Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0038

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
    Małgorzata Nierodzik vs Samodzielny Publiczny Psychiatryczny Zakład Opieki Zdrowotnej im. dr Stanisława Deresza w Choroszczy.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Klawżola 4 — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjiegʼ — Perijodu ta’ preavviż ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat — Differenza fit-trattament mal-ħaddiema għal żmien indeterminat.
    Kawża C‑38/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:152

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Klawżola 4 — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ — Perijodu ta’ preavviż ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat — Differenza fit-trattament mal-ħaddiema għal żmien indeterminat”

    Fil-Kawża C‑38/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

    Małgorzata Nierodzik

    vs

    Samodzielny Publiczny Psychiatryczny Zakład Opieki Zdrowotnej im. dr Stanisława Deresza w Choroszczy,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 1 u 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Małgorzata Nierodzik, assistenta tal-infermiera, u l-persuna li kienet timpjegaha, is-Samodzielny Publiczny Psychiatryczny Zakład Opieki Zdrowotnej im. dr Stanisława Deresza w Choroszczy (sptar psikjatriku pubbliku u awtonomu, Dottor Stanisław Deresz de Choroszcz, iktar ’il quddiem il-“Psychiatryczny Zakład Opieki”), dwar ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li hija kellha ma’ din tal-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, li hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) anness[…] hawn”.

    5

    It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas huwa fformulat b’dan il-mod:

    “Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li [jittieħed] kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

    6

    Skont il-Klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa “li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”.

    7

    Fil-paragrafu 1 tagħha, il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tistabbilixxi:

    “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

    8

    Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

    “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim

    1.

    il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

    2.

    […] il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat] fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi […], il-ftehim kollettiv jew il-prattika [nazzjonali].”

    9

    Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tagħha tipprovdi:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat] biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

    Id-dritt Pollakk

    10

    Mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha jirriżulta li, skont l-Artikolu 32(1) tal-Liġi li tistabbilixxi Kodiċi tax-Xogħol (Ustawa – Kodeks pracy), tas-26 ta’ Ġunju 1974 (Dz. U. tal-1998, Nru 21, pożizzjoni 94, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”, kull waħda mill-partijiet tista’ ttemm, permezz ta’ preavviż, kuntratt ta’ xogħol konkluż għal perijodu ta’ prova jew għal żmien indeterminat. Skont l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-kuntratt ta’ xogħol jiġi fi tmiemu meta jiskadi l-perijodu ta’ preavviż.

    11

    L-Artikolu 33 ta’ dan il-kodiċi, li jikkonċerna l-perijodu ta’ preavviż applikabbli għall-kuntratti għal żmien determinat, jipprevedi:

    “Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, il-partijiet jistgħu jipprevedu l-fakultà li jirrexxindu l-kuntratt qabel ma dan jasal fi tmiemu, permezz ta’ perijodu ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn.”

    12

    Skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi kodiċi, “[i]l-perijodu ta’ preavviż tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiddependi miż-żmien ta’ servizz imwettaq mal-persuna li timpjega kkonċernata u għandu jkun ta’:

    1)

    ġimagħtejn jekk il-ħaddiem ikun ilu impjegat inqas minn 6 xhur,

    2)

    xahar jekk il-ħaddiem ikun ilu impjegat tal-inqas 6 xhur,

    3)

    tliet xhur jekk il-ħaddiem ikun ilu impjegat tal-inqas 3 snin.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    M. Nierodzik ġiet impjegata mill-Psychiatryczny Zakład Opieki matul il-perijodu mit-12 ta’ Mejju 1986 sal-15 ta’ Frar 2010. Il-partijiet kienu marbuta, matul il-parti l-kbira ta’ dan il-perijodu, permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Fil-15 ta’ Frar 2010, huma temmew dan il-kuntratt bi ftehim reċiproku fuq talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li riedet tibbenefika minn irtirar antiċipat.

