Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0254

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Ottubru 2014.
    Orgacom BVBA vs Vlaamse Landmaatschappij.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, Imressqa mill-hof van beroep te Brussel.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali – Taxxi interni – Taxxa fuq l-importazzjoni ta’ demel tal-bhejjem importat fil-Vlaamse Gewest – Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE – Taxxa dovuta mill-importatur – Taxxi differenti skont jekk id-demel tal-bhejjem huwiex importat jew jekk joriġinax mill-Vlaamse Gewest.
    Kawża C‑254/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2251

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    2 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali — Taxxi interni — Taxxa fuq l-importazzjoni ta’ demel tal-bhejjem importat fil-Vlaamse Gewest — Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE — Taxxa dovuta mill-importatur — Taxxi differenti skont jekk id-demel tal-bhejjem huwiex importat jew jekk joriġinax mill-Vlaamse Gewest”

    Fil-Kawża C‑254/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

    Orgacom BVBA

    vs

    Vlaamse Landmaatschappij,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Orgacom BVBA, minn F. Janssen u G. Peeters, avukati,

    għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u W. Roels, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Orgacom BVBA (iktar ’il quddiem “Orgacom”) u l-Vlaamse Landmaatschappij (kumpannija tal-artijiet Fjammingi, iktar ’il quddiem il-“VLM”), aġenzija esterna tal-Gvern Fjamming responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tal-ispazji pubbliċi fil-Vlaamse Gewest, dwar ċerti taxxi fuq l-importazzjoni mitluba mingħand Orgacom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Belġjana

    3

    Id-Digriet tal-Vlaamse Gewest, tat-23 ta’ Jannar 1991, dwar il-protezzjoni tal-ambjent kontra t-tniġġiż ikkawżat mill-fertilizzanti, kif emendat bid-Digriet tat-28 ta’ Marzu 2003 (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-fertilizzanti”), applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża, kien jissuġġetta lill-produtturi, lill-importaturi u lill-utenti tal-fertilizzanti fil-Vlaamse Gewest għal taxxi pekunjarji. Dan tħassar bid-Digriet tal-Vlaamse Gewest, tat-22 ta’ Diċembru 2006, dwar il-protezzjoni tal-ilmijiet mit-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

    4

    L-Artikolu 21 tal-imsemmi digriet kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu applikabbli għall-produzzjoni ta’ demel tal-bhejjem fil-Vlaamse Gewest:

    “Għandu jinġabar dazju bażiku BH1 fuq il-produzzjoni ta’ demel tal-bhejjem, favur il-Mestbank [dipartiment intern tal-VLM], li għandu jitħallas minn kull produttur li jipproduċi demel tal-bhejjem MPp li matul is-sena ċivili li għaddiet ikun eċċeda 300 kg ta’ anidrid fosforiku. L-ammont ta’ dan id-dazju bażiku BH1 jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-formula segwenti:

    BH1 = (MPp × Xdmp) + (MPBn × Xdmn)

    fejn:

    MPp = il-produzzjoni gross ta’ demel tal-bhejjem, espressa f’kg ta’ P2O5;

    MPBn = il-produzzjoni grossa ta’ demel tal-bhejjem, espressa f’kg ta’ N;

    Xdmp = ir-rata ta’ taxxa għall-produzzjoni ta’ demel tal-bhejjem f’EUR/kg ta’ P2O5;

    Xdmn = ir-rata ta’ taxxa għall-produzzjoni ta’ demel tal-bhejjem f’EUR/kg ta’ N.

    Għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, produzzjoni grossa ta’ demel tal-bhejjem MPBn, espressa f’kg ta’ N tfisser: il-prodott tal-bhima medja f’razzett u/jew azjenda agrikola matul is-sena ċivili li tkun għaddiet u l-kwantitajiet ta’ eskrementi grossi korrispondenti għal kull annimal, espressi f’kg ta’ N.

