Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0108

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Novembru 2014.
    Mac GmbH vs Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza).
    Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq – Importazzjoni parallela – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija skont id-Direttiva 91/414/KEE fl-Istat ta’ esportazzjoni.
    Kawża C‑108/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2346

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    6 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq — Importazzjoni parallela — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija skont id-Direttiva 91/414/KEE fl-Istat ta’ esportazzjoni”

    Fil-Kawża C‑108/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

    Mac GmbH

    vs

    Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Mac GmbH, minn M. Le Berre, avukat,

    għall-Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire u de la Forêt, minn I. Chalkias u E. Chroni, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mac GmbH (iktar ’il quddiem “Mac”) u l-Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt (Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Industrija tal-Ipproċessar tal-Ikel u tal-Foresti) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtorizza t-tqegħid fis-suq fi Franza, bħala importazzjoni parallela, ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jibbenefika minn tali awtorizzazzjoni fir-Renju Unit.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 11, p. 332) tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATS”) ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll tar-reviżjoni u tal-irtirar tagħhom. Hija tfittex mhux biss li tarmonizza r-regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-imsemmija prodotti, iżda wkoll li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent kontra l-perikoli u r-riskji li jirriżultaw minn użu ta’ dawn il-prodotti li ma jkunx ikkontrollat sew. Barra minn hekk, din id-direttiva tfittex li telimina l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ dawn tal-aħħar.

    4

    Id-Direttiva 91/414 tikkonċerna, b’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll ġewwa l-Unjoni Ewropea ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’forma kummerċjali. Skont l-Artikolu 2(10) ta’ din id-direttiva, “introduzzjoni [tqegħid] fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment, sew jekk bi ħlas u sew jekk b’xejn, sakemm ma jkunx għall-ħażna u sussegwentement għall-ikkonsenjar lil hinn mit-territorju tal-Komunità. L-importazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’dan it-territorju għandha titqies li tikkostitwixxi tqegħid fis-suq fis-sens tal-imsemmija direttiva.

    5

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414:

    “L-Istati Membri għandhom jistipulaw illi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ma jistgħux jiġu introdotti fis-suq u użati fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott skond din id-Direttiva […]”

    6

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa prodott għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jiġi awtorizzat. Skont dan l-istess artikolu, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jistipulaw ir-rekwiżiti li jirrigwardaw it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti u għandhom jingħataw biss għal perijodu fiss li ma jeċċedix għaxar snin u li jiġi stabbilit mill-Istati Membri. Huma jistgħu jiġu rriveduti f’kull żmien u għandhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu kkanċellati. Meta Stat Membru jirtira ATS, huwa għandu jinforma immedjatament lid-detentur.

    7

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

    “1.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti għandha ssir minn jew f’isem il-persuna responsabbli sabiex ipoġġiha għall-ewwel darba fis-suq ġo Stat Membru lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru meta l-prodott għall-ħarsien tal-pjanti huwa intiż biex jitpoġġa fis-suq.

    [...]

    5.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhhom illi jinfetaħ fajl dwar kull applikazzjoni. Kull fajl għandu jkollu fih ta’ mill-anqas kopja waħda ta’ l-applikazzjoni, rekord tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda mill-Istat Membru dwar l-applikazzjoni u dwar id-dettalji u d-dokumentazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 13(1) flimkien ma sommarju ta’ dan ta’ l-aħħar. L-Istati Membri għandhom jekk jiġu hekk mitluba jipprovdu lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni il-fajls li jirreferi għalihom dan il-paragrafu; għandhom jekk jiġu hekk mitluba jipprovdulhom kull informazzjoni neċessarja sabiex jinftehmu tajjeb l-applikazzjonijiet, u għandhom fejn jiġu hekk mitluba jaċċertaw ruħhom illi l-applikanti jipprovdu kopja tad-dettalji tekniċci stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(a).”

    8

    Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 91/414, Stat Membru li fih titressaq applikazzjoni għal ATS ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun diġà awtorizzat fi Stat Membru ieħor għandu, taħt ċerti kundizzjonijiet u ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, iżomm lura milli jitlob ir-repetizzjoni ta’ testijiet u analiżijiet li jkunu diġà twettqu.

