EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0017

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Marzu 2014.
Alpina River Cruises GmbH u Nicko Tours GmbH vs Ministero delle infrastrutture e dei trasporti – Capitaneria di Porto di Chioggia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Trasport marittimu – Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Kunċett ta’ ‘kabotaġġ marittimu’ – Servizzi ta’ kruċiera – Kruċiera fuq il-laguna ta’ Venezja, fil-baħar territorjali Taljan u fuq ix-xmara Pô – Imbark u żbark fl-istess port.
Kawża C‑17/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:191

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Trasport marittimu — Regolament (KEE) Nru 3577/92 — Kunċett ta’ ‘kabotaġġ marittimu’ — Servizzi ta’ kruċiera — Kruċiera fuq il-laguna ta’ Venezja, fil-baħar territorjali Taljan u fuq ix-xmara Pô — Imbark u żbark fl-istess port”

Fil-Kawża C‑17/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Alpina River Cruises GmbH,

Nicko Tours GmbH

vs

Ministero delle infrastrutture e dei trasporti – Capitaneria di Porto di Chioggia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Alpina River Cruises GmbH u Nicko Tours GmbH, minn A. Clarizia, A. Veronese u R. Longanesi Cattani, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Alpina River Cruises GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, u Nicko Tours GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż (iktar ’il quddiem, flimkien, “Alpina u Nicko Tours”) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero delle infrastrutture e dei trasporti – Capitaneria di Porto di Chioggia (Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport – Awtorità portwali tal-Port ta’ Chioggia), dwar ir-rifjut ta’ din l-awtorità li tħalli lil Alpina u Nicko Tours jgħaddu vapur turistiku li jtajjar bandiera Svizzera mill-baħar territorjali Taljan.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 3577/92

3

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3577/92:

“Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom reġistrati fi, u jtajjru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru [...]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

‘servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)’ tfisser servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni u għandhom b’mod partikolari jinkludu:

(a)

kabotaġġ fl-art ewlenija: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija jew it-territorju prinċipali ta’ l-istess Stat Membru mingħajr waqfien fi gżejjer;

(b)

servizzi ta’ forniment off-shore: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn xi port fi Stat Membru u stallazzjonijiet jew strutturi li jinsabu fuq l-estenzjoni maritima kontinentali ta’ dak l-Istat Membru;

(ċ)

kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;

portijiet li jinstabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, “[għ]al vapuri li jaħgmlu kabotaġġ fl-art ewlenija u għal vapuri tal-passiġġieri, il-materji kollha li jirreferu għal persunal għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun irreġistrat (stat tal-bandiera), minbarra għal vapuri li jkunu iżgħar minn 650 gt, fejn il-kundizzjonijiet ta’ l-Istat li jospita jistgħu jiġu applikati”.

6

Fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3577/92:

“Bħala mezz ta’ deroga, is-servizzi ta’ trasport marittimu li ġejjin magħmula ġewwa l-Mediterran u madwar il-kosta ta’ Spanja, il-Portugall u Franza għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

servizzi ta’ vapuri tal-passiġġieri [ta’ kruċiera], sa l-1 ta’ Jannar 1995,

[...]”

Id-dritt Taljan

7

Skont l-Artikolu 224 tal-Kodiċi Taljan tan-navigazzjoni, approvat bid-Digriet Irjali Nru 327, tat-30 ta’ Marzu 1942, kif emendat (iktar ’il quddiem il-“KTN”):

“1.   Is-servizz ta’ kabotaġġ bejn il-portijiet tar-Repubblika huwa rriżervat, skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 3577/92], għall-proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, dejjem sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex joffru servizz ta’ kabotaġġ f’dak l-Istat Membru.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) għandhom japplikaw għall-vapuri li jwettqu s-servizz marittimu minn portijiet, minn postijiet ta’ ankraġġ protetti mill-elementi u minn bajjiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Alpina u Nicko Tours huma l-kumpannija proprjetarja u l-kumpannija utenti, rispettivament, tal-vapur turistiku MS “Bellissima”, li jtajjar bandiera Svizzera.