    Il-bhima medja għal kull tip ta’ speċi msemmija tiġi ddeterminata billi t-total tal-kwoti tal-annimali fix-xahar irreġistrati jiġi diviż bi tnax. Il-kwantitajiet ta’ eskrementi grossi għal kull annimal, espressi f’kg ta’ N, jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ total f’daqqa jew reali, skont il-bilanċ ta’ eskrementi, kif imsemmi fl-Artikolu 20a, konformament mal-Artikolu 5.

    Ir-rati ta’ taxxa ċċitati iktar ’il fuq jiġu ddeterminati kif ġej:

    Xdmp = EUR/kg 0.0111 ta’ P2O5;

    Xdmn = EUR/kg 0.0111 EUR/kg ta’ N.”

    5

    L-Artikolu 21 tad-Digriet dwar il-fertilizzanti kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 5 tiegħu applikabbli għall-importazzjoni fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem:

    “Għandu jinġabar dazju bażiku favur il-Mestbank li jitħallas minn kull importatur ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem. L-ammont ta’ dan id-dazju bażiku huwa ta’ EUR 2.4789 għal kull tunnellata ta’ eċċessi ta’ fertilizzant importat fil-Vlaamse Gewest matul is-sena li tkun għaddiet.”

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana

    6

    Il-Qorti Kostituzzjonali qieset, fil-punt B.6. tas-sentenza Nru 123/2010, tat-28 ta’ Ottubru 2010 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Diċembru 2010, p. 81723), dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti mal-prinċipji tal-unjoni ekonomika u monetarja Belġjana:

    “[...] huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li [it-taxxa prevista fl-imsemmi artikolu], li hija marbuta mal-qbiż tal-limitu territorjali li jiġi stabbilit bejn ir-reġjuni abbażi tal-Kostituzzjoni, għandha effett simili għal dazju doganali inkwantu tolqot b’mod iktar gravi l-fertilizzanti importati fil-Vlaamse Gewest mill-fertilizzanti prodotti f’dan ir-Reġjun.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Orgacom hija impriża stabbilita fil-Belġju, fil-Vlaamse Gewest, speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi. Fil-kuntest tal-attività tagħha, Orgacom timporta demel provenjenti mir-Région Wallone u mill-Pajjiżi l-Baxxi, li hija tittrasforma f’titjib tal-ħamrija u fi fertilizzanti organiċi, li jiġu sussegwentement esportati lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

    8

    Orgacom ġiet suġġetta, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti, għal taxxa ta’ EUR 28 071.16 għas-sena fiskali 2002 (sena ta’ produzzjoni 2001) u għal taxxa ta’ EUR 7 999.41 għas-sena fiskali 2004 (sena ta’ produzzjoni 2003).

    9

    B’ittri tal-20 ta’ Diċembru 2005 u tat-18 ta’ Awwissu 2005, Orgacom adixxiet lill-VLM b’ilmenti kontra, rispettivament, it-taxxa marbuta mas-sena fiskali 2002 u t-taxxa marbuta mas-sena fiskali 2004. Il-VLM iddikjarat dawn iż-żewġ ilmenti bħala infondati b’deċiżjonijiet adottati, rispettivament, fis-27 ta’ Novembru 2006 u fil-11 ta’ Awwissu 2006.

    10

    Orgacom sussegwentement ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell), kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tagħha, liema rikors ukoll ġie miċħud bħala infondat b’sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2008.

    11

    Orgacom ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li t-taxxi imposti fuqha jikkostitwixxu taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali, kuntrarji għall-Artikolu 30 TFUE jew, tal-inqas, taxxi interni diskriminatorji, ipprojbiti mill-Artikolu 110 TFUE.

