Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0015

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Mejju 2014.
    Technische Universität Hamburg-Harburg u Hochschul-Informations-System GmbH vs Datenlotsen Informationssysteme GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
    Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 2004/18/KE — Għoti ta’ kuntratt mingħajr il-bidu ta’ proċedura għal sejħa għal offerti — Għoti msejjaħ ‘in house’ — Kuntrattur ġuridikament differenti mill-awtorità kontraenti — Kundizzjoni ta’ ‘kontroll simili’ — Awtorità kontraenti u kuntrattur li ma għandhomx bejniethom relazzjoni ta’ kontroll — Awtorità pubblika terza li teżerċita kontroll parzjali fuq l-awtorità kontraenti u kontroll fuq il-kuntrattur li jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘simili’ — ‘Tranżazzjoni interna orizzontali’.
    Kawża C‑15/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:303

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 2004/18/KE — Għoti ta’ kuntratt mingħajr il-bidu ta’ proċedura għal sejħa għal offerti — Għoti msejjaħ ‘in house' — Kuntrattur ġuridikament differenti mill-awtorità kontraenti — Kundizzjoni ta’ ‘kontroll simili’ — Awtorità kontraenti u kuntrattur li ma għandhomx bejniethom relazzjoni ta’ kontroll — Awtorità pubblika terza li teżerċita kontroll parzjali fuq l-awtorità kontraenti u kontroll fuq il-kuntrattur li jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘simili’ — ‘Tranżazzjoni interna orizzontali’”

    Fil-Kawża C‑15/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

    Technische Universität Hamburg-Harburg,

    Hochschul Informations System GmbH

    vs

    Datenlotsen Informationssysteme GmbH

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għat-Technische Universität Hamburg‑Harburg, minn T. Noelle u I. Argyriadou, avukati,

    għal Hochschul‑Informations‑System GmbH, minn K. Willenbruch u M. Kober, avukati,

    għal Datenlotsen Informationssysteme GmbH, minn S. Görgens, avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u M. Noll‑Ehlers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Technische Universität Hamburg‑Harburg (Università politeknik ta’ Hamburg, iktar ’il quddiem l-“Università”) u Hochschul Informations System GmbH (iktar ’il quddiem “HIS”), minn naħa waħda, u Datenlotsen Informationssysteme GmbH, min-naħa l-oħra, dwar ir-regolarità tal-għoti dirett ta’ kuntratt mill-Università lil HIS mingħajr applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti previsti mid-Direttiva 2004/18.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2004/18 tistabbilixxi l-qafas regolamentari applikabbli għall-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti.

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(a) jipprovdi:

    ““Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

    5

    L-Artikolu 1(8) jiddisponi:

    “It-termini “kuntrattur”, “fornitur” u “min jipprovdi s-servizz” jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

    It-terminu “operatur ekonomiku” se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

    […]”

    6

    L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 jiddefinixxi b’mod dettaljat l-entitajiet li huma kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti u li għandhom, fil-konklużjoni ta’ kuntratt bi ħlas ma’ operatur ekonomiku, jibdew proċedura għal sejħa għal offerti skont ir-regoli ta’ din id-direttiva.

    7

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti publiċi”, jistabbilixxi estimu tal-limiti ta’ valur li l-għoti ta’ kuntratt għandu jkun suġġett għalih b’mod konformi mar-regoli ta’ din id-direttiva. Dawn il-limiti huma mibdula regolarment permezz tar-regolamenti tal-Kummissjoni u huma adattati għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi. Fid-data li fihom seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-limitu dwar il-kuntratti ta’ provvisti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet tal-gvern ċentrali kien iffissat għal EUR 193 000 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 314, p. 64).

    L-għoti ta ’ kuntratt pubbliku mingħajr applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti bid-Direttiva 2004/18 – Għoti msejjaħ “in house

    8

    Il-kundizzjonijiet ta’ dan l-għoti ġew stabbiliti u żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kkunsidrat li s-sejħa għal offerti billi ngħata bidu għal proċedura skont id-Direttiva 2004/18 ma hijiex obbligatorja fil-każ fejn, l-awtorità kontraenti teżerċita fuq persuna, ġuridikament distinta minnha, kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn dik il-persuna twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew mal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50).

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    L-Università hija istitut pubbliku ta’ edukazzjoni ogħla tal-Bundesland Freie und Hansestadt Hamburg [Stat Federali tal-belt libera u ħanseatika ta’ Hamburg (iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Hamburg”)]. Hija tikkostitwixxi korp irregolat taħt id-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 u, konsegwentement, awtorità kontraenti. Bl-intenzjoni li tiġi akkwistata sistema ta’ ġestjoni informatika għall-edukazzjoni ogħla, l-Università wettqet proċedura ta’ evalwazzjoni, li fil-kuntest tagħha hija għamlet paragun bejn is-sistemi informatiċi ta’ Datenlotsen Informationssysteme GmbH u ta’ HIS. Insegwitu għal dan l-eżami, l-Università ddeċidiet li takkwista sistema żviluppata minn din l-aħħar kumpannija u, fis-7 ta’ April 2011, ikkonkludiet magħha kuntratt għal provvista permezz ta’ għoti dirett, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti previsti mid-Direttiva 2004/18. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt kien ilaħħaq EUR 840 000.

