Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0659

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2015.
    C & J Clark International Ltd u Puma SE vs Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs u Hauptzollamt Nürnberg.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari imressqa minn First-tier Tribunal (Tax Chamber) u Finanzgericht München.
    Talba għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Dumping – Importazzjonijiet ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġina miċ-Ċina u l-Vjetnam – Validità tar-Regolament (KE) Nru 1472/2006 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 1294/2009 – Ftehim antidumping tad-WTO – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 2(7) – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping – Importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq – Talbiet għall-kisba tal-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq – Terminu – Artikolu 9(5) u (6) – Talbiet għal trattament individwali – Artikolu 17 – Teħid ta’ kampjuni – Artikoli 3(1), (5) u (6), 4(1) u 5(4) – Kooperazzjoni tal-industrija tal-Unjoni – Artikolu 3(2) u (7) – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu – Fatturi oħra magħrufa – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 236(1) u (2) – Rimbors ta’ dazji mhux legalment dovuti – Terminu – Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri – Invalidità ta’ regolament li impona dazji antidumping.
    Kawżi magħquda C-659/13 u C-34/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:620

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawżi Magħquda C‑659/13 u C‑34/14

    C & J Clark International Ltd (C‑659/13)

    vs

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa) [First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit)]

    u

    Puma SE (C‑34/14)

    vs

    Hauptzollamt Nürnberg

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Finanzi ta’ München (Finanzgericht München), (il-Ġermanja)]

    “Talbiet għal deċiżjoni preliminari — Dumping — Validità tar-Regolament Nru 1472/2006 — Importazzjonijiet ta’ ċertu lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ġejjin miċ-Ċina u l-Vjetnam”

    1. 

    Fil-qafas tal-kawżi tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistiedna tiddeċiedi jekk ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ottubru 2006, jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam ( 2 ), għandux jiġi ddikjarat invalidu, b’mod partikolari għar-raġuni li l-Kummissjoni Ewropea ma eżaminatx it-talbiet tal-produtturi-esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam biex jibbenefikaw minn status ta’ kumpannija li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“KES”). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi wkoll x’inhuma l-konsegwenzi ta’ invalidità bħal dik.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt internazzjonali

    2.

    Il-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (WTO-GATT 1994) ( 3 ) jidher fl-Anness 1 A tal-ftehim li jwaqqaf lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ( 4 ).

    3.

    L-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li ġej:

    “L-awtortajiet għandhom, bħala regola, jistabbilixxu marġini individwali għal kull esportatur magħruf jew għal produtturi kkonċernati bil-prodott li qed ikun investigat. F’każijiet meta n-numru ta’ esportaturi, produtturi, importaturi jew tipi ta’ prodotti huwa kbir wisq sal-punt li jrendi din id-determinazzjoni impratikkabli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżaminazzjoni jew għal numru raġonevoli ta’ partijiet interessati jew prodotti permezz ta’ l-użu ta’ kampjuni li huma validi statistikament fuq bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli lill-awtoritajiet fiż-żmien ta’ l-għażla, jew lill-ikbar persentaġġ tal-volum ta’ l-esportazzjoni mill-pajjiż in kwistjoni li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli.”

    4.

    Skont l-Artikolu 9.2 ta’ dan il-ftehim:

    “Meta dazju kontra d-damping jiġu mposti fir-rigward ta’ kwalunkwe prodotti, dan it-tip ta’ dazju f’kull każ jinġabar f’ammonti xierqa, fuq bażi mhux diskriminatorja ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mis-sorsi kollha li jitqiesu għad-damping jew li qegħdin jikkawżaw ħsara, ħlief fil-rigward ta’ importazzjoni minn sorsi fejn l-intrapriża tal-prezzijiet ġew aċċettati skond it-termini ta’ dan il-Ftehim. L-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat. Jekk, madankollu, ħafna fornituri mill-istess pajjiż huma nvoluti, u jekk huwa imprattikabbli li ssemmi l-fornituri kollha, l-awtoritatjiet jistgħu jsemmu l-pajjiż fornitur ikkonċernat. Jekk ħafna fornituri minn ħafna pajjiżi differenti huma nvoluti, l-awtoritajiet jistgħu jsemmu jew il-fornituri involuti, jew, jekk dan huwa imprattikabbli, il-pajjiżi fornituri kollha involuti.”

    B – Id-dritt tal-Unjoni

    1. Il-Kodiċi Doganali

    5.

    L-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 5 ), jgħid dan li ġej:

    “1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

    Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

    Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

    2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

    Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

    Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

    2. Ir-Regolament bażiku

    6.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 6 ), jittrasponi r-regoli antidumping li hemm fil-ftehim antidumping. Għal dan il-għan, jiddefinixxi r-regoli li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-proċeduri ta’ bidu u l-iżvolġiment tal-investigazzjoni, it-teħid ta’ miżuri provviżorji u definittivi kif ukoll it-tul u r-rieżami tal-miżuri antidumping.

