Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0091

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
    Essent Energie Productie BV vs Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi).
    Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikoli 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 – Kamp ta’ applikazzjoni – Introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg – Projbizzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE – Kollokament ta’ ħaddiema – Ċittadini ta’ Stati terzi – Rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema.
    Kawża C‑91/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2206

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Artikoli 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 — Kamp ta’ applikazzjoni — Introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg — Projbizzjoni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Kollokament ta’ ħaddiema — Ċittadini ta’ Stati terzi — Rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema”

    Fil-Kawża C‑91/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

    Essent Energie Productie BV

    vs

    Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President ta’ Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Essent Energie Productie BV, minn T. L. Badoux, advocaat,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, bħala aġent,

    għall‑Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll addizzjonali”), u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ din l-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ assoċjazzjoni twaqqaf bil-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Essent Energie Productie BV (iktar ’il quddiem “Essent”) u l‑Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (il-ministru tal-affarijiet soċjali u tal-impjieg, iktar ’il quddiem il-“Minister”) fir-rigward ta’ multa li ġiet imposta fuqha minn dan tal-aħħar talli wettaq xogħlijiet minn ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi mingħajr ma’ dawn kellhom permess ta’ xogħol.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

    3

    Konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu bħala għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll permezz tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 13 ta’ dan il-ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 14 tal-imsemmi ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għixien tal-poplu Tork u li tiġi ffaċilitata ulterjorment l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ paragrafu tal-preambolu u l-Artikolu 28 tal-istess ftehim).

    Il-Protokoll addizzjonali

    4

    Il-Protokoll addizzjonali li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti sħiħa mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmi għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim.

    5

    Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, intitolat “Moviment ta’ persuni u servizzi”, li l-Kapitolu I tiegħu jsemmi lill-“[ħ]addiema” filwaqt li l-Kapitolu II huwa ddedikat għad-dritt ta’ stabbiliment, għas-servizzi u għat-trasport.

    6

    L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali, li jinsab fl-imsemmi Kapitolu II jipprovdu:

    “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

    7

    L-Artikolu 59 tal-Protokoll addizzjonali, li jinsab taħt it-Titolu IV tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali u finali”, huwa redatt kif ġej:

    “Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-[Trattat FUE].”

    Id-Deċiżjoni Nru 1/80

    8

    L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

    “L-Istati Membri tal-[Unjoni] u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom. L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

    9

    Skont il-punt 1 tal-inċiż (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi fuq ix-xogħol tal-barranin (Wet arbeid vreemdelingen), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Wav 1994”), “persuna li timpjega” tfisser il-persuna li, fl-eżerċizzju ta’ funzjoni, professjoni jew impriża, teżegwixxi xogħol permezz ta’ terzi.

    10

    Skont l-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994, huwa pprojbit li persuna li timpjega teżegwixxi xogħol permezz ta’ barrani fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess ta’ xogħol.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Essent hija kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li inkarigat lil BIS Industrial Services Nederland BV (iktar ’il quddiem “BIS”), li hija wkoll stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex teżegwixxi xogħlijiet ta’ armar ta’ scaffolding fil-bini sekondarju tagħha li jinsab f’Geertruidenberg (Il-Pajjiżi l-Baxxi).

    12

    Skont rapport imħejji mill-ispettorat tax-xogħol fit-8 ta’ Marzu 2010, waqt spezzjoni mwettqa minn dan tal-aħħar fil-15, fid-19 u fl-20 ta’ Mejju 2008, f’dan il-bini, kien ġie kkonstatat li 33 ċittadin ta’ Stati terzi, li minnhom 29 kienu ċittadini Torok, bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑20 ta’ Mejju 2008, kienu ħadu sehem fit-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet.

