This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0133
Judgment of the Court (Second Chamber), 18 December 2014.#Staatssecretaris van Economische Zaken and Staatssecretaris van Financiën v Q.#Request for a preliminary ruling from the Raad van State (Netherlands).#Reference for a preliminary ruling — Free movement of capital — Tax legislation — Gift tax — Exemption in respect of an ‘estate’ — No exemption in respect of property situated in the territory of another Member State.#Case C‑133/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
Staatssecretaris van Economische Zaken u Staatssecretaris van Financiën vs Q.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-donazzjonijiet — Eżenzjoni fir-rigward ta’ ‘dominju rurali’ — Eżenzjoni eskluża fir-rigward ta’ dominju li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.
Kawża C‑133/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
Staatssecretaris van Economische Zaken u Staatssecretaris van Financiën vs Q.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-donazzjonijiet — Eżenzjoni fir-rigward ta’ ‘dominju rurali’ — Eżenzjoni eskluża fir-rigward ta’ dominju li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.
Kawża C‑133/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2460
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-donazzjonijiet — Eżenzjoni fir-rigward ta’ ‘dominju rurali’ — Eżenzjoni eskluża fir-rigward ta’ dominju li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑133/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura
Staatssecretaris van Economische Zaken,
Staatssecretaris van Financiën
vs
Q,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Q, minn A. Bakker u D. Smit, assistiti minn M. Hamer, avukat, |
— |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn B. Koopman, K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u W. Mölls, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-iStaatssecretaris van Economische Zaken (Segretarju tal-Istat għall-affarijiet ekonomiċi) u l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-finanzi) u, min-naħa l-oħra, Q, dwar ir-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirrikonoxxu l-kwalità ta’ dominju rurali (“landgoed”) fir-rigward ta’ proprjetà li Q tippossjedi fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li b’hekk iċaħħduha mill-possibbiltà li tiġi eżentata d-donazzjoni ta’ din il-proprjetà li hija tixtieq tagħmel. |
Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi
3 |
L-Artikolu 1 tal-Liġi tal-1956 dwar is-suċċessjoni (Successiewet 1956, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-suċċessjoni”) jipprovdi: “1. Skont din il-Liġi, għandhom jinġabru t-taxxi segwenti: [...] 2. it-taxxa fuq id-donazzjonijiet fuq il-valur ta’ dak kollu li jinkiseb permezz tad-donazzjoni minn persuna li kienet tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi meta saret id-donazzjoni; [...]” |
4 |
L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar is-suċċessjoni huwa fformulat kif ġej: “[...] 2. It-taxxa fuq id-donazzjonijiet hija miġbura fuq dak li jirċievi d-donatarju, jekk ikun il-każ wara li jitnaqqsu l-oneri u l-piżijiet previsti favur id-donatur jew terz”. |
5 |
L-Artikolu 1 tal-Liġi tal-1928 dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali (Natuurschoonwet 1928, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali”) jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ din il-Liġi:
2. Permezz jew bis-saħħa ta’ miżura ġenerali amministrattiva, għandhom jiġu adottati regoli fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti minn proprjetà immobbli sabiex tkun tista’ titqies li hija dominju. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jikkonċernaw:
[...]” |
6 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali jipprovdi: “1. Il-proprjetarju li jkun jixtieq li l-proprjetà immobbli tiegħu tiġi rrikonoxxuta bħala dominju rurali għandu jressaq quddiem il-Ministri tagħna applikazzjoni ddettaljata li tiġi ppreżentata permezz tal-Ministru tagħna. [...] 4. Il-Ministri tagħna għandhom jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni konġunta.” |
7 |
L-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali jipprovdi: “1. Jekk skont [il-Liġi dwar is-suċċessjoni], akkwist ikun jinvolvi proprjetà immobbli li tkun ġiet iddikjarata bħala dominju rurali u jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu segwenti, ma għandhiex tiġi ntaxxata d-differenza bejn it-taxxa fuq id-donazzjoni jew fuq il-wirt stabbilita permezz ta’ deċiżjoni, u t-taxxa dovuta jekk din il-proprjetà tiġi stmata b’nofs il-valur ekonomiku li kien ġie attribwit lilha fil-mument tal-akkwist, bil-kundizzjoni li l-proprjetà immobbli tinżamm għal 25 sena bħala tali u li ma jinqatax iktar injam minn siġar twal milli jkun meħtieġ jew meqjus normali skont ir-regoli tal-forestrija komuni. Jekk id-dominju rurali jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’osservanza tar-regoli approvati mill-Ministri tagħna, il-valur tal-imsemmi dominju, b’deroga mis-sentenza preċedenti, ikun stmat bħala żero. [...]” |
