Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0687

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 21 ta' Mejju 2015.
    Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH vs Hauptzollamt Regensburg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht München - il-Ġermanja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dumping - Dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina - Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 917/2011 - Validità - Regolament (KE) Nru 1225/2009 - Artikolu 2(7)(a) - Valur normali - Determinazzjoni fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq - Għażla tal-pajjiż terz xieraq - Dmir ta’ diliġenza - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni - Teħid ta’ kampjuni.
    Kawża C-687/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:349

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑687/13

    Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH

    vs

    Hauptzollamt Regensburg

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja)]

    “Dazju antidumping — Validità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 — Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika miċ-Ċina — Għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Teħid ta’ kampjuni”

    1. 

    Fl-2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impona dazju antidumping fuq importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem “iċ-Ċina”).

    2. 

    Minħabba li ċ-Ċina huwa pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq mingħajr valur normali affidabbli fis-suq domestiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni użaw valur normali maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem “l-USA” jew “l-US”), meta ddeterminaw l-eżistenza u marġni ta’ dumping. Għal dan l-iskop użaw figuri mogħtija minn produttur wieħed mill-Istati Uniti, billi għamlu aġġustamenti sabiex jippermettu diversi differenzi iżda (minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità tan-negozju) mingħajr ma taw dettalji sħaħ tal-aġġustamenti li saru. Meta ddeterminaw il-livell tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, l-istituzzjonijiet ibbażaw il-kalkoli tal-prezzijiet tagħhom fuq kampjuni kemm ta’ produtturi Ċiniżi kif ukoll mill-Unjoni, għalkemm użaw metodi differenti ta’ teħid ta’ kampjuni f’kull każ.

    3. 

    Importatur Ġermaniż, li oġġezzjona għal aspetti ta’ dawn il-metodi, ikkontesta d-dazju mitlub fuq il-madum li huwa kien importa. Il-Finanzgericht München (il-Qorti Finanzjarja ta’ München, iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”), li qed tisma’ l-kawża, qed titlob deċiżjoni preliminari dwar il-validità tar-regolament li jimponi d-dazju.

    4. 

    Kwistjonijiet oħra dwar kontestazzjoni differenti tal-istess regolament kienu rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑569/13 Bricmate, li fiha jiena wkoll nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi illum.

    Ir-Regolament bażiku

    5.

    Ir-regoli dwar l-impożizzjoni tad-dazji antidumping jinsabu fir-Regolament Nru 1225/2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) ( 2 ).

    6.

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li dazju antidumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu f’ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni tikkawża ħsara. L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi prodott li jkun oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni jkun inqas minn prezz paragunabbli għal prodott simili, fl-iżvolġiment ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

    7.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli li jirregolaw id-determinazzjoni tad-dumping. Essenzjalment, għal prodott partikolari esportat minn pajjiż terz, jiġu stabbiliti valur normali bbażat fuq il-prezzijiet imħallsa, fl-iżvolġiment ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur, u prezz tal-esportazzjoni għall-Unjoni. Jekk paragun xieraq ta’ medji peżati juri li l-valur normali jeċċedi l-prezz tal-esportazzjoni, l-ammont li bih jagħmel hekk ikun il-marġni ta’ dumping.

    8.

    F’dan ir-rigward l-Artikolu 2(7)(a) jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża [l-Unjoni], jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

    Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

    Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha (l-investigazzjoni) bil-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.”

    9.

    L-Artikolu 2(10) jipprovdi:

    “Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti [ma jkunux] fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. […]”

    10.

    L-Artikolu 3 (“Tistabbilixxi l-ħsara”) jipprovdi b’mod partikolari:

    “[...]

    2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:

    (a)

    il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq [tal-Unjoni] għall-prodotti simili; u kemm

    (b)

    l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija [tal-Unjoni].

    3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti [...]”

    11.

    L-Artikolu 6(9) jipprovdi: “[…] investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu […]”.

    12.

    L-Artikolu 9(4) jistabbilixxi, inter alia, “ir-regola ta’ dazju inqas”:

    “Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent […], dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost [...]L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni].”

    13.

    L-Artikolu 17 jirrigwarda teħid ta’ kampjuni. Dan jipprovdi b’mod partikolari:

    “1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew [it-transazzjonijiet] huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew [transazzjonijiet] bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

    2.   L-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew [transazzjonijiet] magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjuni għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’, u l-kunsens tal-partijiet konċernati […]

    […]

    4.   Fejn huwa deċiż li jiġi meħud kampjun u hemm grad ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula li x’aktarx materjalment jaffettwaw ir-riżultat ta’ l-investigazzjoni, jista’ jiġi magħżul kampjun ġdid. Madanakollu, jekk grad materjali ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni jippersisti jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 18 għandhom japplikaw.”

    14.

    L-Artikolu 18 jikkonċerna n-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Dan jipprovdi, inter alia:

    “1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. […]

    […]

    5   Jekk it-tisjib, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mal-valur normali, jkunu bbażati fuq id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, għandhom, fejn prattikabbli u b’qies dovut għal-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu mfittxa b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli, bħal listi ta’ prezzijiet ippubblikati, statistiċi uffiċjali ta’ l-importazzjoni u r-returns tad-dwana, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

    Din l-informazzjoni tista’ tinkludi dejta rilevanti li tappartjeni għas-suq dinji jew swieq oħra rappreżentattivi, fejn ikun xieraq.”

    15.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku jipprovdi, inter alia:

    “1.   Kwalunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha kienet ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq il-persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq il-persuna li minn għandha jkun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata b’hekk mill-awtoritajiet.

    […]

    4.   Dan l-Artikolu ma għandux jeskludi l-iżvelar ta’ informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet [tal-Unjoni] u b’mod partikolari ir-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet meħuda skond dan ir-Regolament huma bbażati, jew it-tagħrif ta’ l-evidenza li jistrieħu fuqha l-awtoritajiet [tal-Unjoni] sakemm ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fil-proċeduri tal-qorti. Tagħrif bħal dan għandu jagħti kas ta’ l-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati biex l-interessi tal-kummerċ tagħhom ma jiġux żvelati.

    […]”

    Il-proċedura antidumping u d-dazju

    16.

    Id-dazju antidumping inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien impost għall-ewwel darba bir-Regolament Nru 258/2011 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament provviżorju”) ( 3 ) u sussegwentement ikkonfermat bir-Regolament Nru 917/2011 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament definittiv” jew “ir-regolament ikkontestat”) ( 4 ).

    17.

    Wara li kien ippreżentat ilment mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Madum taċ-Ċeramika (iktar ’il quddiem “CET”), il-Kummissjoni tat avviż fid-19 ta’ Ġunju 2010 ta’ tnedija ta’ proċediment ta’ antidumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina ( 5 ).

    18.

    Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament provviżorju, li l-Artikolu 1(1) tiegħu impona dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ “ċangaturi u ċangar taċ-ċeramika [igglejżati u] mhux igglejżjati, madum għall-qigħan tal-fuklari jew għall-ħitan, taċ-ċeramika glejżjata jew mhix igglejżjata; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika glejżjata jew mhix igglejżjata u oġġetti simili, sew jekk impoġġija fuq dahar jew le li fil-preżent jaqgħu fil-kodiċi NM 6907 10 00, 6907 90 20, 6907 90 80, 6908 10 00, 6908 90 11, 6908 90 20, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93 u 6908 90 99, u li joriġinaw miċ-[Ċina]”. Skont l-Artikolu 1(2), ir-rata tad-dazju applikabbli għal prodotti bħal dawn immanifatturati minn ċerti kumpanniji elenkati kienet tvarja bejn 26.2 % u 36.6 %, b’rata ta’ 73.0 % li kienet applikata għal dawk immanifatturati mill-kumpanniji l-oħra kollha.

    19.

    F’dak ir-regolament, minħabba li ċ-Ċina hija ekonomija mhux tas-suq, il-valur normali maħdum mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ data mogħtija minn produttur f’pajjiż terz analogu b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika. Sabiex tevalwa t-twaqqigħ tal-prezzijiet, hija użat ukoll figuri minn kampjuni ta’ produtturi kemm Ċiniżi kif ukoll tal-Unjoni, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, iżda għażlet il-kampjuni b’żewġ metodi differenti.

    20.

    Fit-12 ta’ Settembru 2011 il-Kunsill adotta r-Regolament definittiv, li l-Artikolu 1(1) tiegħu impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-istess prodotti bħar-Regolament provviżorju. Skont l-Artikolu 1(2), ir-rata tad-dazju definittiv kienet tvarja bejn 26.3 % u 36.5 % għal prodotti mmanifatturati mill-kumpanniji elenkati, b’rata ta’ 69.7% li kienet applikata għal dawk tal-kumpanniji l-oħra kollha.

    21.

    Fil-preambolu ta’ dak ir-regolament, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni ħafna kritika dwar l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż terz analogu, l-użu ta’ data pprovduta minn fornitur wieħed f’dak il-pajjiż u l-aġġustamenti li sarulha, u d-differenza f’metodi ta’ teħid ta’ kampjuni.

    22.

    Ser nitratta r-raġunament iddettaljat f’dawk iż-żewġ regolamenti fil-kuntest ta’ kull aspett tad-domanda preliminari li għaliha jirrelata.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

    23.

    F’Lulju 2011, Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Fliesen-Zentrum”) importat madum taċ-ċeramika tal-kodiċi NM 6907 90 20, maħdum fiċ-Ċina u ddikjaratu lill-Hauptzollamt Regensburg (Uffiċċju Doganali Prinċipali, Regensburg; iktar ’il quddiem “l-HZA”). Fit-2 ta’ Awwissu 2011, l-HZA ħareġ avviż li fih għamel stima tad-dazju doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni pagabbli u li talab lil Fliesen-Zentrum tipprovdi garanzija għal dazju antidumping provviżorju ta’ 32.3 %, li kien jammonta għal EUR 9479.09, li Fliesen-Zentrum ħallset.

    24.

    Fil-5 ta’ Awwissu 2011, Fliesen-Zentrum ippreżentat oġġezzjoni għal dak l-avviż, li l-HZA ċaħad fid-19 ta’ Ottubru 2011.

    25.

    Fl-4 ta’ Novembru 2011, l-HZA għamel stima definittiva tad-dazju antidumping fl-ammont ta’ EUR 9479.09, paċut kollu kemm hu bil-garanzija diġà mħallsa. Fliesen-Zentrum ippreżentat oġġezzjoni sussegwenti kontra dik l-istima, li l-HZA ċaħad fit-3 ta’ Frar 2012.

    26.

    Fliesen-Zentrum ippreżenta rikors kontra l-istima quddiem il-qorti tar-rinviju, billi kkontestat il-validità tar-Regolament definittiv.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li erbgħa mill-motivi miġjuba minn Fliesen-Zentrum f’dak ir-rigward kienu plawżibbli:

    l-ewwel nett, li l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż terz analogu kienet illegali, peress li kien hemm pajjiżi terzi oħra b’ekonomija tas-suq iktar paragunabbli maċ-Ċina iżda li ma ġewx ikkunsidrati;

    it-tieni nett, il-valur normali stabbilit abbażi ta’ figuri mogħtija minn produttur wieħed mill-Istati Uniti tal-Amerika kien illegali;

    it-tielet nett, li ċerta data sabiex jiġi stabbilit il-valur normali ma kinitx disponibbli u ċerti aġġustamenti ma ġewx imfissra, b’hekk kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati u tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

    ir-raba’ nett, li l-mod li bih intgħażlu kampjuni ta’ produtturi Ċiniżi u tal-Unjoni u ta’ importaturi mill-Unjoni wassal għal distorsjoni tar-riżultati u kien, għalhekk, illegali.

    28.

    Wara li analizzat dawk il-motivi, il-qorti tar-rinviju qieset li kien jeħtieġ tintalab deċiżjoni preliminari dwar id-domanda: “[Ir-Regolament definittiv] huwa validu?”

    Osservazzjonijiet preliminari

    29.

    Id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija sempliċi u ġenerali. Hija ma tidentifika ebda motiv speċifiku ta’ invalidità possibbli li dwaru l-qorti tar-rinviju qed titlob deċiżjoni. Madankollu t-tħassib ta’ dik il-qorti huwa b’mod ċar dwar l-erba’ motivi miġbura fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    30.

    Fliesen-Zentrum, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li kollha kemm huma ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, u li kollha kemm huma ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2014, indirizzaw dawk l-erba’ motivi wieħed wieħed. Jiena ser nagħmel l-istess.

    31.

    Madankollu Fliesen-Zentrum ressqet żewġ motivi oħra li abbażi tagħhom ir-regolament ikkontestat seta’ jiġi ddikjarat invalidu, li la wieħed u lanqas l-ieħor ma jissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-Kummissjoni, minbarra dan, antiċipat u talbet li tikkonfuta ċerti argumenti ta’ Fliesen-Zentrum miġbura mill-fajl tal-qorti tar-rinviju.

    32.

    Minbarra dan, filwaqt li kull wieħed mill-erba’ motivi ta’ invalidità mqajma fid-digriet tar-rinviju jista’ jiġi indirizzat indipendentement, l-ewwel tlieta kollha jikkonċernaw il-mod li bih kien stabbilit valur normali maħdum u kollha jqajmu kwistjonijiet dwar l-adegwatezza tal-motivazzjoni fir-Regolament provviżorju u fir-Regolament definittiv. Jidhirli li dawk il-karatteristiċi komuni jqajmu kwistjonijiet ġenerali li jikkonċernaw kemm il-portata, kif ukoll l-istandard tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Kwistjonijiet li ma tqajmux fid-deċiżjoni tar-rinviju

    33.

    Ma nqisx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kwistjonijiet addizzjonali indirizzati minn Fliesen-Zentrum u mill-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri.

    34.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, l-Artikolu 267 TFEU ma jipprovdix mezz ta’ rimedju għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mġiegħla tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni biss li dik id-domanda saritilha minn waħda mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Ma jkunx xieraq għalhekk li jiġu eżaminati l-motivi ta’ invalidità li l-qorti tar-rinviju ma tkunx għamlet riferiment għalihom ( 6 ).

    Il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35.

    Kif kien innotat kemm fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ġie deċiż konsistentement li l-għażla ta’ pajjiż analogu hija fid-diskrezzjoni li jgawdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, għalkemm l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni ma huwiex eżenti minn stħarriġ ġudizzjarju, u (skont Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku) l-għażla għandha ssir b’manjiera li ma tkunx irraġonevoli ( 7 ). Sa fejn għandu jsir l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla ta’ pajjiż analogu, skont dik il-ġurisprudenza, huwa, għalhekk relattivament limitat.

    36.

    F’dan il-każ, ma hijiex biss l-għażla tal-USA bħala pajjiż analogu għaċ-Ċina, iżda wkoll id-dipendenza fuq data mingħand produttur wieħed fil-USA, li qed jiġu kkontestati. Fir-rigward tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, jekk ikun meħtieġ, valur normali maħdum jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ figuri mingħand produttur wieħed ( 8 ).

    37.

    Filwaqt li ż-żewġ aspetti huma separati, tista’ tkun ħaġa kurjuża li valur normali għall-prodotti tal-produtturi kollha ta’ madum taċ-ċeramika fiċ-Ċina kollha għandu jinħadem minn data pprovduta minn produttur wieħed fl-Istati Uniti tal-Amerika, meta dak il-pajjiż għandu dħul ogħla b’mod sinjifikattiv per capita miċ-Ċina ( 9 ), iżda jipproduċi inqas minn 1/30 tal-istess kwantità ta’ madum ( 10 ).

    38.

    Quddiem prima facie anomalija bħal din, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tillimita l-portata tal-istħarriġ tagħha lil hinn milli huwa meħtieġ skont il-ġurisprudenza preċedenti tagħha. B’mod partikolari, hija għandha tivverifika bir-reqqa jekk l-istituzzjonijiet naqsu milli jqisu fatturi essenzjali bil-għan li tiġi stabbilita n-natura xierqa tal-pajjiż magħżul u jekk l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-każ tqisitx bl-attenzjoni kollha meħtieġa ( 11 ).

    39.

    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li wieħed jiftakar sa fejn preċiżament l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest partikolari.

    Standard tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    40.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat regolarment li regolamenti antidumping għandhom natura doppja bħala atti ta’ natura leġiżlattiva u atti li jistgħu jaffettwaw direttament u individwalment lil ċerti kummerċjanti ( 12 ).

    41.

    F’Petrotub ( 13 ), kawża li fiha regolament antidumping kien ikkontestat minn partijiet li kienu direttament u individwalment ikkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet: “il-motivazzjoni […] għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit […] b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw ruħhom dwar ir-raġunijiet għall-miżura u sabiex il-qorti kompetenti [tal-Unjoni] tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. Ir-rekwiżiti li għandhom jitħarsu […] jiddependu miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-miżura inkwistjoni, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-miżura, jew partijiet oħra li jkunu direttament u individwalment ikkonċernati minnha, jistgħu jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet. [...]”

    42.

    Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement ukoll li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-miżura inkwistjoni, u li fil-każ ta’ miżuri maħsuba għal applikazzjoni ġenerali, l-preambolu jista’ jkun limitat sabiex jindika s-sitwazzjoni ġenerali li tkun wasslet għall-adozzjoni tagħha, minn naħa waħda, u l-għanijiet ġenerali li hija tkun maħsuba tikseb, min-naħa l-oħra ( 14 ).

    43.

    Hawnhekk ir-regolament ikkontestat huwa, fil-prinċipju, att regolatorju ta’ applikazzjoni ġenerali. Madankollu, l-esportaturi li l-prodotti tagħhom jintlaqtu huma direttament u individwalment ikkonċernati, kif ukoll kull importatur relatat, li jkollu locus standi sabiex jikkontestah direttament quddiem il-Qorti Ġenerali ( 15 ). Oħrajn li jkunu direttament ikkonċernati fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni jistgħu jikkontestawh ukoll ( 16 ). Madankollu Fliesen-Zentrum (li, bħala importatriċi indipendenti li ma għandhiex x’taqsam fl-investigazzjoni antidumping, ma taqax f’xi waħda minn dawk il-kategoriji) ma hijiex individwalment ikkonċernata, u dan jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni (l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet) – li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni ta’ Fliesen-Zentrum quddiem il-qorti nazzjonali. Kieku Fliesen-Zentrum kienet ippruvat tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, dan kien għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli ( 17 ).

    44.

    F’dak ir-rigward ma nqisx rilevanti d-dikjarazzjoni magħmula minn Fliesen-Zentrum waqt is-seduta, li Fliesen-Zentrum hija parti minn grupp ta’ kumpanniji proprjetà ta’ membri tal-istess familja, li waħda minnhom (Cera-Net, stabbilita fil-Lussemburgu) ħadet sehem fil-proċedura antidumping. Ċirkustanza bħal din (jekk wieħed jassumi li hija stabbilita) ma tistax tagħti lil Fliesen-Zentrum il-pożizzjoni meħtieġa sabiex tikkontesta r-regolament ikkontestat direttament quddiem il-Qorti Ġenerali, bħala persuna individwalment ikkonċernata. Tabilħaqq, Fliesen-Zentrum ma ppruvatx tressaq kontestazzjoni bħal din.

    45.

    Tqum, għalhekk, il-kwistjoni jekk, meta parti li għandha locus standi tikkontesta regolament li jimponi dazju antidumping direttament quddiem il-Qorti Ġenerali, obbligu iktar strett ta’ motivazzjoni iktar dettaljata għandux iġib miegħu standard ogħla ta’ stħarriġ, filwaqt li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tikkunsidra talba għal deċiżjoni preliminari fi proċeduri nazzjonali mressqa minn parti kkonċernata, iżda mhux direttament jew individwalment, mill-istess miżura, l-istandard ta’ stħarriġ tal-motivazzjoni għandu jkun iktar baxx.

    46.

    Inqis li hemm differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet u li, fil-każ tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tittratta l-miżura bħala deċiżjoni iżda pjuttost bħala att regolatorju ta’ applikazzjoni ġenerali. L-istandard ogħla ta’ stħarriġ li għandu jkun applikat mill-Qorti Ġenerali meta kontestazzjoni diretta tkun ammissibbli jista’ jwassal għal annullament biss fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża quddiemha ( 18 ). B’kuntrast, dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Qorti tal-Ġustizzja f’deċiżjoni preliminari tkun effettiva erga omnes, u l-istħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-istituzzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq dik il-premessa.

    47.

    Għalhekk ser neżamina issa kull wieħed mill-erba’ motivi possibbli ta’ invalidità, imqajma fid-deċiżjoni tar-tar-rinviju wieħed wara l-ieħor, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jiena ddeskrivejt iktar ’il fuq.

    L-għażla tal-USA bħala pajjiż terz analogu

    Ir-regolamenti antidumping

    Ir-Regolament provviżorju

    48.

    Il-premessi 46 sa 52 spjegaw l-għażla tal-USA għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku:

    “(46)   Fl-Avviż ta’ tnedija, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tuża l-USA bħala pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali għaċ-Ċina, u stiednet lill-partijiet interessati jikkumentaw dwar dan.

    (47)   Numru ta’ kummenti ġew irċevuti u bosta pajjiżi oħra ġew proposti biex iservu bħala alternattiva, b’mod partikolari l-Brażil, it-Turkija, in-Niġerja, it-Tajlandja u fl-aħħar l-Indoneżja.

    (48)   Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tfittex kooperazzjoni minn produtturi magħrufa f’dawn il-pajjiżi inkluż l-USA. Madankollu, huma biss żewġ produtturi tal-prodott ikkonċernat fl-USA li wieġbu għall-kwestjonarji. Produttur Tajlandiż issottometta wkoll tweġiba mhux kompluta għall-kwestjonarju; u fi kwalunkwe każ il-firxa tal-prodotti tiegħu ma kinitx kompletament paragunabbli mal-produtturi Ċiniżi li kkoperaw.

    (49)   L-investigazzjoni żvelat li l-USA kien suq kompetittiv għall-prodott ikkonċernat. Ħafna produtturi kienu attivi fis-suq domestiku Amerikan u l-volumi tal-importazzjoni kienu għoljin. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-madum taċ-ċeramika li joriġina fiċ-Ċina u fl-Amerika għandu bażikament l-istess karatteristiċi fiżiċi u użi u li l-proċessi tal-produzzjoni huma simili.

    (50)   Kien argumentat li peress li s-suq tal-USA kien l-aktar karatterizzat minn importazzjonijiet, il-madum taċ-ċeramika manifatturat fl-USA u dak manifatturat fiċ-Ċina jkopru segmenti differenti tas-suq. Għalhekk, it-tipi ta’ prodotti manifatturati domestikament li jservu bħala bażi biex jiġi stabbilit il-valur normali ma jkunux paragunabbli mat-tipi ta’ prodotti esportati miċ-Ċina lejn l-Unjoni. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-produzzjoni tal-USA tkopri firxa vasta ta’ tipi ta’ prodotti paragunabbli ma’ dawk immanifatturati fiċ-Ċina u esportati minnha, kif imsemmi fil-premessa 49.

    (51)   Kien argumentat ukoll li l-USA jkun attur relattivament żgħir fis-suq dinji tal-madum taċ-ċeramika. Madankollu, madwar 600 miljun m2 [ ( 19 ) ] ġew immanifatturati domestikament fl-2009 li hu meqjus sinifikanti. Bħala paragun, iċ-Ċina, l-ikbar produttur dinji, immanifatturat 2 biljun m2 fl-istess perjodu.

    (52)   Parti waħda argumentat li l-USA kellha standards tal-kwalità stretti u effettivament ħolqot barrieri bla tariffi għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li kif imsemmi hawn fuq il-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina fl-USA kienu għoljin u kkostitwixxew is-sehem ewlieni tal-konsum domestiku Amerikan. Għalhekk, l-argument li l-barrieri bla tariffi fil-USA jaffettwaw l-importazzjonijiet u b’hekk il-kompetizzjoni ġie miċħud.”

    Ir-Regolament definittiv

    49.

    L-istess kwistjoni kienet ittrattata fil-premessi 55 sa 72:

    “(55)

    Żewġ importaturi ssottomettew kummenti kontra l-għażla tal-[USA] bħala pajjiż analogu, billi affermaw li mhuwiex xieraq li l-USA jitqies bħala pajjiż analogu minħabba l-produzzjoni proprja insinifikanti, u n-nuqqas ta’ kompetittività tiegħu fis-suq dinji. Huma affermaw ukoll li l-USA ntgħażel b’mod mhux raġonevoli, billi affermaw li n-nuqqas ta’ pajjiżi analogi alternattivi ġie kkawżat minn pressjoni żejda min-naħa tal-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fuq produtturi minn pajjiżi oħra analogi sabiex il-kooperazzjoni possibbli tagħhom tiġi skoraġġata. Żewġ importaturi sostnew li l-Kummissjoni injorat informazzjoni minn numru ta’ pajjiżi li setgħu jikkooperaw u li dejta li hija disponibbli għall-pubbliku minn assoċjazzjonijiet nazzjonali u transnazzjonali ta’ produtturi f’pajjiżi terzi ma ġietx ikkunsidrata.

    (56)

    Sabiex l-ewwel jiġi kkunsidrat dan l-argument tal-aħħar, qed jiġi mfakkar li hija meħtieġa informazzjoni speċifika dwar il-kumpanija sabiex issir l-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping. Għalhekk dan l-argument ġie miċħud.

    (57)

    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta’ pressjoni żejda min-naħa tal-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni sabiex tiġi skoraġġata l-kooperazzjoni, qed jiġi nnotat li l-ebda evidenza ma ġiet ipprovduta. Għalhekk dawn il-kummenti kellhom jiġu injorati.

    (58)

    Dawn l-importaturi affermaw ukoll [li l]-volum annwali tal-produzzjoni tal-madum taċ-ċeramika fil-USA kien ta’ madwar 60 miljun m2 kull sena, u mhux 600 miljun m2 kif iddikjarat fil-premessa 51 tar-Regolament provviżorju.

    (59)

    Rigward l-istabbilità tal-USA bħala pajjiż analogu fid-dawl tal-livell ta’ produzzjoni li huwa iżjed baxx b’mod konsiderevoli, għandu jiġi enfasizzat li s-suq tal-USA huwa kompetittiv ħafna – hemm ħafna kumpaniji lokali tal-produzzjoni u l-kwantitajiet tal-importazzjoni huma sinifikanti. Barra dan, kif imsemmi fil-premessa 52 tar-Regolament provviżorju, ma hemm l-ebda evidenza ta’ ostakli nontariffarji li jistgħu joħolqu tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni fis-suq. F’dawn iċ-ċirkostanzi, minkejja l-volum ta’ produzzjoni iżjed baxx, il-konklużjoni ġenerali li l-USA huwa pajjiż analogu xieraq tibqa’ l-istess.

    (60)

    Żewġ importatui sostnew li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-unitajiet tal-madum prodott fil-USA fis-suq domestiku tal-USA kienu ħafna iżjed ogħla minn dawk fis-suq tal-Unjoni u, meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni, jagħtu lok li jsiru prattiki ta’ dumping. Dan l-argument instab li kien irrilevanti għall-fini ta’ din il-proċedura, billi kwalunkwe allegazzjoni bħal din, meta wieħed jassumi li jkun hemm evidenza għaliha prima facie, tista’ tiġi eżaminata bir-reqqa biss fi proċedura ta’ antidumping separata relatata mal-USA. Għalhekk ġie injorat.

    […]

    (63)

    Dawn l-importauri affermaw ukoll li l-volumi tal-esportazzjoni tal-USA kienu limitati. Dan l-argument ġie kkunsidrat bħala irrilevanti għall-għażla tal-pajjiż analogu, billi d-dejta tal-pajjiż analogu tintuża sabiex jiġi determinat il-valur normali u mhux il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Għalhekk ġie miċħud.

    […]

    (67)

    Wara l-iżvelar finali, assoċjazzjoni ta’ importaturi għamlet ħafna talbiet. L-ewwel nett, affermat li l-volum baxx allegat ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Istati Uniti fis-suq domestiku tagħhom meta mqabbel mal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni jagħmel lill-USA suq mhux adatt bħala pajjiż analogu. F’dan ir-rigward, waqt l-eżami tal-pajjiżi analogi possibbli, il-livell ta’ kompetizzjoni f’dawk il-pajjiżi huwa, inter alia, wieħed mill-elementi eżaminati. Li jintlaħqu livelli simili ta’ bejgħ domestiku tal-industrija domestika u ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż taħt investigazzjoni mhijiex prekundizzjoni sabiex pajjiż jitqies bħala pajjiż analogu adatt. Għal dak li jirrigwarda dawn il-pretensjonijiet, għal din l-investigazzjoni, u kif iddikjarat fil-premessa 59, instab li s-suq tal-Istati Uniti kien kompetittiv biżżejjed sabiex ikun għażla adatta. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    (68)

    L-assoċjazzjoni tal-importaturi sostniet ukoll li ma kinitx tikkunsidra li l-fatt li l-importazzjonijiet fis-suq tal-Istati Uniti huma sinifikanti kien rilevanti fl-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu. Għal dak li jirrigwarda din l-affermazzjoni, għandu jiġi nnotat li l-livell ta’ importazzjonijiet huwa tabilħaqq wieħed mill-fatturi importanti eżaminati fl-għażla ta’ pajjiż analogu adatt. Il-kombinazzjoni tal-produzzjoni domestika u l-volumi għoljin ta’ importazzjonijiet tikkontribwixxi għal suq kompetittiv kif imsemmi fil-premessa 59. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    […]

    (70)

    L-assoċjazzjoni sostniet ukoll li, billi l-prezz medju tal-bejgħ domestiku fl-USA tal-madum taċ-ċeramika prodott domestikament allegatament kien ħafna drabi ogħla mill-prezz tal-importazzjonijiet tal-Unjoni miċ-Ċina, il-prodott tal-Istati Uniti mhuwiex “prodott simili” għall-prodott impurtat miċ-Ċina. F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn iż-żewġ prezzijiet huma differenti mhijiex raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-prodott tal-Istati Uniti mhuwiex prodott simili għall-prodott ikkonċernat. Kif iddikjarat fil-premessa 32 tar-Regolament provviżorju, instab li l-prodott ikkonċernat u, inter alia, il-prodott prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-USA għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użijiet bażiċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi jiġu kkunsidrati bħala simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Il-pretensjoni tal-assoċjazzjoni għalhekk qiegħda tiġi miċħuda.

    (71)

    Finalment, l-assoċjazzjoni staqsiet għaliex l-Unjoni ma kinitx ikkunsidrata bħala pajjiż analogu xieraq fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiżi terzi minbarra l-USA. F’dan ir-rigward, billi nstab li l-USA huwa pajjiż analogu adatt, kif imsemmi fil-premessa 59, il-ħtieġa li jiġu eżaminati swieq oħra adatti ma nħolqitx. Għalhekk, il-pretensjoni tal-assoċjazzjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    (72)

    Fin-nuqqas ta’ iżjed kummenti, qed jiġi kkonfermat li l-għażla tal-USA bħala pajjiż analogu kienet approprjata u raġjonevoli skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, u l-premessi minn 45 sa 54 tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.”

    Kwistjonijiet u sottomissjonijiet

    50.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota tliet gruppi ta’ fatturi li jistgħu, fil-fehma tagħha, jwasslu għall-konklużjoni li l-għażla tal-USA kienet invalida: is-swieq tal-madum tal-US u taċ-Ċina huma differenti b’mod sinjifikattiv, bil-manifatturi tal-US jesportaw ftit ħafna u jipprovdu biss settur żgħir fil-livell superjuri tas-suq domestiku; it-tliet kwarti ta’ isfel jiġu fornuti essenzjalment b’importazzjonijiet; ma huwiex ċar li l-Kummissjoni investigat b’mod eżawrjenti pajjiżi analogi potenzjali oħra (b’mod partikolari l-Brażil, it-Turkija, in-Niġerja, it-Tajlandja u l-Indoneżja); u ma hemmx x’juri li ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar statistika disponibbli pubblikament oħra sabiex tiggwidaha fl-għażla tagħha.

    51.

    Fliesen-Zentrum tressaq ’il quddiem fil-parti l-kbira l-istess kunsiderazzjonijiet u tiċċita fit-tul il-punti 79, 97 u 103 sa 119 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’GLS ( 20 ). Hija tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet ingħatat raġunijiet suffiċjenti, u kellha informazzjoni biżżejjed għad-dispożizzjoni tagħha, sabiex tagħmilha ċara li l-USA ma kienx pajjiż analogu xieraq għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tagħha, iżda ma għamlitx sforz suffiċjenti biex tiddetermina pajjiż alternattiv. Dan, hija tqis, kien żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur ta’ regoli superjuri ta’ liġi, jiġifieri l-Artikoli 2(7)(a) u 18(5) tar-Regolament bażiku.

    52.

    Waqt is-seduta Fliesen-Zentrum saħqet li d-dumping ma kienx l-istess ħaġa bħad-dumping soċjali, li b’dan nifhem li jfisser li prodott ma setax jitqies li kien intrema, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni antidumping, meta l-prezz tiegħu kien baxx sempliċement għaliex l-ispejjeż tax-xogħol kienu baxxi, u li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produzzjoni tal-US mibjugħa fil-USA kienu neċessarjament iffissati sa ċertu punt b’mod sinjifikattiv abbażi ta’ spejjeż tax-xogħol fil-USA, li kienu ogħla minn dawk fiċ-Ċina.

    53.

    Il-Kunsill iqis li l-preambolu kemm tar-Regolament provviżorju, kif ukoll tar-Regolament definittiv, jagħtu informazzjoni suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji tal-qorti tar-rinviju.

    54.

