EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0192

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond ta’ koeżjoni – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Eżistenza ta’ terminu – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu impost – Konsegwenzi.
Kawża C‑192/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2156

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Appell — Fond ta’ koeżjoni — Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja — Adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea — Eżistenza ta’ terminu — Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu impost — Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑192/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-15 ta’ April 2013,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, S. Rodin u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2014,

wara li rat d-deċiżjoni meħuda u li semgħet l-Avukat Ġenerali, li tiġi deċiża l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑235/11, EU:T:2013:49, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu bil-għan, prinċipalment, tal-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1023 finali, tat-18 ta’ Frar 2011, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni mogħtija favur fażijiet ta’ proġett intitolati “Provvista u istallazzjoni ta’ tagħmir ferrovjarju fuq il-linja b’veloċità għolja Madrid-Zaragoza-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Sezzjoni Madrid-Lérida” (CCI 1999.ES.16.C.PT.001), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Barcelona. Sezzjoni Lérida-Martorell (pjattaforma, fażi 1)” (CCI 2000.ES.16.C.PT.001), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Zaragoza-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Aċċess ferrovjarju għall-istazzjon il-ġdid ta’ Zaragoza” (CCI 2000.ES.16.C.PT.003), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Sezzjoni Lérida-Martorell. Sub-sezzjoni X-A (Olérdola-Avinyonet del Penedés” (CCI 2001.ES.16.C.PT.007) “Aċċess ferrovjarju ġdid tal-linja b’veloċità għolja f’Levante. Sub-sezzjoni La Gineta-Albacete (pjattaforma)” (CCI 2004.ES.16.C.PT.014) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, talba għal annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tirrigwarda l-korrezzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

2

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-kuntest ġuridiku hekk kif ġej.

3

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14 Vol. 1, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999, tal-21 Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 73), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1265/1999, tal-21 Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 78, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1164/94 emendat”):

“Il-Fond għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej fi Stati Membri li jkollhom prodott gross nazzjonali (PGN) per capita, imkejjel f’paritajiet ta’ poter kontrattwali, ta’ inqas minn (90 %) tal-medja Komunitarja li jkollhom programm li jwassal biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ konverġenza ekonomika msemmija f’Artikolu [126 TFUE].”

4

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jipprovdi:

“Proġetti finanzjati mill-Fond għandhom ikunu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skond l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skond politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.”

5

L-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat, dwar id-“DISPOSIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI”, jinkludi Artikolu H, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji”, li jipprovdi:

“1.

Jekk, wara li tlesti il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

a)

l-implementazzjoni ta’ proġett ma tiġġustifikax l-għajnuna mogħtija kollha jew parti minnha, inkluż in-nuqqas li tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet fid-deċiżjoni li tingħata għajnuna u b’mod partikolari kwalunkwe bdil sinnifikanti li jaffettwa l-implementazzjoni tal-proġett u li għalih ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew

b)

hemm irregolarità fir-rigward ta’ l-assistenza mill-Fond u li l-Istat Membru nvolut ma ħax il-miżuri ta’ korrezzjoni meħtieġa,

il-Kummissjoni għandha tissospendi l-għajnuna fir-rigward tal-proġett konċernat u filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha, għandha titlob li l-Istat Membru jagħmel il-kummenti tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.

Jekk l-Istat Membru jagħmel oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta, li fiha, ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u għandhom joħorġu konklużjonijiet minnhom.

2.

Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha, soġġetta li tiġi rispettata l-proċedura x-xierqa, jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, wara li jiġu kunsidrati l-kummenti ta’ l-Istat Membru, tiddeċiedi li:

[…]

b)

tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. Dan għandu jfisser li titneħħa parti jew l-assistenza kollha mogħtija għall-proġett.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni, meta tiddeċiedi l-ammont tal-korrezzjoni, għandha tikkunsidra t-tip ta’ l-irregolarità jew bidla u kemm huwa kbir l-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Kull tnaqqis jew tħassir għandu jwassal għal irkupru ta’ l-ammonti mħallsa.

[…]

4.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bihom.”

6

L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni(KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta’ Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162), jaqra hekk:

“1.   Il-perjodu ta’ żmien li matulu, l-Istat Membru konċernat jista’ jirrispondi għal talba taħt l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu Ħ (1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94 sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu, għandu jkun ta’ xahrejn, għajr f’każijiet ġustifikati kif dovut fejn jista jsir qbil għal perjodu itwal mill-Kummissjoni.