    14

    Sussegwentement, il-Psychiatryczny Zakład Opieki kkonkluda ma’ M. Nierodzik, għall-perijodu mis-16 ta’ Frar 2010 sat-3 ta’ Frar 2015, kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat part-time. B’dan il-kuntratt, il-Psychiatryczny Zakład Opieki seta’, fi tmiem perijodu ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn, jirrexxindi dan il-kuntratt b’mod unilaterali mingħajr ma jkollu jiġġustifika dan it-tmiem tal-kuntratt.

    15

    Fit-3 ta’ April 2012, il-Psychiatryczny Zakład Opieki nnotifika lil M. Nierodzik bir-rexissjoni unilaterali tal-imsemmi kuntratt billi indikalha li dan tal-aħħar kien ser jiġi fi tmiemu meta jispiċċa l-perijodu ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn, jiġifieri fil‑21 ta’ April 2012.

    16

    Billi qieset li l-konklużjoni, għal perijodu ta’ numru ta’ snin, ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat kienet illegali, kienet intiża sabiex wieħed idur mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u sabiex iċċaħħadha mid-drittijiet li hija seta’ jkollha li kieku hija kienet ibbenefikat minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, M. Nierodzik ressqet lill-Psychiatryczny Zakład Opieki quddiem is-Sąd Rejonowy w Białymstoku. Hija titlob li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat, u, għaldaqstant, li jiġi rrikonoxxut li hija kellha tibbenefika minn perijodu ta’ preavviż ta’ tliet xhur.

    17

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mal-ftehim qafas, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali peress li l-applikazzjoni tagħha twassal għal differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien indeterminat u l-ħaddiema għal żmien determinat. Għal dan l-għan, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 33 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi li l-partijiet li jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur jistgħu jistipulaw fih perijodu ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn, filwaqt li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, dan it-terminu jkun, skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan il-kodiċi, ta’ bejn ġimagħtejn u tliet xhur, iddeterminat skont l-anzjanità tal-impjegat ikkonċernat.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Białymstoku ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 1 tad-Direttiva [1999/70], il-Klawżola 1 tal-[ftehim qafas], il-Klawżola 4 tal-[ftehim qafas], kif ukoll il-prinċipju ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq it-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu tal-preavviż għar-rexissjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, regoli differenti (inqas favorevoli mill-perspettiva tal-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien determinat) minn dawk li japplikaw għad-determinazzjoni tal-perijodu tal-preavviż għar-rexissjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u effettivament jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (l-Artikolu 33 tal-[Kodiċi tax-Xogħol]) li tipprevedi, għar-rexissjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, perijodu ta’ preavviż fiss ta’ ġimagħtejn, li ma jiddependix mill-anzjanità tal-ħaddiem, filwaqt li l-perijodu tal-preavviż għar-rexissjoni fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat jiddependi mill-anzjanità tal-ħaddiem u jista’ jvarja bejn ġimagħtejn u tliet xhur [Artikolu 36(1) […] tal-Kodiċi tax-Xogħol]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 u mal-Klawżola 1 tal-ftehim qafas kif ukoll mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, il-possibbiltà li jiġi applikat perijodu ta’ preavviż fiss ta’ ġimagħtejn indipendentement mill-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat, filwaqt li l-perijodu ta’ preavviż għar-rexissjoni fil-każ tal-kuntratti għal żmien indeterminat jiġi stabbilit skont l-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat u jista’ jvarja minn ġimagħtejn sa tliet xhur.

    20

    Il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tistabbilixxi projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli milli l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

    21

    Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat minn qabel jekk il-perijodu ta’ preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jaqax taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    22

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-Klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-ftehim qafas jippreċiża li dan “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika, għal dan l-għan, li l-iskop tal-ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti ħtiġijiet minimi ta’ natura li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, Ġabra p. I-14031, punt 47).

    23

    Il-ftehim qafas, u b’mod partikolari l-Klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat bl-għan li jipprekludi li jsir użu minn relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 37, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    24

    Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-ftehim qafas, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 114).

    25

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-imsemmija klawżola huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, punt 35).