    Dan jisħaq li valur normali maħdum għandu jkun ibbażat fuq figuri verifikabbli u vverifikati minn produtturi individwali, mhux fuq statistika makroekonomika disponibbli pubblikament. Il-preambolu tar-Regolament provviżorju jagħmilha ċara li l-Kummissjoni għamlet ħilitha sabiex tikseb dawn il-figuri mingħand produtturi fil-pajjiżi kollha msemmija, iżda rċeviet tweġibiet minn wieħed Tajlandiż u minn tnejn mill-US biss, b’waħda biss mingħand il-manifatturi mill-US li setgħet tintuża. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda mezz għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tislet informazzjoni mingħand produtturi f’pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għal investigazzjoni li jagħżlu li ma jikkooperawx. Hija għamlet kull ma setgħet sabiex tistabbilixxi l-fatti u teżaminahom bl-attenzjoni kollha kif imiss, kif mitlub minn GLS ( 21 ).

    55.

    F’kull każ, uħud mill-pajjiżi ssuġġeriti (it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, pereżempju) ma jkunux xierqa għal ħafna raġunijiet, bħal figuri disponibbli u swieq paragunabbli. B’kuntrast, is-suq tal-US jippermetti li jsiru paraguni f’termini ta’ suq, produzzjoni u importazzjonijiet. Il-produzzjoni kienet teċċedi l-limitu aċċettat ta’ 5 % ta’ esportazzjonijiet miċ-Ċina lill-Unjoni. Flimkien ma’ dan, it-tipi ta’ prodott ikkonċernat kienu paragunabbli ħafna, kif ivverifikat minn numru ta’ kontroll tal-prodott (iktar ’il quddiem l-“NKP”).

    56.

    Il-Kummissjoni tibda billi tislet tliet prinċipji gwida mill-ġurisprudenza rilevanti ( 22 ). L-ewwel nett, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkunsidraw fuq inizjattiva tagħhom stess liema pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq jippreżentaw il-karatteristiċi xierqa, u l-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biżżejjed sabiex issib produtturi f’dawk il-pajjiżi lesti li jikkooperaw. It-tieni nett, wara li jkunu sabu dawk il-produtturi, l-istituzzjonijiet għandhom jagħżlu l-pajjiż xieraq b’mod li ma jkunx irraġonevoli, billi jqisu kull informazzjoni affidabbli disponibbli matul dak iż-żmien. Dik l-għażla taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-istituzzjonijiet f’evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat; b’mod partikolari, ma huwiex neċessarju li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet identiċi fil-pajjiż analogu f’kull rigward, għalkemm għandhom jitqiesu kemm il-paragun bejn il-metodi tal-produzzjoni u l-materja prima disponibbli. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet ma humiex meħtieġa li jieħdu inkunsiderazzjoni l-pajjiżi kollha proposti mill-partijiet fi proċedura antidumping, iżda għandhom, madankollu, jeżaminaw il-provi prodotti quddiemhom.

    57.

    Imbagħad il-Kummissjoni tittratta wieħed wieħed it-tliet dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tiċċita l-preamboli tar-Regolament provviżorju u tar-Regolament definittiv bħala li jipprovdu, fil-fehma tagħha, ġustifikazzjoni suffiċjenti.

    58.

    Fir-rigward tad-differenzi bejn is-suq Ċiniż u dak tal-US, il-punt ma huwiex jekk dawk id-differenzi jeżistux iżda jekk jixħtux dubju dwar kemm il-USA huwa xieraq bħala pajjiż analogu ( 23 ). F’dan il-każ, il-livelli għoljin ta’ kompetizzjoni u l-firxa wiesgħa ta’ prodotti paragunabbli ma’ dawk esportati miċ-Ċina jagħmluh għażla adattata. Produtturi mill-USA huma kompetittivi u l-produzzjoni tagħhom teċċedi kunsiderevolment il-5 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kienu suffiċjenti sabiex ikun stabbilit paragun ( 24 ).

    59.

    Malli l-istituzzjonijiet ikunu stabbilixxew li l-USA huwa pajjiż analogu xieraq, ma jkunx meħtieġ jitqies jekk pajjiżi oħra setgħux kienu anki iktar xierqa. Id-dubji ulterjuri tal-qorti tar-rinviju għalhekk isiru irrilevanti iżda l-Kummissjoni xorta waħda tindirizzahom.

    60.

    Fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ pajjiżi analogi potenzjali oħra, il-Kummissjoni fil-fatt għamlet ħilitha sabiex tagħmel kuntatt ma’ produtturi fil-pajjiżi kollha ssuġġeriti mill-partijiet fl-investigazzjoni, b’mod partikolari l-Brażil, iżda ma setgħetx tikseb kooperazzjoni, anki bl-għajnuna tal-avukat ta’ (waħda mill-)partijiet. Il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tfittex għal iktar pajjiżi possibbli fuq inizjattiva tagħha stess, abbażi ta’ data disponibbli pubblikament; malli tkun sabet pajjiż adatt, hija ma tkunx obbligata li teżamina possibbiltajiet oħra, tal-inqas sakemm ma jkunux proposti mill-partijiet.

    61.

    Fir-rigward tal-użu ta’ data disponibbli pubblikament sabiex jiġi ddeterminat valur normali, il-Kummissjoni tisħaq li informazzjoni speċifika għal kumpanniji biss tista’ tintuża u li data ta’ statistika iktar wiesgħa tista’ ma tirriflettix b’mod preċiż tranżazzjonijiet attwali. Data bħal din tista’ tintuża biss jekk ikun impossibbli li jinstab produttur lest li jikkoopera.

    Evalwazzjoni

    62.

    Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-għażla ta’ pajjiż analogu taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull stħarriġ mill-Qorti Ġenerali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa, għalhekk, limitat.

    63.

    Madankollu, kien hemm kritika tat-tendenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiffavorixxu lill-USA bħala pajjiż analogu ( 25 ). Dik il-kritika hija marbuta b’mod partikolari mal-proporzjon għoli ta’ każijiet li fihom l-USA intuża bħala pajjiż analogu għaċ-Ċina minkejja d-differenza fil-livelli ta’ żvilupp ekonomiku bejn iż-żewġ pajjiżi ( 26 ) u mal-probabbiltà li dawk l-esportaturi biss f’pajjiżi f’ekonomija tas-suq bi spejjeż ogħla (valur normali ogħla) milli esportaturi f’ekonomija mhux tas-suq għandhom inċentiv sabiex jikkooperaw, minħabba li d-data tagħhom biss għandha twassal għal dazji għal dumping ogħla fuq l-esportazzjonijiet f’kompetizzjoni bejniethom f’ekonomija mhux tas-suq ( 27 ).

    64.

    Kritika ta’ dik ix-xorta għandha, fil-fehma tiegħi, tinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika bir-reqqa l-aspetti li huma suġġetti għall-istħarriġ tagħha. Dawk l-aspetti huma, b’mod partikolari, jekk l-istituzzjonijiet ikkunisidrawx il-fatturi essenzjali kollha bil-għan li tiġi stabbilita n-natura xierqa tal-pajjiż magħżul u jekk ikkunsidrawx l-informazzjoni li kien hemm fid-dokumenti tal-każ bid-diliġenza dovuta kollha sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali ġie stabbilit b’mod xieraq u mhux b’mod irraġonevoli, meta wieħed jiftakar li l-għan tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku huwa li jinstab pajjiż analogu fejn il-prezz għal prodott simili jiġi fformat f’ċirkustanzi li jkunu simili kemm jista’ jkun għal dawk fil-pajjiż tal-esportazzjoni ( 28 ).

    65.

    L-istruttura ta’ dik id-dispożizzjoni hija tali li l-istituzzjonijiet għandhom ifittxu li jiddeterminaw valur normali l-ewwel nett abbażi ta’ data minn pajjiż b’ekonomija tas-suq, u t-tieni nett – u biss jekk dan ma jkunx possibbli – fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra. Madankollu, ma huwiex issuġġerit f’dan il-każ li kien impossibbli jiġi ddeterminat valur normali abbażi ta’ data minn pajjiż b’ekonomija tas-suq. Il-kwistjoni hija pjuttost jekk l-USA kienx pajjiż terz “xieraq” b’ekonomija tas-suq u jekk intgħażilx b’mod “li ma tkunx irraġjonevoli”.

    66.

    Huwa ċar mill-preamboli taż-żewġ regolamenti, u dan ma kienx ikkontestat fis-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni avviċinat produtturi fil-Brażil, fit-Turkija, fin-Niġerja, fit-Tajlandja u fl-Indoneżja, flimkien mal-USA. Produttur wieħed Tajlandiż u tnejn mill-US biss wieġbu, li minnhom produttur wieħed biss mill-US ipprovda data biżżejjed u affidabbli dwar prodotti paragunabbli. Huwa ċar ukoll li l-Kummissjoni ma għandha ebda mezz sabiex tirrikjedi kooperazzjoni fi kwistjonijiet bħal dawn mingħand produtturi fi kwalunkwe pajjiż terz. Minn dak il-lat naċċetta l-argument tal-istituzzjonijiet li l-evalwazzjoni tagħhom għandha ssir abbażi ta’ data speċifika u verifikabbli relatata ma’ tranżazzjonijiet attwali, iktar milli abbażi ta’ statistika ġenerali disponibbli pubblikament, li tista’ ma tipprovdix stampa fidila. Jidher, għalhekk, li l-Kummissjoni għamlet ħilitha serjament sabiex tikseb data minn firxa ta’ pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq, iżda rnexxielha b’mod limitat ħafna. Dan kien biżżejjed.

    67.

    L-istituzzjonijiet jargumentaw li, wara li kienet kisbet data affidabbli (għalkemm mingħand produttur wieħed biss) minn pajjiż wieħed b’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tfittex iktar. Madankollu, Fliesen-Zentrum u l-qorti tar-rinviju jsemmu pajjiżi terzi oħra (l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu, il-Malasja u t-Tuneżija) li setgħu ġew investigati iżda ma kinux, u d-dokumenti miġjuba lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni stess isemmu li anki r-Russja kienet ġiet issuġġerita matul il-proċedura tal-investigazzjoni bħala pajjiż analogu possibbli. Minbarra dan, huwa ċar mill-premessa 144 tar-Regolament provviżorju li l-Kummissjoni kienet taf li “huwa possibbli għall-importaturi u għall-utenti li jdiddlu għal prodotti miksuba minn pajjiżi terzi […] peress li l-prodott li qed jiġi investigat huwa manifatturat f’ħafna pajjiżi, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha (fit-Turkija, fl-Emirati Għarab Magħquda, fl-Eġittu, fix-Xlokk tal-Asja, fil-Brażil u oħrajn)”.

    68.

    Flimkien ma’ dan, għandu jiġi kkunsidrat jekk kwalunkwe differenza fil-livell ta’ żvilupp ekonomiku bejn iċ-Ċina u l-USA tfissirx li dan tal-aħħar ma huwiex pajjiż terz “xieraq” sabiex jiġi stabbilit valur normali jew li ntgħażel b’mod li kien “irraġonevoli”, minħabba l-ħtieġa li jinstab pajjiż analogu fejn il-prezz għal prodott simili jiġi fformat f’ċirkustanzi li jkunu simili kemm jista’ jkun għal dawk fil-pajjiż tal-esportazzjoni.

    69.

    Fir-rigward tal-aħħar aspett imsemmi, il-Kummissjoni għamlet numru ta’ osservazzjonijiet waqt is-seduta. Hija rrikonoxxiet li kriterju bħal dan kien aċċettat reċentement fil-leġiżlazzjoni antidumping ta’ għadd ta’ pajjiżi (hija semmiet l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-USA) iżda (għalissa) mhux fl-Unjoni Ewropea, fejn il-kriterji għadhom dawk oriġinarjament ibbażati fuq dawk li dak iż-żmien (il-Kummissjoni rreferiet għan-noti interpretattivi tal-GATT li kienu ġejjin mill-1955) kienu adottati mill-USA. Dawk il-kriterji jqiegħdu l-enfasi mhux fuq livelli paragunabbli ta’ żvilupp ekonomiku iżda fuq il-ħtieġa li jintużaw prezzijiet ifformati f’suq li fih livell għoli ta’ kompetizzjoni x’aktarx li jagħmel pressjoni ’l isfel. Għalkemm hemm bħalissa diskussjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar jekk għandux jiġi introdott kriterju ta’ żvilupp ekonomiku, dik il-bidla għadha ma seħħitx, u l-istituzzjonijiet huma marbuta bil-liġi kif inhi, u mhux kif tista’ tkun fil-futur. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li livell iktar baxx ta’ żvilupp ekonomiku, filwaqt li jista’ ġeneralment jimplika inqas spejjeż tax-xogħol li jżommu l-prezzijiet ’l isfel, normalment huwa wkoll ikkorrelatat ma’ inqas effiċjenza u livell iktar baxx ta’ żvilupp teknoloġiku li jkollhom l-effett kuntrarju; konsegwentement, ma setax jiġi konkluż li data minn pajjiż b’livell ta’ żvilupp ekonomiku ogħla neċessarjament tipprovdi valur normali ogħla milli setgħet data minn pajjiż b’livell iktar baxx ta’ żvilupp. Speċifikament rigward ir-Russja, il-Kummissjoni spjegat li, minn naħa waħda, il-pajjiż kien ġie ssuġġerit tard wisq fil-proċedura ta’ investigazzjoni sabiex jitħalla jsir ġbir ta’ data fit-terminu stabbilit u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ prezzijiet doppji għal prodotti tal-enerġija operata hemmhekk bejn konsum domestiku u swieq ta’ esportazzjoni kienet tagħmel paraguni iktar diffiċli.

    70.

    F’dak l-isfond, għandu jiġi rrikonoxxut, l-ewwel nett, li bħalissa ma hemmx obbligu legali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex b’mod speċifiku jqisu l-livell ta’ żvilupp ekonomiku ta’ pajjiż analogu potenzjali kif ipparagunat ma’ dak tal-pajjiż esportatur investigat. Madankollu, l-għażla tagħhom ta’ pajjiż analogu għandha tkun xierqa u ma tkunx irraġonevoli. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li huma għandhom obbligu jqisu jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni livelli differenti ta’ żvilupp ekonomiku, iżda naċċetta li l-kunsiderazzjoni stess taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-diskrezzjoni tagħhom meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

    71.

    Wara dan, jidhirli li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rwoli tal-kompetizzjoni u tat-teknoloġija sabiex jiġi ddeterminat valur normali huma kredibbli. Huwa kważi ċertament il-każ li livell għoli ta’ kompetizzjoni għandu jagħmel pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet, biex b’hekk data minn suq kompetittiv ħafna ma twassalx neċessarjament għal marġni ogħla ta’ dumping milli twassal data minn pajjiż b’inqas spejjeż iżda wkoll b’kompetizzjoni iktar baxxa ( 29 ). Bl-istess mod, għandu jiġi rrikonoxxut li livell ogħla ta’ żvilupp teknoloġiku aktarx ipaċi spejjeż tax-xogħol iktar baxxi, sabiex spejjeż tax-xogħol ogħla ma jitqisux neċessarjament bħala indikazzjoni ta’ prezzijiet ogħla u ta’ valur normali ogħla ( 30 ). Huwa ċar li dawn huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ analiżi ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

    72.

    Fl-aħħar nett ir-raġunijiet speċifiċi mogħtija mill-Kummissjoni għaliex ma għażlitx ir-Russja bħala pajjiż analogu jidhru biss parzjalment konvinċenti. L-avviż ta’ tnedija kien ippubblikat fid-19 ta’ Ġunju 2010 u, fit-tweġiba tagħha tas-6 ta’ Awwissu 2010, is-CET issuġġeriet li r-Russja setgħet tkun pajjiż analogu xieraq, għalkemm biss bħala alternattiva għall-USA li ffavorixxiet. Ma huwiex ovvju kif restrizzjonijiet ta’ żmien setgħu jipprevjenu li jiġu estiżi l-mistoqsijiet lil dak il-pajjiż, meqjus il-fatt li r-Regolament provviżorju ma kienx adottat qabel is-16 ta’ Marzu 2011 u li l-Kummissjoni setgħet tibgħat kwestjonarji lil produtturi f’pajjiżi oħra ssuġġeriti bi tweġiba għall-avviż ta’ tnedija (ir-Regolament definittiv ġie adottat fit-12 ta’ Settembru 2011, fit-terminu ta’ 15-il xahar impost mill-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku). Madankollu d-diffikultajiet li titqabbel data minn pajjiż b’sistema ta’ prezzijiet doppji huma bla dubju veri, u l-Kummissjoni setgħet ġustifikabbilment tikkunsidra li ma kienx meħtieġ li l-investigazzjoni tiġi estiża għal pajjiż issuġġerit minn lanjant bħala alternattiva meta hija kienet diġà kopriet il-pajjiż ikkunsidrat minn dak il-lanjant bħala li kien l-iktar xieraq. Għalkemm seta’ kien preferibbli jissemmew ir-raġunijiet għala ma ntbagħtux kwestjonarji lil produtturi Russi, dik l-ommissjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tixħet dubju dwar il-validità taż-żewġ regolamenti inkwistjoni.

    73.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nifhem li l-għażla tal-USA bħala pajjiż analogu ma kinitx (jew għall-inqas ma ntweriex li kienet) b’mod ċar mhux xierqa jew irraġonevoli, fl-assenza ta’ data utli minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor muri li huwa iktar xieraq. Minħabba li valur normali għandu jiġi ddeterminat “fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fl-[Unjoni] għal prodott simili”, biss fejn l-użu ta’ data minn pajjiż terz b’ekonomija tas-suq ma jkunx possibbli, jidher, għalhekk, li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk setax kien iktar xieraq li wieħed jirrikorri għal prezzijiet imħallsa jew li kellhom jitħallsu fl-Unjoni.