    7.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

    “1.   Dazju kontra xiri taħt il-prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

    2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

    [...]”

    8.

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jgħid dan li ġej:

    “Il- valur normali

    1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

    Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

    Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

    Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista’ titqies it-tifsira ta’ partijiet relatati li tinsab fl-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament [...] Nru°2913/92 [ ( 7 )].

    2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali jekk volum ta’ bejgħ bħal dan jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni lill-Komunità.

    Madanakollu, jista’ jiġi wżat volum inqas ta’ bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

    3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali.

    4.   Bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew bejgħ ta’ esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra ta’ l-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien ma’ l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li bejgħ bħal dan isir f’perjodu estiż fi kwanitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru ta’ l-ispejjeż kollha f’perjodu raġjonevoli.

    Jekk il-prezzijiet li jkunu inqas mill-ispejjeż fil-ħin tal-bejgħ ikunu aktar mill-ispejjeż medji kkalkolati għall-perjodu ta’ investigazzjoni, prezzjiet bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu tajjeb għall-irkupru ta’ l-ispejjeż f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli.

    Il-perjodu ta’ żmien estiż għandu normalment ikun ta’ sena iżda f’ebda każ ma għandu jkun inqas minn sitt xhur, u l-bejgħ taħt l-ispiża għal kull unità għandu jiġi kkunsidrat li jkun magħmul fi kwantitajiet sostanzjali f’perjodu ta’ żmien bħal dan meta jiġi stabbilit li l-prezz tal-bejgħ medju peżat ikun inqas mill-ispiża għal kull unità medja kkalkulata, jew li l-volum ta’ bejgħ taħt il-ispiża għal kull unità ma jkunx inqas minn 20 % tal-bejgħ li jkun qiegħed jiġi wżat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali.

    5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu bi qbil mal-prinċipji tal-kontijiet ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni. Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

    Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza sottomessa dwar l-allokazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż, sakemm ikun muri li allokazzjonijiet bħal dawn kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta’ metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għal dawk l-oġġetti ta’ spejjeż mhux rikurrenti li jagħmlu tajjeb għall-produzzjoni fil-ġejjieni u/jew kurrenti.

    Fejn l-ispejjeż għal parti mill-perjodu għall-irkupru ta’ l-ispejjeż jiġu affettwati mill-użu ta’ faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni li jeħtieġu investiment addizzjonali sostanzjali u permezz ta’ rati ta’ utilizzazzjoni ta’ volum baxx, li huma r-riżultat ta’ operazzjonijiet tal-bidu li jseħħu fi ħdan jew matul parti minn perjodu ta’ investigazzjoni, l-ispejjeż medji għall-fażi tal-bidu għandhom ikunu dawk applikabbli, taħt ir-regoli ta’ l-allokazzjoni msemmija hawn fuq, fit-tmiem ta’ fażi bħal din, u għandhom jiġu inklużi f’dak il-livell, għall-perjodu konċernat, fl-ispejjeż medji kkalkulati msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4. Għal dan l-aġġustament għall-ispejjeż matul il-perjodu ta’ investgazzjoni, informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ fażi tal-bidu li testendi l bogħod minn dak il-perjodu għandu jittieħed kont tagħha fejn hi sottomessa qabel żjajjar ta’ verifika u fi żmien tlett xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni.

    6.   L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

    a)

    l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

    b)

    l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;

    c)

    kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

    a)

    Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

    [...]

    b)

    Fl-investigazzjonijiet kontra dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet [...] mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali irid jiġi stabilit skond il-paragrafi 1 sa 6 [ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku], jekk ikun muri, fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar bla ħsara għall-investigazzjoni u skond il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fis-subparagrafu (ċ) illi jipprevalu l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi […] Meta dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fis-subparagrafu (a).

    c)

    Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

    id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,[...]

    id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

    l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti [li jirriżultaw] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kenitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

    id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

    il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

    Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.

    [...]”

    9.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘dannu’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Id-deċiżjoni dwar id-dannu għandha tkun ibbażata fuq prova pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv ta’: a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

    […]

    7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu dannu lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li d-dannu kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

    [...]”

    10.

    Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-bidu tal-proċeduri”:

    “1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja.