    13

    Skont dan l-istess rapport, dawn il-ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz kienu kkollokati ma’ BIS permezz ta’ Ekinci Gerüstbau GmbH (iktar ’il quddiem “Ekinci”), impriża Ġermaniża stabbilita fil-Ġermanja li magħha dawn il-ħaddiema kienu impjegati, mingħajr ma kien inħareġ ebda permess ta’ xogħol mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet ta’ tali kollokament.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2010, il-Minister impona fuq Essent multa ta’ EUR 264 000 minħabba ksur tal-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994, minħabba li din il-kumpannija kienet eżegwiet l-imsemmija xogħlijiet permezz ta’ ħaddiema barranin mingħajr ma dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal permess ta’ xogħol, minkejja li, skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan kien obbligatorju.

    15

    Essent ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Minister iddikjara dan l-ilment infondat minħabba li s-servizz ipprovdut minn Ekinci kien jikkonsisti esklużivament fil-kollokament ta’ ħaddiema, b’tali mod li Essent, bħala persuna li tikkummissjona x-xogħol u li timpjega l-ħaddiema barranin ikkonċernati, kellu jkollha permessi ta’ xogħol għal dawn il-ħaddiema.

    17

    Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2011, ir-Rechtbank ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad ir-rikors ippreżentat minn Essent kontra l-imsemmija deċiżjoni. Din il-qorti ddeċidiet b’mod partikolari li l-Minister kien korrett meta impona multa fuq Essent, peress li s-servizz ipprovdut minn Ekinci kien jikkonsisti biss fil-kollokament ta’ ħaddiema barranin u li, f’dan il-kuntest, id-dritt tal-Unjoni ma kienx jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stati Membru li jeżiġi li l-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ dan l-Istat ikollhom permess ta’ xogħol.

    18

    Essent appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    19

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna responsabbli għal xogħlijiet li, skont l-Artikolu 2(1) tal-[Wav 1994], għandha titqies bħala l-persuna li timpjega l-ħaddiema Torok ikkonċernati, tista’ tinvoka, fil-konfront tal-awtoritajiet Olandiżi [tal-Pajjiżi l-Baxxi], ir-regola ta’ ‘standstill’ li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew dik li tinsab fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali?

    2)

    a)

    Ir-regola ta’ ‘standstill’ li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew dik li tinsab fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 2(1) tal-[Wav 1994], għall-persuni responsabbli għal xogħlijiet li jgħaddu t-twettiq ta’ xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi lil ħaddiema ċittadini ta’ pajjiż terz [Stat terz], f’dan il-każ i[r-Repubblika tat-]Turkija, mingħajr permess ta’ xogħol, f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiema msemmija huma impjegati minn impriża Ġermaniża u jwettqu x-xogħol tagħhom għal impriża utenti Olandiża [tal-Pajjiżi l-Baxxi] kkuntrattata mill-persuna responsabbli għal xogħlijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi?

    b)

    F’dan id-dawl, huwa rilevanti l-fatt li, saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ kemm tar-regola ta’ ‘standstill’ li tinsab fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali u kemm ta’ dik li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, persuna li timpjega kienet ipprojbita milli tgħaddi t-twettiq ta’ xogħol lil persuna barranija fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol mingħajr permess ta’ xogħol u l-fatt li din il-projbizzjoni kienet ukoll imwessa’, qabel id-dħul fis-seħħ tar-regola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sabiex tkopri l-impriżi utenti li lilhom ikunu kkollokati barranin?”

    Fuq id-domandi preliminari

    20

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha, meta ħaddiema Torok jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ impriża utenti stabbilita fl-ewwel Stat Membru, li tagħmel użu minnhom sabiex twettaq xogħlijiet f’isem impriża oħra stabbilita f’dan l-istess Stat Membru, tali tqegħid għad-dispożizzjoni hija subordinata għall-kundizzjoni li dawn il-ħaddiema kienu suġġetti għal permess ta’ xogħol.

    Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80

    21

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom effett dirett. Konsegwentement, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati miċ-ċittadini Torok li għalihom huma japplikaw quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt intern li jmorru kontrihom (ara s-sentenzi Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 58 u 59, kif ukoll Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 38).