9

Dawn il-kumpanniji kienu ppjanaw kruċiera ta’ madwar ġimgħa li kellha titlaq minn Venezja (l-Italja) fis-16 ta’ Marzu 2012 u li l-ewwel taqsam il-laguna ta’ Venezja sa Chioggia (l-Italja), imbagħad taqsam il-baħar territorjali bejn Chioggia u Porto Levante (l-Italja), titla’ madwar 60 kilometru tax-xmara Pô (l-Italja) sal-villaġġ ta’ Polesella (l-Italja) u terġa’ lura Venezja billi ssegwi l-itinerarju oppost.

10

Il-qsim tal-parti tal-baħar territorjali Taljan li tissepara l-portijiet ta’ Chioggia u ta’ Porto Levante kien indispensabbli minħabba d-daqs tal-MS Bellissima, li ma kienx jippermetti lil dan tal-aħħar li jbaħħar fil-kanal bejn Chioggia u x-xmara Pô.

11

Qabel dan il-vjaġġ, Alpina u Nicko Tours kienu ressqu talba lill-Ministero delle infrastrutture e dei trasporti – Capitaneria di Porto di Chioggia sabiex jiġi awtorizzat il-qsim tal-imsemmija parti tal-baħar. B’deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2012, l-imsemmija awtorità ċaħdet din it-talba, għar-raġuni li l-kabotaġġ marittimu kien irriżervat għall-vapuri li jtajru bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

12

Alpina u Nicko Tours ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (Qorti amministrattiva tar-Reġjun ta’ Veneto). Dan tal-aħħar ċaħad ir-rikors b’sentenza tat-12 ta’ April 2012, billi kkunsidra li s-servizz inkwistjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kabotaġġ marittimu” previst mir-Regolament Nru 3577/92 u għalhekk huwa suġġett għar-riżerva tas-servizz ta’ kabotaġġ “għall-proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru”, stabbilita fl-Artikolu 224 tal-KTN.

13

Alpina u Nicko Tours appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato, billi sostnew li l-kunċett ta’ “kabotaġġ marittimu” japplika biss għal servizzi li jinvolvu trasport bil-baħar veru u proprju. Il-kruċiera inkwistjoni ma kinitx tinvolvi tali trasport, għaliex, bl-eċċezzjoni tat-tbaħħir qasir fil-baħar territorjali bejn Chioggia u Porto Levante, hija kellha titwettaq f’ilmijiet interni.

14

Il-Consiglio di Stato ssospenda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-[Regolament Nru 3577/92] għandu jiġi interpretat bħala li japplika għall-kruċieri mwettqa bejn portijiet ta’ Stat Membru mingħajr imbark u żbark ta’ diversi passiġġieri f’dawn il-portijiet, inkwantu dawn il-kruċieri jibdew u jispiċċaw bl-imbark u l-iżbark tal-istess passiġġieri fl-istess port tal-Istat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kruċiera li tibda u tispiċċa, bl-istess passiġġieri, fl-istess port tal-Istat Membru li fih titwettaq, taqax taħt il-kunċett ta’ “kabotaġġ marittimu” fis-sens tar-Regolament Nru 3577/92.

16

Għalkemm il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li tingħata risposta affermattiva għad-domanda magħmula, Alpina u Nicko Tours iqisu li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda. Huma josservaw li r-Regolament Nru 3577/92 jirrigwarda t-trasport bil-baħar u li, konsegwentement, dan ir-regolament ma japplikax għal kruċiera fuq ix-xmajjar bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, iktar milli tingħata l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi deċiż li fi kwalunkwe każ ir-Regolament Nru 3577/92 ma jkoprix kruċieri li l-itinerarju tagħhom jikkonsisti essenzjalment f’ilmijiet mhux marittimi.

17

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3577/92 jirriżulta li dan tal-aħħar jirrigwarda biss is-servizzi ta’ trasport ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) li huma ta’ natura marittima. Konsegwentement, kif josservaw ġustament Alpina u Nicko Tours, is-servizzi ta’ trasport fuq l-ilma pprovduti fi Stat Membru li ma humiex ta’ natura marittima, ma humiex irregolati minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, tali servizzi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 345).

18

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu Alpina u Nicko Tours, ma jidhirx li l-kruċiera, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, hija ta’ natura essenzjalment mhux marittima.

19

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “baħar” previst mir-Regolament Nru 3577/92 ma huwiex limitat għall-baħar territorjali fis-sens tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260), iżda jkopri wkoll l-ilmijiet interni marittimi li jinsabu ’l ġewwa mil-linja bażi tal-baħar territorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑323/03, EU:C:2006:159, punti 25 sa 27).