    […]

    4.   Investigazzjoni m’għandhiex tinbeda taħt il-paragrafu 1 sakemm ma jkunx ġie stabbilit, fuq il-bażi ta’ eżami dwar il-qofol tal-appoġġ għal, jew oppożizzjoni għal, l-ilment magħmul mill-produtturi tal-Komunità ta’ prodott simili, li l-ilment kien magħmul minn jew f’isem l-industrija tal-Komunità. L-ilment għandu jitqies li jkun sar minn jew f’isem l-industrija tal-Komunità jekk ikollu l-appoġġ tal-produtturi tal-Komunità li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili, prodott minn dik il-parti tal-industrija tal-Komunità li turi appoġġ jew oppożizzjoni għall-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.

    […]”

    11.

    L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jgħid dan li ġej:

    “[…]

    5.   Dazju ta’ kontra d-dumping jiġi mpost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża d-dannu, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skond it-termini ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a), għal kull pajjiż ikkonċernat li jforni.

    Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

    a)

    fil-każ ta’ ditti jew impriżi konġunti b’sidien kollha barranin jew b’uħud minnhom barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura f’pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

    b)

    il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament;

    c)

    Il-maġġoranza tal-ishma huma ta’ persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet ta’ maniġment ewlenin għandhom jew ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed minn indħil mill-Istat;

    d)

    il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skond ir-rata fis-suq;

    e)

    l-indħil mill-Istat mhux tali li l-esportaturi individwali jkunu jistgħu ma jimxux mal-miżuri jekk jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

    6.   Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra d-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 18. Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali[ ( 8 )], kif previsti fl-Artikolu 17.”

    12.

    L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jgħidu:

    “Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat.

    Fit-talba ta’ rifużjoni tad-dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz, l-importatur għandu jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz ta’ Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti tħallew għal ċirkulazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien ġie stabbilit l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jiġu ntaxxati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jiġu miġbura l-ammonti ggarantiti permezz ta’ dazju proviżjonali. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba lill-Kummissjoni mal-ewwel.”

    13.

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-regolament, dwar it-teħid ta’ kampjuni

    “1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

    [...]

    3.   F’każijiet fejn l-eżami jkun ġie limitat skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali ta’ dumping għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien it-termini perentorji previsti f’dan ir-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.

    [...]”

    3. Ir-regolament ikkontestat

    14.

    Wara investigazzjoni li bdiet fis-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni adottat, fit-23 ta’ Marzu 2006, ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċertu lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam ( 9 ).

    15.

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-regolament ikkontestat fil-5 ta’ Ottubru 2006. Dan ir-regolament jistitwixxi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam. Il-Kummissjoni applikat il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku u, skont l-Artikolu 17 tal-istess regolament, hija rrikorriet għat-teknika tat-teħid ta’ kampjuni sabiex tiffissa d-dazji antidumping billi tieħu kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiżi (iktar ’il quddiem il-“kampjun”).

    16.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tar-regolament ikkontestat, ir-rata tad-dazju antidumping ġiet iffissata f’16.5 % għall-kumpanniji kollha stabbiliti fiċ-Ċina, bl-eċċezzjoni ta’ Golden Step Industrial Co. Ltd (iktar ’il quddiem il-“Golden Step”), u 10 % għall-kumpanniji kollha stabbiliti fil-Vjetnam. Golden Step, li ngħatat l-KES, fis-sens tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, kellha din ir-rata ffissata f’9.7 %.

    17.

    L-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat kien jipprevedi l-applikazzjoni tiegħu għal sentejn. Meta adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 ( 10 ), il-Kunsill wara estenda bi ħmistax-il xahar il-validità tad-dazji antidumping stabbiliti mir-regolament ikkontestat, jiġifieri sal-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2011.

    II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

    18.

    Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co., Ltd (iktar ’il quddiem flimkien “Brosmann et”) ippreżentaw appell mis-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67) fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat. Zhejiang Aokang Shoes Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Zhejiang Aokang”), adixxiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja b’appell mis-sentenza Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (T‑407/06 u T‑408/06, EU:T:2010:68) li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament parzjali tal-istess regolament. Brosmann et kif ukoll Zhejiang Aokang essenzjalment, talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla dawn is-sentenzi kif ukoll ir-regolament ikkontestat sa fejn kien jirrigwardahom.

    19.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur it-talba tagħhom u annullat l-imsemmija sentenzi kif ukoll ir-regolament ikkontestat għal dak li kkonċerna lil Brosmann et ( 11 ) kif ukoll Zhejiang Aokang ( 12 ).

    20.

    F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li anki meta l-Kummissjoni tirrikorri għat-teknika tat-teħid ta’ kampjuni, “l-obbligu tal-Kummissjoni, li tesprimi ruħha fuq talba ta’ operatur li jixtieq jibbenefika minn SES jirriżulta speċifikament mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-obbligu li tiddetermina l-valur normali, b’mod konformi mal-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-istess artikolu, jekk huwa muri, fuq il-bażi ta’ talbiet debitament iddokumentati u ppreżentati minn produttur wieħed jew iktar, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dawn il-produtturi. Obbligu bħal dan li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom jopera kull produttur, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, ma huwiex ikkundizzjonat bil-mod kif il-marġni ta’ dumping ikun ikkalkolat” ( 13 ).