    22

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni bejn it-Turkija u l-Unjoni mkien ma huwa previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll addizzjonali tagħha, u lanqas mid-Deċiżjoni Nru 1/80, li tikkonċerna biss il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza Demirkan, EU:C:2013:583, punt 53).

    23

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li, b’differenza tal-ħaddiema tal-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx mill-moviment liberu ġewwa l-Unjoni, iżda jistgħu jinvokaw ċerti drittijiet biss fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Savas, C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 59; Abatay et, EU:C:2003:572, punt 64; kif ukoll Derin, C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 66).

    24

    Għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema ċittadini Torok ikkonċernati huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn jirrisjedu u jaħdmu legalment.

    25

    Konsegwentement, huwa fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru li dawn il-ħaddiema jistgħu jinvokaw id-drittijiet li jisiltu mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    26

    Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 13 jikkonċerna l-miżuri nazzjonali dwar l-aċċess għall-impjieg u ma huwiex intiż li jipproteġi liċ-ċittadini Torok li diġà huma integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru (ara s-sentenza Sahin, C‑242/06, EU:C:2009:554, punt 51).

    27

    Barra minn hekk, mis-sistema u mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, din id-deċiżjoni għandha bħala għan essenzjali l-integrazzjoni progressiva tal-ħaddiema Torok fl-Istat Membru ospitanti permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg regolari li bħala prinċipju għandu jkun mingħajr interruzzjoni (ara s-sentenza Abatay et, EU:C:2003:572, punt 90).

    28

    Issa, il-ħaddiema ċittadini Torok inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrisjedu u jaħdmu legalment fl-Istat Membru ospitanti tagħhom, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ġew ikkollokati fit-territorju Olandiż għal perijodu limitat, li jikkorrispondi għaż-żmien neċessarju biex jeżegwixxu x-xogħlijiet ta’ armar ta’ scaffoldings li għalihom kienet ġiet inkarigata BIS minn Essent.

    29

    B’hekk, ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija ħaddiema kellhom l-intenzjoni li jintegraw ruħhom fis-suq tal-impjieg tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala Stat Membru ospitanti.

    30

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    31

    Fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, dan jipprovdi, f’termini ċari, preċiżi u inkondizzjonali, klawżola mhux ekwivoka ta’ “standstill”, li tipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali (ara s-sentenza Demirkan, EU:C:2013:583, punt 37).

    32

    Din il-klawżola ta’ “standstill” tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura ġdida li jkollha bħala għan jew bħala effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-imsemmija libertajiet ekonomiċi fit-territorju ta’ Stat Membru taħt kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Demirkan, EU:C:2013:583, punt 39).

    33

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali jista’ jiġi invokat minn impriża stabbilita fit-Turkija li tipprovdi servizzi fi Stat Membru b’mod legali u minn ċittadini Torok li huma xufiera tat-trakkijiet impjegati minn tali impriża (sentenza Abatay et, EU:C:2003:572, punti 105 u 106, kif ukoll Demirkan, EU:C:2013:583, punt 40).

    34

    Min-naħa l-oħra, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, l-unika rabta mar-Repubblika tat-Turkija tinsab fil-preżenza ta’ maġġoranza ta’ ċittadini Torok fost il-ħaddiema kkollokati minn Ekinci fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Issa, fl-assenza, fis-sitwazzjoni li tat lok għal din it-tilwima, ta’ attività ekonomika bejn ir-Repubblika tat-Turkija u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, din ir-rabta ma hijiex biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali.

    35

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Fuq l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE

    36

    Għandu jitfakkar li l-fatt li qorti nazzjonali fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenza Vicoplus et, C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività li tikkonsisti, għal impriża, li tqiegħed għad-dispożizzjoni, b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni, il-ħaddiema li jibqgħu fis-servizz ta’ din l-impriża mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-utent jikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE u għandha, għaldaqstant, titqies li hija servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi Webb, 279/80, EU:C:1981:314, punt 9, kif ukoll Vicoplus et, EU:C:2011:64, punt 27).