    9

    Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 91/414:

    “1.   Fi żmien perjodu ta’ xahar wara ta’ l-anqas kull kwart ta’ sena, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar kwalunkwe prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jkun ġie awtorizzat jew irtirat, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u jindikaw ta’ l-anqas:

    l-isem jew isem kummerċjali tad-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni,

    l-isem tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti kif użat fin-negozju,

    it-tip ta’ preparazzjoni,

    l-isem u l-ammont ta’ kull sustanza attiva li jkun fih,

    l-użu jew l-użi li għalihom ikun maħsub,

    il-livelli massimi ta’ fdalijiet stabbiliti proviżorjament fejn ma jkunux diġà ġew stabbiliti mir-regoli tal-Komunità,

    fejn ikun rilevanti, ir-raġunijiet għall-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni,

    id-dokument meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-livelli massimi ta’ fdalijiet stabbiliti provviżorjament.

    2.   Kull Stat Membru għandu jagħmel lista annwali tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti awtorizzati fit-territorju tiegħu u għandu jgħaddi dik il-lista lill-Istati membri l-ohrajn u lill-Kummissjoni.

    Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, sistema standard ta’ informazzjoni għandha tiġi stabbilita sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.”

    10

    Id-Direttiva 91/414 ġiet issostitwita, b’effett mill-14 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1). Billi l-fatti li fuqhom hija bbażata l-kawża prinċipali seħħew qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009, dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

    Id-dritt Franċiż

    11

    Skont l-Artikolu L. 253‑1 tal-Code rural (Kodiċi rurali), fil-formulazzjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali:

    “I.

    It-tqegħid fis-suq, l-użu u ż-żamma mill-utent finali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma pprojbiti jekk ma jkollhomx [ATS] jew awtorizzazzjoni għad-distribuzzjoni għall-esperimentazzjoni mogħtija taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu.

    L-użu tal-prodotti msemmija fl-ewwel paragrafu taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni huwa pprojbit.

    II.

    - Fis-sens ta’ dan il-kapitolu,

    ‘Prodotti għal protezzjoni tal-pjanti’ tfisser il-preparazzjonijiet li jinkludu sustanza attiva waħda jew iktar [...].

    ‘Tqegħid fis-suq’ tfisser kwalunkwe forniment, sew jekk bi ħlas u sew jekk b’xejn, sakemm ma jkunx għall-ħażna u sussegwentement għall-ikkonsenjar lil hinn mit-territorju tal-Komunità Ewropea. L-importazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tikkostitwixxi tqegħid fis-suq.

    [...]”

    12

    L-Artikolu R. 253‑52 tal-Code rural, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “L-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġina minn Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li fih diġà jibbenefika minn [ATS] mogħtija skond id-Direttiva 91414[...], u li huwa identiku għal prodott imsejjaħ iktar ’il quddiem il-‘prodott ta’ referenza’, hija awtorizzata taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    Il-prodott ta’ referenza għandu jibbenefika minn [ATS] mogħtija mill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura [...]

    L-identiċità ta’ prodott introdott fit-territorju nazzjonali mal-prodott ta’ referenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tliet kriterji li ġejjin:

    oriġini komuni taż-żewġ prodotti fis-sens li ġew immanifatturati skont l-istess formula, mill-istess kumpannija jew minn impriżi relatati jew li joperaw taħt liċenzja;

    manifattura bl-użu tal-istess sustanza jew sustanzi attivi;

    effetti simili taż-żewġ prodotti, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jistgħu jeżistu fuq il-livell tal-kundizzjonijiet agrikoli, tal-protezzjoni tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari dawk klimatiċi, marbuta mal-użu tal-prodotti.”

    13

    Skont l-Artikolu R. 253‑53 tal-imsemmi kodiċi:

    “L-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġina minn Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandha tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal [ATS].

    Digriet tal-Ministru responsabbli mill-agrikoltura, adottat wara l-opinjonijiet tal-Ministri responsabbli mill-industrija, mill-konsum, mill-ambjent u mis-saħħa, għandu jistabbilixxi l-lista ta’ informazzjoni li għandha tingħata insostenn tal-applikazzjoni, b’mod partikolari dik relatata mal-applikant għall-awtorizzazzjoni u mal-prodott li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni.

    Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita l-identiċità bejn il-prodott introdott fit-territorju nazzjonali u l-prodott ta’ referenza, il-Ministru responsabbli mill-agrikoltura jista’:

    Juża l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-prodott ta’ referenza;

    Jitlob lid-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza sabiex jagħtih l-informazzjoni li huwa għandu;

    Jitlob informazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat li awtorizza l-prodott li huwa s-suġġett tal-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali, kif jipprovdu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 91/414.”