    10

    Mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li HIS hija kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt privat, b’terz mill-kapital miżmum mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ż-żewġ terzi l-oħra mis-16-il Länder Ġermaniżi, bis-sehem tal-belt ta’ Hamburg jikkorrispondi għal 4.16 % ta’ dan il-kapital. Skont l-Artikolu 2 tal-Istatut ta’ din il-kumpannija, l-għan soċjali tagħha jikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna lill-istituti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi żgurata b’mod razzjonali u ekonomikament effiċjenti l-missjoni tagħhom ta’ edukazzjoni ogħla. Is-sistemi informatiċi ta’ HIS huma użati f’iktar minn 220 istitut pubbliku u reliġjuż ta’ edukazzjoni ogħla fil-Ġermanja.

    11

    B’mod konformi mal-Artikolu 12(1) tal-Istatut ta’ HIS, il-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din il-kumpannija huwa kompost minn għaxar membri, li sebgħa minnhom huma nominati fuq proposta tal-laqgħa tal-Ministri tal-Länder, tnejn minnhom fuq proposta tal-laqgħa tar-retturi ta’ istituti ta’ edukazzjoni ogħla, assoċjazzjoni ta’ universitajiet Ġermaniżi u istituti pubbliċi Ġermaniżi ta’ edukazzjoni ogħla jew rikonoxxuti mill-Istat, u wieħed fuq proposta tal-awtoritajiet federali. Skont l-Artikolu 15(1) tal-Istatut tagħha, HIS għandha kumitat konsultattiv (Kuratorium), fejn 19 mis-37 membru tiegħu huma maħtura mill-Konferenza tal-Ministri tal-Länder. F’dak li jirrigwarda l-volum tal-attivitajiet ta’ HIS, 5.14 % mid-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija jikkorrispondi għal attivitajiet imwettqa f’isem entitajiet oħra barra mill-istituti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla.

    12

    Skont dawn il-partijiet kontraenti, l-għoti dirett ta’ kuntratt mill-Università lil HIS huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li, għalkemm, bejn dawn iż-żewġ entitajiet, ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ kontroll, il-kundizzjoni ta’ “kontroll simili” li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq hija ssodisfatta minħabba l-fatt li dawn it-tnejn jinsabu taħt il-kontroll tal-belt ta’ Hamburg.

    13

    Datenlotsen Informationssysteme GmbH ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti dirett ta’ dan il-kuntratt quddiem il-Vergabekammer tal-belt ta’ Hamburg, qorti tal-ewwel grad kompetenti fuq is-suġġett tal-kuntratti pubbliċi, li laqgħet dan ir-rikors. Din il-qorti kkunsidrat li l-kundizzjonijiet mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal għoti “in house” ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. Konkretament, il-kundizzjoni ta’ “kontroll simili” ma huwiex issodisfatt, billi l-Università, bħala awtorità kontraenti, ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita fuq HIS kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Ċertament, l-Università hija persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt pubbliku li toriġina mill-belt ta’ Hamburg u din tal-aħħar iżżomm 4.16 % tal-kapital ta’ HIS. Madankollu, l-Università u l-belt ta’ Hamburg huma persuni ġuridiċi distinti.

    14

    Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni li l-belt ta’ Hamburg tikkontrolla wkoll l-Università minbarra HIS ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa din il-kundizzjoni, peress li tali forma ta’ “kontroll indirett” ma għandu ebda ġustifikazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Vergabekammer barra minn hekk josserva li l-Università tiddisponi minn awtonomija u li l-kontroll tal-legalità u tal-opportunità eżerċitata fuqha mill-belt ta’ Hamburg għall-ġestjoni tal-fondi allokati ma kienx ekwivalenti għas-setgħa ta’ direzzjoni li għandu jkollha awtorità kontraenti. Lanqas ma jista’ jkun hemm dubju dwar il-kontroll eżerċitat mill-belt ta’ Hamburg fuq HIS, peress li din il-belt ma għandhiex rappreżentant permanenti fuq il-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din il-kumpannija.

    15

    HIS u l-Università kkontestaw din id-deċiżjoni tal-Vergabekammer quddiem il-qorti tar-rinviju.