    74.

    Madankollu, għall-finijiet tal-kompletezza, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. Il-marġni tad-dumping li jinsabu fir-Regolament definittiv għandhom firxa minn 26.3 % sa 69.7 % (premessi 88 sa 93). Il-prezz tal-esportazzjonijiet u l-valur normali li minnhom dawk il-marġni tad-dumping kienu kkalkolati ma humiex fil-fatt iddikjarati fir-Regolament provviżorju jew fir-Regolament definittiv, iżda skont l-Artikolu 2(12) tar-Regolament bażiku, fejn il-marġni ta’ dumping huwa l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ esportazzjoni. Fir-Regolament provviżorju, kif ikkonfermat bir-Regolament definittiv, il-prezz medju tal-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni huwa ddikjarat li huwa ta’ 4.5 EUR/m2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u l-prezz medju tal-bejgħ tal-Unjoni fl-Unjoni li kien ta’ 8.8 EUR/m2. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑569/13 Bricmate, ippreżentati wkoll illum, ikkalkolajt il-figura korretta għall-prezz medju ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni (b’kunsiderazzjoni ta’ żball ta’ statistika sinjifikattiv dwar il-volum tal-importazzjonijiet lejn Spanja f’Novembru 2009) li hija ta’ 5.1 EUR/m2. Anki fuq l-aħħar bażi msemmija, l-ammont li bih il-prezzijiet għal bejgħ tal-Unjoni fl-Unjoni eċċedew prezzijiet ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina għandu jkun, skont il-kalkolu tiegħi, 72.5 % – ogħla minn kull wieħed mill-marġni tad-dumping misjub abbażi tad-data mill-USA. Konsegwentement, jekk valur normali kien tqies li kien il-prezz medju tal-bejgħ tal-Unjoni fl-Unjoni, marġnijiet ta’ dumping, u, għalhekk, dazji antidumping, kienu jkunu ogħla minn dawk attwalment misjuba u imposti abbażi tad-data mill-US.

    75.

    Jiena, għalhekk, nasal għall-konklużjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball meta għażlu l-USA bħala pajjiż analogu, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom meta analizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

    Determinazzjoni tal-valur normali abbażi ta ’ produttur wieħed

    Ir-regolamenti antidumping

    Ir-Regolament provviżorju

    76.

    Fir-rigward tal-użu ta’ data minn produttur wieħed mill-US, il-premessa 53 tgħid:

    “Id-dejta sottomessa fit-tweġiba tagħhom miż-żewġ produtturi Amerikani li kkoperaw ġiet verifikata fuq il-post. Hija biss id-dejta minn produttur wieħed li saritlu żjara li fl-aħħar ġiet ikkunsidrata, peress li nstab li kien tagħrif affidabbli li fuqu seta’ jiġi bbażat il-valur normali. Id-dejta mit-tieni prodottur li saritlu żjara nstabet li mhix affidabbli u kellha tiġi mwarrba, peress li dan il-produttur irrapporta biss parti mill-bejgħ domestiku tiegħu u l-ispejjeż ma setgħux jiġu rikonċiljati sew mal-kontijiet.”

    Ir-Regolament definittiv

    77.

    Fir-Regolament definittiv, kienet ittrattata l-istess kwistjoni fil-premessi 61, 62, 64, 66, 69 u 74 sa 77:

    “(61)

    [Żewġ importaturi] sostnew ukoll li l-produttur tal-USA li kien qed jikkoopera kien il-proprjetà tal-Unjoni jew kien affiljat ma’ produtturi tagħha u għalhekk l-investigazzjoni kienet difettuża billi d-dejta miksuba ma kinitx indipendenti.

    (62)

    Qed jiġi mfakkar li d-dejta sottomessa mill-produttur tal-USA li qed jikkoopera ġiet verifikata fuq il-post. Għalhekk instab li din il-pretensjoni hija irrilevanti u ġiet injorata.

    […]

    (64)

    Finalment dawn l-istess importaturi affermaw li ż-żamma tal-kunfidenzjalità dwar l-identità, il-volum, il-valur u l-kwalità tal-produzzjoni tal-produttur analogu li qed jikkoopera ma kinitx ġustifikata. Qed jiġi mfakkar li l-produttur analogu li qed jikkoopera kien talab għall-kunfidenzjalità minħabba li beża’ li jkun hemm ritaljazzjoni kummerċjali, u nstab li din it-talba kienet ġustifikata. Barra dan, ma jistax jiġi eskluż li l-għoti ta’ kwalunkwe dejta mitluba mill-importaturi, anki jekk f’firxiet differenti, tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu. Għalhekk il-pretensjoni tal-importaturi ġiet injorata.

    […]

    (66)

    Barra dan, dawn iż-żewġ importaturi affermaw ukoll li, billi l-produttur tal-USA li qed jikkoopera huwa allegatament ikkontrollat minn produttur tal-Unjoni, l-għażla ta’ din il-kumpanija tal-USA bħala produttur adatt ta’ pajjiż analogu hija difettuża. B’mod partikolari, huma affermaw li l-kumpanija tal-USA mhijiex ekonomikament indipendenti u għalhekk ma tistax isservi bħala punt ta’ referenza għad-dumping. L-importaturi jikkwotaw it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku [ ( 31 ) ] bħala ġustifikazzjoni għal din il-pretensjoni. B’risposta għal din il-pretensjoni, l-ewwel nett għandu jiġi ddikjarat li, kif imsemmi fil-premessa 23 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 69 ta’ hawn taħt, il-produttur tal-USA li qed jikkoopera talab l-anonimità u din it-talba ġiet mogħtija. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma jistax jiġi kkonfermat jew miċħud jekk teżistix relazzjoni jew le bejn il-kumpanija tal-Istati Uniti u produttur tal-Unjoni. Madankollu, qed jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tar-Regolament bażiku huma dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kumpanija taħt investigazzjoni meta tbigħ lil parti relatata. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-kwistjoni ta’ relazzjoni possibbli bejn produttur ta’ pajjiż analogu u produttur tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    […]

    (69)

    L-assoċjazzjoni tal-importaturi staqsiet ukoll liema evidenza ġiet ipprovduta mill-produttur tal-pajjiż analogu li kien qed jikkoopera sabiex juri r-riskju ta’ ritaljazzjoni kummerċjali kif imsemmi fil-premessa 64. F’dan ir-rigward, il-kumpanija tal-Istati Uniti osservat li jeżistu ħafna produtturi esportaturi Ċiniżi tal-madum taċ-ċeramika fis-suq tal-Istati Uniti li magħhom il-kumpanija tal-Istati Uniti tikkompeti għall-istess klijenti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-kumpanija tal-Istati Uniti ddikjarat li kienet tibża’ minn ritaljazzjoni kummerċjali jekk l-identità tagħha tiġi żvelata. Rigward l-evidenza pprovduta sabiex jiġi ppruvat ir-riskju ta’ ritaljazzjoni, għandu jiġi nnotat li r-riskju possibbli li jinħoloq mill-fatt li l-kumpanija tal-Istati Uniti kif ukoll il-produtturi esportaturi Ċiniżi attivi fis-suq tal-Istati Uniti qegħdin jikkompetu għall-istess klijenti nstab li kien plawżibbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-talba tal-kumpanija għall-anonimità ġiet aċċettata.

    […]

    (74)

    [Żewġ] importaturi osservaw li, billi [t-tieni] subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku kien jeżiġi li l-valur normali jkun ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ “bejjiegħa jew produtturi oħra”, kien żbaljat li jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tad-dejta ta’ kumpanija waħda biss.

    (75)

    Għal dan ir-rigward, qed jiġi mfakkar li din il-proċedura tikkonċerna l-importazzjonijiet minn pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq fejn il-valur normali jeħtieġ li jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

    (76)

    Wara l-iżvelar finali, assoċjazzjoni ta’ importaturi ddikjarat li hija kkunsidrat li l-valur normali f’pajjiż analogu ma setax jiġi bbażat fuq dejta pprovduta minn kumpanija waħda. Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 75, din l-affermazzjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    (77)

    Finalment, dawn l-importaturi affermaw li l-prodott tal-produttur analogu ma kellux rappreżentattività billi dan serva esklussivament is-segment bi prezz għoli. Billi t-talba għall-kunfidenzjalità tal-produttur analogu ġiet milqugħa, din l-allegazzjoni la hija kkonfermata u lanqas miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-allegazzjoni kienet korretta, kif spjegat fil-premessa 61 tar-regolament provviżorju, saru aġġustamenti fejn kien meħtieġ għall-valur normali maħdum sabiex jiġu kkunsidrati t-tipi kollha ta’ madum, inkluż il-markar korporattiv għall-bejgħ mill-ġdid. Għalhekk instab li din l-affermazzjoni ma kinitx meħtieġa u għalhekk ġiet miċħuda.”

    Kwistjonijiet u sottomissjonijiet

    78.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li dispożizzjonijiet varji tar-Regolament bażiku ( 32 ), bl-użu tagħhom tal-forom fil-plural, juru li valur normali – element kruċjali fid-determinazzjoni ta’ dumping – għandu jkun stabbilit abbażi ta’ data minn diversi produtturi. Jekk dak huwa minnu għal pajjiżi b’ekonomija tas-suq, dan għandu japplika wkoll fejn jikkonċerna pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq, kif ikkonfermat mill-fatt li l-Artikolu 2(7)(a) jipprovdi għal riferiment għal prezzijiet f’pajjiż analogu u mhux għal prezzijiet ta’ produttur analogu. L-oġġettività u l-akkuratezza huma kunsiderevolment iktar diffiċli li jinkisbu meta riferiment isir biss għal produttur wieħed u għandha tiġi eżerċitata attenzjoni kbira, l-iktar meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm x’jissuġġerixxi li produttur mill-US inkwistjoni huwa kkontrollat minn produttur mill-Unjoni u, għalhekk, ma huwiex ekonomikament indipendenti. F’kull każ, data minn produttur wieħed tkun ikkundizzjonata minn deċiżjonijiet ta’ politika speċifika għal kumpanniji. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-Kummissjoni ma sabitx li kien meħtieġ li jsir użu minn xi tagħrif espert barrani f’dan ir-rigward.

    79.

    Fliesen-Zentrum tiċċita fit-tul il-punti 81 sa 87 tal-konklużjonijiet GLS ( 33 ), dwar l-importanza tad-determinazzjoni tal-valur normali u l-ħtieġa tal-oġġettività f’dak ir-rigward. L-argumenti tagħha jirriflettu ġeneralment il-kunsiderazzjonijiet espressi mill-qorti tar-rinviju, u tisħaq li nuqqas ta’ applikazzjoni tal-istess kriterju (pluralità ta’ esportaturi jew produtturi għall-finijiet ta’ paragun) fil-każ ta’ ekonomiji tas-suq u mhux tas-suq jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    80.

    Il-Kunsill jisħaq li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-fatt li jkun hemm produttur wieħed biss f’pajjiż ma jipprekludix l-użu tiegħu bħala pajjiż analogu ( 34 ). L-użu ta’ forom fil-plural fir-Regolament bażiku għandu jitqies bħala indikazzjoni ġenerali u indeterminata, li mhux neċessarjament jeħtieġ data minn diversi esportaturi jew produtturi; tabilħaqq xi dispożizzjonijiet jalternaw bejn forom fis-singular u fil-plural. Minbarra dan, ma hemmx ħtieġa ta’ riferiment għal diversi produtturi jekk figuri mingħand produttur wieħed ikunu rappreżentattivi. Il-prattika tal-istituzzjonijiet minn dejjem kienet li jsir kuntatt mal-produtturi kollha fil-pajjiż inkwistjoni, u li l-figuri jintużaw mit-tweġibiet kollha li jkunu waslu, ikun x’ikun l-għadd tagħhom, u anki jekk tasal biss tweġiba waħda. Il-protezzjoni ta’ data kunfidenzjali mingħand il-produttur hija essenzjali sabiex tkun żgurata l-kooperazzjoni. Ma hemmx evidenza fattwali li ssostni l-allegazzjoni li l-figuri tal-produttur tal-US setgħu kienu influwenzati minn kumpannija parent mill-Unjoni jekk din teżisti, iżda, f’kull każ, il-prassi tal-Kummissjoni hija li jintużaw biss figuri relatati ma’ bejgħ lil partijiet terzi indipendenti.

    81.

    Il-Kummissjoni taċċetta li valur normali jista’ jinħadem b’mod iktar affidabbli b’figuri mingħand għadd ta’ produtturi fil-pajjiż analogu. Madankollu dan ma huwiex dejjem possibbli, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx mezzi sabiex jirrikjedu kooperazzjoni. Produtturi f’pajjiż terz li ma humiex ikkonċernati mill-investigazzjoni ma għandhom ebda inċentiv partikolari li jikkooperaw, mhux bħal produtturi oħra f’pajjiż suġġett għal investigazzjoni, li għandhom kull raġuni sabiex jipprovdu l-figuri tagħhom stess jekk ma jkollhomx jiġu eżaminati huma stess, skont Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    82.

    F’dan il-każ produttur wieħed biss mill-US ipprovda figuri utilizzabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-fatt li hemm produttur wieħed biss f’pajjiż terz ma jipprekludix l-użu ta’ data ta’ dak il-produttur sabiex jinħadem valur normali; l-istess għandu japplika meta jkun hemm diversi produtturi iżda wieħed biss jikkoopera. Dak li jimporta huwa jekk il-prezzijiet inkwistjoni jkunux ir-riżultat ta’ forzi kompetittivi. Id-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju, li jużaw forom fil-plural, jirriflettu s-sitwazzjoni ideali, iżda mhux neċessarjament dik li hija attwalment possibbli. Minbarra dan, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għal metodi alternattivi possibbli, kif huwa ċar mill-awżiljarju “jista’”; l-Artikolu 2(6)(b) jipprovdi għall-użu ta’ figuri “għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni”, fis-singular.

    83.

    Lanqas ma hemm xi dubju dwar in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament: id-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż investigat u f’pajjiż terz analogu huma żewġ sitwazzjonijiet kompletament differenti, li għalihom ma humiex disponibbli l-istess metodi.

    84.

    Il-periklu li l-prezzijiet mingħand produttur wieħed jistgħu jkunu influwenzati mhux kif imiss minn dik is-sitwazzjoni waħedha ta’ dak il-produttur huwa minimu, kemm jekk il-produttur inkwistjoni jkun ikkontrollat minn produttur tal-Unjoni u kemm jekk ma jkunx ( 35 ), minħabba li l-prezzijiet użati għandhom ikunu relatati ma’ għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet f’suq kompetittiv, u kull prezz għal tranżazzjonijiet fi gruppi għandu jiġi aġġustat b’dak il-mod.

    85.

    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex użu minn tagħrif espert barrani huwa irrilevanti; il-Kummissjoni qatt ma tuża esperti barranin f’investigazzjonijiet bħal dawn, minħabba n-natura kunfidenzjali tad-data.

    Evalwazzjoni

    86.

    Kieku kellu jiġi deċiż li l-għażla tal-USA bħala pajjiż analogu kienet ivvizzjata tant li r-regolament ikkontestat kellu jiġi annullat għal dak il-motiv, ma jkunx hemm il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi eżaminata.

    87.

    Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li dan ma huwiex il-każ, hemm essenzjalment tliet domandi x’jitqiesu: l-ewwel nett, jista’ prezz normali jiġi ddeterminat abbażi ta’ data minn produttur wieħed; it-tieni nett, jekk huwa hekk, jista’ dan ikun għadu l-każ anki jekk il-produttur inkwistjoni jkollu rabta ma’ produttur tal-Unjoni; it-tielet nett, imissha l-Kummissjoni sejħet tagħrif espert barrani?

    88.

    Nieħu t-tielet – u fil-fehma tiegħi, l-iktar punt sempliċi l-ewwel: jidhirli li ma hemmx motivi konvinċenti sabiex wieħed jassumi li kellu jissejjaħ tagħrif espert barrani. Fliesen-Zentrum u l-qorti tar-rinviju jidhru li taw dak li, fil-fehma tiegħi, kienet importanza mhux iġġustifikata lil subintestatura standard li tinsab fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għal kull proposta tal-Kummissjoni għal kull regolament tal-Kunsill. Fl-assenza ta’ xi raġuni speċifika sabiex wieħed jassumi mod ieħor (u ma ngħatatx indikazzjoni ta’ xi raġuni bħal din jew li tidher li hemm f’dan il-każ), l-istituzzjonijiet għandhom fil-prinċipju jitqiesu li huma kapaċi janalizzaw id-data b’mod adegwat huma stess.

    89.