    A – Il-kawża C‑659/13

    21.

    Mill-1 ta’ Mejju 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2010, C & J Clark International Ltd (iktar ’il quddiem “C & J Clark”) importat żraben tal-ġild miċ-Ċina u l-Vjetnam. Dawn l-importazzjonijiet kienu ġew suġġetti għal dazju antidumping, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat.

    22.

    Fit-30 ta’ Ġunju 2010, C & J Clark għamlet ilment kawtelatorju fejn talbet, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, ir-rimbors ta’ GBP 42592829.52 bħala dazji antidumping imħallsin għall-dawk l-importazzjonijiet. Dan l-ilment kien immotivat mill-fatt li l-kawżi li taw lok għas-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710) kienu, dak iż-żmien, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, skont C & J Clark, jekk dawn ir-rikorsi kienu jirnexxu, ir-rimbors tad-dazji antidumping li kienet ħallset kien ikun dovut.

    23.

    Wara li ngħataw is-sentenzi f’dawn il-kawżi, C & J Clark irrepetiet it-talba tagħha ta’ rimbors tad-dazji antidumping li kienet ħallset, billi kkunsidrat li dawn is-sentenzi kienu japplikaw ukoll għall-fornituri tagħha. Fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Custom ċaħdu din it-talba għar-raġuni li l-ebda prodott importat minn C & J Clark ma oriġina mill-esportaturi/produtturi indikati fl-imsemmija sentenzi.

    24.

    Fil-11 ta’ April 2013, C & J Clark ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa), fejn ikkontestat il-validità tar-regolament ikkontestat.

    B – Il-Kawża C‑34/14

    25.

    Puma SE (iktar ’il quddiem “Puma”) importat ġewwa l-Unjoni Ewropea, matul is-snin 2006 sal-2011, ilbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ġej miċ-Ċina u l-Vjetnam. Skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, hija ħallset id-dazji antidumping fuq dawn l-importazzjonijiet, għal total ta’ EUR 5059386.70. Il-fornituri tagħha kienu impriżi Ċiniżi u Vjetnamiżi kif ukoll l-impriżi marbutin magħhom.

    26.

    Fost dawn il-fornituri, uħud minnhom kienu nżammew fit-teħid tal-kampjun matul l-investigazzjoni u ġew suġġetti għal kontrolli fil-post. Il-fornituri l-oħrajn ta’ Puma, li kienu disposti li jikkooperaw, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni f’dak il-kampjun.

    27.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2011 u l-20 ta’ Jannar 2012, Puma talbet lill- Hauptzollamt Nürnberg (Uffiċċju tad-Dwana ta’ Nürnberg) ir-rimbors tad-dazji antidumping imħallsin matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 2006 u l-1 ta’ April 2011 għall-ammont totali ta’ EUR 5100983.90, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. Fl-istess ħin, Puma talbet l-estensjoni tat-terminu għar-rimbors ta’ dazji ta’ importazzjoni sabiex jiġi kopert il-perijodu kollu inkwistjoni u, għaldaqstant, b’effett retroattiv mis-7 ta’ April 2006.

    28.

    B’deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2012, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Nürnberg ċaħdet it-talba ta’ Puma għar-raġuni li r-regolament ikkontestat ma kienx ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief għal dak li jirrigwarda ċerti produtturi, u ħadd minnhom ma kien fornitur tagħha.

    29.

    Puma ressqet ilment, fit-18 ta’ Lulju 2012, kontra din id-deċiżjoni, fejn bidlet għall-istess okkażjoni l-ammont tar-rimbors mitlub u tellgħetu għal EUR 5059386.70. Dan l-ilment kien ġie miċħud mill-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Nürnberg b’deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2012.

    30.

    Puma, imbagħad, appellat minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Finanzi ta’ München.

    III – Id-domandi preliminari

    31.

    Il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa) u l-Qorti tal-Finanzi ta’ München kellhom dubji dwar il-validità tar-regolament ikkontestat. Għalhekk huma ddeċidew li jissospendu d-deċiżjoni u li jagħmlu dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    A – Il-Kawża C‑659/13

    32.

    Il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa) għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikoli 2(7)(b) u 9(5) tar-Regolament bażiku antidumping [Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96] fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni la tat deċiżjoni dwar l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-[KES] u lanqas dwar it-[TI] mitlub mill-produtturi esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku?

    2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku antidumping [Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96] fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni dwar l-istatus ta’ kumpanniji li joperaw fil-[KES] f’terminu ta’ tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni bħalma talbuha l-produtturi esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku?