2.   Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni jew fuq rata bażi, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità sabiex juri, permezz ta’ eżaminazzjoni tal-files konċernati, li l-kobor veru ta’ l-irregolarità kien inqas mill-istima tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-għan ta’ din l-eżaminazzjoni għal proporzjon jew kampjun xieraq tal-files konċernati.

Għajr f’każijiet iġġustifikati kif dovut, il-ħin permess għal din l-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1. Ir-riżultati ta’ eżaminazzjoni bħal din għandhom jiġu eżaminati bil-mod speċifikat fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94. Il-Kummissjoni għandha tqis kull evidenza pprovduta mill-Istat Membru fi ħdan il-limiti ta’ żmien.

3.   Kull meta l-Istat Membru jkollu oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta taħt it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94, il-perjodu ta’ tlett xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 13 sa 23 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

8

Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 2113, tat-13 ta’ Settembru 2000, kif emendata, il-Kummissjoni approvat l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ koeżjoni f’ċerti fażijiet ta’ proġett li jirrigwarda l-linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Barcelona (Spanja).

9

Għal kull wieħed minn dawn il-fażijiet ta’ proġett, rispettivament b’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2009, b’ittra tat-30 ta’ Marzu 2010 kif ukoll bi tlett ittri tal-21 ta’ April 2010, il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju ta’ Spanja proposta ta’ għeluq. Kull waħda minn dawn il-proposti tinkludi korrezzjonijiet finanzjarji minħabba irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi.

10

Peress li l-awtoritajiet Spanjoli esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-proposti tal-għeluq tal-Kummissjoni permezz ta’ erba’ ittri tat-13 ta’ Mejju 2010, saret seduta fit-23 ta’ Ġunju 2010. F’din is-seduta, ġew trażmessi lill-Kummissjoni “nota tal-awtoritajiet amministrattivi dwar il-proposta ta’ korrezzjoni finanzjarja” kif ukoll “lista ta’ dokumenti mibgħuta bħala risposta għall-proposta ta’ korrezzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposta ta’ għeluq ta’ proġetti li jaqgħu taħt il-Fond ta’ koeżjoni”.

11

Ir-Renju ta’ Spanja bagħat informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2010.

12

Fit-18 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

13

F’din id-deċiżjoni, fejn ir-Renju ta’ Spanja rċieva notifika fil-21 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni kkonstatat numru ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi li jaffettwaw il-fażijiet ta’ proġett inkwistjoni u, konsegwentement, naqset b’EUR 31 328 947.63 l-għajnuna totali mogħtija lill-imsemmija fażijiet.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2011, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta rikors bil-għan, prinċipalment, tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna l-korrezzjonijiet applikati mill-Kummissjoni.

15

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja qajjem, prinċipalment, żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tat-terminu previst fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat u tal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), kif ukoll, sussidjarjament, motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva.

16

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors bħala infondat.

17

Fir-rigward tal-ewwel motiv, li permezz tiegħu r-Renju ta’ Spanja kien sostna essenzjalment li l-osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst kemm fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat kif ukoll fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 jimplika li d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja kellha tiġi adottata f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-seduta jew, għall-inqas minn dik meta l-Kummissjoni kienet irċeviet l-informazzjoni supplimentari tal-Gvern Spanjol, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata hija tardiva u, b’hekk, illegali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li mis-sentenza tagħha Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑404/05, EU:T:2008:510, punt 44), li ġiet ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑43/09 P, EU:C:2010:36), li l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat ma kien jipprovdi ebda terminu li fih il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha. Tali interpretazzjoni tirriżulta min-naħa l-oħra speċifikament mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. It-terminu ta’ tliet xhur li għalih saret referenza tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

18

Il-Qorti Ġenerali kompliet billi tindika, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li jekk ċertament, il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li, “[à] l’expiration d’un délai fixé par la Commission, dans le respect de la procédure applicable, en l’absence d’accord et compte tenu des observations éventuelles de l’État membre, la Commission décide, dans un délai de trois mois”, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha minbarra l-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din l-istess dispożizzjoni jkunu redatti b’mod differenti, il-kliem “dans un délai de trois mois” jirreferu għall-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet. Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Bacardi (C‑253/99, EU:C:2001:490, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti tal-Unjoni teskludi milli jiġi kkunsidrat test partikolari waħdu, iżda jeħtieġ, f’każ ta’ dubju, li jkun interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta lill-Kummissjoni, wara s-seduta, informazzjoni supplimentari, u lill-Kummissjoni li tikkunsidra tali informazzjoni, u dan ikun biss “fl-assenza ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat f’terminu ta’ tliet xhur, u hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet eventwali tal-Istat Membru, li l-Kummissjoni jadotta deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 34 tas-sentenza appellata).