    Hemm qbil mill-partijiet kollha li huwa dejjem preferibbli u iktar affidabbli li determinazzjoni tal-valur normali tkun ibbażata fuq data minn firxa wiesgħa ta’ produtturi. Madankollu f’Rotexchemie, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-fatt biss li jkun hemm produttur wieħed biss fil-pajjiż ta’ referenza fih innifsu ma jeskudix li l-prezzijiet fih milli jkunu r-riżultat ta’ kompetizzjoni ġenwina, minħabba li jista’ wara kollox ikun hemm kompetizzjoni bħal din, fin-nuqqas ta’ kontrolli tal-prezzijiet, minħabba li jkun hemm importazzjonijiet sinjifikattivi minn pajjiżi oħra” ( 36 ).

    90.

    Is-sitwazzjoni tista’ fil-parti kbira titqabbel inqas ma’ dik f’Rotexchemie, fejn hemmhekk kien hemm produttur wieħed biss fil-pajjiż analogu, b’kuntrast ma’ wieħed biss li kkoopera utilment,, filwaqt li oħrajn ma għamlux hekk, milli għal dik f’Ferchimex, fejn il-Qorti Ġenerali qalet: “ […] Potacan kienet l-uniku produttur Kanadiż li fl-aħħar nett qabel li jwieġeb il-kwestjonarju tal-Kummissjoni u li kkoopera fil-proċedura. B’mod partikolari, l-ikbar produttur Kanadiż […] irrifjuta li jikkoopera u pprovda biss ċerta informazzjoni li hija aċċessibbli għall-pubbliku, li ma kinitx adegwata għall-finijiet li jiġi ddeterminat valur normali. […] [I]r-rikorrent ma jiċħadx li l-Kummissjoni għamlet kull sforz sabiex tikseb informazzjoni relatata mas-suq Kanadiż minn sorsi barra dawk ta’ Potacan. […] Il-Kanada għandha, għalhekk titqies bħala pajjiż ta’ referenza xieraq, u l-konklużjoni għandha tkun li l-Kummissjoni ma kellhiex alternattiva ħlief li tuża l-informazzjoni li ħarġet mingħand Potacan” ( 37 ).

    91.

    Din is-sentenza tal-aħħar, filwaqt li ċertament ma torbotx lil din il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ġietx appellata u tista’ titqies li għandha tal-inqas xi awtorità persważiva.

    92.

    F’dan il-każ għandu jitqies x’alternattivi seta’ kien hemm disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Jiena diġà wasalt għall-fehma li ftit kienet il-probabbiltà vera li seta’ nstab pajjiż analogu ovvjament iktar xieraq, b’għadd ta’ produtturi li kienu lesti jikkooperaw fl-investigazzjoni ( 38 ). Setgħu kienu mistoqsija iktar produtturi fil-USA? Mill-premessa 48 tar-Regolament provviżorju, wieħed jista’ jiddeduċi li kienu kkuntattjati iktar minn żewġ produtturi mill-US, minħabba li jingħad li “biss żewġ produtturi tal-prodott ikkonċernat fl-USA li wieġbu għall-kwestjonarji”, u ma hemmx x’jissuġġerixxi fil-proċess li l-għadd ta’ produtturi kkuntattjati kien insuffiċjenti. Jekk ma setax jinstab pajjiż analogu iktar xieraq, u produtturi iktar f’dak il-pajjiż ma setgħux jiġu mġiegħla jwieġbu l-kwestjonarji, allura jidher li l-uniċi għażliet kienu jew li d-determinazzjoni tal-valur normali tiġi bbażata fuq id-data pprovduta mill-uniku produttur mill-US li wieġeb b’mod adegwat jew li tittieħed “kwalunkwe bażi raġonevoli oħra”, li tagħha xejn ħlief il-prezz imħallas jew pagabbli fl-Unjoni ma kien ikun japplika. Fir-rigward tat-tieni minn dawn l-għażliet, jiena kkalkolajt iktar ’il fuq ( 39 ) illi hija tassew setgħet wasslet għal marġni ogħla ta’ dumping.

    93.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni punt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha nuqqas ta’ informazzjoni. L-istituzzjonijiet jonqsu milli jgħidu jekk il-produttur mill-US inkwistjoni għandu jew ma għandux rabta ekonomika ma’ produttur mill-Unjoni (allegatament Taljan) u, filwaqt li jidher li huwa ssuġġerit li Fliesen-Zentrum u/jew l-importaturi li ħadu sehem fl-investigazzjoni setgħu jidentifikaw il-produttur inkwistjoni, ma saritx identifikazzjoni attwali fl-atti jew fis-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    94.

    Il-Kummissjoni offriet li tipprovdi ċerta informazzjoni (għalkemm mhux espliċitament din l-informazzjoni partikolari) lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni li tiġi ttrattata kunfidenzjalment fir-rigward ta’ Fliesen-Zentrum. Madankollu ma jidhirx li hemm xi dispożizzjoni bħalissa fir-Regoli tal-Proċedura li biha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tieħu dan il-pass ( 40 ). Trattament kunfidenzjali ta’ dokumenti jsir riferiment għalih biss fir-rigward ta’ intervenjenti f’rikorsi diretti u appelli (Artikoli 131(2) u 190(1)). Il-Kummissjoni ssuġġeriet waqt is-seduta li dan kien rikors għal annullament imlibbes b’talba għal deċiżjoni preliminari u li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tapplika interpretazzjoni ad hoc tas-sentenza tagħha Kadi II ( 41 ) fid-dawl ukoll tal-Artikolu 339 TFEU (li jimponi obbligu ta’ segretezza fuq membri tal-istituzzjonijiet u għall-uffiċjali tal-Unjoni) u tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku.

    95.

    Madankollu fl-assenza (għalissa) ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita fir-Regoli tal-Proċedura li tippermetti trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, jiena ma nqisx li dak ikun approċċ xieraq.

    96.

    Jekk l-informazzjoni ma tistax issir disponibbli b’mod kunfidenzjali, jidhirli li l-ewwel pass għandu jkun il-preżunzjoni li l-produttur mill-US kellu tabilħaqq rabta ekonomika ma’ produttur tal-Unjoni u l-kunsiderazzjoni jekk dak il-fatt setax jinvalida d-determinazzjoni tal-valur normali. Jekk le, ma jkunx hemm ħtieġa jitqies iktar jekk ikunx meħtieġ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali.

    97.

    L-istituzzjonijiet jgħidu li kienu qagħdu attenti, bħal dejjem, sabiex tintuża biss data relatata ma’ bejgħ lil klijenti mhux relatati. F’dan ir-rigward, jidhirli li ma hemmx ħtieġa li jintalab żvelar ta’ informazzjoni li l-istituzzjonijiet ikunu jixtiequ jżommu kunfidenzjali fir-rigward ta’ Fliesen-Zentrum. Meqjus l-argument ta’ din tal-aħħar li d-data użata wasslet għal prezz normali artifiċjalment għoli, ma huwiex plawżibbli li kien tqies bejgħ lil klijenti relatati. Jekk xejn, dak aktarx seta’ baxxa l-kalkolu tal-valur normali, minħabba li jidher li huwa iktar loġiku, f’ċirkustanzi normali, li klijenti relatati jibbenefikaw minn termini favorevoli.

    98.

    Mistoqsija oħra hija: huwa probabbli li l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’, jew li l-prezzijiet mitluba minn, sussidjarju mill-US ta’ produttur mill-Unjoni jogħlew artifiċjalment kif ipparagunati mal-ispejjeż jew mal-prezzijiet ta’ produttur indipendenti mill-US? Fil-fatt pjuttost jidher li dak ma huwiex probabbli, jekk l-għan ikun li operazzjoni kummerċjali ta’ suċċess titmexxa f’suq kompetittiv (u, sakemm ma jkunx hemm provi kuntrarji, dak jista’ jitqies li jkun l-għan tal-produttur mill-US). Il-Kummissjoni vverifikat id-data tal-produttur fuq il-post, u jidher li l-verifika saret bir-reqqa, minħabba li data mill-produttur l-ieħor twarbet bħala inaffidabbli ( 42 ). Meqjusa l-importanza mogħtija mill-istituzzjonijiet għall-kisba ta’ data minn suq kompetittiv ħafna, jidher li ma huwiex probabbli li strateġija ta’ tqegħid fis-suq li ma jkunx kompetittiv ħarbet minn livell bħal dan ta’ skrutinju.

    99.

    F’dan il-każ ma tressqitx raġuni speċifika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex wieħed jassumi li produttur mill-US b’rabta ma’ produttur tal-Unjoni (jekk wieħed jassumi li dik ir-rabta tkun stabbilita) x’aktarx li jbigħ bi prezzijiet ogħla fis-suq Amerikan minn produttur li ma jkollux rabta bħal dik.

    100.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx iġġustifikata jekk tiddeċiedi li r-regolament ikkontestat huwa invalidu minħabba l-motiv li valur normali kien ikkakolat abbażi ta’ data minn produttur wieħed, irrispettivament minn jekk dak il-produttur kellux rabta b’xi mod ma’ produttur tal-Unjoni.

    Obbligu ta ’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kalkolu ta ’ valur normali maħdum

    Ir-Regolament provviżorju

    101.

    Il-mod kif il-valur normali nħadem abbażi tad-data mingħand produttur mill-US huwa deskritt fil-premessi 56 sa 58 u 61:

    “(56)

    Il-bejgħ domestiku tal-produttur tal-USA tal-prodott simili nstab li hu rappreżentattiv f’termini ta’ volum paragunat mal-volum tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi li kkoperaw.

    (57)

    Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-bejgħ fis-suq domestiku lil klijenti mhux relatati nstab li [sar] fil-kors ordinarju tal-kummerċ għat-tipi kollha tal-prodott simili mmanifatturati mill-produttur tal-USA. Madankollu, minħabba d-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott simili manifatturat u mibjugħ fl-USA u l-prodott ikkonċernat esportat miċ-Ċina lejn l-Unjoni, għal ċertu tipi ta’ prodotti ġie kkunsidrat aktar xieraq li jinħadem il-valur [normali] sabiex ikunu jistgħu jitqiesu dawn id-differenzi u jiġi żgurat paragun ġust kif deskritt fil-premessa 61.

    (58)

    Il-valur normali ġie maħdum biż-żieda mal-ispejjeż tal-manifattura tal-produttur tal-USA, tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) [ ( 43 ) ] u l-qligħ tiegħu. Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-SG&A u l-qligħ ġew stabbiliti abbażi tad-dejta attwali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ fil-kors ordinarju tal-kummerċ tal-prodott simili tal-produttur tal-USA.

    […]

    (61)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, sar provvediment xieraq fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali kien aġġustat għad-differenzi fil-karatteristiċi – l-aktar minħabba markar OEM [ ( 44 ) ] u għad-differenzi fil-kwalità għal ċertu tipi mhux immanifatturati mill-produttur tal-pajjiż analogu - għall-ispejjeż aktar baxxi ta’ madum mhux tal-porċellana. Twettqu iżjed aġġustamenti, fejn xieraq, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, tal-assigurazzjoni, tal-ispejjeż tal-ġestjoni u anċillari, tal-ippakkjar, tal-kreditu, u tat-tariffi u l-kummissjonijiet bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li huwa raġonevoli, preċiż u appoġġjat minn evidenza verifikata.”

    Ir-Regolament definittiv

    102.

    Sar riferiment għall-kalkolu tal-valur normali maħdum fil-premessi 73, 77, 86 u 87:

    “(73)

    Żewġ importaturi sostnew li mingħajr informazzjoni dwar il-produzzjoni tal-produttur tal-Istati Uniti f’termini ta’ volum, il-partijiet interessati ma setgħux jivverifikaw jekk minħabba l-ekonomiji ta’ skala, jistax ikun hemm differenzi sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produttur tal-Istati Uniti meta mqabbla mal-produtturi Ċiniżi magħżula bħala kampjun li kull sena pproduċew iżjed minn 10 miljun m2 ta’ madum taċ-ċeramika. Dawn l-importaturi affermaw ukoll li l-volumi tal-produzzjoni tal-produttur analogu u tal-produtturi Ċiniżi ma kinux paragunabbli, minħabba l-volum ta’ produzzjoni iżjed baxx tal-produttur analogu jew fil-pajjiż analogu. Qed jiġi mfakkar li l-volum tal-produzzjoni tal-produttur analogu li qed jikkoopera huwa kunfidenzjali u għalhekk ma jistax jiġi żvelat. Qed jiġi mfakkar ukoll li l-industrija Ċiniża hija frammentata ħafna u l-parti l-kbira minnha hija magħmula minn SMEs. Għalhekk, instab li dawn l-argumenti ma kinux sostanzjati biżżejjed.

    […]

    (77)

    Finalment, dawn l-importaturi affermaw li l-prodott tal-produttur analogu ma kellux rappreżentattività billi dan serva esklussivament is-segment bi prezz għoli. Billi t-talba għall-kunfidenzjalità tal-produttur analogu ġiet milqugħa, din l-allegazzjoni la hija kkonfermata u lanqas miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-allegazzjoni kienet korretta, kif spjegat fil-premessa 61 tar-regolament provviżorju, saru aġġustamenti fejn kien meħtieġ għall-valur normali maħdum sabiex jiġu kkunsidrati t-tipi kollha ta’ madum, inkluż il-markar korporattiv għall-bejgħ mill-ġdid. Għalhekk instab li din l-affermazzjoni ma kinitx meħtieġa u għalhekk ġiet miċħuda.

    […]

    (86)

    Wara l-iżvelar finali, produttur esportatur partikolari afferma li, billi l-valur normali kien ibbażat fuq dejta minn produttur wieħed fil-pajjiż analogu u konsegwentement dejta preċiża ma setgħetx tiġi żvelata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, kien imperattiv li jiġi żgurat li jsiru l-agġustamenti fejn xieraq sabiex tiġi garantita l-paragunabilità tal-prodott għall-finijiet tal-kalkoli tad-dumping. F’dan ir-rigward, kif imsemmi fil-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, saru aġġustamenti fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

    (87)

    Wara l-iżvelar finali, żewġ importaturi sostnew li l-produttur tal-Istati Uniti li qed jesporta jservi esklussivament is-settur tal-madum taċ-ċeramika ta’ prezz għoli waqt li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jservu s-segment bi prezz baxx. F’termini li jiġi garantit paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, dawn l-importaturi [jsostnu] li l-aġġustamenti meħtieġa taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma ġewx żvelati lilhom. F’dan ir-rigward, qed jiġi nnotat li l-premessa 61 tar-Regolament provviżorju tispjega l-aġġustamenti li saru sabiex jiġi garantit paragun ġust.”

    Kwistjonijiet u sottomissjonijiet

    103.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li, meta nħadem il-valur normali mill-prezzijiet tal-produttur mill-US, kienu saru aġġustamenti sabiex jippermettu differenzi li jaffettwaw il-kwalità, il-karatteristiċi ta’ tqegħid fis-suq u d-diskrepanzi fl-ispejjeż. F’ċirkustanzi bħal dawn, “l-istituzzjonijiet għandhom obbligu, meta jqisu li għandhom jagħmlu aġġustament […], li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq evidenza diretta jew għall-inqas fuq evidenza ċirkustanzjali li turi li jkun hemm il-fatturi li għalihom l-aġġustament kien sar, u li jiddeterminaw l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.” ( 45 ) Ir-raġuni għall-aġġustamenti għandha tkun tista’ tintwera u l-aġġustamenti nfushom għandhom, għalhekk, ikunu verifikabbli, iżda dan ma huwiex possibbli f’dan il-każ mill-informazzjoni fir-Regolament provviżorju jew fir-Regolament definittiv, jew isiru disponibbli matul l-investigazzjoni. Anki jekk ikun meħtieġ li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data mill-produttur mill-US, l-Artikolu 296 TFEU jeżiġi raġunijiet adegwati li għandhom jiġu ddikjarati għal kull att legali. Billi l-iffissar ta’ valur normali huwa pass essenzjali bħala prova tal-eżistenza ta’ kull dumping, il-motivazzjoni għal miżura antidumping hija ta’ importanza partikolari, u d-drittijiet tad-difiża pprovduti fl-Artikoli 20 u 21(6) tar-Regolament bażiku ma jkunu jiswew xejn jekk partijiet interessati jkollhom informazzjoni vaga dwar kif eżattament il-valur normali jkun ġie stabbilit u, għalhekk, ma jkunux jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet ibbażati sewwa fuq il-fatti.

    104.

    Is-sottomissjonijiet ta’ Fliesen-Zentrum huma għal darba oħra kważi l-istess bħal kunsiderazzjonijiet espressi mill-qorti tar-rinviju, li jisħqu dwar kemm id-data kif espressa fir-Regolament provviżorju u fir-Regolament definittiv hija vaga u mhux ta’ min joqgħod fuqha.

    105.

    Il-Kunsill jisħaq dwar il-ħtieġa tal-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ produtturi li jikkooperaw f’pajjiżi terzi analogi. L-iżvelar ta’ xi dettall li Fliesen-Zentrum issostni kellu jiġi żvelat ikun ksur flagranti ta’ dik il-kunfidenzjalità. Minbarra dan, l-adattamenti meħtieġa matul id-determinazzjoni tal-valur normali jaqgħu fil-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-istituzzjonijiet f’materji ekonomiċi kumplessi, u ma tressqux motivi sabiex jintwera li huma abbużaw mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Fl-aħħar nett, l-aġġustamenti magħmula kollha ffavorixxew lill-produtturi li l-prodotti tagħhom kienu suġġetti għal dazju antidumping; meta ma jkunx hemm effetti dannużi, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa inqas strett, u kien, għalhekk, osservat f’dan il-każ.