    3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku antidumping [Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96] fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni f’terminu ta’ tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-istatus ta’ kumpanniji li joperaw fil-[KES] bħalma kienu talbu l-produtturi esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku?

    4)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikoli 3, 4(1), 5(4) u 17 tar-Regolament bażiku […] fid-dawl tal-fatt li numru żgħir wisq ta’ produtturi Komunitarji kkooperaw b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet twettaq evalwazzjoni korretta tad-dannu u, għaldaqstant, evalwazzjoni korretta tar-rabta kawżali?

    5)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku […] u l-Artikolu 253 KE fid-dawl tal-fatt li l-provi fil-fajl tal-investigazzjoni urew li d-dannu subit mill-industrija Komunitarja ġie evalwat billi ntużat data materjalment ivvizzjata bi żbalji u tal-fatt li r-Regolament [ikkontestat] ma ta ebda spegazzjoni għaliex dawn il-provi ġew injorati?

    6)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 huwa invalidu sa fejn jikser l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku […] fid-dawl tal-fatt li l-effetti ta’ fatturi oħrajn li huma magħrufa bħala li jistgħu jikkawżaw dannu ma kinux ġew isseparati b’mod korrett u distinti mill-effetti tal-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping?

    7)

    Sa fejn jistgħu l-qrati tal-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi Brosmann C‑249/10 P u kif ukoll Zhejiang Aokang C‑247/10 P sabiex qieset li d-dazji ma kinux legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali […] għal kumpanniji li, bħar-rikorrenti fil-kawżi Brosmann u Zhejiang Aokang, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kampjun iżda li t-talbiet tagħhom għall-istatus ta’ kumpannija li topera fil-[KES] u ta’ [TI] ma kinux ġew eżaminati?”

    B – Il-Kawża C‑34/14

    33.

    Il-Qorti tal-Finanzi ta’ München tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-Regolament [ikkontestat u r-regolament ta’ estensjoni] huma kompletament validi sa fejn ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha […] fil-Kawżi Brosmann Footwear HK et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C 247/10 P, EU:C:2012:710)?

    2)

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv iżda r-regolamenti msemmija ma humiex kompletament invalidi:

    a)

    Fir-rigward ta’ liema esportaturi u produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fil-Vjetnam, li mingħandhom ir-rikorrenti xtrat prodotti bejn is-snin 2006 u 2011, [ir-regolament ikkontestat u r-regolament ta’ estensjoni] huma invalidi?

    b)

    L-annullament totali jew parzjali tar-regolamenti msemmija jikkostitwixxi ċirkustanzi imprevedibbli jew forza maġġuri fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali?”

    IV – L-analiżi tiegħi

    A – Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta ’ illegalità tar-regolament ikkontestat u tar-regolament ta ’ estensjoni

    34.

    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx bażi biex iqajmu, quddiem il-qrati tar-rinviju, l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-regolament ikkontestat. Fl-ewwel lok, skont dawn, Puma kellha l-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament kontra dan ir-regolament quddiem il-qorti tal-Unjoni. Issa l-Kummissjoni tfakkar fil-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf ( 14 ), li bis-saħħa tagħha parti f’kawża ma tistax tqajjem quddiem qorti nazzjonali, bħala eċċezzjoni, il-legalità ta’ att tal-Unjoni meta hija setgħet tikkontesta dan l-att permezz ta’ rikors dirett għal annullament, u li hija tkun ħalliet jgħaddi t-terminu perentorju stabbilit f’dan ir-rigward ( 15 ).

    35.

    Fit-tieni lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw rikors skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi li importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji imħallsa meta jintwera li l-marġni ta’ dumping li fuq il-bażi tiegħu tħallsu d-dazji kien ġie eliminat jew imnaqqas għal livell iktar inferjuri għal-livell tad-dazju fis-seħħ. Għalhekk, skont dawn l-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jevadu, b’talba għal konstatazzjoni ta’ invalidità mqajma f’qorti nazzjonali, ir-rekwiżiti u t-termini stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi estiża l-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf ( 16 ) għal din is-sitwazzjoni.

    36.

    Fit-tielet lok, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-importaturi bħal C & Clark u Puma ma jistgħux jinvokaw ksur allegat tad-dritt għall-eżami ta’ talba ta’ KES jew ta’ TI sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tar-regolament ikkontestat u tar-regolament ta’ estensjoni. Skont dawn l-istituzzjonijiet, dan id-dritt huwa dritt suġġettiv irrikonoxxut biss għall-produtturi-esportaturi li jkunu għamlu talba bħal dik.

    37.