8 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni meħuda skont il-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni:
[...]”. |
9 |
L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni meħuda skont il-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali jipprovdi: “1. Sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħal dominju rurali, proprjetà immobbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:
2. Jekk l-artijiet, il-bini u l-uċuħ tal-ilma li jikkostitwixxu l-proprjetà immobbli jew l-użu li jsir minnha jippreġudikaw is-sit naturali, l-imsemmija artijiet, bini jew uċuħ tal-ilma ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala parti mill-proprjetà immobbli li għandha tiġi kklassifikata bħala dominju rurali. [...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Q, li hija residenti fiskali fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija proprjetarja ta’ dominju li jinsab fir-Renju Unit (“The Bean House”), li għandha l-intenzjoni li tagħti b’donazzjoni lit-tifel tagħha. |
11 |
Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, tali donazzjoni tista’ tkun, kompletament jew parzjalment, eżentata mit-taxxa bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li “The Bean House” ikollha n-natura ta’ dominju rurali fis-sens tal-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali, u għalhekk li tkun tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
12 |
Q talbet mingħajr suċċess lill-awtoritajiet fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirrikonoxxu din il-proprjetà bħala tali dominju rurali. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju, fuq rikors ippreżentat minn Q, qieset li d-dritt għal eżenzjoni mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet ma jistax ikun limitat għad-dominji rurali li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont dik il-qorti, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital li jirriżulta minn tali limitazzjoni la huwa ġġustifikat mill-interess ta’ dan l-Istat Membru li jipproteġi l-patrimonju naturali u kulturali tiegħu u lanqas mill-ħtieġa li tkun żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali. |
14 |
Adit b’appell ippreżentat mill-iStaatssecretaris van Economische Zaken u mill-iStaatssecretaris van Financiën, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), li jikkunsidra wkoll li hija involuta restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, għandu dubju dwar il-ġustifikazzjonijiet identifikati mill-qorti tal-ewwel istanza. L-awtoritajiet fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi sostnew, quddiem ir-Raad van State, li l-ostakolu huwa ġġustifikat mid-diffikultajiet prattiċi li jippreżentaw il-kontrolli fiskali fi Stat Membru li ma jkunx ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk il-proprjetarji jkunux qegħdin josservaw l-impenn tagħhom li jżommu d-dominju rurali għal perijodu ta’ 25 sena. F’dan ir-rigward, ir-Raad van State għandu dubju dwar sa fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra huma obbligati jassistu lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kontrolli tagħhom. |
15 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
16 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li eżenzjoni minn taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fir-rigward ta’ ċerti siti protetti hija limitata għal dawk is-siti li jinsabu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. |
17 |
Skont l-Artikolu 63(1) TFUE, hija pprojbita kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. |
18 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trattament fiskali tad-donazzjonijiet, irrispettivament minn jekk dawn ikunux jikkonċernaw somom ta’ flus, proprjetà immobbli jew proprjetà mobbli, huwa kopert mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment tal-kapital, ħlief fil-każijiet fejn l-elementi kostitwenti ta’ dawn id-donazzjonijiet ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara s-sentenza Mattner, C‑510/08, EU:C:2010:216, punt 20). |
19 |
Minn dan jirriżulta li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn persuna li tirrisjedi fi Stat Membru tagħti b’donazzjoni proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE. |
20 |
Fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-għoti ta’ vantaġġi fiskali jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-proprjetà li tkun is-suġġett tas-suċċessjoni tkun tinsab fit-territorju nazzjonali jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment libertu tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 63(1) TFUE (ara s-sentenza Jäger, C‑256/06, EU:C:2008:20, punti 28 sa 35). Bl-istess mod, fil-każ ta’ donazzjonijiet, miżuri li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-proprjetà kkonċernata u li jintaxxa d-donazzjoni ta’ din il-proprjetà jikkostitwixxu wkoll tali restrizzjoni (ara s-sentenza Mattner, EU:C:2010:216, punt 26). |
21 |
Għaldaqstant, peress li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissuġġettaw l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet għall-kundizzjoni li l-proprjetà immobbli kkonċernata tkun tinsab fit-territorju nazzjonali, l-oneru fiskali iktar sinjifikattiv impost fuq id-donazzjoni magħmula minn persuna residenti fi Stat Membru meta din id-donazzjoni tikkonċerna proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. |