    14

    Skont l-Artikolu R. 253‑55 tal-istess kodiċi:

    “L-[ATS] tal-prodott introdott fit-territorju nazzjonali tista’ tiġi rrifjutata [...]:

    Għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent;

    Għal nuqqas ta’ identiċità, fis-sens tal-Artikolu R. 253‑52 mal-prodott ta’ referenza [...]

    Qabel ir-rifjut [...] ta’ [ATS], l-applikant għall-awtorizzazzjoni [...] għandu jingħata l-opportunità li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura.”

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti Cerone kien jibbenefika minn ATS fi Franza, mogħtija lil Bayer Cropscience France, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414. Mill-proċess jirriżulta wkoll li dan il-prodott kien jibbenefika minn ATS fir-Renju Unit, mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 lil Bayer Cropscience Ltd.

    16

    Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott taħt l-isem “Agrotech Ethephon” ġiet sussegwentement awtorizzata fir-Renju Unit bħala importazzjoni parallela, billi intużat l-ATS fir-Renju Unit mogħtija lil Bayer Cropscience Ltd għal Cerone bħala prodott ta’ referenza.

    17

    Fis-27 ta’ Novembru 2007, Mac issottomettiet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela fi Franza tal-prodott Agrotech Ethephon bil-għan li tikkummerċjalizzah taħt l-isem “Mac Ethephone”.

    18

    Fl-20 ta’ Frar 2008, l-Aġenzija Franċiża tas-Sigurtà Sanitarja tal-Ikel (AFSSA) adottat opinjoni favorevoli għal din l-applikazzjoni, filwaqt li rrilevat li “l-informazzjoni disponibbli tippermetti li jiġi konkluż li s-sustanza attiva tal-preparazzjoni Agrotech Ethephon għandha l-istess oriġini bħal dik tal-preparazzjoni ta’ referenza Cerone u li l-kompożizzjonijiet integrali tal-preparazzjoni Agrotech Ethephon u tal-preparazzjoni ta’ referenza Cerone jistgħu setgħu jiġu kkunsidrati identiċi”.

    19

    B’deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2009, il-Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt ċaħad l-imsemmija applikazzjoni għar-raġuni li l-prodott imsemmi “Agrotech Etephon” ma kienx jibbenefika, fir-Renju Unit, minn ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414, kuntrarjament għal dak stabbilit fl-Artikolu R. 253‑52 tal-Code rural.

    20

    Fil-21 ta’ Lulju 2009, Mac ippreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, billi sostniet, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu R. 253‑52 tal-Code rural kienu inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE peress li ma kinux jippermettu li tingħata ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott li diġà jibbenefika minn tali awtorizzazzjoni fl-Istat ta’ esportazzjoni.

    21

    B’digriet tas-16 ta’ Frar 2011, il-President tat-Tribunal administratif de Paris bagħat ir-rikors quddiem il-Conseil d’État.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta b’mod partikolari l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-kundizzjoni li l-prodott ikkonċernat jibbenefika, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn [ATS] maħruġa skont id-Direttiva 91/414/KEE, u, konsegwentement, ma tippermettix il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela ta’ prodott li jibbenefika, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn [ATS] bħala importazzjoni parallela u li jkun identiku għal prodott awtorizzat fl-Istat ta’ importazzjoni”?

    Fuq id-domanda preliminari

    23

    Permezz tad-domanda tiegħu, il-Conseil d’État jistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jibbenefikax, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, minn ATS mogħtija abbażi tad-Direttiva 91/414, meta dan il-prodott jibbenefika minn awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela u huwa identiku għal prodott awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.

    24

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiesu li huma identiċi jekk ikollhom, tal-inqas, oriġini komuni fis-sens li jkunu ġew immanifatturati mill-istess kumpannija jew minn impriża relatata jew li topera taħt liċenzja skont l-istess formula; li jkunu ġew immanifatturati bl-użu tal-istess sustanza attiva, u li, barra minn hekk, ikollhom l-istess effetti fid-dawl tad-differenzi li jistgħu jeżistu fuq il-livell tal-kundizzjonijiet agrikoli, tal-protezzjoni tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari klimatiċi, fir-rigward tal-użu tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑201/06, EU:C:2008:104, punt 39).

    25

    Skont il-prinċipju bażiku f’dan il-qasam, kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru għandu jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li ebda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jista’ jitqiegħed fis-suq u jintuża fi Stat Membru mingħajr ma tingħata ATS minn qabel minn dan l-Istat Membru, skont din id-direttiva. Tali rekwiżit japplika anki meta l-prodott ikkonċernat diġà jibbenefika minn ATS fi Stat Membru ieħor (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑201/06, EU:C:2008:104, punt 31).