    12

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 21(5) tad-[Digriet dwar il-fertilizzanti], jipprevedi dazju fuq l-importazzjoni applikabbli biss għall-importazzjonijiet fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-annimali u ta’ fertilizzanti oħra ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra, li dawn il-fertilizzanti jiġu sussegwentement ipproċessati jew li jiġu mifruxa fit-territorju tal-Vlaamse Gewest. Dan id-dazju, li huwa impost fuq l-importatur, filwaqt li t-taxxa fuq l-eċċessi ta’ fertilizzanti prodotti ġewwa t-territorju hija imposta fuq il-prodottur, għandu jiġi kkunsidrat bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE, meta l-Istat Membru ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi jipprevedi huwa stess tnaqqis tat-taxxi f’każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra?

    2)

    [[Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:] dan id-dazju fuq l-importazzjoni għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala imposta diskriminatorja fuq il-prodotti tal-Istati Membri l-oħra, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, peress illi taxxa bażika, li hija prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali u li t-tariffa tagħha tvarja skont il-proċess ta’ produzzjoni użat, hija imposta fuq id-demel tal-annimali lokali, filwaqt li għall-eċċessi ta’ fertilizzanti importati, indipendentememt mill-proċess ta’ produzzjoni tagħhom (b’mod partikolari l-oriġini minn annimali tagħhom jew il-kontenut tagħhom fi P2O5N), dazju fuq l-importazzjoni huwa impost b’tariffa uniformi li l-ammont tagħha huwa ogħla mit-tariffa l-iktar baxxa tat-taxxa bażika applikabbli għad-demel tal-annimali prodott fil-Vlaamse Gewest, li hija ta’ EUR 0, meta l-Istat Membru ta’ esportazzjoni ta’ dan l-eċċess jipprevedi huwa stess tnaqqis tat-taxxi f’każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    13

    Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi tqis li l-kuntest fattwali u ġuridiku li abbażi tiegħu l-ilmenti huma fformulati ma ġiex espost b’mod biżżejjed ċar mill-qorti tar-rinviju. Skont il-Kummissjoni, din tal-aħħar lanqas ma tispjega b’mod ċar għal liema raġunijiet preċiżi tqum il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE għall-kawża prinċipali.

    14

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 15).

    15

    Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija marbuta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Donau Chemie et, EU:C:2013:366, punt 16).

    16

    Issa, għandu jiġi nnotat li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti, anki jekk b’mod qasir, kemm il-kuntest fattwali, kemm il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kif ukoll ir-rilevanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom hija titlob l-interpretazzjoni sabiex din il-kawża tinqata’. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għad-domandi magħmula, l-atti ta’ ntaxxar inkwisjtoni fil-kawża prinċipali jkollhom jiġu annullati.

    17

    Fid-dawl tal-imsemmija elementi, għandu jiġi konkluż li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    18

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30 TFUE jew l-Artikolu 110 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dazju, bħal dak previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti li japplika biss għall-importazzjonijiet fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem u ta’ fertilizzanti oħra, li jinġabar mingħand l-importatur, meta t-taxxa fuq l-eċċessi tal-fertilizzanti prodotti fi ħdan it-territorju Fjamming tinġabar mingħand il-produttur, u li tiġi kkalkolata b’mod uniformi, għal kull tunnellata u irrispettivament mill-produzzjoni, filwaqt li d-dazju bażiku li huwa suġġett għalih id-demel tal-bhejjem li huwa prodott fit-territorju Fjamming jiġi kkalkolat b’ rata li tvarja skont il-proċess ta’ produzzjoni, fejn ir-rata l-iktar baxxa tammonta għal EUR 0 fil-każ ta’ produzzjoni grossa ta’ anidrid fosferiku li ma jeċċedix 300 kg matul is-sena ċivili li tkun għaddiet.

    19

    F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti importati inkwistjoni jipprevedi tnaqqis tat-taxxa fil-każ ta’ esportazzjoni lejn Stati Membri oħra jistax ikollu effett fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikoli 30 TFUE u 110 TFUE.

    20

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti u dawk marbuta mat-taxxi interni diskriminatorji ma japplikawx b’mod kumulattiv, b’mod li l-istess miżura ma tistax, fis-sistema tat-Trattat, tkun parti fl-istess ħin ta’ dawn iż-żewġ kategoriji (sentenza Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 26).