22 |
Sabiex tali restrizzjoni tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa b’mod partikolari meħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jkunux oġġettivament paragunabbli, fejn din in-natura paragunabbli għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza X Holding, C‑337/08, EU:C:2010:89, punti 20 u 22). |
23 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
24 |
Fl-fatt, l-għan tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet prevista mir-regoli tal-Pajjiżi l-Baxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li l-integrità tad-dominji rurali tipiċi tal-kampanja tradizzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi (“landgoed”) tiġi protetta kontra d-diviżjonijiet jew l-iżnaturament li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu li fih jistgħu jsibu ruħhom id-donatarji, sabiex iħallsu t-taxxa imposta fuq dan it-trasferiment, li jaqsmu dominju sabiex jittrasferixxu parti minnu jew li jesplojtawh b’mod li jippreġudika n-natura speċifika tiegħu. |
25 |
Għaldaqstant, il-vantaġġ fiskali marbut mat-trasferiment ta’ “landgoed” għandu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju stess, l-għan li jħares is-siti naturali nazzjonali, li jinkludi l-għan li jitħares il-patrimonju kulturali u storiku. Dan l-għan jista’, b’mod partikolari, jinstilet kemm mid-definizzjoni tad-dominju rurali li tinsab fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali u li tipprovdi li l-erja li fuqha tkun tinsab dar jew bini ieħor inerenti għan-natura tad-dominju tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali mid-dominju, u kemm mid-definizzjoni ta’ “residenza” li tagħmel parti minn “landgoed” li tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni u li tipprovdi li l-kumpless għandu jkun imdawwar bi ġnien jew b’park storiku li l-istabbiliment tiegħu jippreċedi l-1850 u għandu jkun ikkostitwit minn, minn tal-inqas, element wieħed li jikkostitwixxi monument ikklassifikat fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-1988 dwar il-monumenti storiċi. |
26 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna dominju li jinsab fir-Renju Unit ta’ madwar 18-il ettaru u li jinkludi monumenti kklassifikati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. |
27 |
Madankollu, fid-dawl tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, persuna taxxabbli li tkun qiegħda tikkunsidra li tagħti b’donazzjoni “landgoed” li jinkludi “residenza” ma tistax titqies li hija f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli li tkun qiegħda tikkunsidra, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, li tagħti b’donazzjoni dominju li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk dan ikun jinkludi monumenti kklassifikati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. Fil-fatt, peress li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż li jħares l-integrità ta’ ċerti dominji li jagħmlu parti mill-patrimonju kulturali u storiku nazzjonali, l-iżvantaġġ li jirriżulta minn dan għal persuna taxxabbli li tkun tinsab fit-tieni waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet huwa għaldaqstant inerenti għall-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
28 |
Kif intqal fil-punt 33 tas-sentenza mogħtija llum stess fil-Kawża X (C‑87/13), il-konklużjoni tista’ tkun differenti biss fil-każ li tali persuna taxxabbli tistabbilixxi li proprjetà, minkejja li tinsab fit-territorju ta’ Stat li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tikkostitwixxi xorta waħda element tal-patrimonju kulturali u storiku tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li dan il-fatt huwa ta’ natura li jintitola lil din il-proprjetà, li kieku ma kienx għall-fatt li ma tinsabx fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal protezzjoni taħt il-Liġi dwar il-protezzjoni ta’ siti naturali. |
29 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li eżenzjoni minn taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fir-rigward ta’ ċerti proprjetajiet protetti minħabba li jappartjenu lill-patrimonju kulturali u storiku nazzjonali hija limitata għal dawk il-proprjetajiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din l-eżenzjoni ma tkunx eskluża fir-rigward tal-proprjetajiet li jistgħu jkunu marbuta mal-patrimonju kulturali u storiku tal-imsemmi Stat Membru minkejja l-fatt li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li eżenzjoni minn taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fir-rigward ta’ ċerti proprjetajiet protetti minħabba li jappartjenu lill-patrimonju kulturali u storiku nazzjonali hija limitata għal dawk il-proprjetajiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din l-eżenzjoni ma tkunx eskluża fir-rigward tal-proprjetajiet li jistgħu jkunu marbuta mal-patrimonju kulturali u storiku tal-imsemmi Stat Membru minkejja l-fatt li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat ieħor. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.