Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0088

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
    Philippe Gruslin vs Beobank SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Direttiva 85/611/KEE – Artikolu 45 – Kunċett ta’ ‘pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet’ – Kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet lid-detenturi ta’ unitajiet.
    Kawża C‑88/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2205

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) — Direttiva 85/611/KEE — Artikolu 45 — Kunċett ta’ ‘pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet’ — Kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet lid-detenturi ta’ unitajiet”

    Fil-Kawża C-88/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

    Philippe Gruslin

    vs

    Beobank SA, li qabel kienet Citibank Belgium SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.‑C. Bonichot, u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Gruslin, minn L. Misson u J. Meyer, avukati,

    għal Beobank SA, li qabel kienet Citibank Belgium SA, minn M. van der Haegen u A. Fontaine, avukati,

    għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux, J. Rius u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kif emendata bid-Direttiva 95/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 269, iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Gruslin u Beobank SA, li qabel kienet Citibank Belgium SA (iktar ’il quddiem “Beobank”), dwar il-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet tal-fond komuni ta’ investiment Citiportfolios (iktar ’il quddiem il-“fond Citiportfolios”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva UCITS ġiet emendata diversi drabi qabel ma tħassret mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32), li wettqet riformulazzjoni tad-Direttiva UCITS. Madankollu, hija din tal-aħħar li kienet applikabbli fil-mument meta seħħew il-fatti relatati mal-kawża prinċipali.

    4

    It-tieni sal-ħames premessi tad-Direttiva UCITS, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, kienu jiddikjaraw:

    “[b]illi l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv għandhom ikunu kkoordinati bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Komunità, waqt li fl-istess ħin jassiguraw protezzjoni aktar effettiva u aktar uniformi għal titolari [detenturi] ta’ unitajiet; billi din il-koordinazzjoni tagħmilha aktar faċli għal impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed li ddaħħal l-unitajiet tagħha fis-suq ta’ Stati Membri oħrajn;

    [b]illi jekk jiġu sodisfatti dawn l-objettivi tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fil-Komunità, u din il-koordinazzjoni tgħin biex ikun realizzat suq kapitali Ewropew;

    [b]illi, waqt li jiġu kkunsidrati dawn l-objettivi, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jinstabu fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw;

    [b]illi l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli komuni hija garanzija suffiċjenti biex impriżi ta’ investiment kollettiv li jinstabu fi Stati Membri, jiġu permessi soġġett għad-disposizzjonijiet applikabbli li għandhom x’jaqsmu ma’ movimenti fil-kapital, li jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma dawk l-Istati Membri l-oħrajn ma jkunu jistgħu jissuġġettaw lil dawk l-impriżi jew l-unitajiet tagħhom għal kwalsijasi disposizzjoni barra minn disposizzjonijiet li, f’dawk l-Istati, ma jidħlux fil-qasam kopert minn din id-Direttiva; billi, madanakollu, jekk impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed iddaħħal fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru differenti għandha tieħu l-passi kollha neċessarja biex tassigura li titolari ta’ l-unitajiet f’dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet finanzjari tagħhom hemmhekk bil-faċilità u huma provduti bl-informazzjoni neċessarja,”

    5

    L-Artikolu 1(6) tad-Direttiva UCITS kien jipprovdi:

    “Soġġett għad-disposizzjonijiet li jirregolaw il-movimenti tal-kapital u għall-Artikoli 44, 45 u 52(2), l-ebda Stat Membru ma jista’ japplika xi disposizzjoniet oħrajn huma x’inhuma, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva għal [impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)] li jinstabu fi Stat Membru ieħor jew għall-unitajiet maħruġa minn dawn l-UCITS, meta jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fit-territorju tiegħu.”

    6

    Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

    “L-ebda UCITS m’għandha twettaq attivitajiet sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li tkun tinstab fih [...]

    Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.”

    7

    Taħt it-Taqsima VIII tal-imsemmija direttiva, intitolata “Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal UCITS li jinnegozjaw l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri barra minn dawk li fihom ikunu jinstabu”, l-Artikolu 44(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

    “UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.”

    8

    L-Artikolu 45 tal-istess direttiva kien jaqra kif ġej:

    “Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 44, l-UCITS għandha, inter alia, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li jkunu disponibbli f’dak l-Istat faċilitajiet biex isiru pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet, għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta’ unitajiet u biex tkun disponibbli l-informazzjoni li l-UCITS jkunu obbligati li jipprovdu.”