    21

    Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk it-taxxa prevista fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti tistax tiġi kklassifikata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE. Jekk dan ma huwiex il-każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk l-imsemmija taxxa tikkostitwixxix taxxa interna diskriminatorja pprojbita mill-Artikolu 110 TFUE.

    22

    Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tad-dazju inkwistjoni bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja spiss ikkonstatat, il-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tad-dazji doganali u ta’ kull taxxa li għandha effett ekviwalenti tinsab fl-ixkiel li tariffi pekunjarji, anki jekk minimi, applikati għaliex jinqasmu l-fruntieri, jikkostitwixxu għall-moviment tal-merkanziji, aggravat mill-formalitajiet amministrattivi konsekuttivi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑389/00, EU:C:2003:111, punt 22).

    23

    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, kull tariffa pekunjarja, anki jekk minima, imposta unilateralment, irrispettivament mit-titolu tagħha u mit-teknika tagħha, u li tolqot il-merkanziji minħabba l-fatt li tinqasam il-fruntiera, meta ma hijiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, EU:C:2007:657, punt 27).

    24

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li taxxa imposta fl-okkażjoni ta’ qsim ta’ limitu territorjali fi ħdan Stat Membru tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali (ara s-sentenza Carbonati Apuani, C‑72/03, EU:C:2004:506, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Fil-kawża prinċipali, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dazju inkwistjoni jikkonċerna lill-importaturi ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem li jkunu ġew importati. Barra minn hekk, l-ammont tat-taxxa huwa “ta’ EUR 2.478 għal kull tunnellata ta’ eċċessi ta’ fertilizzant importat fil-Vlaamse Gewest matul is-sena li tkun għaddiet.” Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dazju, previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti, jolqot il-fertilizzanti li ma humiex ta’ oriġini Fjamminga minħabba l-importazzjoni tagħhom fil-Vlaamse Gewest, b’mod li t-taxxa inkwistjoni tinġabar fuq dawn il-fertilizzanti għaliex tinqasam il-fruntiera ta’ dan ir-reġjun, u għalhekk dan il-qsim tal-fruntiera għandu jitqies li huwa l-fatt li jiġġenera d-dazju inkwistjoni.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonkluż li d-dazju previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, ipprojbita mill-Artikolu 30 TFUE.

    27

    Il-klassifikazzjoni ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali previsti mill-imsemmija dispożizzjoni tad-Digriet dwar il-fertilizzanti ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-Renju tal-Belġju li jgħid li dan id-dazju, minħabba l-eżistenza ta’ taxxa simili imposta fuq il-fertilizzanti prodotti fil-Vlaamse Gewest, tifforma parti integrali ta’ sistema ġenerali ta’ taxxi interni li tolqot sistematikament, skont l-istess kriterji, il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati u esportati, u għalhekk, għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-Artikolu 110 TFUE.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-karatteristika essenzjali ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti, li tiddistingwiha minn taxxa interna ta’ natura ġenerali, tinsab fil-fatt li tal-ewwel tolqot esklużivament il-prodott li jaqsam il-fruntiera inkwantu tali, filwaqt li t-tieni tolqot kemm prodotti importati, esportati u nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, EU:C:2000:479, punt 22).

    29

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, sabiex taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ taxxi interni, it-tariffa fiskali inkwistjoni għandha tolqot lill-prodott intern u lill-prodott esportat identiku bl-istess taxxa fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-fatt li jwassal għat-taxxa għandu, huwa wkoll, ikun identiku għaż-żewġ prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michaïlidis, EU:C:2000:479, punt 23).

    30

    Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, id-dazju previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti jolqot il-prodotti, inkwantu tali, li jaqsmu l-fruntiera tal-Vlaamse Gewest.