    26

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, jaqgħu l-allowances tal-anzjanità li jingħataw kull tliet snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 sa 58, kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, punti 32 sa 34) u l-allowance li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (sentenza Carratù, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    27

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kundizzjonijiet għar-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Issa, interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dawn il-kundizzjonijiet ta’ rexissjoni, twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan assenjat lill-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet.

    28

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” jinsab ukoll kemm fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, il-kundizzjonijiet tal-impjieg jinkludu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija. Fir-rigward tal-ftehim qafas, il-portata tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tiegħu, hija, b’analoġija, simili.

    29

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-perijodu ta’ preavviż għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens ta’ din il-Klawżola 4(1).

    30

    F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-imsemmija Klawżola 4(1), għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex komparabbli.

    31

    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-ftehim qafas, hemm lok, b’mod konformi mal-Klawżoli 3(2) u 4(1) ta’ dan tal-aħħar, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2011, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta din kienet teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan il-Psychiatryczny Zakład Opieki fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati rreklutati għal żmien indeterminat mill-istess persuna li timpjega, matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza Valenza et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan il-każ, jekk l-imsemmija qorti tikkonstata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet twettaq xogħol simili jew identiku għal dak ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din ir-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmija rikorrenti qabel kellha l-istess pożizzjoni, billi kienet impjegata permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, jista’ jikkostitwixxi indizju li jippermetti li jiġi konkluż li s-sitwazzjoni tagħha ta’ ħaddiem għal żmien determinat kienet komparabbli ma’ dik ta’ persuna rreklutata għal żmien indeterminat.

    34

    F’din l-ipoteżi, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu ta’ preavviż, preċedenti għar-rexissjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iffissat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità ta’ din tal-aħħar, kien ta’ ġimagħtejn, filwaqt li, li kieku M. Nierodzik kienet ġiet impjegata b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, dan il-perijodu, ikkalkolat skont l-anzjanità tal-ħaddiem, kien ikun ta’ xahar, jiġifieri d-doppju tat-tul tal-perijodu ta’ preavviż li minnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat. L-uniku element li jista’ jiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ M. Nierodzik minn dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat jidher li huwa n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li kienet torbotha mal-persuna li timpjegaha.

    35

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ diversi perijodi ta’ preavviż tikkostitwixxi differenza fit-trattament fil-kundizzjonijiet tal-impjieg.

    36

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, il-Gvern Pollakk isostni argumenti li jikkonċernaw id-differenza fin-natura u fl-iskop li tiddistingwi lill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. F’dan il-każ, id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol tinsab fit-tul tagħhom kif ukoll fl-istabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    37

    Issa, f’dak li jikkonċerna d-differenza ta’ natura bejn l-imsemmija kuntratti ta’ xogħol, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-użu tan-natura temporanja tax-xogħol waħedha ma jistax jammonta għal raġuni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Valenza et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Fil-fatt, differenza fit-trattament, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, waħedha, hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza, jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm bid-Direttiva 1999/70 kif ukoll bil-ftehim qafas, l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex tkun ipperpetwata ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fir-rigward tal-istabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa intiż li jippromwovi, għandu jiġi kkonstatat li din ma tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, sabiex tiġi leġittimata differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fl-kawża prinċipali.

    40

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, il-possibbiltà li jiġi applikat perijodu ta’ preavviż fiss ta’ ġimagħtejn indipendentement mill-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat, filwaqt li l-perijodu ta’ preavviż għar-rexissjoni fil-każ tal-kuntratti għal żmien indeterminat jiġi stabbilit skont l-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat u jista’ jvarja minn ġimagħtejn sa tliet xhur, meta dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, il-possibbiltà li jiġi applikat perijodu ta’ preavviż fiss ta’ ġimagħtejn indipendentement mill-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat, filwaqt li l-perijodu ta’ preavviż għar-rexissjoni fil-każ tal-kuntratti għal żmien indeterminat jiġi stabbilit skont l-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat u jista’ jvarja minn ġimagħtejn sa tliet xhur, meta dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top