    L-ewwel nett, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà għal parti fil-kawża li ssostni quddiem il-qorti adita l-invalidità tad-dispożizzjonijiet kontenuti fl-atti tal-Unjoni tippresupponi li din il-parti ma għandhiex id-dritt li tippreżenta rikors dirett, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, kontra dawk id-dispożizzjonijiet. Madankollu, jirriżulta minn din l-istess ġurisprudenza li rikors dirett bħal dak għandu jkun mingħajr dubju ammissibbli ( 17 ).

    38.

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-regolamenti li jistabbilixxu d-dazji antidumping, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ir-regolamenti, għalkemm għandhom, min-natura u l-portata tagħhom, natura leġiżlattiva, jistgħu jirrigwardaw direttament u individwalment dawk il-produtturi u l-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom qed jiġu imputati l-prattiki ta’ dumping bl-użu ta’ data li tirriżulta mill-attività kummerċjali tagħhom. Inġenerali, dan huwa l-każ ta’ impriżi produtturi u esportaturi li jistgħu juru li dawn ġew identifikati fl-atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jew huma kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji. L-istess jingħad għal dawk il-importaturi tal-prodott ikkonċernat fejn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-formulazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u li għalhekk huma kkonċernati mill-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping ( 18 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-importaturi assoċjati ma’ esportaturi ta’ pajjiż terz fejn il-prodotti huma milqutin minn dazji antidumping jistgħu jikkontestaw ir-regolamenti li jistabbilixxu dawk id-dazji, partikolarment fil-każ fejn il-prezz għall-esportazzjoni ikun ġie kkalkolat mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju li jagħmlu dawn l-importaturi u fil-każ fejn id-dazju antidumping stess huwa kkalkolat skont dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ( 19 ).

    39.

    Fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni ssostni li peress li Puma hija “Original equipment manufacturer” ( 20 ), skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx ammissibbli li titqajjem l-eċċezzjoni ta’ illegalità. Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess jingħad għal C & J Clark.

    40.

    Huwa veru li, fis-sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill ( 21 ) kif ukoll Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ddefinixxiet lir-rikorrenti bħala importaturi jew esportaturi, ikkunsidrat il-partikolarità tar-relazzjonijiet kummerċjali bejniethom, jitqiesu li huma OEM, u l-produtturi milqutin mill-miżuri antidumping. Hija kkonstatat ukoll li, minħabba dawn ir-relazzjonijiet, dawn l-OEM kienu kkonċernati mill-kontestazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-prattika ta’ dumping inkriminata u li għalhekk huma kienu kkonċernati direttament u individwalment mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti inkwistjoni fir-rigward tal-prattiki ta’ dumping tal-produtturi ( 23 ), biex b’hekk jinfetaħ id-dritt għar-rikors għal annullament kontra dawn ir-regolamenti.

    41.

    B’mod iktar preċiż , il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-marġni ta’ profitt tal-produtturi-esportaturi kien ġie rivedut ’l isfel inkunsiderazzjoni tan-natura speċifika tar-relazzjonijiet kummerċjali bejnhom u l-OEM, biex b’hekk ikun hemm marġni ta’ dumping differenti minn dawk iddeterminati għall-bejgħ ta’ prodotti kkonċernati taħt il-marka proprja tal-esportatur. Fid-determinazzjoni tad-dazju antidumping, il-marġni kollha ta’ dumping kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li l-operaturi ekonomiċi inkwistjoni, fosthom l-OEM, kienu ġew identifikati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 24 ). Għaldaqstant, ma kienx hemm dubju li dawk l-OEM kienu kkonċernati mill-investigazzjoni u individwati fir-regolamenti inkwistjoni.

    42.

    Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawżi li għandna quddiemna.

    43.

    F’dan il-każ, la jirriżulta mir-regolament ikkontestat u mir-regolament ta’ estensjoni u lanqas mid-dokumenti mill-fajl li l-marġni ta’ dumping kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni u data ekonomiċi trażmessi minn C & J Clark u Puma. Il-Kummissjoni, sabiex turi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu ppreżentaw rikors għal annullament kontra dawk ir-regolament, tindika l-premessi 119 u 120 tar-regolament provviżorju, kif ukoll il-premessi 132 sa 135 tar-regolament ikkontestat.

    44.