    31

    It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat li dan id-dazju jinġabar mingħand l-importaturi, filwaqt li t-tariffa simili, prevista fl-Artikolu 21(1) tal-imsemmi digriet, tinġabar mingħand il-produtturi. Għalhekk, iż-żewġ dazji ma jinġabrux fl-istess stadju tal-kummerċjalizzazzjoni.

    32

    Fl-aħħar nett, iż-żewġ dazji jiġu kkalkolati skont metodi differenti, fatt li jista’ jwassal, kif il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana rrilevat fis-sentenza tagħha Nru 123/2010, tat-28 ta’ Ottubru 2010, u tal-inqas fil-każijiet meta l-ammont tad-dazju għall-produzzjoni jammonta għal EUR 0, għal taxxa ogħla għall-prodott importat minn dak prodott fil-Vlaamse Gewest.

    33

    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Belġju ma jistax jintlaqa’.

    34

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każijiet li fihom l-Istat Membru ta’ oriġini tal-fertilizzanti japplika tnaqqis tat-taxxi fil-każ ta’ esportazzjoni lejn Stati Membri oħra, dazju bħad-dazju fuq l-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ ma jiġix ikklassifikat bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, kif issostni l-VLM, minħabba l-ħtieġa li jinżamm il-kontroll fuq il-ħażna Fjamminga tal-fertilizzanti u sabiex tiġi protetta l-produzzjoni interna kontra miżuri esterni ta’ natura li jgħawġu l-kompetizzjoni u joħolqu dannu addizzjonali għall-ambjent fi Vlaamse Gewest.

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li d-dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal tali dazji huma pprojbiti irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ għan li abbażi tiegħu dawn ikunu ġew stabbiliti kif ukoll mid-destinazzjoni tad-dħul li dawn joħolqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Brachfeld u Chougol Diamond, 2/69 u 3/69, EU:C:1969:30, punt 19 kif ukoll Carbonati Apuani, EU:C:2004:506, punt 31).

    36

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti jimponi taxxa li tolqot, mingħajr distinzjoni, lid-demel kollu importat, mingħajr ma l-applikazzjoni tagħha tkun limitata għall-ipoteżi li fiha l-Istat Membru ta’ oriġini jipprovdi tnaqqis ta’ taxxi fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti, kif huwa l-każ, f’din il-kawża, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    37

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 30 TFUE jipprekludi dazju, bħal dak previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet dwar il-fertilizzanti, li japplika biss għall-importazzjonijiet fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem u fertilizzanti oħra, li jinġabar mingħand l-importatur, meta t-taxxa fuq l-eċċessi ta’ fertilizzanti prodotti fi ħdan it-territorju Fjamming tinġabar mingħand il-produttur, u li jiġi kkalkolat skont modalitajiet differenti mill-modalitajiet li jirregolaw il-kalkolu ta’ din l-aħħar taxxa. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-Istat Membru li mingħandu jkunu ġejjin l-eċċessi ta’ demel li jiġu importati fil-Vlaamse Gewest japplika tnaqqis tat-taxxa fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra.

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 30 TFUE jipprekludi dazju, bħal dak previst fl-Artikolu 21(5) tad-Digriet tal-Vlaamse Gewest, tat-23 ta’ Jannar 1991, dwar il-protezzjoni tal-ambjent kontra t-tniġġiż ikkawżat mill-fertilizzanti, kif emendat bid-Digriet tat-28 ta’ Marzu 2003, li japplika biss għall-importazzjonijiet fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-bhejjem u fertilizzanti oħra, li jinġabar mingħand l-importatur, meta t-taxxa fuq l-eċċessi ta’ fertilizzanti prodotti fi ħdan it-territorju Fjamming tinġabar mingħand il-produttur, u li jiġi kkalkolat skont modalitajiet differenti mill-modalitajiet li jirregolaw il-kalkolu ta’ din l-aħħar taxxa. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-Istat Membru li mingħandu jkunu ġejjin l-eċċessi ta’ demel li jiġu importati fil-Vlaamse Gewest japplika tnaqqis tat-taxxa fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top