20

Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja fis-seduta, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, argument espost fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li skont dan jikkoeżistu żewġ termini f’daqqa li jiddekorru mid-data tas-seduta, jiġifieri dak stabbilita mill-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat, li għandu bħala għan, il-kisba ta’ ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, u l-ieħor, previst fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, li għandu bħala għan l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni għall-finijiet li jsiru korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ma għandux jintlaqa’.

21

Fil-fatt, hija ddeċidiet fil-punt 36 ta’ din is-sentenza li “l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 [kien] jillimita ruħu li jistabbilixxi d-data li fiha t-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni skont l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 [emendat] [kien jibda] jidekorri”, iżda, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 tal-imsemmija sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdi għal “ebda terminu li fih il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi”.

22

B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li, peress li regolament ta’ implementazzjoni, bħar-Regolament Nru 1386/2002, għandu jkun is-suġġett, jekk possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, interpretazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 li timplika li l-Kummissjoni għandha biss terminu ta’ tliet xhur sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata ma tintlaqax.

23

Min-naħa l-oħra, hija żżid, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet iffavoriti “mir-Renju ta’ Spanja jċaħħdu t-terminu previst fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat milli jkun effettiv, peress li jirriżulta li l-Kummissjoni tkun, fis-sitwazzjoni tal-eżistenza ta’ żewġ termini distinti iżda fl-istess ħin, fl-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni fit-terminu ta’ tliet xhur li fih hija tipprova tasal għal ftehim mal-Istat Membru kkonċernat”.

24

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza appellata, li “peress li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 jillimita ruħu li jistabbilixxi d-data minn meta [t-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni] meħuda skont l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 [emendat] jibda jiddekorri”, il-fatt li l-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ispanjol, id-Daniż, il-Ġermaniż u l-Olandiż tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 jirreferu għal terminu ta’ tliet xhur li fih il-Kummissjoni “għandha tadotta” jew “tadotta” deċiżjoni, dment li l-verżjoni bis-Sloven ta’ dan tirreferi, b’mod iktar ġenerali, għad-“deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu H (2) tal-Anness II ta’ dan ir-regolament” u li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jirreferu għal terminu ta’ tliet xhur li fih il-Kummissjoni “tista’” tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu H (2) tal-Anness II ta’ dan ir-regolament”, dan huwa irrilevanti f’din il-kawża, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

25

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, rispettivament fil-punti 44 sa 72 u 76 sa 108 tas-sentenza appellata, it-tieni u t-tielet motivi mqajma mir-Renju ta’ Spanja.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Fl-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell kollu kemm hu, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

28

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja qajjem żewġ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ dritt imwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “għoti”, fis-sens tad-Direttiva 93/38.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

29

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat ma jimponix terminu fuq il-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30

Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni għandha, għal kuntrarju, tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi terminu li timponi fuq il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ ftehim mal-Istat Membru kkonċernat fis-seduta previst fl-Artikolu H (1) tal-istess anness, li tieħu, fit-tliet xhur, deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-ħlas jew li jsiru korrezzjonijiet finanzjarji.

31

Fil-fatt, hija biss l-interpretazzjoni sostnuta mir-Renju ta’ Spanja li tkun ta’ natura li tagħti sens u effett lid-dispożizzjonijiet rilevanti.

32

B’hekk, l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri “[f]l-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni”, dan tal-aħħar jista’ jkun biss it-terminu li jidher fl-aħħar parti tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, li jipprovdi li “l-Kummissjoni […] titlob […] li l-Istat Membru jagħmel il-kummenti tiegħu fi żmien perjodu speċifikat”. Dan it-terminu jiskadi qabel is-seduta prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu H u jkollu bħala għan li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat li jaslu għal ftehim. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 jipprovdi għal terminu ieħor ta’ tliet xhur fejn jirreferi speċifikament għall-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat u dan it-terminu jibda jiddekorri sa mid-data tas-seduta prevista mir-Regolament Nru 1164/94 emendat. Dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet flimkien għandhom bħala għan li jistabbilixxu t-terminu li fi tmiemu, il-Kummissjoni, fil-każ fejn ebda ftehim ma’ jkun intlaħaq bejn il-partijiet, hija obbligata tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja. Jekk l-imsemmi Artikolu 18(3) kellu jiġi interpretat bħala li kull ma jagħmel huwa li jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ tlett xhur sabiex il-partijiet jaslu għal ftehim, dan ikun mingħajr effett, peress li l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jistabbilixxi b’mod ċar f’liema mument jiskadi l-imsemmi terminu.