    9

    Il-punt 1.10 li jinsab taħt il-kolonna 1, intitolata “Informazzjoni li tikkonċerna unità ta’ trust”, tal-Iskeda A annessa mad-Direttiva UCITS kien jaqra kif ġej:

    “Dettalji tat-tipi u l-karatteristiċi ewlenija ta’ l-unitajiet u b’mod partikolari:

    in-natura tad-dritt (reali, personali jew ieħor) irrappreżentat mill-unità,

    is-titoli jew ċertifikati oriġinali li jipprovdu prova ta’ titolu, dħul f’reġistru jew f’kont.

    karatteristiċi ta’ l-unitajiet: irreġistrati jew bearer. [...]

    [...]”

    Id-dritt Belġjan

    10

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji u s-swieq finanzjarji (Moniteur belge tat-22 ta’ Diċembru 1990, p. 23800, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990”), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti relatati mal-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

    “L-impriża ta’ investiment li għaliha jirreferi l-ewwel paragrafu għandha taħtar organu li għalih jirreferi l-Artikolu 3(1) jew (2), sabiex jiżgura d-distribuzzjoni lid-detenturi ta’ unitajiet, il-bejgħ jew ix-xiri mill-ġdid ta’ unitajiet u sabiex jiżgura li tkun disponibbli [...] l-informazzjoni li l-impriża ta’ investiment kollettiv hija obbligata tipprovdi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fond Citiportfolios huwa fond komuni ta’ investiment irregolat mid-dritt Lussemburgiż li huwa ġġestit mill-kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż Citiportfolios, u li l-bank depożitarju tiegħu huwa l-kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż Citibank Luxembourg.

    12

    Il-prospett tal-fond Citiportfolios tqassam ġewwa l-Belġju minn Beobank bħala l-organu maħtur mill-kumpannija Citiportfolios, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990.

    13

    P. Gruslin, ċittadin Belġjan li jirrisjedi fil-Belġju, investa fil-fond Citiportfolios, bejn it-12 u l-24 ta’ Jannar 1996, billi ssottoskriva għal unitajiet direttament mingħand il-kumpannija Citibank Luxembourg. Beobank ma kinitx involuta bħala domiċilju ta’ sottoskrizzjoni u rċeviet ebda kummissjoni f’dik il-kapaċità.

    14

    Fid-9 ta’ Settembru 1996, Citibank Luxembourg għalqet, b’effett mis-17 ta’ Settembru 1996, il-kontijiet tagħha kollha u r-relazzjonijiet tan-negozju ma’ P. Gruslin u talbitu jirtira, sa dik id-data, il-fondi u t-titoli kollha li kienu għadhom fil-kontijiet tiegħu. Huwa ġie nnotifikat li fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li kellhom jitwettqu sabiex jiġu llikwidati l-unitajiet fil-fond Citiportfolios, dawn l-unitajiet kienu ser jiġu rreġistrati f’ismu fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet miżmum mill-emittent. Fl-14 ta’ Ottubru 1996, wara li ma rċeviet ebda struzzjonijiet mingħand P. Gruslin, Citibank Luxembourg irreġistrat dawn l-unitajiet.

    15

    F’Diċembru 1996, P. Gruslin kiteb lil Beobank sabiex jikseb il-kunsinna taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw l-unitajiet li ġew irreġistrati f’ismu fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet relatati mal-fond Citiportfolios. Beobank irrispondiet li, peress l-unitajiet kienu nxtraw direttament mingħand il-kumpannija Citibank Luxembourg, ma kinux jidhru fil-fajl f’isem P. Gruslin miżmum minn Beobank. Din tal-aħħar informatu li għaddiet il-fajl lill-kumpannija Citibank Luxembourg sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri.

    16

    Fl-14 ta’ Jannar 2008, P. Gruslin ressaq proċeduri quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell) bil-għan li Beobank tiġi kkundannata tikkunsinnalu l-imsemmija ċertifikati sabiex ikun jista’ jipprova li kien il-proprjetarju tal-unitajiet li għalihom kien issottoskriva. Peress li ma kienx issodisfatt bl-eżitu tal-proċeduri quddiem dik il-qorti, huwa appella mid-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990.

    17

    Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2011, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddikjarat it-talba ta’ P. Gruslin għall-kunsinna taċ-ċertifikati inkwistjoni infondata, billi rrilevat b’mod partikolari li, sa fejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 kien jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikolu 45 tad-Direttiva UCITS, il-kunċett ta’ “tqassim” użat fih kellu jinftiehem li jirreferi mhux għall-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet, kif sostna P. Gruslin, iżda għall-“pagament” lid-detenturi ta’ unitajiet.

    18

    P. Gruslin ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza. Insostenn ta’ dan l-appell, huwa jsostni, b’mod partikolari, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990, il-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ unitajiet tifforma parti mill-kompiti mogħtija lil Beobank fir-rigward tal-fond Citiportfolios.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 45 tad-Direttiva [UCITS] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet’ jirrigwarda wkoll il-kunsinna, lil titolari ta’ unitajiet, ta’ ċertifikati ta’ unitajiet irreġistrati?”