    38

    Fir-rigward tal-kawża prinċipali, is-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema huwa pprovdut minn impriża stabbilita fil-Ġermanja lil impriża utenti stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    39

    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, tali provvista ta’ servizzi bejn żewġ impriżi li huma stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni jirrigwarda ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

    40

    Bl-istess mod, il-fatt li Essent ma hijiex id-destinatarja diretta tal-provvista tas-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lil din l-impriża mill-possibbiltà li tinvika l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE sabiex tikkontesta s-sanzjoni imposta lilha mill-Minister.

    41

    Fil-fatt, għalkemm tali possibbiltà ġiet irrifjutata lil Essent, ikun meħtieġ biss li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-impriża destinatarja ta’ tali servizz joħloq definizzjoni estensiva tal-kunċett ta’ persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi ostakolata l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, konsegwentement, li ssir ineffettiva l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal din il-libertà, prevista fl-Artikolu 56 TFUE.

    42

    Barra minn hekk, sa fejn, bħala persuna li tikkummissjona x-xogħol li tinsab fil-katina tal-impriżi kkonċernati mill-provvista ta’ servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Essent kienet l-unika impriża li ġiet implikata mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u li ngħatat multa, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li taw lok għall-għoti ta’ din il-multa humiex kompatibbli mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE hija direttament utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, li tikkonċerna l-legalità tal-imsemmija multa.

    43

    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE ma jeżiġix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tagħha, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-persuni li jipprovdu servizz nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat membru ieħor, fejn legalment tipprovdi servizzi simili (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑445/03, EU:C:2004:655, punt 20, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 36).

    45

    Fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema ta’ Stat terz minn impriża li tipprovdi servizzi fi Stat Membru tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑244/04, EU:C:2006:49, punt 34, u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punt 40).

    46

    Issa, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa pprojbit li persuna li timpjega, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, teżegwixxi xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi minn barrani nieqes minn permess ta’ xogħol.

    47

    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi u r-restrizzjonijiet fir-rigward ta’ termini li għandhom jiġu osservati sabiex jinkiseb dan il-permess ta’ xogħol kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi li timplika l-kisba ta’ tali permess jostakolaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi u, konsegwentement, l-eżerċizzju minn din l-aħħar impriża ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 23; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 35; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punti 39 u 42).

    48

    Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sa fejn hija tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u li dan l-interess ma huwiex diġà ssalvagwardat permezz tar-regoli li għalihom il-persuna li tipprovdi servizzi hija suġġetta fl-Istat Membru fejn huwa paċifiku li tista’ tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan segwit minnha u li ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 21; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 31, u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punt 37).

    49

    Is-suġġett relatat mal-kollokament ta’ ħaddiema impjegati ċittadini ta’ Stat terz fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali ma huwiex, attwalment, armonizzat fuq livell tal-Unjoni. Għaldaqstant hemm lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhrux li huma ġustifikati permezz ta’ għan ta’ interess ġenerali u, jekk ikun il-każ, jekk humiex neċessarji sabiex dan l-għan jiġi segwit effettivament u permezz tal-mezzi approprjati (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġustifikata permezz tal-għan intiż li jipproteġi s-suq tax-xogħol nazzjonali.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li x-xewqa li jiġu evitati perturbazzjonijiet fuq is-suq tal-impjieg tikkostitwixxi, ċertament, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li huma kkollokati fi Stat Membru ieħor bil-għan li jwettqu provvista ta’ servizzi madankollu ma jippretendux li għandhom jaċċedu għas-suq tal-impjieg ta’ dan it-tieni Stat, inkwantu jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara li jtemmu l-operat tagħhom (ara s-sentenzi Rush Portuguesa, C‑113/89, EU:C:1990:142, punt 15; Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 38; u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punt 55).

    52

    Madankollu, Stat Membru jista’ jivverifika jekk l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka ħaddiema ta’ Stat terz fit-territorju tiegħu, ma tinqediex bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan differenti mit-twettiq tas-servizz ikkonċernat (ara s-sentenzi Rush Portuguesa, EU:C:1990:142, punt 17; Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 39; u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2006:595, punt 56).