33

Konsegwentement, jekk, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur sa mid-data tas-seduta, il-Kummissjoni ma tkunx adottat id-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, din l-istituzzjoni tkun obbligata twettaq ħlas u kull korrezzjoni mwettqa, bħal fil-każ preżenti, wara li tkun semgħet l-imsemmi terminu jkun illegali, il-Kummissjoni ma jkollhiex iktar bażi ġuridika neċessarja sabiex tapplika tali miżura. Fil-fatt ma jkunx ikkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tiddetermina fuq diskrezzjoni tagħha f’liema mument hija tadotta deċiżjoni ta’ importanza kbira għall-ippjanar finanzjarju tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

34

Tali interpretazzjoni tkun barra minn hekk ta’ natura li tippermetti lill-Istati Membri, b’mod konformi mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jkunu jafu, f’terminu suffiċjentement qasir u li jista’ jiġi stabbilit bil-quddiem, jekk l-ispejjeż li saru huma ffinanzjati mill-Fond ta’ koeżjoni. L-imsemmija interpretazzjoni tkun min-naħa l-oħra kkorroborata mill-fatt li, fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea — Sena 2010 (ĠU 2011, C 332, p. 1), huwa indikat fil-paġna 63, dwar il-politika ta’ koeżjoni, li “l-Kummissjoni għandha tliet xhur mid-data tas-smigħ formali mal-Istat Membru (sitt xhur għall-programmi tal-2007-2013) sabiex tadotta deċiżjoni formali ta’ korrezzjoni finanzjarja u toħroġ ordni ta’ rkupru sabiex tikseb ħlas lura mill-Istat Membru”.

35

Barra minn hekk, meta sostniet ir-raġunament tagħha, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, b’referenza għas-sentenza tagħha Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:T:2008:510), kif ukoll bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2010:36), il-Qorti Ġenerali allegatament għamlet qari żbaljat tad-deċiżjonijiet tagħha, sa fejn, minn naħa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet speċifikament f’dan id-digriet, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 ma kienx applikabbli għall-proġett inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunċatx ruħha fuq il-mertu tal-domanda ġuridika attwalment imqajma mir-Renju ta’ Spanja.

36

Il-Kummissjoni tirrispondi li, l-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja ma rrispondix fl-appell tiegħu kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rreferiet, fis-sentenza appellata, għas-sentenza tagħha Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:T:2008:510), kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2010:36). Dik il-parti tal-aggravju tippreżenta biss silta li ma tikkontjenix espożizzjoni tal-argumenti ġuridiċi koerenti li tikkritika speċifikament l-evalwazzjoni li saret f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali u hija tkun, b’hekk, inammissibbli.

37

F’kull każ, l-imsemmija parti tkun bla bażi, peress li l-Qorti Ġenerali ma kienet wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94 emendat li hija tat f’din is-sentenza u li kienet kkonfermata b’mod ċertament impliċitu, iżda neċessarju mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2010:36), interpretazzjoni li skont din, l-Artikolu H (2) tal-Anness II ta’ dan ir-regolament ma jimponi fuq il-Kummissjoni ebda terminu sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha ta’ korrezzjoni finanzjarja.

38

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju ta’ Spanja kull ma tagħmel huwa li essenzjalment tirrepeti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-argument li hija kienet diġà ddefendiet fl-ewwel istanza.

39

B’mod partikolari, l-appell ikun inammissibbli sa fejn, billi jallega li t-terminu ta’ tliet xhur kien terminu fejn il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tapplika iktar korrezzjonijiet finanzjarji la darba jiġi fi tmiem, ir-Renju ta’ Spanja ma jispjegax b’liema mod din l-allegazzjoni tkun marbuta mas-sentenza appellata u lanqas liema ksur il-Qorti Ġenerali kienet wettqet f’dan ir-rigward, b’mod li l-imsemmija allegazzjoni tammonta għal sempliċi talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza.

40

Barra minn hekk, din il-parti tal-aggravju tkun f’kull każ infondata. L-ewwel nett, anki f’każ fejn ir-Regolament Nru 1164/94 emendat jipprovdi terminu ta’ tliet xhur, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jwassal għal ebda impossibbiltà ta’ azzjoni għall-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li dan ir-regolament għandu l-għan li jiżgura li l-ispejjeż nazzjonali saru mill-Istati Membri skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, tali terminu jista’ jkun ikkunsidrat biss bħala indikattiv, sakemm ma jkunux ġew ippreġudikati l-interessi ta’ Stat Membru, li prova ta’ din, ir-Renju ta’ Spanja ma ressaqx f’din il-kawża. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li, fil-każ preżenti, ir-Renju ta’ Spanja, wara s-seduta tat-23 ta’ Ġunju 2010, ittrażmetta lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali fit-23 ta’ Lulju 2010, it-terminu ta’ 6 xhur u 16-il ġurnata bejn din l-aħħar imsemmija data u dik li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata għandha tkun ikkunsidrata bħala raġonevoli. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni sostnuta mir-Renju ta’ Spanja tkun mhux biss bla bażi, iżda wkoll illoġika u kontradittorja. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament ddeċidiet li t-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jikkonċerna biss il-konklużjoni ta’ ftehim eventwali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-Kummissjoni terminu ta’ tliet xhur sabiex tieħu deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

41

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, hemm lok li jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ta’ irregolaritajiet ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 47).