    106.

    Il-Kummissjoni tissottometti l-ewwel nett, li l-motivazzjoni fir-Regolament definittiv tissodisfa r-rekwiżiti fil-ġurisprudenza u, it-tieni nett, li Fliesen-Zentrum ma tgawdix minn xi “drittijiet tad-difiża” iżda li, f’kull każ, ebda dritt bħal dan ma nkiser.

    107.

    Fir-rigward tal-motivazzjoni, hija tiċċita r-rekwiżit ġenerali kif espress f’Petrotub ( 46 ) qabel ma tinnota li f’Beus ( 47 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preambolu ta’ regolament intiż li jkollu applikazzjoni ġenerali “jista’ jkun limitat sabiex jindika s-sitwazzjoni ġenerali li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu, minn naħa waħda, u l-għanijiet ġenerali li huwa jkun maħsub li jikseb, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li jkun meħtieġ li huwa jiddeskrivi d-diversi fatti, li sikwit ikunu numerużi u kumplessi ħafna, li abbażi tagħhom ir-regolament kien adottat, jew a fortiori li huwa għandu jipprovdi evalwazzjoni ftit jew wisq kompleta ta’ dawk il-fatti”. F’Petrotub ( 48 ) il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li, billi sempliċement iddikjara li “kien instab li bejgħ magħmul bl-użu ta’ kumpens kien tabilħaqq magħmul fl-iżvolġiment ordinarju tal-kummerċ”, il-Kunsill ma kienx ipprovda motivazzjoni adegwata; ma kienx ta raġunijiet għaliex qies li prezzijiet mitluba b’rabta ma’ dak il-bejgħ ma kinux intlaqtu mir-relazzjoni bejn il-partijiet; ma għenx lil dawk ikkonċernati sabiex ikunu jafu jekk dawk il-prezzijiet kinux tqiesu b’mod korrett meta kien ikkalkolat valur normali, jew jekk setax ikun hemm difett li jaffettwa l-legalità tar-regolament ikkontestat; kien ipprekluda wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżerċita s-setgħat ta’ stħarriġ tagħha u milli tiddetermina jekk setax kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu l-Kummissjoni tissottometti li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jqis ukoll l-obbligu li tiġi osservata l-kunfidenzjalità ta’ interessi tal-kummerċ kif stabbilit fl-Artikolu 339 TFEU u fl-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari l-Artikolu 19(4) ta’ dan tal-aħħar jiddistingwi bejn żvelar ta’ informazzjoni ġenerali, li ma huwiex prekluż, u żvelar ta’ evidenza speċifika, li huwa ċirkoskritt b’mod strett. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-motivazzjoni tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, li, f’dan il-każ, jinkludi l-kontenut kollu tal-fajl mhux kunfidenzjali, żvelat lill-partijiet.

    108.

    Il-Kummissjoni tissottometti li r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq kienu lkoll ġew issodisfatti f’dan il-każ, b’mod partikolari bil-premessi 56 sa 58 u 61 tar-Regolament provviżorju, li għalih jirreferi r-Regolament definittiv. Il-fatt biss li ma jingħatawx figuri speċifiċi jew approssimattivi ma jonqosx milli jissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni; l-informazzjoni hija suffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titlob li tara kull data kunfidenzjali meħtieġa sabiex tivverifika r-raġunament. Lanqas ma hija l-mistoqsija jekk il-produttur mill-US għandu jew ma għandux rabta ma’ produttur tal-Unjoni b’xi mod rilevanti għall-validità tar-Regolament definittiv, minħabba li d-data użata kienet tikkonċerna prezzijiet għal bejgħ lil partijiet mingħajr konnessjoni. Il-figuri kienu vverifikati mir-rekords tal-produttur mill-US u aġġustati kif kien jixraq.

    109.

    Fir-rigward ta’ drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li Fliesen-Zentrum ma kinitx ħadet sehem fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament definittiv. Hija, għalhekk, ma tistax tgawdi minn drittijiet tad-difiża f’dak ir-rigward. Lanqas ma jista’ jkollha drittijiet bħal dawn mill-fatt li ssostni li hija “relatata” ma’ Cera-Net Sàrl, kumpanija Lussemburgiża li ħadet sehem fil-proċedura, sakemm (forsi) ma tkunx tista’ turi li hija attwalment ikkontrollat lil dik il-kumpannija. F’kull każ, Cera-Net infisha ma kinitx tgawdi minn drittijiet bħal dawk, minħabba li proċeduri antidumping huma diretti biss kontra produtturi jew esportaturi ta’ pajjiżi terzi u, meta jkun japplika, kontra l-importaturi relatati tagħhom, mhux kontra importaturi indipendenti bħal Cera-Net.

    110.

    Alternattivament il-Kummissjoni ssostni li f’kull każ ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Cera-Net. F’Timex ( 49 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-negozjanti jew il-manifatturi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni sabiex huma jkunu jistgħu b’mod effettiv iressqu l-fehmiet tagħhom, għalkemm dak id-dritt għandu, meta jkun meħtieġ, jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità; il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz, sakemm dan ikun kompatibbli mal-obbligu li ma jiġux żvelati interessi tal-kummerċ, sabiex tipprovdi lir-rikorrent l-informazzjoni rilevanti għad-difiża tal-interessi tiegħu, billi tagħżel, jekk ikun meħtieġ fuq inizjattiva tagħha stess, il-mezzi xierqa sabiex tipprovdi din l-informazzjoni. F’dan il-każ, Cera-Net ngħatat ftit mill-informazzjoni mitluba, u l-uffiċjal tas-seduta vverifika li l-prezzijiet użati kienu ġew aġġustati fejn kien neċessarju. Żvelar attwali kien ikun ksur tal-kunfidenzjalità, li ż-żamma tagħha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni minn produtturi ta’ pajjiżi terzi.

    Evalwazzjoni

    111.

    Dan l-aspett tal-każ iqajjem – bħall-aspett preċedenti – kwistjoni ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Hawnhekk, madankollu, din il-kwistjoni għandha titqies l-ewwel u qabelxejn fid-dawl tal-pożizzjoni proċedurali ta’ Fliesen-Zentrum fir-rigward tal-investigazzjoni dwar l-antidumping.

    112.

    Jidhirli li huwa ċar li Fliesen-Zentrum, billi ma kellhiex rabta ma’ ebda wieħed mill-esportaturi Ċiniżi u billi ma ħaditx sehem fil-proċedura tal-investigazzjoni, ma tistax hija stess issostni li għandha drittijiet tad-difiża tagħha stess, u li l-Kummissjoni ressqet raġunijiet konvinċenti sabiex wieħed jikkonkludi li hija ma tistax tieħu drittijiet bħal dawn mingħand partijiet li ħadu sehem fil-proċedura.

    113.

    Il-mistoqsija, għalhekk, hija fil-kuntest tal-kawża prinċipali u tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, jekk il-motivazzjoni kinitx adegwata għal att regolatorju ta’ applikazzjoni ġenerali. Fi kliem ieħor, kien biżżejjed għal dawk kollha kkonċernati (ħlief direttament u individwalment) li jifhmu r-raġunament segwit mill-istituzzjonijiet u għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha? Għal dak l-għan, kien meħtieġ li jingħadu dettalji tal-aġġustamenti magħmula sabiex jippermettu differenzi li jaffettwaw il-kwalità, il-karatteristiċi ta’ tqegħid fis-suq u d-diskrepanzi dwar spejjeż?

    114.

    L-informazzjoni kollha disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew għall-partijiet ikkonċernati b’mod ġenerali bid-dazji antidumping, tinsab fil-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, li għaliha jagħmlu riferiment il-premessi 77, 86 u 87 tar-Regolament definittiv, u tgħid hekk: “Il-valur normali kien aġġustat għad-differenzi fil-karatteristiċi – l-aktar minħabba markar OEM u għad-differenzi fil-kwalità għal ċertu tipi mhux immanifatturati mill-produttur tal-pajjiż analogu - għall-ispejjeż aktar baxxi ta’ madum mhux tal-porċellana. Twettqu iżjed aġġustamenti, fejn xieraq, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, tal-assigurazzjoni, tal-ispejjeż tal-ġestjoni u anċillari, tal-ippakkjar, tal-kreditu, u tat-tariffi u l-kummissjonijiet bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li huwa raġonevoli, preċiż u appoġġjat minn evidenza verifikata.”

    115.

    Jidhirli li dikjarazzjoni bħal din għandha fil-prinċipju tikkostitwixxi spjegazzjoni suffiċjenti għal att ta’ applikazzjoni ġenerali. Din tindika t-tip ta’ aġġustament magħmul u, impliċitament għall-inqas, id-direzzjoni li fiha l-figuri kienu aġġustati – jiġifieri, ’l isfel.

    116.

    Ċertament, mingħajr figuri attwali, ma jkunx possibbli għal parti kkonċernata indirettament biss, (bħal importatur fil-pożizzjoni ta’ Fliesen-Zentrum) jew għall-Qorti tal-Ġustizzja li jeżaminaw il-kalkoli preċiżi. U, fir-rigward ta’ Fliesen-Zentrum (u l-kummerċ fil-madum taċ-ċeramika ġeneralment), jidher li huwa raġonevoli li jiġi aċċettat li dawn il-figuri għandhom jibqgħu kunfidenzjali.

    117.

    Kieku kien hemm evidenza partikolari li l-aġġustamenti ma kinux saru b’mod korrett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprospetta li titlob li jinġiebu l-figuri u li teżaminahom. Għal darba oħra, skont kif inhuma r-Regoli tal-Proċedura bħalissa, il-parir tiegħi huwa li wieħed joqgħod attent dwar dan.

    118.

    Madankollu, ma hemmx evidenza speċifika bħal din u, fl-assenza tagħha u fid-dawl tal-istatus ta’ Fliesen-Zentrum fir-rigward tal-proċedura antidumping kollha kemm hi, ma jidhirx li hemm xi raġuni għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżiġi iktar dettalji tal-aġġustamenti. Jekk Fliesen-Zentrum, bħal kull parti oħra kkonċernata indirettament, għandha fil-prinċipju tikkuntenta b’motivazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti għal miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, il-fatt li hija tressaq proċedura quddiem il-qorti nazzjonali li ġġib magħha talba għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jagħtiha dritt titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, f’dak il-kuntest, informazzjoni li setgħet kienet disponibbli għall-Qorti Ġenerali fil-kuntest differenti ta’ rikors dirett ippreżentat minn parti kkwalifikata direttament ikkonċernata bil-miżura antidumping.

    119.

    Konsegwentement, filwaqt li jista’ jibqa’ jkun hemm oqsma ta’ inċertezza dwar l-akkuratezza ddettaljata tal-kalkolu ta’ valur normali mill-figuri tal-produttur mill-US inkwistjoni, li setgħu kienu rilevanti fil-kuntest ta’ rikors dirett ippreżentat minn parti kkwalifikata quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jidhirlix li dawk l-oqsma huma tali li jiġġustifikaw li din il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-kuntest proċedurali speċifiku li fih tqajmet id-domanda, li r-regolament ikkontestat huwa invalidu.

    Teħid ta ’ kampjuni

    Ir-regolamenti antidumping

    Ir-Regolament provviżorju

    120.

    It-teħid ta’ kampjuni ta’ produtturi Ċiniżi u tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku kien spjegat fil-premessi 4 sa 13 tal-preambolu. Il-premessa 4 kienet tgħid li l-produtturi esportaturi kollha magħrufa fiċ-Ċina, l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni, intalbu jidentifikaw lilhom infushom mal-Kummissjoni u li jipprovdu tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat matul il-perijodu tal-investigazzjoni. Il-preambolu kompla jgħid:

    “2.1. Teħid ta’ kampjuni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi

    (5)

    Mija u ħames tweġiba valida ġew irċevuti għall-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni mill-produtturi esportaturi fiċ-Ċina, li jkopru 47 % tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni […]

    (6)

    Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat raġonevolment fil-perjodu ta’ żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul ikkonsista minn tliet gruppi, li jirrappreżentaw 10 produtturi individwali, li ammontaw għal 14,4 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni u 31,3 % tal-volum totali tal-esportaturi li kkoperaw matul il-[perjodu tal-investigazzjoni (PI)]. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet Ċiniżi ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Numru ta’ kummenti ġew irċevuti fir-rigward tal-kampjun propost. Il-kummenti meqjusin xierqa ngħataw kunsiderazzjoni fl-għażla tal-kampjun finali.

    2.2. Teħid ta’ kampjuni tal-produttur tal-Unjoni

    (7)

    [CET] ikkonfermat permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni li l-kumpaniji kollha kwerelanti qablu li jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-kampjun. Inkluż kumpaniji oħra li resqu, il-Kummissjoni b’hekk kienet ipprovduta b’tagħrif minn 73 produttur tal-Unjoni.

    (8)

    Fl-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni ġiet ikkunsidrata l-frammentazzjoni għolja tas-settur tal-madum taċ-ċeramika. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-kumpaniji kbar ma jiddominawx l-analiżi tal-ħsara iżda li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji ż-żgħar, li kollettivament jifformaw l-ikbar sehem tal-produzzjoni tal-Unjoni, tkun ġiet riflessa sew, ġie deċiż li s-segmenti kollha, jiġifieri l-kumpaniji żgħar, ta’ daqs medju u kbar għandhom jiġu rappreżentati fil-kampjun.

    (9)

    Tliet segmenti ġew distinti abbażi tal-volum tal-produzzjoni annwali:

    Segment 1: kumpaniji kbar – produzzjoni li taqbeż 10 miljun m2,

    Segment 2: kumpaniji ta’ daqs medju – produzzjoni bejn 5 u 10 miljun m2,

    Segment 3: kumpaniji żgħar – produzzjoni taħt 5 miljun m2.

    (10)

    Fl-analiżi tal-indikaturi mikroekonomiċi, ir-riżultati tal-kumpaniji fil-kampjun fis-segment speċifiku ġew peżati skont is-sehem ta’ dak is-segment fil-produzzjoni totali tal-Unjoni (bl-użu tal-piż speċifiku ta’ kull segment fis-settur totali tal-madum taċ-ċeramika). Skont it-tagħrif miġbur matul l-investigazzjoni, il-produtturi fis-segment 1 u 2 jammontaw kull wieħed minnhom għal madwar kwart tal-produzzjoni totali tal-Unjoni filwaqt li fis-segment 3, il-produtturi jammontaw għal madwar nofs il-produzzjoni totali tal-Unjoni. Aktar minn 350 kumpanija jappartjenu [lis]-segment tal-kumpaniji żgħar. Aktar minn 40 kumpanija jappartjenu [lis]-segment ta’ daqs medju u aktar minn 20 [lis]-segment ta’ kumpaniji kbar.

    (11)

    Għaxar kumpaniji ġew ikkunsidrati fil-kampjun. Dawn huma l-akbar ta’ kull wieħed mit-tliet segmenti, b’kunsiderazzjoni tal-bejgħ, tal-produzzjoni u tal-pożizzjoni ġeografika. Kumpanija waħda fil-kampjun tappartjeni [lis]-segment tal-kumpaniji kbar, erbgħa [lis]-segment ta’ kumpaniji ta’ daqs medju u ħamsa [lis]-segment ta’ kumpaniji żgħar. Il-kumpaniji magħżula huma bbażati f’sitt Stati Membri (l-Italja, Spanja, il-Polonja, il-Portugall, il-Ġermanja u Franza) li flimkien jammontaw għal iżjed minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Dan il-kampjun irrappreżenta 24 % tal-produzzjoni totali mill-produtturi li kkoperaw u 7 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    (12)

    Matul l-investigazzjoni, kumpanija waħda fil-kampjun mill-Polonja ddeċidiet li ma tkomplix il-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikseb kooperazzjoni minn ebda produttur ieħor ibbażat fil-Polonja.

    (13)

    Minkejja l-irtirar tal-produttur Pollakk, ir-rappreżentanza tal-kampjun [baqgħet għolja] skont il-kriterji kollha msemmija fil-premessi 8 u 10. Għalhekk ġie deċiż li l-proċediment [seta’] jkompli b’kampjun ta’ disa’ produtturi minn ħames Stati Membri.”

    Ir-Regolament definittiv

    121.

    It-teħid ta’ kampjuni kien ittrattat fil-premessi 9 sa 33. Il‑premessi 9 sa 12 warrbu oġġezzjoni dwar żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, li ma hija ta’ ebda rilevanza għal dan il-każ. Il-premessa 13 tikkonkludi: “Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-premessi 5 u 6 tar-Regolament provviżorju b’dan qegħdin jiġu kkonfermati.”

    122.