    Il-premessi 119 u 120 tar-regolament provviżorju jillimitaw ruħhom biex jindikaw li ċerti partijiet ikkonċernati jikkunsidraw li l-għażla tal-Istat analogu għall-finijiet tat-twaqqif tal-valur normali, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Brażil, ma kinitx l-iktar xierqa billi ċerti produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiżi ma kellhomx ċerti spejjeż, bħal dawk tar-riċerka u għall-iżvilupp, li kienu, għalhekk, għaddewhom fuq il-klijenti, filwaqt li dawn l-ispejjeż ġarrewhom il-produtturi Brażiljani. Dawn il-partijiet ikkonċernati jpoġġu fid-dubju l-għażla ta’ dan l-Istat għaliex, fil-verità, ma jeżistix OEM, u dan jikkostitwixxi differenza fl-istruttura tal-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn l-Istati kkonċernati mill-miżuri antidumping u r-Repubblika Federali tal-Brażil. Il-premessa 120 tar-regolament provviżorju għalhekk tindika sempliċement li dik id-differenza ma tiġġustifikax li tiġi miċħuda l-għażla tar-Repubblika Federali tal-Brażil bħala Stat analogu u li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu s-suġġett ta’ aġġustamenti fil-mument li jiġi stabbilit il-valur normali.

    45.

    Fir-rigward tal-premessi 132 sa 135 tar-regolament ikkontestat, jiena nikkonstata li dawn jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ aġġustament għall-valur normali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ riċerka u tal-iżvilupp li kienu differenti fl-Istati kkonċernati mill-miżuri antidumping u fl-Istat analogu.

    46.

    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jippermetti li jiġi sostnut, mill-qari ta’ dawn il-premessi, li C & J Clark u Puma pprovdew informazzjoni u data ekonomika li ppermettew li jiġi kkalkolat l-marġni ta’ dumping u għalhekk li jiġu individwati fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku ieħor.

    47.

    Barra minn hekk, huwa importanti li jissemma d-digriet FESI vs Il-Kunsill ( 25 ) li segwa rikors għal annullament imressaq mill-Fédération européenne de l’industrie du sport (FESI), li tagħha Puma hija membru, kontra r-regolament ta’ estensjoni. FESI tikkunsidra li hija u l-membri tagħha kienu individwalment ikkonċernati fir-rigward tal-ġurisprudenza Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115) kif ukoll Gestetner Holdings vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑156/87, EU:C:1990:116). Il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet li FESI ma kinitx individwalment ikkonċernata għal fatt li l-membri tagħha pprovdew informazzjoni u data matul il-perijodu ta’ eżami mill-ġdid ( 26 ), perijodu li fi tmiemu kien ġie adottat ir-regolament ta’ estensjoni.

    48.

    Għal iktar preċiżjoni, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 49 tal-imsemmi digriet, li “jirriżulta minn dan ir-regolament li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għamlu evalwazzjoni ta’ għadd kbir ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi biex ikunu jistgħu jagħmlu tbassir fuq il-konsegwenzi tal-iskadenza tal-miżuri antidumping. Għaldaqstant, l-aġġustament tal-prezz fl-importazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ traħħis, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ konċezzjoni u ta’ riċerka u ta’ żvilupp tal-importaturi, huwa biss element fost l-oħrajn li jippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni dwar id-dannu u bl-ebda mod ma jiġu individwati l-fornituri ta’ din l-informazzjoni u data bl-istess mod kif kienu ġew individwati l-operaturi fil-kawżi li taw lok [għas-sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115) kif ukoll Gestetner Holdings vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑156/87, EU:C:1990:116)]”.

    49.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punt 51 tad-Digriet FESI vs Il-Kunsill (T‑134/10, EU:T:2014:143), li “ma huwiex stabbilit li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bbażaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fuq l-informazzjoni u data pprovduta mill-membri tar-rikorrenti. Jirriżulta mill-premessa 122 tar-regolament [ta’ estensjoni] u tal-premessi 133 u 135 tar-regolament [ikkontestat] li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-konċezzjoni u ta’ riċerka u ta’ żvilupp li sostnew il-produtturi Brażiljani sabiex isir aġġustament skont id-differenza bejn dawn u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp li sostnew il-produtturi Vjetnamiti u Ċiniżi. Ċertament, jirriżulta mill-premessa 135 tar-regolament [ikkontestat] li dan l-aġġustament jieħu inkunsiderazzjoni d-devjazzjonijiet eventwali bejn il-bejgħ lill-OEM u l-bejgħ taħt marka proprja, imma dan ma jimplikax li d-data u l-informazzjoni pprovduta mill-membri tar-rikorrenti ġew użati biex isir aġġustament għall-valur normali b’mod li jindividwawhom fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi l-oħrajn”.

    50.

    Inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, jiena nikkunsidra li, fil-probabbiltà kollha, C & J Clark u Puma ma humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat u mir-regolament ta’ estensjoni u li għalhekk, huma ma setgħux jippreżentaw rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE kontra dawk ir-regolamenti. Għall-inqas, id-dubju fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ rikors bħal dak huwa tabilħaqq reali. Issa, infakkar li l-possibbiltà għal parti fil-kawża li ssostni quddiem il-qorti adita l-invalidità tad-dispożizzjonijiet fl-atti tal-Unjoni jippresupponi li dik il-parti ma għandhiex id-dritt, mingħajr ebda dubju, li tippreżenta, bis-saħħa tal-Artikolu 263TFUE, rikors dirett kontra dawk id-dispożizzjonijiet ( 27 ).