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikoli 168(1)(d) u 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kritiċi tas-sentenza li ntalbet l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34; Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 15, kif ukoll Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 49).

44

B’hekk, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew li jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti speċifikament miċħuda minn din il-qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, EU:C:2003:125, punt 16). Fil-fatt, tali appell jammonta fir-realtà għal talba bil-għan li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2006:541, punt 50).

45

Madankollu, dment li rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jkunu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell (sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43). Fil-fatt, jekk rikorrent b’hekk ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appell ikun nieqes minn parti mill-iskop tiegħu (sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, EU:C:2003:125, punt 17).

46

Issa, l-ewwel aggravju jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

47

Fil-fatt, fil-każ preżenti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat ma jimponi ebda terminu fuq il-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, kisret id-dritt tal-Unjoni.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ’il bogħod milli sempliċement jirrepeti argumenti diġà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali u jfittex eżami ġdid fuq il-mertu tat-talba inizjali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jpoġġi fid-dubju r-risposta li din il-qorti tat speċifikament għall-kwistjoni ta’ liġi fis-sentenza appellata, li tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

49

Rikorrent huwa intitolat fil-fatt li jressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li għandhom l-għan li jikkritikaw, skont il-liġi, il-mertu (sentenza Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, EU:C:2007:730, punt 17).

50

Barra minn hekk, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jindika b’mod ċar l-argumenti ġuridiċi li fuqhom huwa bbaża ruħu f’dan ir-rigward.

51

B’hekk jirriżulta li l-ewwel aggravju tar-Renju ta’ Spanja huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

52

Fir-rigward tal-eżami tal-mertu tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata, is-sens tal-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat ivarja skont il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni.

53

Fil-fatt, mill-verżjoni Franċiża ta’ din jirriżulta li, permezz tagħha, fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tiddeċiedi “f’terminu ta’ tliet xhur”, li t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi jirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

54

Min-naħa l-oħra, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-istess dispożizzjoni, dan it-terminu ta’ tliet xhur jirrigwarda l-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet.

55

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għall-finijiet li tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-istess test fejn il-verżjoni f’lingwa tal-Unjoni Ewropea hija differenti minn dawk stabbiliti fil-lingwi l-oħra, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tkun interpretata abbażi tal-kuntest u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, sentenza DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat, għandu jingħad li l-Fond ta’ koeżjoni ġie stabbilit, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 130 D KE, bir-Regolament Nru 1164/94 fil-verżjoni inizjali tiegħu.

57

L-Artikolu H (2) tal-Anness II ta’ dan ir-regolament fil-verżjoni inizjali tiegħu jillimita ruħu li jipprovdi li, fil-każ fejn teżisti irregolarità jew fejn wieħed mill-kundizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna ma hijiex issodisfatta, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tħassar l-għajnuna għall-azzjoni kkonċernata, mingħajr madankollu mal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ma tkun suġġetta għal terminu.

58

Hekk kif ġie indikat fil-punt 3 tas-sentenza preżenti, il-verżjoni inizjali ta’ dan ir-regolament ġiet emendata, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 1265/1999 li ssostitwixxa t-test ta’ dan l-Artikolu H tal-Anness II b’dak iċċitat fil-punt 5 tas-sentenza preżenti, li tiegħu l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa s-suġġett tal-kawża preżenti. Din il-modifika saret fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1164/94 fil-verżjoni inizjali tiegħu, li skont dan, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jkun qed jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 130 D KE, għandu jerġa jeżamina dan ir-regolament qabel it-tmiem tas-sena 1999.

59

Mill-preambolu tar-Regolament Nru 1265/1999, u b’mod partikolari mill-premessi 1, 2, 4 u 5 tiegħu jirriżulta li l-imsemmi Anness II ġie emendat bil-għan li l-Fond ta’ koeżjoni jkun iktar effettiv, li tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ ġestjoni finanzjarja filwaqt li jsir iktar kontroll fuq ir-realtà tal-ispejjeż u li tittejjeb u tiġi sistematizzata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti.