    26

    Madankollu, fir-rigward tal-importazzjonijiet paralleli, id-Direttiva 91/414 ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ importazzjoni parallela b’riferiment għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jibbenefika minn ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni mogħtija skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali sitwazzjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod li l-legalità tal-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-importazzjonijiet paralleli għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE et seq (ara s-sentenzi Escalier u Bonnarel, C‑260/06 u C‑261/06, EU:C:2007:659, punt 28, u Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 33).

    27

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta tali operazzjoni tirrigwarda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa diġà awtorizzat skont id-Direttiva 91/414 fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni u fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, dan il-prodott ma jistax jitqies li tqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Istat Membru ta’ importazzjoni. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew tal-ambjent, li l-importaturi paralleli jiġu suġġetti għall-proċedura ta’ ATS prevista minn din id-direttiva billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni diġà għandhom l-informazzjoni kollha indispensabbli sabiex jeżerċitaw il-kontroll tagħhom. Il-fatt li l-prodott ta’ importazzjoni jiġi suġġett għall-proċedura ta’ ATS imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent u jipperikola li jmur kontra, mingħajr ġustifikazzjoni, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 TFUE (ara s-sentenzi British Agrochemicals Association, C‑100/96, EU:C:1999:129, punt 32, u Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 34).

    28

    Fis-sitwazzjoni fejn prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jitqies li diġà ġie awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat għandhom jippermettu l-prodott ikkonċernat jibbenefika mill-ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414 lill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq, ħlief jekk dan ikun prekluż minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effikaċi tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent (ara s-sentenzi British Agrochemicals Association, EU:C:1999:129, punt 36, u Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 35).

    29

    Madankollu, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun ġie introdott fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ importazzjoni parallela la jista’ jibbenefika b’mod awtomatiku u lanqas b’mod assolut u inkundizzjonat minn ATS mogħtija lil prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq ta’ dan l-Istat. Fil-każ fejn prodott ta’ importazzjoni ma jistax jitqies li huwa diġà awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, dan ta’ l-aħħar jista’ jagħti ATS biss jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/414 jew għandu jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jissuġġettaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li tintalab l-importazzjoni parallela tagħhom fit-territorju tagħhom għal proċedura ta’ eżami, liema eżami, bħal fil-kawża prinċipali, jista’ jieħu l-forma ta’ proċedura msejħa “semplifikata”. Din il-proċedura semplifikata għall-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela tfittex li tivverifika jekk il-prodott li ser jiġi importat jeħtieġx ATS jew jekk għandux jitqies li diġà ġie awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni. F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni li għandhom jeżaminaw, fuq talba tal-partijiet interessati, jekk jistgħux jippermettu l-prodott ikkonċernat jibbenefika minn ATS mogħtija favur prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Escalier u Bonnarel, EU:C:2007:659, punt 32, u Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 37).

    31

    Il-fatt li, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma għandux ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414, iżda għandu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela ma jistax jeskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela abbażi tal-proċedura semplifikata ta’ kontroll deskritta iktar ’il fuq.

    32

    L-imsemmija proċedura semplifikata hija bbażata, fil-fatt, fuq l-idea li, jekk il-prodott li ser jiġi importat jista’ jitqies li huwa identiku, fis-sens imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għal dak ta’ referenza u jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali u tal-ambjent li tipprekludih milli jibbenefika mill-ATS mogħtija lil dan il-prodott tal-aħħar, il-fatt li l-importazzjoni tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li l-prodott li ser jiġi importat ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ bejn Stati Membri pprojbita bl-Artikolu 34 TFUE.

    33

    Fil-każ li l-identiċità bejn il-prodott li ser jiġi importat u dak ta’ referenza madankollu ma tistax tiġi stabbilita, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ dan il-prodott biss jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/414 jew għandhom jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, EU:C:2008:104, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Huwa minnu li, kif isostni ġustament il-Gvern Franċiż, din il-verifika hija possibbli biss jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan il-għan.

    35

    Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-prodotti li kisbu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela mogħtija minn Stat Membru abbażi tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata joffru, bħala prinċipju, l-istess garanziji bħal dawk li jibbenefikaw minn ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414. Huwa minnu li ma kinux is-suġġett ta’ proċedura ta’ ATS abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-Istat Membru fejn ġew importati b’mod parallel. Madankollu, huma tqiesu li huma identiċi, fis-sens imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għal prodott ta’ referenza li rċieva ATS f’dan l-Istat Membru u l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru ta’ importazzjoni finali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni miġbura meta ngħatat l-ATS lill-prodott li l-importatur parallel jallega li huwa identiku għal dak li huwa għandu l-intenzjoni li jqiegħed fis-suq f’dan l-Istat Membru.