20

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li Alpina u Nicko Tours isostnu korrettament li l-qsim tal-parti tal-baħar bejn Chioggia u Porto Levante huwa, fih innifsu, insinjifikattiv wisq biex jagħti natura marittima lill-kruċiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-argument tagħhom li l-imsemmija kruċiera hija ta’ natura essenzjalment mhux marittima jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li fi kwalunkwe każ huwa infondat inkwantu, minbarra l-imsemmija parti, partijiet oħra mill-itinerarju, bħaż-żoni ta’ navigazzjoni segwiti fil-laguna ta’ Venezja u fil-bokka tax-xmara Pô, jagħmlu parti mill-ilmijiet interni marittimi tar-Repubblika Taljana.

21

Barra minn hekk, ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex affettwata mill-fatt li l-vapur li permezz tiegħu titwettaq il-kruċiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, itajjar bandiera Svizzera.

22

Fil-fatt, l-eżitu tal-imsemmija kawża jiddependi mill-kwistjoni jekk ir-riżerva tas-servizz ta’ kabotaġġ bejn il-portijiet Taljani “għall-proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru”, stabbilita fl-Artikolu 224 tal-KTN, ġietx invokata b’mod leġittimu fil-konfront ta’ Alpina u Nicko Tours fir-rigward tal-kruċiera mwettqa permezz tal-imsemmi vapur li jtajjar bandiera Svizzera. Kif tikkonferma d-deċiżjoni tar-rinviju, mill-Artikolu 224 jirriżulta li r-riżerva stabbilita fih tikkonċerna biss is-servizzi ta’ kabotaġġ koperti mir-Regolament Nru 3577/92. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk kruċiera, li tibda u tispiċċa fl-istess port, tikkostitwixxix servizz ta’ kabotaġġ fis-sens tal-Artikolu 224 tal-KTN, il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tkun taf jekk tali kruċiera taqax taħt is-servizzi ta’ kabotaġġ koperti mir-Regolament Nru 3577/92.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju mingħajr ma huwa meħtieġ li temenda jew twessa’ l-portata tad-domanda preliminari fis-sens propost minn Alpina u Nicko Tours.

24

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li, mit-termini “vapuri tal-passiġġieri [ta’ kruċiera]” imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 3577/92 u mid-deroga prevista sal-1 ta’ Jannar 1995 għal ċerti kruċieri fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta, mingħajr ambigwità, li l-kruċieri jaqgħu taħt it-tipi ta’ trasport koperti mill-imsemmi regolament.

25

Madankollu, billi l-uniku suġġett tar-Regolament Nru 3577/92 huwa l-“kabotaġġ marittimu”, huma biss il-kruċieri li jaqgħu taħt dan il-kunċett li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

26

Billi l-imsemmi kunċett huwa ddefinit, fl-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92, bl-espressjoni “servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru”, għandu jiġi kkunsidrat li kull servizz ta’ kruċiera normalment ipprovdut bi ħlas f’ilmijiet marittimi ta’ Stat Membru jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

27

Meta tali kruċiera tibda u tispiċċa, bl-istess passiġġieri, fl-istess port, din l-identiċità tal-port tal-imbark u tal-iżbark kif ukoll tal-passiġġieri matul l-itinerarju kollu, ma tistax twassal għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 3577/92.

28

Huwa minnu li s-servizzi ta’ trasport elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 3577/92 huma deskritti bħala li għandhom portijiet tal-imbark u tal-iżbark differenti. Madankollu, din il-lista, li hija introdotta bit-terminu “b’mod partikolari”, ma hijiex eżawrjenti u ma jistax ikollha l-effett li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament servizzi ta’ trasport li għandhom il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-kabotaġġ marittimu kontenuti fl-espressjoni msemmija iktar ’il fuq “servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑251/04, EU:C:2007:5, punti 28 u 32).

29

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li servizz ta’ trasport marittimu li jikkonsisti fi kruċiera li tibda u tispiċċa, bl-istess passiġġieri, fl-istess port tal-Istat Membru li fih titwettaq, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kabotaġġ marittimu” fis-sens tar-Regolament Nru 3577/92.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Servizz ta’ trasport marittimu li jikkonsisti fi kruċiera li tibda u tispiċċa, bl-istess passiġġieri, fl-istess port tal-Istat Membru li fih titwettaq, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kabotaġġ marittimu” fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top