60

Ir-Regolament Nru 1164/94 hekk kif emendat kien applikabbli fil-perijodu mis-sena 2000 sas-sena 2006. Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolamenti Nru 1264/1999 u 1265/1999 li emendaw ir-Regolament Nru 1164/94 fil-verżjoni inizjali tiegħu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000 u, min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-punt 11 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1264/1999, ir-Regolament Nru 1164/94 hekk kif emendat fl-1999 kellu jiġi eżaminat mill-ġdid l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2006.

61

Ir-Regolament Nru 1386/2002 ġie adottat mill-Kummissjoni għall-finijiet li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94 emendat. B’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tiegħu, ir-Regolament Nru 1386/2002 daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2002 u japplika, permezz tal-Artikolu 1 tiegħu, għall-proġetti li ġew approvati għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Jannar 2000.

62

Mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, li jirreferi speċifikament għall-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jirriżulta li l-Kummissjoni tiddisponi, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu H (2) minn terminu ta’ tliet xhur sabiex tieħu deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, liema terminu jibda jiddekorri mid-data tas-seduta.

63

Il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 jaqblu f’dan is-sens.

64

Matul l-istess perijodu bħal dak previst fil-punt 60 tas-sentenza preżenti, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), li, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tiegħu japplikaw għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Fond Soċjali Ewropew, għall-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, Taqsima “Gwida” kif ukoll għall-Istrument finanzjarju ta’ gwida tas-sajd, jipprovdi fl-Artikolu 39(3) tiegħu li “[f]i tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur” li tnaqqas il-ħlas akkont jew li tipproċedi bil-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikanċella l-kontribuzzjoni kollha jew parti minnha tal-Fondi għall-intervent ikkonċernat.

65

F’dak li jirrigwarda l-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha, ma hemmx differenzi komparabbli għal dawk deskritti fil-punti 53 u 54 tas-sentenza preżenti.

66

F’termini komparabbli għal dawk tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 155), jipprovdi li kull darba li l-Istat Membru jikkontesta l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u li seduta tkun seħħet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, “il-perjodu ta’ tliet xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 39(3) ta’ dak ir-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta”.

67

Fir-rigward tal-punt ta’ dritt li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti, it-tnaqqis ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma ppreżentat differenzi fil-verżjonijiet differenti lingwistiċi ta’ dan ir-regolament.

68

Ir-Regolament Nru 1260/1999 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, p. 25), li japplika l-Artikolu 1(1) tiegħu għall-imsemmija Fondi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti bir-Regolamenti li jirregolaw kull wieħed minn dawn il-Fondi.

69

Il-korrezzjonijiet finanzjarji li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni huma issa suġġetti għar-regoli komuni għal dawn it-tlett Fondi, imsemmija fl-Artikoli 99 sa 102 ta’ dan ir-regolament.

70

Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 100, intitolat “Proċedura”, tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi li “[f]in-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b’kont meħud ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura[;] [j]ekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’ l-ittra ta’ stedina mibgħuta mill-Kummissjoni”.

71

Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward li, minn naħa, f’dak li jirrigwarda il-kwistjoni li jopponu l-partijiet fil-kawża preżenti, l-imsemmi paragrafu 5 tal-Artikolu 100 juża l-istess kliem fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament Nru 1083/2006 u li, min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU L 210, p. 79), ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-proċeduri fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji, l-istess bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006, u tar-Regolament (KE) Nru°1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 371, p. 1).

72

L-istess japplika għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, p. 320). Fil-fatt, l-Artikolu 145(6) tiegħu jipprovdi li, “[s]abiex tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ, jew mid-data tal-wasla ta’ informazzjoni addizzjonali meta l-Istat Membru jaqbel li jissottometti din l-informazzjoni addizzjonali wara s-seduta ta’ smigħ[;] [i]l-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha sottomessi matul il-proċedura[;] [j]ekk ma jseħħ l-ebda seduta ta’ smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra tal-istedina għas-seduta ta’ smigħ mibgħuta mill-Kummissjoni”.

73

Din id-dispożizzjoni għandha kontenut komparabbli fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament Nru 1303/2013.

74

Min-naħa l-oħra, ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, p. 281), ma jirregolax il-proċeduri applikabbli fil-każ ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. L-istess japplika fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE), li jikkompleta r-Regolament Nru 1303/2013, abbozz li ġie trażmess lill-Parlament Ewropew fit-3 ta’ Marzu 2014.

75

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hija biss il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-perijodu inizzjali, mis-sena 1994 sas-sena 1999, li ma jistabbilixxix terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni.