    53

    Madankollu, dawn il-verifiki għandhom josservaw il-limiti li jimponi d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ma tistax issir fittizja u li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jiġi ssuġġettat għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni (ara s-sentenzi Rush Portuguesa, EU:C:1990:142, punt 17; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 36; u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 40).

    54

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li n-natura partikolari tal-attività li tikkonsisti, għal impriża, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, b’korrispettiv ta’ ħlas, tal-ħaddiema li jibqgħu fis-servizz ta’ din l-impriża, mingħajr ma jkun ġie konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-utent, ma tneħħix lil tali impriża l-karatteristika ta’ impriża li tipprovdi servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 et seq TFUE u ma tistax teskludi tali attività mir-regoli relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza Webb, EU:C:1981:314, punt 10).

    55

    Konsegwentement, għalkemm għandhom jiġu rikonoxxuti lil Stat Membru kemm il-possibbiltà li tivverifika jekk impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tipprovdi lil impriża utenti stabbilita fl-ewwel Stat Membru servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, tagħmel użu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi biss għall-għan ta’ provvista tas-servizz ikkonċernat, kif ukoll il-possibbiltà li jadottaw il-miżuri ta’ kontroll neċessarji f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 36), l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà madankollu ma jistax jippermetti lil dan l-Istat Membru li jimponi rekwiżiti sproporzjonati.

    56

    Issa, iż-żamma fis-seħħ, b’mod permanenti, minn Stat Membru, ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita f’dan l-Istat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor teċċedi dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    57

    F’dan ir-rigward, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi li tagħti lill-awtoritajiet lokali l-indikazzjonijiet li juru li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema hija waħda legali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ residenza, ta’ permess ta’ xogħol u ta’ protezzjoni soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom, joffri lil dawn l-awtoritajiet, b’mod inqas restrittiv u daqstant effikaċi bħar-rekwiżiti inkwistjoni, garanziji fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema u għall-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi servizzi (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 46, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 41).

    58

    Tali obbligu jista’ jikkonsisti f’sempliċi dikjarazzjoni minn qabel, li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jivverifikaw l-indikazzjonijiet ipprovduti u li jadottaw il-miżuri neċessarji fil-każ ta’ illegalità tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati. Barra minn hekk, l-imsemmi obbligu jista’ jieħu l-forma ta’ notifika fil-qosor tad-dokumenti meħtieġa, b’mod partikolari meta t-tul tal-kollokament ma jippermettix li tali verifika tiġi eżerċitata b’mod effikaċi (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 41).

    59

    Bl-istess mod, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi sabiex tinforma minn qabel lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-preżenza ta’ wieħed jew iktar ħaddiema impjegati kkollokati, it-tul ta’ żmien previst ta’ din il-preżenza u s-servizz jew is-servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament jikkostitwixxi miżura daqstant effikaċi u inqas restrittiva mir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan huwa tali li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jivverifikaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-kollokament billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom din l-impriża diġà hija suġġetta skont ir-regoli ta’ dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2004:655, punt 31, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, EU:C:2006:49, punt 45). Magħqud mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija impriża fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, tali obbligu jippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jadottaw, jekk ikun il-każ, il-miżuri meħtieġa fi tmiem il-perijodu previst ta’ kollokament.

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema, meta ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ impriża utenti stabbilita fl-ewwel Stat Membru, li tużahom sabiex twettaq xogħlijiet f’isem impriża oħra stabbilita f’dan l-istess Stat Membru, tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-ħaddiema kienu suġġetti għal permess ta’ xogħol.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha, meta ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ impriża utenti stabbilita fl-ewwel Stat Membru, li tużahom sabiex twettaq xogħlijiet f’isem impriża oħra stabbilita f’dan l-istess Stat Membru, tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-ħaddiema kienu suġġetti għal permess ta’ xogħol.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top