    36

    Fit-tieni lok, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandhom mezzi leġiżlattivi u amministrattivi li bihom jistgħu jobbligaw lill-manifattur, lir-rappreżentant maħtur tiegħu jew lid-detentur ta’ liċenzja tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jibbenefika minn ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414 sabiex jipprovdu l-informazzjoni li huma għandhom u li jidhrilhom li huma neċessarji. Barra minn hekk, huma jista’ jkollhom aċċess għall-fajl sottomess fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ATS ta’ dan il-prodott u jistgħu jitolbu wkoll informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih il-prodott li ser jiġi importat ġie awtorizzat bħala importazzjoni parallela (ara s-sentenza British Agrochemicals Association, EU:C:1999:129, punt 34). Għalhekk, l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li, jekk jintalbu jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Istati Membri l-oħra l-fajls li huma obbligati jikkompilaw dwar kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni billi jikkomunikawlhom l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex l-applikazzjonijiet jinftiehmu tajjeb.

    37

    Meta dan il-prodott ikun ġie awtorizzat biss bħala importazzjoni parallela, tali informazzjoni tista’ tirrigwarda kemm l-imsemmi prodott kif ukoll dak li jkun serva bħala prodott ta’ referenza għall-finijiet tal-importazzjoni parallela. Tista’ tinkiseb informazzjoni wkoll, fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 91/414, mill-Istat Membru li minnu l-prodott ġie esportat għall-ewwel darba u fejn huwa jibbenefika minn ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414.

    38

    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn prodott li, fi Stat Membru, ikollu ATS mogħtija skont id-Direttiva 91/414 jiġi importat mill-ġdid b’mod parallel f’dan l-Istat wara li jkun ġie importat b’mod parallel fi Stat Membru ieħor, l-informazzjoni neċessarja sabiex isiru l-verifiki meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata, b’mod partikolari dawk dwar il-koformulanti tiegħu kif ukoll dawk dwar l-ippakkjar, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tiegħu, għandha tkun iktar faċli li tinstab, peress li l-prodott ta’ referenza fl-Istat ta’ destinazzjoni finali jikkoinċidi ma’ dak li kien is-suġġett tal-ewwel esportazzjoni.

    39

    Issa għalkemm huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiżguraw li jiġi osservat strettament l-għan essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li, sabiex jiġi protett il-moviment liberu tal-merkanzija, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tiġi applikata sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali leġittimament segwiti (ara s-sentenza Escalier u Bonnarel, EU:C:2007:659, punt 37).

    40

    Għaldaqstant, projbizzjoni assoluta ta’ importazzjoni parallela ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, bħal dik fis-seħħ fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq allegata insuffiċjenza sistematika ta’ informazzjoni li tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istat ta’ importazzjoni jew fuq is-sempliċi possibbiltà ta’ tali insuffiċjenza, ma tistax tkun iġġustifikata fil-każijiet ta’ importazzjoni parallela mill-ġdid.

    41

    L-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni finali jkunu ġġustifikati li jiċħdu l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-importazzjoni biss meta, wara l-proċedura ta’ kontroll, huma jikkonkludu, abbażi tal-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, li l-prodott li tiegħu qed tintalab l-awtorizzazzjoni ġarrab bidliet, matul l-importazzjonijiet paralleli preċedenti, b’mod li ma jistax jibqa’ jitqies li huwa prodott identiku, fis-sens imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għall-prodott ta’ referenza awtorizzat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni finali jew meta jidhrilhom li l-informazzjoni disponibbli ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-identiċità tiegħu mal-prodott ta’ referenza jew meta kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effikaċi tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent jipprekludu tali identiċità.

    42

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jibbenefikax, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, minn ATS mogħtija abbażi tad-Direttiva 91/414, meta dan il-prodott jibbenefika minn awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela u jista’ jitqies li huwa identiku għal prodott li jibbenefika minn ATS mogħtija skont din id-direttiva fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jibbenefikax, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, meta dan il-prodott jibbenefika minn awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela u jista’ jitqies li huwa identiku għal prodott li jibbenefika minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija skont din id-direttiva fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top