76

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, sa mis-sena 2000, kemm ir-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll ir-Regolamenti Nri 1083/2006 u 1303/2013, li daħlu fis-seħħ rispettivament fl-1 ta’ Jannar 2007 u fl-1 ta’ Jannar 2014, kif ukoll diversi regolamenti ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti adottati mill-Kummissjoni, jistabbilixxu tali terminu.

77

Peress li l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat, fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2000, għandu differenzi skont il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament, hemm fil-fatt lok li jiġi stabbilit is-sens eżatt b’referenza għall-kuntest li fih din id-dispożizzjoni taqa’, jiġifieri, fil-każ preżenti, regolamenti komparabbli fil-qasam tal-ġestjoni tal-Fondi tal-Unjoni.

78

Issa, jirriżulta li r-Regolamenti kollha applikabbli f’dan il-qasam mis-sena 2000 jikkonfermaw l-argument sostnut mir-Renju ta’ Spanja, li skont dan, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja billi tikkonforma ma’ ċertu terminu, fejn il-kalkolu jista’ ċertament ivarja skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, iżda fejn l-eżistenza stess hija prevista mingħajr ebda ambigwità mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

79

Il-fatt li r-Regolament Nru 1260/1999 ma japplikax għall-Fond ta’ koeżjoni fih innifsu, f’dan ir-rigward, ma jostakolax tali interpretazzjoni, peress li t-test tal-Artikolu 39(3) ta’ dan ir-regolament u dak tal-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat huma kważi identiċi u ma jidhirx ġustifikat li, fit-tieni regolament, it-terminu huwa konness mal-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, b’mod li, fl-ewwel regolament, dan it-terminu jirreferi għat-teħid ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni.

80

Interpretazzjoni f’dan is-sens hija ġġustifikata iktar mir-Regolamenti sussegwenti, peress li kemm dawk tal-Kunsill kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, jikkonfermaw li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta ċertu terminu meta hija tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

81

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward iktar partikolari tar-Regolament Nru 1386/2002 li għandu l-għan li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94 emendat li minnu tifforma parti d-dispożizzjoni li hija s-suġġett tal-kawża preżenti, li l-perspettiva difiża mill-Kummissjoni u trattata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 36 u 39 tas-sentenza appellata, li skont din l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1386/2002 jillimita ruħu li jistabbilixxi d-data li minnha t-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni skont l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat jibda jiddekorri ma jistax jiġi aċċettat, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni prevista f’dan l-Artikolu H jekk tali terminu ma kienx jeżisti.

82

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa mis-sena 2000, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva terminu legali sabiex tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

83

Din il-konklużjoni, li tirriżulta minn interpretazzjoni sistematika tar-regolamenti rilevanti kemm tal-Kunsill kif ukoll tal-Kummissjoni, hija barra minn hekk sostnuta mill-kliem tas-silta li tidher fil-paġna 63 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2011) C 332/01 stess, imqajma mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-appell tiegħu, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza preżenti.

84

L-imsemmija konklużjoni hija wkoll bi qbil mal-għan, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 161 KE, (li sar l-Artikolu 177 TFUE), li skont dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi “[i]r-regoli ġenerali applikabbli għalihom”, dan l-approċċ għandu neċessarjament iwassal għal armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli fil-qasam. Tali pass huwa iktar neċessarju f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ proċedura. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sa mis-sena 2007, ir-regoli tal-proċedura ġew effettivament standardizzati fil-kuntest ta’ Regolament tal-Kunsill li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fondi kollha tal-Unjoni. Issa, ir-regoli ta’ proċeduri msemmija fih isostnu totalment l-interpretazzjoni li skont din l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja hija suġġetta għal terminu stabbilit minn qabel mil-leġiżlatur.

85

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-koerenza u l-effettività tal-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja prevista mid-dritt tal-Unjoni, it-terminu previst mil-leġiżlatur jagħti lill-Kummissjoni perijodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha filwaqt li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-konsultazzjonijiet tagħha mal-Istat Membru kkonċernat.

86

Għal kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1265/1999, il-proċedura li l-leġiżlatur tal-Unjoni implementa fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji hija bbażata fuq kooperazzjoni bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, li għandha tkun ibbażata fuq il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi jkun kuntrarju għal dan ir-rekwiżit ta’ bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Istat Membru jkun obbligat josserva ċerti termini preċiżi, filwaqt li dan ma japplikax għall-Kummissjoni.

87

Hija fil-fatt ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga mhux biss lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll lill-istituzzjonijiet ta’ din l-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, id-digriet Zwartveld et, C‑2/88 IMM, EU:C:1990:315, punt 10).