    Fir-rigward ta’ kwistjonijiet rilevanti għal dan il-każ, il-premessi 16 sa 33 jgħidu:

    “(16)

    Parti interessata partikolari sostniet li d-diviżjoni tal-industrija tal-Unjoni f’segmenti differenti u l-kopertura ġeografika tal-kampjun kien jimplika li ma kienx statistikament validu. F’dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li l-industrija tal-madum taċ-ċeramika tal-Unjoni hija frammentata ħafna b’iżjed minn 500 produtturi. Instab ukoll li l-industrija kienet irrappreżentata fit-tliet segmenti kollha tal-industrija, jiġifieri l-kumpaniji l-kbar, dawk medji u dawk żgħar. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-kumpaniji l-kbar ma jiddominawx l-analiżi tad-dannu iżda li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji ż-żgħar, li meħuda flimkien jagħmlu l-ikbar sehem tal-produzzjoni tal-Unjoni, tiġi riflessa tajjeb, ġie kkunsidrat li s-segmenti kollha, jiġifieri l-kumpaniji żgħar, ta’ daqs medju u dawk kbar għandhom jiġu rrappreżentati fil-kampjun. F’kull wieħed [mis-segmenti ntgħażlu] l-ikbar kumpaniji, bil-kundizzjoni li setgħet tiġi garantita r-rappreżentattività ġeografika.

    (17)

    Parti interessata partikolari sostniet ukoll li l-Kummissjoni kienet naqset milli turi li l-kampjun kien għadu rappreżentattiv wara li l-produttur Pollakk kien irtira u li fi kwalunkwe eventwalità ma kienx rappreżentattiv biżżejjed f’termini ta’ volum ta’ bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

    (18)

    Huwa korrett li produttur Pollakk partikolari ddeċieda li jwaqqaf il-kooperazzjoni tiegħu u għalhekk kellu jiġi eskluż mill-kampjun. Madankollu, mhuwiex neċessarju li kampjun jirrifletti l-firxa ġeografika u l-piż eżatti tal-Istati Membri li jipproduċu sabiex ikun rappreżentattiv. Billi l-firxa ġeografika hija biss waħda mill-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività, approċċ bħal dan ma kienx ikun prattikabbli mil-lat amministrattiv. Pjuttost, huwa biżżejjed li fil-parti l-kbira l-kampjun jirrifletti proporzjonijiet tal-pajjiżi l-kbar li jimmanifatturaw involuti. B’valutazzjoni skont dan il-kriterju, instab li l-irtirar tal-kumpanija Pollakka ma affettwax ir-rappreżenattività ġenerali tal-kampjun. Fuq din il-bażi, huwa kkonfermat li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni kien rappreżentattiv biżżejjed skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (19)

    Rigward l-affermazzjoni tar-rappreżentattività ġenerali tal-kampjun qed jiġi mfakkar li minħabba li l-industrija tal-Unjoni hija frammentata ħafna, huwa inevitabbli li l-kumpaniji fil-kampjun ikopru parti relattivament żgħira tal-produzzjoni ġenerali tal-Unjoni. Fi kwalunkwe eventwalità l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li l-investigazzjonijiet jistgħu jiġu limitati għal kampjuni li jew huma statistikament validi, jew li jikkostitwixxu l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjonijiet li jista’ jiġi investigat b’mod raġjonevoli, mingħajr, madankollu, ma jiġi indikat l-ebda limitu kwantitattiv dwar il-livell ta’ volum rappreżentattiv bħal dan. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq huwa kkonfermat li l-kampjun magħżul kien rappreżentattiv skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (20)

    Parti interessata partikolari sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tinkludi fil-kampjun produtturi tal-Unjoni li joffru prezzijiet baxxi tal-bejgħ u li jinsabu f’pajjiżi bħall-Polonja u r-Repubblika Ċeka; għalhekk, il-kampjun miksub b’dan il-mod ma jistax ikun rappreżentattiv tal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni.

    (21)

    Bħala tweġiba għall-affermazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni skopriet li l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni kienu fl-istess firxa tal-prezzijiet medji tal-bejgħ fl-istatistika disponibbli pubblikament. Fi kwalunkwe eventwalità, u kif spjegat fil-premessa 125, l-investigazzjoni wriet li anki jekk jiġu kkunsidrati l-prezzijiet disponibbli pubblikament għal dawk il-pajjiżi, il-konklużjonijiet finali ma għandhom jinbidlu bl-ebda mod sinifikanti.

    (22)

    Numru ta’ partijiet għamlu kummenti dwar il-metodoloġija użata għall-għażla tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni meta mqabbla mal-għażla tal-kampjun tal-esportaturi Ċiniżi, li kienet ibbażata biss fuq il-volum tal-esportazzjoni.

    (23)

    Rigward il-metodoloġiji differenti użati għall-għażla ta’ kampjun tal-produtturi tal-Unjoni min-naħa waħda u tal-produtturi esportaturi Ċiniżi min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnutat li l-metodoloġiji ntużaw skont l-għanijiet tal-eżerċizzju tal-kampjunar. Għal dak li jirrigwarda l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni tal-industrija kollha u għalhekk, intgħażlu l-kriterji li għandhom jiggarantixxu l-istampa l-iżjed rappreżentattiva tas-settur kollu. Għal dak li jirrigwarda l-esportaturi Ċiniżi, ġie kkunsidrat xieraq li jintgħażel kampjun ibbażat fuq l-ikbar volum ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u b’hekk l-ikbar esportaturi ntgħażlu bħala kampjun. Qed jiġi nnotat ukoll li ma hemm l-ebda obbligu fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku li ż-żewġ kampjuni jintgħażlu fuq il-bażi tal-istess kriterju. Barra dan, f’dan il-każ, qabel ma ġie ffinalizzat il-kampjun tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-partijiet li qegħdin jikkooperaw fiċ-Ċina kif ukoll l-awtoritajiet Ċiniżi ngħataw l-opportunità li jikkummentaw fuq il-kampjun propost. Ġew riċevuti kummenti dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun iżda mhux dwar ir-rappreżentattività tiegħu.

    (24)

    Wara d-divulgazzjoni finali, assoċjazzjoni tal-importaturi sostniet li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku kien jimplika li l-kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni u tal-produtturi esportaturi għandhom isiru fuq il-bażi tal-istess kriterji. Wara d-divulgazzjoni finali ħafna partijiet Ċiniżi komplew isostnu li kien hemm diskriminazzjoni bejn it-trattament tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-produtturi tal-Unjoni fl-għażla tal-kampjuni rispettivi.

    (25)

    Bħala tweġiba għall-affermazzjoni wara d-divulgazzjoni finali li għandhom jiġu applikati l-istess kriterji fl-għażla tal-kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi, għar-raġunijiet deskritti fil-qosor fil-premessa 23, qed jiġi kkunsidrat li dawn il-kampjuni jistgħu jsiru fuq il-bażi ta’ kriterji differenti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

    (26)

    Rigward il-fatt li, kif imsemmi fil-premessa 23, ma ġew riċevuti l-ebda kummenti dwar ir-rappreżentattività tal-kampjun dawn il-partijiet sostnew li, fiż-żmien tal-għażla tal-kampjuni, il-partijiet Ċiniżi ma ġewx mgħarrfa li kienu qegħdin jintużaw kriterji ta’ għażla differenti għall-għażla tal-kampjuni u għalhekk ma setgħux jikkummentaw dwar dan il-fatt.

    [...]

    (28)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata partikolari affermat li billi kkunsidrat is-segmenti differenti għall-għażla tal-kampjun, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku li jistabbilixxi li l-analiżi għandha ssir b’relazzjoni mal-industrija tal-Unjoni ġenerali u mhux ma’ ċerti gruppi jew tipi ta’ kumpaniji.

    (29)

    L-affermazzjoni li l-qsim tal-kampjun fi tliet segmenti huwa ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ma tistax tiġi sostnuta. Skont il-premessa 23, il-kampjun magħżul kien jirrappreżenta l-industrija kollha tal-Unjoni u mhux biss grupp speċifiku ta’ kumpaniji, kif allegat mill-parti kkonċernata. Barra dan, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku jippermetti b’mod speċifiku li jintgħażel kampjun sabiex jiġi determinat id-dannu. Għalhekk din il-pretensjoni kienet mingħajr bażi u ġiet miċħuda.

    (30)

    Wara d-divulgazzjoni finali l-istess parti interessata kkuntestat il-fatt li l-firxa ġeografika kienet ġiet ikkunsidrata għall-għażla tal-kampjun u sostniet li l-Unjoni hija suq uniku u li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku jista’ jippermetti biss li kampjun jintgħażel fuq bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv.

    (31)

    Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni dwar l-użu tal-kriterju tal-firxa ġeografika, qed jiġi osservat li din hija industrija frammentata u sabiex tiġi valutata r-rappreżentattività tal-kumpaniji magħżula, tintuża l-firxa ġeografika tal-produtturi fost l-Istati Membri, sabiex jiġu riflessi s-sitwazzjonijiet differenti li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom fl-Unjoni. Il-kampjun ikopri l-Istati Membri fejn madwar 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tiġi manifatturata; wara l-irtirar tal-kumpanija Pollakka, dan il-livell baqa’ għoli f’madwar 80 %. Għalhekk, il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni żgurat li l-kampjun kien rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-Unjoni b’mod ġenerali u li jikkonforma mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

    (32)

    Wara d-divulgazzjoni finali parti interessata partikolari sostniet li ntgħażlu biss il-kumpaniji ta’ daqs medju u żgħir fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni li allegatament kellhom spejjeż u prezzijiet ogħla minn dawk tal-kumpaniji Ċiniżi ta’ daqs kbir.

    (33)

    Dan l-argument ma ġie appoġġat minn l-ebda evidenza. Qed jiġi nnotat li l-kampjun kien jinkludi kumpaniji mis-segmenti kollha. Barra dan, fatturi oħra lil hinn mid-daqs tal-kumpanija jistgħu jkollhom impatt fuq l-ispejjeż, bħall-ispejjeż tal-materja prima, id-depprezzament jew, l-użu tal-kapaċitajiet.’

    123.

    Il-premessi 125 u 126 huma wkoll rilevanti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

    “(125)

    Parti interessata partikolari, kif imsemmi diġà fil-premessa 20, ikkuntestat il-konklużjonijiet fil-premessi minn 96 sa 99 tar-Regolament provviżorju dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, fejn sostniet li l-Kummissjoni fid-determinazjjoni tagħha tal-prezz tal-unità tal-Unjoni ma [inkludietx] il-produtturi fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka u li l-konklużjonijiet ma kinux konsistenti mad-dejta pubblika effettiva.

    (126)

    Rigward din l-affermazzjoni, saret simulazzjoni li inkludiet il-prezzijiet tal-bejgħ [irreġistrat] fil-Polonja, li [jammonta] għal madwar 10 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. L-ebda simulazzjoni ma kienet saret għar-Repubblika Ċeka, li l-produzzjoni tagħha tammonta għal inqas minn 3 % tat-total fil-produzzjoni tal-Unjoni. Is-simulazzjoni wriet li, anki jekk jiġu kkunsidrati l-prezzijiet Pollakki, il-konklużjonijiet finali ma jinbidlux b’mod li jagħmel differenza. Finalment, f’konformità ma’ din il-metodoloġija, il-Kummissjoni kkalkulat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni wara li għamlet l-aġġustamenti rilevanti sabiex tikseb il-prezzijiet għall-ewwel klijent indipendenti, sabiex tiżgura l-paragunabilità mal-prezzijiet tal-bejgħ [Ċiniż].”

    Kwistjonijiet u sottomissjonijiet

    124.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li, sabiex tiddetermina l-livell tat-twaqqigħ (tal-prezzijiet), il-Kummissjoni użat teħid ta’ kampjuni, kif permess mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku “fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar”. Jistgħu jintużaw żewġ tipi ta’ teħid ta’ kampjuni: “numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew tranżazzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla” jew “[l]-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli”. Huwa ċar li l-ewwel tip intuża sabiex jiġu ddeterminati prezzijiet ta’ produtturi tal-Unjoni, u t-tieni tip sabiex jiġu ddeterminati dawk ta’ produtturi Ċiniżi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk approċċ bħal dak huwiex validu, minħabba li wassal għal teħid ta’ kampjuni essenzjalment minn għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni iżgħar (li jirrappreżentaw biss 7 % tal-produzzjoni tal-Unjoni) u għadd żgħir ta’ produtturi Ċiniżi ikbar (14.4 % tal-produzzjoni Ċiniża), għalkemm iż-żewġt iswieq huma fframmentati ħafna u jikkonsistu l-iktar minn intrapriżi żgħar u medji. Il-kampjuni jistgħu, għalhekk, ma jkunux paragunabbli, li jixħet dubju fuq l-oġġettività tad-determinazzjoni. Minbarra dan, il-produtturi tal-Unjoni li mingħandhom ittieħdu kampjuni kienu kollha minn Stati Membri tal-Punent bi prezzijiet ogħla, u minn ebda Stat Membru bi prezzijiet iktar baxxi. Għalhekk ma huwiex ċar jekk il-livelli ta’ twaqqigħ misjuba (43.2 % sa 55.7 % skont il-premessa 113 tar-Regolament definittiv) kinux iddeterminati b’mod preċiż u oġġettiv.

    125.

    Fliesen-Zentrum tressaq għal darba oħra ġeneralment l-istess kunsiderazzjonijiet, għalkemm f’iktar dettall, billi tinsisti dwar il-ħtieġa għaż-żewġ kampjuni li jkunu kkostitwiti b’mod paragunabbli. Minbarra dan, ir-rappreżentattività tal-kampjun tal-Unjoni għandha tkopri mill-inqas 25 % tal-produtturi tal-Unjoni, skont ir-rekwiżit minimu sabiex tinbeda investigazzjoni ( 50 ). Il-mod li bih il-Kummissjoni naqset milli tipparaguna ħaġa ma’ oħra li tixbahha jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-rekwiżit ta’ oġġettività li jinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku u r-regola ta’ dazju inqas fl-Artikolu 9(4) tal-istess regolament. Flimkien ma’ dan, l-użu ta’ kampjuni li jirrappreżentaw biss 7 % u 14.4 % tas-swieq rispettivi ma jissodisfax il-grad meħtieġ ta’ rappreżentattività.

    126.

    Il-Kunsill jissottometti l-ewwel nett li l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni kienet evalwata abbażi ta’ data makroekonomika u mikroekonomika mill-industrija kollha u mill-produtturi tal-Unjoni li kien ittiħdilhom kampjun, rispettivament; hija ma setgħetx tkun affettwata mill-kompożizzjoni tal-kampjun Ċiniż. It-tieni nett, il-kampjun tal-Unjoni qies in-natura frammentata tal-industrija. Produtturi Pollakki jew Ċeki ma kinux inklużi minħabba li produttur Pollakk ma baqax jikkoopera u l-produzzjoni Ċeka hija inqas minn 3 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, iżda l-Kummissjoni għamlet simulazzjoni li kienet tinkludi prezzijiet Pollakki u sabet li din għamlet ftit differenza. It-tielet nett, Fliesen-Zentrum ma għamlitx osservazzjonijiet matul il-proċedura li tikkonċerna l-kompożizzjoni tal-kampjun Ċiniż, u tista’ ma tagħmilx hekk issa fi proċedura għal deċiżjoni preliminari. F’kull każ, l-użu ta’ metodu differenti għall-kampjun Ċiniż huwa fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet, u din id-darba pprovda rappreżentattività massima għal kull grupp. Fl-aħħar nett, id-dazji antidumping imposti kienu, f’kull każ, inqas mill-marġni ta’ dumping misjub.

    127.

    Il-Kummissjoni tgħid li huwa żbaljat li wieħed jassumi li l-għan taż-żewġ kampjuni huwa sempliċement li jiġi stabbilit il-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet. Il-kampjun tal-Unjoni jservi wkoll sabiex tinġabar firxa wiesgħa ta’ data mikroekonomika li għandha tkopri l-kategoriji kollha ta’ produtturi mill-Unjoni sabiex tinstab kull varjazzjoni skont il-ġeografija jew id-daqs, filwaqt li l-kampjun ta’ esportaturi huwa intiż li jirrifletti sehem kbir kemm jista’ jkun tal-importazzjonijiet tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li l-prezzijiet ikunu kemm jista’ jkun qrib il-medja reali. L-użu ta’ żewġ metodi huwa, għalhekk, iġġustifikat għalkollox, ma jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali u ma jixħetx dubju fuq l-oġġettività tal-analiżi. Fir-rigward tal-assenza ta’ produtturi mill-Ewropa tal-Lvant fil-kampjun tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet ma għandhomx mezzi sabiex jeżiġu kooperazzjoni u l-produtturi Pollakki ewlenin ma kkooperawx. F’kull każ, l-Ewropa tal-Punent għandha 80 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, u data disponibbli pubblikament mill-Polonja u mir-Repubblika Ċeka wriet li l-inklużjoni tagħha kienet tagħmel ftit differenza.

    128.

