenzjali jew li s-sehem rispettiv tagħhom ta’ frekwenzi tar-radju jinbidel minħabba l-għaqda u t-trasferiment parzjali tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil impriża oħra impost sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv ta’ din l-għaqda fuq il-kompetizzjoni.

25

Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-kuntest tal-ewwel assenjazzjoni tal-frekwenzi tar-radju mill-ARN, il-kandidati jifformaw komunità fil-proċedura u din l-assenjazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għandha titwettaq b’osservanza tal-prinċipji ta’ proċedura miftuħa, ekwa u nondiskriminatorja stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe trasferiment sussegwenti tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li jibdel din l-assenjazzjoni, kemm jekk ikun kuntrattwali u kemm jekk ikun ordnat mill-ARN skont l-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva, għandu wkoll ikun suġġett għal dawn il-prinċipji.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 4 u 9b tad-[Direttiva Qafas] u l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva [ta’ Awtorizzazzjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikonoxxu lil kompetitur f’proċedura nazzjonali prevista mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva [ta’] Awtorizzazzjoni l-kwalità ta’ parti ‘affettwata’ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva Qafas]?”

27

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2013, it-talba tal-qorti tar-rinviju li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4(1) u 9b tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li impriża detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u li tikkompeti mal-partijiet fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju previst fl-Artikolu 5(6), tista’ tiġi kklassifikata bħala persuna affettwata minn deċiżjoni meħuda minn ARN fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u, konsegwentement, tingħata d-dritt li tipparteċipa fl-imsemmija proċedura.

29

T‑Mobile Austria u l-Kummissjoni jsostnu li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva. Min-naħa l-oħra, Hutchison Drei Austria, Hutchison Drei Austria Holdings GmbH, A1 Telekom Austria u l-Gvern Awstrijak isostnu li hija għandha tingħata risposta negattiva, billi jispeċifikaw b’mod partikolari li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma joħloq ebda dritt, għall-benefiċċju ta’ impriża li ma hijiex parti fil-proċedura ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju previst f’din id-dispożizzjoni, li tipparteċipa f’din il-proċedura.

30

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-[ARN] jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti”.

31

Madankollu, il-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża affettwati minn deċiżjoni meħuda minn ARN ma huwiex iddefinit fid-Direttiva Qafas.

32

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 27, u The Number (UK) u Conduit Enterprises, C‑16/10, EU:C:2011:92, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li skontu huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għalhekk huma obbligati jipprevedu dritt għal azzjoni legali quddiem organu ġudizzjarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet li jitnisslu favur l-utenti u l-impriżi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-ħtieġa li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, għandha tapplika kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi li favur tagħhom jistgħu jitnisslu drittijiet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-direttivi fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u li dawn id-drittijiet tagħhom jiġu ppreġudikati minn deċiżjoni ta’ ARN (sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punti 31 u 32).

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża dwar il-proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti, bħala benefiċjarji potenzjali tad-drittijiet korrispondenti għall-obbligi regolatorji speċifiċi imposti minn ARN fuq din l-impriża b’saħħitha, jistgħu jitqiesu li huma affettwati, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, mid-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità li jibdlu u jirtiraw l-imsemmija obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 36).

36

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li l-ARN għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas, li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-faċilitajiet u tas-servizzi assoċjati, b’mod partikolari billi jiżguraw li ma jkun hemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt għal azzjoni legali lil persuni li ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-ARN, diffiċilment tkun kompatibbli mal-għanijiet ġenerali u mal-prinċipji regolatorji li jirriżultaw, għall-ARN, mill-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, u, b’mod partikolari mal-għan ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punti 37 u 38).

37

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jirrigwarda, b’mod partikolari, kull impriża li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tirrigwarda kemm id-destinatarju tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll l-impriżi l-oħra li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistgħu jkunu kompetituri ta’ dan id-destinatarju, sa fejn id-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

38

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ARN jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha intiżi għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li jiżguraw li ma jkun hemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u filwaqt li jeliminaw l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centro Europa 7, C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 81, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑227/07, EU:C:2008:620, punti 62 u 63).

39

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li impriża, bħal T‑Mobile Austria, tista’ titqies li hija affettwata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, minn deċiżjoni ta’ ARN adottata fil-kuntest ta’ proċedura prevista mid-direttivi fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi meta tali impriża, li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tkun f’kompetizzjoni mal-impriża jew mal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN, meta l-ARN tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tissalvagwarda l-kompetizzjoni u meta d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni ta’ din l-impriża tal-ewwel fis-suq.

40

F’dan il-każ, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna d-drittijiet ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ tibdil tal-istruttura azzjonarja ta’ impriżi kompetituri, li tinvolvi trasferiment ta’ frekwenzi tar-radju tal-impriżi li jipparteċipaw fiha u, konsegwentement, tibdil tat-tqassim tal-frekwenzi tar-radju bejn l-impriżi attivi fis-suq. Huwa paċifiku li din hija proċedura mmexxija mit-TCK skont l-Artikolu 56(2) tat-TKG 2003, li tittrasponi l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li jirrigwarda t-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, fid-dritt Awstrijak.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet li jkollha tieħu ARN skont l-Artikolu 5(6) humiex intiżi sabiex jissalvagwardaw il-kompetizzjoni u jekk tali deċiżjonijiet jistax ikollhom impatt fuq il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li tikkompeti mad-destinatarju jew mad-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

42

F’dak li jirrigwarda l-proċeduri dwar it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 9b(1) tad-Direttiva Qafas jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-impriżi jkunu jistgħu jittrasferixxu lil impriżi oħra d-drittijiet individwali tagħhom ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, skont il-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju u skont il-proċeduri nazzjonali.

43

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, meta jiġu assenjati għall-ewwel darba d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn id-drittijiet jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas.

44

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni timponi fuq l-ARN, b’mod partikolari, obbligu li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġi distorta minn ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju.

45

B’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ARN jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha intiżi għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li jiżguraw li ma jkun hemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u filwaqt li jeliminaw l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi.

46

Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, li taqa’ b’mod partikolari taħt l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u għalhekk il-proċedura quddiem it-TCK li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, hija intiża sabiex tissalvagwarda l-kompetizzjoni.

47

Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri T‑Mobile Austria, tikkompeti direttament mal-partijiet fit-tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-frekwenzi, jiġifieri Orange, Hutchison Drei Austria u A1 Telekom Austria, fis-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalhekk għandha titqies li hija affettwata minn deċiżjoni ta’ ARN, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi t-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ Orange u ta’ Hutchison Drei Austria lil A1 Telekom Austria tibdel l-ishma rispettivi tal-frekwenzi tar-radju mogħtija lil dawn l-impriżi u, konsegwentement, għandu impatt fuq il-pożizzjoni ta’ T‑Mobile Austria fl-imsemmi suq.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 4(1) u 9b tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li impriża, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala persuna affettwata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, meta din l-impriża, li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tkun f’kompetizzjoni mal-impriża jew mal-impriżi li jkunu partijiet fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju previst fl-Artikolu 5(6) u destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN, u meta din id-deċiżjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni ta’ din l-impriża tal-ewwel fis-suq.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 4(1) u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, u l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, għandhom jiġu interpretati fis-sens li impriża, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala persuna affettwata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, meta din l-impriża, li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tkun f’kompetizzjoni mal-impriża jew mal-impriżi li jkunu partijiet fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju previst fl-Artikolu 5(6) u destinatarji tad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, u meta din id-deċiżjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni ta’ din l-impriża tal-ewwel fis-suq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top