    16

    Din il-qorti tosserva li l-kwistjoni, li ħolqot dibattitu jaħraq fid-duttrina fuq livell nazzjonali, dwar jekk għoti ta’ kuntratt li huwa parti minn relazzjoni bejn tliet persuni, ikklassifikati bħala “tranżazzjoni interna orizzontali”, taqax taħt il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Teckal (EU:C:1999:562), sa issa ma kinitx is-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija temmen li l-ispirtu u l-għan tal-eżenzjoni fuq l-għotjiet “in house”, mibdija minn din is-sentenza, jippermettu li tranżazzjonijiet interni orizzontali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt din l-eżenzjoni. Hija madankollu nnutat li f’dan il-każ ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet komunali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑480/06, EU:C:2009:357, kif ukoll Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817), peress li kemm l-Università kif ukoll HIS ma humiex awtoritajiet pubbliċi u HIS ma hijiex direttament responsabbli sabiex teżegwixxi missjoni ta’ servizz pubbliku.

    17

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, skont l-Istatuti tal-istituti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla, dawn tal-aħħar jiddisponu minn awtonomija wiesgħa fis-setturi tar-riċerka u tal-edukazzjoni u li l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi awtonomi huwa suġġett għas-sempliċi kontroll tal-legalità. Madankollu, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi allokati lill-Università, fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom poter ta’ kontroll li jestendi sal-possibbiltà li jiġu annullati jew immodifikati d-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-akkwisti.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll, li fil-qasam tal-akkwisti u tal-provvisti ta’ istituti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla, il-kundizzjoni ta’ “kontroll simili” huwa ssodisfatt. Madankollu, hija tistaqsi jekk din il-kundizzjoni ma teħtieġx li l-kontroll ikopri l-oqsma kollha ta’ attività tal-entità subordinata, b’tali mod li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kontroll għall-kuntratti ta’ provvisti ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. F’dan is-sens dan huwa sostnut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-awtorità kontraenti għandu jkollha l-possibbiltà li teżerċita influwenza speċifika kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-entità subordinata.

    19

    F’dak li jirrigwarda l-kontroll eżerċitat mill-belt ta’ Hamburg fuq HIS, il-qorti tar-rinviju nnutat il-fatt li l-belt ta’ Hamburg għandha biss 4.16 % mill-kapital ta’ din il-kumpannija, u ma għandhiex rappreżentant permanenti fi ħdan il-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din, ikun jista’ jargumenta kontra l-eżistenza ta’ kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, imposta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar it-“twettiq tal-parti l-iktar importanti” tal-attività tal-kuntrattur, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-kundizzjoni hija f’dan il-każ issodisfatta, peress li l-attività ta’ HIS hija ddedikata kważi kompletament għall-istituti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla u li l-attivitajiet oħra ta’ din il-kumpannija huma inċidentali.

    20

    F’dawn il-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Għandu jiġi kkunsidrat bħala “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 […] kuntratt fejn, għalkemm l-entità kontraenti ma twettaqx fuq il-kuntrattur kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess, kemm l-entità kontraenti kif ukoll il-kuntrattur huma kkontrollati mill-istess organu, li jikkostitwtixxi awtorità kontraenti pubblika fis-sens tad-Direttiva 2004/18 u l-entità kontraenti u l-kuntrattur essenzjalment jeżerċitaw l-attività tagħhom għall-organu komuni tagħhom (tranżazzjoni interna orizzontali)?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    2)

    Il-kontroll simili għal dak li l-entità kontraenti teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess għandu jiġi estiż għall-attività kollha tal-kuntrattur jew huwa biżżejjed jekk dan ikun limitat għall-qasam tal-provvista [tax-xiri]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    21

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ prodotti konkluż bejn, minn naħa, università li hija awtorità kontraenti u li hija kkontrollata fil-qasam tal-akkwisti tal-prodotti u tas-servizzi tagħha minn Stat Federali Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, minn impriża rregolata mid-dritt privat li hija miżmuma mill-Istat Federali u mill-Istati Federali Ġermaniżi, inkluż dan l-Istat Federali, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    22

    B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux imxekkla fl-Istati Membri kollha, fl-oqsma tal-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, tal-provvista ta’ prodotti u tal-provvista ta’ servizzi, li jimplika l-obbligu ta’ kull awtorità kontraenti li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, meta l-kundizzjonijiet previsti għal dan huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 44).

    23

    Konsegwentement, kull eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu hija konsegwentement ta’ interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, EU:C:2005:5, punt 46).

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti bid-Direttiva 2004/18, bħala prinċipju, huwa biżżejjed li b’mod konformi mal-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva, li kuntratt bi ħlas kien ġie konkluż bejn, minn naħa, awtorità kontraenti u, min-naħa l-oħra, persuna ġuridikament distinta minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, EU:C:1999:562, punt 50).