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    20

    B’att tas-6 ta’ Marzu 2014, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2014, P. Gruslin talab, wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2014, li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li rrileva, essenzjalment, li, fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali kien irrefera għal prinċipju legali mingħajr preċedent, li ma kienx tqajjem mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom.

    21

    Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    22

    Fit-tieni lok, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi pubblikament konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, huwa jista’, meta jkun il-każ, janalizza talba għal deċiżjoni preliminari billi jqiegħdha f’kuntest usa’ minn dak strettament iddefinit mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li fuqha dawn huma bbażati, ma huwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ liġi li ma kienx is-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-partijiet (sentenza Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa biex tirrispondi għad-domanda magħmula u li l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha, fost l-oħrajn minn P. Gruslin kienu jirrigwardaw dawn l-elementi.

    24

    Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

    Fuq id-domanda preliminari

    25

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 45 tad-Direttiva UCITS, li skontu UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab hija obbligata tiżgura li jsiru l-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-kunsinna, lid-detenturi ta’ unitajiet, ta’ ċertifikati li jirrappreżentaw l-unitajiet li jkunu rreġistrati f’isimhom fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet miżmum mill-emittent.

    Fuq l-ammissibbiltà

    26

    Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, għar-raġuni, essenzjalment, li P. Gruslin stess mar il-Lussemburgu sabiex jissottoskrivi għall-unitajiet direttament mingħand il-kumpannija Citibank Luxembourg, filwaqt li l-għan li d-Direttiva UCITS tfittex li tilħaq huwa pjuttost il-protezzjoni tad-detenturi ta’ unitajiet li jwettqu investimenti billi jirrikorru għal intermedjarju stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab l-UCITS. Għalhekk, din id-direttiva ma hijiex neċessarjament applikabbli għall-kawża prinċipali.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, C-279/12, EU:C:2013:853, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal et Shirley, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Huwa paċifiku, minn naħa, li l-fond Citiportfolios jinsab fil-Lussemburgu u li l-unitajiet tiegħu tqiegħdu fis-suq fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 138 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 kien intiż sabiex jittrasponi l-Artikolu 45 tad-Direttiva UCITS, u P. Gruslin ibbaża ruħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jikseb il-kunsinna taċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li d-domanda preliminari, li tikkonċerna strettament l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    30

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    31

    Id-Direttiva UCITS ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “pagamenti lil titolari [detenturi] ta’ unitajiet” li jinsab fl-Artikolu 45 tagħha.

    32

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq (ara s-sentenza Fish Legal u Shirley, EU:C:2013:853, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Mit-tieni sar-raba’ premessi tad-Direttiva UCITS jirriżulta li, bil-għan li jiġi żgurat it-tqegħid fis-suq liberu tal-unitajiet tal-UCITS fi ħdan l-Unjoni, din id-direttiva tfittex li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-UCITS, b’mod, minn naħa, li jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi għad-detenturi ta’ unitajiet. Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi regoli bażiċi komuni f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura, l-attivitajiet u l-informazzjoni li l-UCITS għandhom jippubblikaw.

    34

    Mill-Artikolu 1(6) tad-Direttiva UCITS, moqri flimkien mal-ħames premessa tagħha, jirriżulta li t-tqegħid fis-suq liberu tal-unitajiet tal-UCITS fi ħdan l-Unjoni Ewropea jimplika l-possibbiltà, għall-UCITS li jinsabu fi Stat Membru, li jqiegħdu l-unitajiet tagħhom fis-suq fi Stat Membru ieħor mingħajr ma dan tal-aħħar ikun jista’ jissuġġettahom għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra, tkun xi tkun, fl-oqsma rregolati minn din id-direttiva.

    35

    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-ebda UCITS ma għandha twettaq attivitajiet sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tinsab fih u din l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri l-oħra kollha.

    36

    Bl-istess mod, l-Artikolu 44(1) tal-istess direttiva jipprovdi li, meta UCITS tqiegħed l-unitajiet tagħha fis-suq fi Stat Membru differenti minn dak li tinsab fih, hija għandha tikkonforma ruħha mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat li ma jaqgħux taħt il-qasam irregolat mid-Direttiva UCITS.

    37

    Madankollu, f’dan il-każ, l-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-UCITS għandha, inter alia, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li f’dak l-Istat ikunu disponibbli faċilitajiet sabiex isiru l-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet, sabiex isir ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura tal-unitajiet u sabiex tkun disponibbli l-informazzjoni li l-UCITS ikunu obbligati li jipprovdu. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li dawn il-miżuri għandhom jittieħdu fl-osservanza tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq.