    Fir-rigward tal-possibbiltà li seta’ ġie impost dazju iktar baxx kieku l-marġni ta’ twaqqigħ kien ġie stabbilit fuq bażi differenti, il-Kummissjoni tgħid li r-regolament ikkontestat sar bil-Ingliż u l-frażi “marġni tal-bejgħ eċċessivament taħt il-prezz” (id-differenza bejn prezzijiet suġġetti għal dumping u prezzijiet immirati għall-industrija tal-Unjoni – “Zielunterbietungsspanne” bil-Ġermaniż u “marge de sous-cotation des prix indicatifs” bil-Franċiż, ekwivalenti għal ‘marġni tad-dannu’) kienet tradotta ħażin ( 51 ) fil-Ġermaniż (u fil-Franċiż) bħallikieku kienet “marġni għal twaqqigħ fil-prezzijiet” (id-differenza bejn prezzijiet suġġetti għal dumping u prezzijiet attwali tal-industrija tal-Unjoni, li diġà’ kienu neżlin minħabba l-effetti tad-dumping – “Preisunterbietungsspanne” bil-Ġermaniż u “marge de sous-cotation des prix” bil-Franċiż).

    Analiżi

    129.

    Il-kwistjoni ewlenija f’dan il-każ hija jekk, meta l-istituzzjonijiet sabu “waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni]” (Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku), il-paragun li huma kienu għamlu kien invalidat minħabba li wieħed miż-żewġ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni permessi mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku kien intuża sabiex jiġu evalwati prezzijiet Ċiniżi u l-ieħor kien intuża sabiex jiġu evalwati prezzijiet tal-Unjoni. Kwistjonijiet sekondarji huma jekk kienx meħtieġ li jiġu inklużi, fil-kampjun tal-Unjoni, produttur wieħed jew iktar minn Stati Membri Ewropej tal-Lvant magħrufa għall-prezzijiet iktar baxxi tagħhom, u jekk il-kampjun tal-Unjoni kienx rappreżentattiv biżżejjed. Sussegwentement, jekk xi wieħed minn dawn il-fatturi wassal għal stima ogħla ż-żejjed tal-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, tqum il-kwistjoni jekk dak il-fatt kellux iwassal għall-applikazzjoni tar-regola ta’ dazju inqas fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

    130.

    Sabiex nieħu l-kwistjoni sekondarja l-ewwel, insib ir-raġunijiet mogħtija għall-assenza tal-produtturi Pollakki u Ċeki bħala raġonevoli u koerenti, kemm fir-Regolament provviżorju, kif ukoll fir-Regolament definittiv u fl-osservazzjonijiet tal-istituzzjonijiet. L-għażla magħmula dwar kif intgħażlu produtturi taqa’, jidhirli, tassew taħt id-diskrezzjoni wiesgħa li l-istituzzjonijiet għandhom meta janalizzaw sitwazzjoni ekonomika kumplessa, u ma jaħtux għall-irtirar tal-kooperazzjoni tal-produttur Pollakk waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni, jew għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi oħra. Minbarra dan, kienu saru kontrolli sabiex jiġi vverifikat li r-riżultati ma jintlaqtux b’mod sinjifikattiv mill-assenza ta’ data mingħand produtturi Ewropej tal-Lvant (speċifikament, dawk Pollakki).

    131.

    Fir-rigward tar-rappreżentattività, l-allegazzjoni ta’ Fliesen-Zentrum li l-kampjun tal-Unjoni għandu jinkludi mill-inqas 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni hija fil-fehma tiegħi mingħajr bażi. L-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma jikkonċernax ir-rappreżentattività ta’ kampjuni, u ebda wieħed mill-każijiet li hija ssemmi ma jsostni l-asserzjoni tagħha.

    132.

    Ngħaddi issa għall-kwistjoni ewlenija u ninnota qabelxejn li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku ma fih ebda rekwiżit espliċitu li kampjuni differenti għandhom jiġu kkostitwiti fuq bażi paragunabbli preċiża. Lanqas, jidhirli, ma jista’ jinqara bħala li jinkludi rekwiżit impliċitu ta’ dik ix-xorta, li jkopri, kif fil-fatt jagħmel, “każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar” u limitazzjoni għal “numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet”. Il-kategoriji involuti ma jistgħux huma stess dejjem ikunu paragunabbli, għalhekk sikwit ma jkunx hemm kamp ta’ applikazzjoni għall-paragunabbiltà ta’ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni.

    133.

    Minbarra dan, huwa ċar mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku li l-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew tranżazzjonijiet hija tal-Kummissjoni. L-istituzzjonijiet taw, fil-fehma tiegħi, raġunijiet adegwati għalfejn ipproċedew b’dan il-mod. Fir-rigward tal-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi, it-tħassib tal-ikbar importanza kien li tinkiseb l-aħjar approssimazzjoni possibbli għal prezz medju eżatt, u kien loġiku għal dan il-għan li jintgħażlu esportaturi li kienu jammontaw għall-ikbar volum ta’ bejgħ. It-teħid ta’ kampjuni tal-industrija tal-Unjoni, madankollu, kellu jkun adatt għal varjetà usa’ ta’ għanijiet u, għalhekk, ma setax ikun limitat għall-ikbar produtturi.

    134.

    Wara dan kollu, huwa minnu li d-determinazzjoni tal-ħsara għandha tinvolvi “eżaminazzjoni objettiva” tal-volum ta’ importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni (Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, u li l-kampjuni għandhom ikunu “statistikament validi” (Artikolu 17(1)).

    135.

    F’dan ir-rigward, jidher bla ebda dubju għall-inqas plawżibbli li l-metodu użat għaċ-Ċina (l-ikbar volum, u, għalhekk, l-ikbar produtturi) seta’ pproduċa prezz iktar baxx milli kieku kien inkluż għadd ikbar ta’ produtturi iżgħar fil-kampjun; produtturi ikbar jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala u, b’hekk, ibiegħu bi prezzijiet iktar baxxi. Għall-kuntrarju, u bl-istess mod, il-metodu użat għall-Unjoni seta’ wassal għal prezz ogħla. F’dak il-każ il-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet misjub seta’ kien ikbar milli kieku ntgħażlu ż-żewġ kampjuni skont l-istess metodu. (L-istess japplika għal bejgħ eċċessivament taħt il-prezz, li kien ibbażat fuq data mill-istess sorsi, sabiex b’hekk is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-terminoloġija u t-traduzzjoni f’dak ir-rigward ma jidhrux partikolarment rilevanti.)

    136.

    Madankollu, dawk il-possibbiltajiet bl-ebda mod ma huma ċerti, u ma ġew prodotti l-ebda figuri jew kalkoli ddettaljati lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dawn isiru speċifikament kredibbli. Possibbiltà oħra ugwalment plawżibbli hija li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi kienu ddeterminati iktar minn kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-importazzjoni milli mid-daqs jew mill-kapaċità tal-produttur, b’mod li metodu differenti ta’ teħid ta’ kampjuni tal-esportaturi Ċiniżi ma kienx jibdel ir-riżultat ( 52 ). Mingħajr prova tal-verità, ma huwiex għalhekk, possibbli li wieħed jassumi li l-livell tat-twaqqigħ tal-prezzijiet jew tal-bejgħ eċċessivament taħt il-prezz kien ikun differenti b’mod sinjifikattiv kieku sar użu mill-istess metodu għaż-żewġ kampjuni.

    137.

    Konsegwentement, ma nara l-ebda raġuni sabiex inqis li l-evalwazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fir-regolament ikkontestat kienet b’xi mod invalidata mill-għażla ta’ żewġ metodi differenti ta’ teħid ta’ kampjuni, jew li kien hemm xi inkompatibbiltà mar-regola ta’ dazju inferjuri tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

    Konklużjoni

    138.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lill-Finanzgericht München fis-sens li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma huwiex invalidu abbażi ta’ kull wieħed mill-motivi mressqa fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010 L 7, p. 22).

    ( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 258/2011, tas-16 ta’ Marzu 2011, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 70, p. 5).

    ( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, p. 1).

    ( 5 ) ĠU C 160, p. 20 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ tnedija”).

    ( 6 ) Sentenza Simon, Evers & Co, C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punti 11 u 12, Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punti 10 u 11, u GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 22.

    ( 8 ) Ara s-sentenza Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 15.

    ( 9 ) Ara l-punt 63 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 iktar ’il quddiem.

    ( 10 ) Ara l-premessa 51 tar-Regolament provviżorju, fil-punt 48 iktar ’il quddiem, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna tiegħu.

    ( 11 ) Ara s-sentenzi Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 13, u Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 12.

    ( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata. Regolament ta’ implementazzjoni bħar-Regolament definittiv għandu llum jitqies bħala “att regolatorju” skont it-tifsira tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFEU (ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 50 sa 60, u d-digriet Bricmate vs Il‑Kunsill, T‑596/11, EU:T:2014:53, punti 65 u 66).

    ( 13 ) Sentenza Petrotub u Republica, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 81.

    ( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Beus, 5/67, EU:C:1968:13, dwar taxxa kumpensatorja fuq importazzjonijiet, u Spanja vs Il‑Kunsill, C‑284/94, EU:C:1998:548, punt 28, dwar kwoti fuq importazzjonijiet.

    ( 15 ) Bħal, pereżempju, Guangdong Kito Ceramics et vs Il‑Kunsill, T‑633/11, EU:T:2014:271.

    ( 16 ) Ara wkoll is-sentenza Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 17 ) Ara d-digriet Bricmate vs Il‑Kunsill, T‑596/11, EU:T:2014:53, punti 61 sa 75.

    ( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 21 sa 27.

    ( 19 ) Wara kkoreġut għal 60 miljun m2 – ara l-premessa 58 tar-Regolament definittiv, fil-punt 49 iktar ’il quddiem.

    ( 20 ) Konklużjonijiet GLS, C‑338/10, EU:C:2011:636.

    ( 21 ) Sentenza GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 30.

    ( 22 ) Flimkien mas-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295.

    ( 23 ) Sentenza Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 32.

    ( 24 ) Sentenza Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punt 31.

    ( 25 ) Ara, pereżempju, Trade and Investment Analytical Papers 18, Anti-dumping: Selected Economic Issues, Mejju 2012, pp. 12-13, prodott mit-Trade Policy Unit tad-Dipartiment għall-Innovazzjoni u Ħiliet fin-Negozju [Department for Business Innovation and Skills] u mid-Dipartiment Għall-Iżvilupp Internazzjonali [Department for International Development] tar-Renju Unit, u Review of EU Trade Defence Instruments in Brief 2, The Analogue Country Method in Anti-dumping Investigations, 2013, prodott minn Swedish Kommerskollegium (Bord Nazzjonali tal-Kummerċ).

    ( 26 ) Figuri ppubblikati mill-Bank Dinji (http://data.worldbank.org) juru, għall-2009-2010 (li jkopri l-perijodu tal-investigazzjoni fil-proċedura antidumping f’din il-kawża), dħul nazzjonali gross per capita, ibbażat fuq il-parità tal-kapaċità tal-akkwist, ta’ 8110 sa 9000 għaċ-Ċina u 47490 sa 49090 għall-USA, espress f’dollari internazzjonali kurrenti.

    ( 27 ) Din il-kwistjoni tidher li aktarx issir inqas rilevanti 15-il sena wara l-adeżjoni taċ-Ċina minħabba li ma jkunx iktar faċli għal membri oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem “WTO”) li jittrattaw liċ-Ċina bħala ekonomija mhux tas-suq (ara l-paragrafu 15 tal-Protokoll dwar l-adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, disponibbli fi https://www.wto.org/english/thewto_e/acc_e/completeacc_e.htmchn).

    ( 28 ) Sentenza GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 22, 27 u 31.

    ( 29 ) Skont ir-Rapporti dwar il-Kompetittività Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji (www.weforum.org), l-USA kien, mill-pajjiżi msemmija f’dawn il-proċeduri, dak bl-ogħla livell globali ta’ kompetizzjoni lokali fl-2008-2009, għalkemm baqa’ ftit wara l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija f’dak ir-rigward fl-2010-2011,u baqa’ biss ftit qabel iċ-Ċina. Il-pajjiżi l-oħra kollha msemmija kellhom livelli kunsiderevolment iktar baxxi ta’ kompetizzjoni lokali, Ir-Russja b’mod partikolari. Evalwazzjonijiet bħal dawn għal kompetizzjoni lokali globali jistgħu, ċertament, ikunu biss gwida ġenerali għal livelli ta’ kompetizzjoni f’settur partikolari, iżda madankollu jagħtu indikazzjoni li hija intiża li ssostni l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    ( 30 ) Il-Bank Dinji (http://data.worldbank.org) jipprovdi statistiċi għal esportazzjonijiet ta’ teknoloġija għolja bħala perċentwali ta’ esportazzjonijiet manifatturati, li minnhom jidher li ċ-Ċina, it-Tajlandja u l-USA kienu ġeneralment paragunabbli fl-2009-2010, b’bejn 20 % u 28 % tal-esportazzjonijiet tagħhom ikunu esportazzjonijiet ta’ teknoloġija għolja. Il-pajjiżi l-oħra msemmija lkoll kellhom perċentwali iktar baxx b’mod sinjifikattiv, bl-eċċezzjoni tal-Malasja, li kellha perċentwali ogħla b’mod sinjifikattiv. Ma jingħataw ebda perċentwali għall-Emirati Għarab Magħquda għal dawk is-snin, iżda l-figuri għas-snin preċedenti juru perċentwali estremament baxxa ta’ esportazzjoni ta’ teknoloġija għolja. Għal darba oħra, figuri bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala prova diretta dwar il-qagħda tal-iżvilupp teknoloġiku f’settur partikolari iżda, ukoll jagħtu indikazzjoni li hija intiża li ssostni l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    ( 31 ) It-tielet subparagrafu huwa fformulat kif ġej: “Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.” Ir-raba’ subparagrafu jirreferi għal definizzjoni ta’ “partijiet relatati”.

    ( 32 ) B’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) (“fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra”) u l-Artikolu 2(6)(a) u (ċ) (“l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’: (a) l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini; … (ċ) kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini”) (enfasi miżjuda fil-każijiet kollha).

    ( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’GLS, C‑338/10, EU:C:2011:636.

    ( 34 ) Sentenza Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 15.

    ( 35 ) Il-Kummissjoni tinnota li l-Qorti Ġenerali sabet li data mingħand produttur minn pajjiż terz li jkollu rabtiet ma’ produttur mill-UE ma kinitx invalida: sentenzi Ferchimex vs Il‑Kunsill, T‑164/94, EU:T:1995:173, punti 74, u Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, EU:T:2013:369, punti 154.

    ( 36 ) Sentenza Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 15.

    ( 37 ) Sentenza Ferchimex vs Il‑Kunsill, T‑164/94, EU:T:1995:173, punti 69 u 70; ara wkoll is-sentenza Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, EU:T:2013:369, punt 154.

    ( 38 ) Ara l-punt 62 et seq. iktar ’il fuq.

    ( 39 ) Punt 74.

    ( 40 ) Kieku dan kien rikors dirett quddiem il-Qorti Ġenerali, trattament konfidenzjali kien ikun possibbli skont l-Artikolu 67(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha. Ara, pereżempju, id-digriet tas-7 ta’ Mejju 2008 f’Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05.

    ( 41 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 97 et seq, partikolarment il-punt 120 et seq.

    ( 42 ) Ara l-premessa 53 tar-Regolament provviżorju: “[…] dan il-produttur irrapporta biss parti mill-bejgħ domestiku tiegħu u l-ispejjeż ma setgħux jiġu rikonċiljati sew mal-kontijiet”.

    ( 43 ) Bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi.

    ( 44 ) Manifattur ta’ tagħmir oriġinali.

    ( 45 ) Sentenza Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, EU:T:2002:280, punt 96.

    ( 46 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.

    ( 47 ) Sentenza Beus, 5/67, EU:C:1968:13.

    ( 48 ) Sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C ‑ 76/00 P, EU:C:2003:4, punti 86 sa 89.

    ( 49 ) Sentenza Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punti 24 u 30.

    ( 50 ) L-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku jipprekludi milli titnieda investigazzjoni abbażi ta’ lment minn produtturi li jgħoddu inqas minn 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Fliesen-Zentrum tiċċita ċerti każijiet li fihom bejn 40 % u 50 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tqieset suffiċjenti għal kampjun.

    ( 51 ) B’mod partikolari fil-premessa 198 tar-Regolament definittiv: “Qed jiġi nnotat ukoll li l-marġini tal-bejgħ eċċessivament taħt il-prezz huma ogħla mill-marġini tad-dumping stabbiliti hawn fuq fil-premessi minn 88 sa 93 u għalhekk il-marġni tad-dumping għandu jservi bħala l-bażi sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju skont ir-regola dwar l-inqas dazju.” (Enfasi miżjuda.)

    ( 52 ) Figuri tal-Eurostat miġjuba fil-Kawża C‑569/13 Bricmate jidhru li jindikaw li matul il-perijodu kollu meqjus fl-investigazzjoni, prezzijiet ta’ madum taċ-ċeramika importat miċ-Ċina kienu b’mod sinjifikattiv u konsistentement ogħla fil-Ġermanja milli fir-Renju Unit, għalkemm il-kwantitajiet importati fiż-żewġ Stati Membri kienu ġeneralment paragunabbli. Prezzijiet għal (kwantitajiet iżgħar ta’) importazzjonijiet lejn il-Latvja u r-Rumanija kienu, iżda, konsistentement iktar baxxi, sa livell anki iktar sinjifikattiv.

    Top