    25

    L-eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-għotjiet ta’ kuntratti msejħin “in house” hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, għandha l-possibbiltà li twettaq il-kompiti ta’ interess pubbliku li jaqgħu fuqha billi tuża l-mezzi amministrattivi, tekniċi u oħra tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma jappartjenux għad-dipartimenti tagħha, u li din l-eċċezzjoni tista’ tiġi estiża għas-sitwazzjonijiet fejn il-parti kontraenti l-oħra hija entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta din tal-aħħar teżerċita fuq il-kuntrattur kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn dik l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal‑awtorità jew mal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Teckal, EU:C:1999:562, punt 50, kif ukoll Stadt Halle u RPL Lochau, EU:C:2005:5, punti 48 u 49). F’każijiet bħal dawn, jista’ jiġi kkunsidrat li l-awtorità kontraenti tista’ tagħmel użu mill-mezzi tagħha stess.

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat iktar il-kunċett ta’ “kontroll simili”, billi sostniet li dan għandu jirrigwarda l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tinfluwenza b’mod determinanti kemm l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-entità li ngħatat kuntratt u li l-kontroll eżerċitat mill-awtorità kontraenti għandu jkun effettiv, strutturali u funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Econord, C‑182/11 u C‑183/11, EU:C:2012:758, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-“kontroll simili” jista’ jiġi eżerċitat konġuntament minn diversi awtoritajiet pubbliċi li flimkien għandhom iż-żamma tal-entità li ngħatat kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Econord, EU:C:2012:758, punti 28 sa 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ kontroll bejn l-Università, awtorità kontraenti, u HIS, entità li ngħatat kuntratt. Fil-fatt, l-Università ma żżomm l-ebda sehem fil-kapital ta’ din l-entità u ma għandha l-ebda rappreżentant legali fil-korpi ta’ tmexxija ta’ din.

    29

    Konsegwentement, ir-raġuni li tiġġustifika r-rikonoxximent tal-eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda l-għotjiet imsejħin “in house”, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta interna partikolari bejn l-awtorità kontraenti u l-entità li ngħatat kuntratt, tkun assenti f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

    30

    Għalhekk, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi koperta minn din l-eċċezzjoni, ħlief sabiex testendi l-limiti tal-applikazzjoni ta’ din, li b’mod ċar huwa limitat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li jista’ jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-portata tal-prinċipju stabbilit fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

    31

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, abbażi tal-elementi tal-proċess disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta iktar ’il fuq, il-belt ta’ Hamburg ma hijiex f’sitwazzjoni fejn tista’ teżerċita fuq l-Università “kontroll simili”.

    32

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kontroll eżerċitat mill-belt ta’ Hamburg fuq l-Università jestendi biss għal parti mill-attività ta’ din tal-aħħar, jiġifieri biss għal akkwisti, iżda mhux għas-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka, fejn l-Università tiddisponi minn awtonomija wiesgħa. Li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ “kontroll simili” f’tali sitwazzjoni ta’ kontroll parzjali jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

    33

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-għotjiet “in house” tistax tiġi applikata għat-tranżazzjonijiet imsejħin “interni orizzontali”, jiġifieri sitwazzjoni fejn l-istess awtorità/awtoritajiet kontraenti teżerċita/jeżerċitaw “kontroll simili” fuq żewġ operaturi ekonomiċi distinti fejn wieħed jagħti kuntratt lill-ieħor.

    34

    F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà, fil-kawża prinċipali, tal-ġurisprudenza dwar il-kooperazzjoni bejn entitajiet lokali li tirriżulta mis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (EU:C:2009:357), kif ukoll Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (EU:C:2012:817), għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif għamlet il-qorti tar-rinviju, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista minn din il-ġurisprudenza ma humiex issodisfatti.

    35

    Fil-fatt, il-kooperazzjoni stabbilita bejn l-Università u HIS ma hijiex maħsuba sabiex twettaq missjoni ta’ servizz pubbliku komuni fis-sens tal-ġurisprudenza (ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, EU:C:2012:817, punti 34 u 37).

    36

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ prodotti konkluż bejn, minn naħa, università li hija awtorità kontraenti u li hija kkontrollata fil-qasam tal-akkwisti tal-prodotti u tas-servizzi tagħha minn Stat Federali Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, minn impriża rregolata mid-dritt privat li hija miżmuma mill-Istat Federali u mill-Istati Federali Ġermaniżi, li inkluż fosthom jinsab dan l-Istat Federali, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandu jkun suġġett għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti minn din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    37

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ prodotti konkluż bejn, minn naħa, università li hija awtorità kontraenti u li hija kkontrollata fil-qasam tal-akkwisti tal-prodotti u tas-servizzi tagħha minn Stat Federali Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, minn impriża rregolata mid-dritt privat li hija miżmuma mill-Istat Federali u mill-Istati Federali Ġermaniżi, li inkluż fosthom jinsab dan l-Istat Federali, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandu jkun suġġett għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti minn din id-direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top