    38

    Mill-ħames premessa tad-Direttiva UCITS jirriżulta li l-Artikolu 45 tagħha jfittex li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ mekkaniżmi li jippermettu lid-detenturi ta’ unitajiet jeżerċitaw id-drittijiet finanzjarji tagħhom b’faċilità fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq u li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lid-detenturi ta’ unitajiet mill-UCITS tkun disponibbli f’dak l-Istat Membru.

    39

    Għandu jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li, minkejja li varjetà kbira ta’ servizzi, li Beobank issemmi fl-osservazzjonijiet tagħha, jistgħu jkunu marbuta mas-sottoskrizzjoni għall-unitajiet ta’ UCITS u maż-żamma tagħhom, mill-kliem tal-Artikolu 45 tad-Direttiva UCITS madankollu jirriżulta li din l-impriża hija obbligata tiżgura fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq biss il-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet, ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura tal-unitajiet u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni.

    40

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti, sabiex tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tad-detenturi ta’ unitajiet, li jimponi fuq l-UCITS l-obbligu li jiggarantixxu l-provvista, lid-detenturi ta’ unitajiet fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, tas-servizzi inkwistjoni fil-punt preċedenti.

    41

    B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva UCITS li jirregolaw id-drittijiet finanzjarji tad-detenturi ta’ unitajiet u l-obbligi tal-UCITS li jipprovdu informazzjoni lid-detenturi ta’ unitajiet la jinkludu xi rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ rappreżentazzjoni, ta’ żamma u ta’ ċirkulazzjoni tal-unitajiet ta’ UCITS u lanqas f’dak li jirrigwarda l-mezzi ta’ prova tal-proprjetà tal-unitajiet bil-għan li d-detentur tagħhom jeżerċita d-drittijiet relatati magħhom.

    42

    Kif osservaw kemm l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu kif ukoll il-Kummissjoni, il-forma li fiha tinħareġ unità hija marbuta intrinsikament mal-mod kif tista’ tiġi pprovata l-proprjetà tal-unitajiet u kif jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet relatati magħhom.

    43

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1.10 li jinsab taħt il-kolonna 1, intitolata “Informazzjoni li tikkonċerna unità ta’ trust”, tal-Iskeda A annessa mad-Direttiva UCITS jelenka l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lid-detenturi ta’ unitajiet f’dak li jirrigwarda n-natura u l-karatteristiċi ewlenija tal-unitajiet li jinħarġu mill-UCITS, inklużi l-forma li fiha jkunu rrappreżentati dawn l-unitajiet, jiġifieri jekk humiex ser ikunu rrappreżentati permezz ta’ titolu fiżiku, permezz ta’ ċertifikat rappreżentattiv, jew billi jiddaħħlu f’reġistru jew f’kont, kif ukoll l-indikazzjoni jekk l-unitajiet humiex ser jinħarġu f’forma rreġistrata jew bearer.

    44

    Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva UCITS ma tirregolax l-oqsma msemmija iktar ’il fuq, billi tillimita ruħha li tistabbilixxi obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lid-detenturi ta’ unitajiet f’dan ir-rigward.

    45

    Għalhekk, detentur ta’ unitajiet ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, fuq l-obbligu tal-UCITS li jiżguraw li jsiru l-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, sabiex jikseb, mingħand id-dipartiment finanzjarju ta’ din l-impriża, il-kunsinna ta’ ċertifikat li jirrappreżenta l-unitajiet li għalihom ikun issottoskriva.

    46

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 19(3)(m) tad-Direttiva 2009/65, moqri flimkien mal-premessa 22 tagħha. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod espliċitu li l-kontenut tar-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet, l-organizzazzjoni taż-żamma ta’ dan ir-reġistru u l-post fejn jinsab jaqgħu jew taħt ir-regoli tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-UCITS jew taħt il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ din l-impriża.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-obbligu previst fl-Artikolu 45 tad-Direttiva UCITS, li skontu UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab hija obbligata tiżgura li jsiru l-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-kunsinna, lid-detenturi ta’ unitajiet, ta’ ċertifikati li jirrappreżentaw l-unitajiet li jkunu rreġistrati f’isimhom fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet miżmum mill-emittent.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-obbligu previst fl-Artikolu 45 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), kif emendata bid-Direttiva 95/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 1995, li skontu impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab hija obbligata tiżgura li jsiru l-pagamenti lid-detenturi ta’ unitajiet fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-kunsinna, lid-detenturi ta’ unitajiet, ta’ ċertifikati li jirrappreżentaw l-unitajiet li jkunu rreġistrati f’isimhom fir-reġistru tad-detenturi ta’ unitajiet miżmum mill-emittent.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top