88

Barra minn hekk, fir-rigward f’dan il-każ tad-deċiżjonijiet b’effett baġitarju kunsiderevoli, huwa fl-interess kemm tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll tal-Kummissjoni li t-terminu tal-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja jkun prevedibbli, li jippresupponi l-iffissar ta’ terminu stabbilit minn qabel għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Għandu jingħad ukoll li l-iskadenza tat-terminu previst għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.

89

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 32 u 36 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat ma jipprovdi l-ebda terminu li fih il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha ta’ korrezzjoni finanzjarja, it-terminu ta’ tliet xhur li għalih din id-dispożizzjoni tirreferi tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

90

B’hekk jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell huwa fondat u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni aggravju tal-appell.

Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza

91

B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija b’hekk tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tippermetti.

92

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali.

93

Hekk kif jirriżulta mill-punti 56 sa 89 tas-sentenza preżenti, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja hija, sa mis-sena 2000, suġġetta għall-osservanza ta’ ċertu terminu.

94

It-tul ta’ dan it-terminu jvarja skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

95

B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli H (2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 emendat u 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002, it-terminu li fih il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja kienet ta’ tliet xhur sa mid-data tas-seduta.

96

B’mod konformi mal-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-korrezzjoni finanzjarja fis-sitt xhur wara d-data tas-seduta u, jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’ meta tintbagħat l-ittra ta’ stedina mill-Kummissjoni.

97

Skont l-Artikolu 145(6) tar-Regolament Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tiddeċiedi fis-sitt xhur wara d-data tas-seduta jew fid-data ta’ meta tiġi riċevuta l-informazzjoni supplimentari, meta l-Istat Membru jaċċetta li jforni din l-informazzjoni wara s-seduta. Fl-assenza ta’ seduta, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’ meta tintbagħat l-ittra ta’ stedina għas-seduta mill-Kummissjoni.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li jekk ir-Regolament Nru 1265/1999, li emenda r-Regolament Nru 1164/94, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000, jirriżulta madankollu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006 li l-Artikolu 100 ta’ dan huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2007, inkluż għal programmi preċedenti għall-perijodu 2007‑2013. Dan huwa min-naħa l-oħra konformi mal-prinċipju li skont dan, ir-regoli ta’ proċedura japplikaw immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

99

Fir-rigward tal-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 1303/2013, dan japplika, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 154 ta’ dan, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

100

Issa, f’din il-kawża, is-seduta seħħet fit-23 ta’ Ġunju 2010, iżda l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata biss fit-18 ta’ Frar 2011.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta’ sitt xhur impost mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

102

Kuntrarjament għal dak li allegat il-Kummissjoni, il-fatt li l-leġiżlazzjoni rilevanti ma tipprovdix speċifikament li, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu impost għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ma tistax tadotta iktar tali deċiżjoni huwa irrilevanti, peress li l-istabbiliment ta’ terminu li fih għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ dan it-tip huwa fih innifsu suffiċjenti.

103

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jammonta għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punti 48 u 49), li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Solvay, C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 55). Issa, il-fatt, li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni jammonta għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

104

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx validament adottata u għandha, konsegwentement, tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

106

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja rebaħ fil-kuntest tal-appell u peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqa’, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja, li tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn dan l-Istat Membru, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑235/11, EU:T:2013:49) hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1023 finali, tat-18 ta’ Frar 2011, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni mogħtija favur fażijiet ta’ proġett intitolati “Provvista u istallazzjoni ta’ tagħmir ferrovjarju fuq il-linja b’veloċità għolja Madrid-Zaragoza-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Sezzjoni Madrid-Lérida” (CCI 1999.ES.16.C.PT.001), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Barcelona. Sezzjoni Lérida-Martorell (pjattaforma, fażi 1)” (CCI 2000.ES.16.C.PT.001), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Zaragoza-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Aċċess ferrovjarju għall-istazzjon il-ġdid ta’ Zaragoza” (CCI 2000.ES.16.C.PT.003), “Linja ferrovjarja b’veloċità għolja Madrid-Barcelona-Fruntiera Franċiża. Sezzjoni Lérida-Martorell. Sub-sezzjoni X-A (Olérdola-Avinyonet del Penedés” (CCI 2001.ES.16.C.PT.007) “Aċċess ferrovjarju ġdid tal-linja b’veloċità għolja f’Levante. Sub-sezzjoni La Gineta-Albacete (pjattaforma)” (CCI 2004.ES.16.C.PT.014), hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja u għall-ispejjeż tagħha stess, kemm fil-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell preżenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top