    51.

    Fid-dawl tad-diffikultà li biha nistgħu nistabbilixxu jekk C & J Clark u Puma kellhom jew kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat u r-regolament ta’ estensjoni, jidhirli li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li tiġi ddikjarata ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità li dawn iqajmu quddiem il-qrati ta’ rinviju kontra dawn ir-regolamenti.

    52.

    Imbagħad, jiena nikkunsidra li għandu jitwarrab l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li C & J Clark u Puma, billi kellhom il-possibbiltà li jressqu rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, ma jistgħux jevitaw, b’talba ta’ konstatazzjoni ta’ invalidità mqajma quddiem qorti nazzjonali, ir-rekwiżiti u t-termini previsti f’dik id-dispożizzjoni.

    53.

    Fil-fatt, infakkar li dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi li importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġni tad-dumping, li abbażi tiegħu kienu mħallsa d-dazji, ikun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat. Dan ir-rikors jirrigwarda l-każ fejn l-aġir tal-produtturi-esportaturi kkonċernati jkun inbidel, li jġib miegħu kemm bidla tal-marġni ta’ dumping dovut għal valur normali li jkun huwa stess inbidel (marġni mnaqqsa) kif ukoll it-tmiem tal-prattika ta’ dumping (marġni eliminat). F’dan il-każ preċiż, l-importaturi ma jikkontestawx il-legalità tad-dazji antidumping li ġew imposti, imma jsostnu bidla tas-sitwazzjoni li għandha impatt dirett fuq il-marġni ta’ dumping iddeterminat inizjalment.

    54.

    Għalhekk huwa ċar li r-rikors previst fl-Artikolu 11(8) tar-regolament bażiku huwa distint minn dak li jinbeda quddiem il-qrati tar-rinviju li matulu l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra r-regolament ikkontestat trid tikkonstata l-illegalità tad-dazji antidumping imħallsa lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, biex b’hekk jiġi permess, fuq il-bażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, li jintalab ir-rimbors.

    55.

    Fl-aħħar nett, jiena ma naqbilx mal-fehma tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-impossibbiltà ta’ importaturi bħal C & J Clark u Puma li jinvokaw ksur allegat tad-dritt ta’ eżami ta’ talba ta’ KES jew ta’ TI sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tar-regolament ikkontestat u tar-regolament ta’ estensjoni.

    56.

    Fil-fatt, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha, diversi drabi, teżamina l-validità ta’ regolament antidumping fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn importatur li kellu dovuti jew li kellu jħallas dazji antidumping. Għalhekk fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ikea Wholesale ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina l-validità ta’ regolament antidumping fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat u tal-metodu ta’ “riduzzjoni għal żero” użat għall-finijiet tal-iffissar tal-marġni ta’ dumping globali ( 29 ). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Valimar ( 30 ), hija eżaminat il-validità ta’ regolament antidumping fid-dawl tal-metodu tal-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni fil-qafas ta’ eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping ( 31 ). Iktar reċentement, fil-kawża li wasslet għas-sentenza TMK Europe ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tivverifika jekk fatturi minbarra dawk li kienu relatati mal-importazzjonijiet setax kellhom importanza tali li kienu ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping, li għalhekk iwassal għall-invalidità tar-regolament antidumping ikkonċernat ( 33 ).

    57.

    F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma poġġiet f’dubju l-possibbiltà għall-importaturi li jinvokaw il-ksur tad-dritt li jiġi applikat ċertu metodu ta’ kalkolu tal-valur normali jew anki tal-prezz għall-esportazzjoni sabiex jiġu stabbiliti d-dazji antidumping.

    58.

    Fil-fatt, ir-regolamenti antidumping li jirrigwardaw l-importaturi bħal dawk fil-kawżi msemmija jew bħal C & J Clark u Puma għar-raġuni, kif rajna, mhux ta’ ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew ta’ sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom f’relazzjoni ma’ kwalunkwe persuna oħra, iżda biss minħabba l-kwalità tagħhom oġġettiva ta’ importaturi tal-prodotti kkonċernati, bl-istess mod li kull operatur ieħor li, attwalment jew potenzjalment, ikun f’sitwazzjoni identika ( 34 ).

    59.

    Bħala importaturi tal-prodotti milqutin mid-dazji antidumping, l-effetti tar-regolament li jimponi dawn id-dazji jaffettwawhom direttament sa fejn huma jkollhom iħallsu dawk id-dazji, ta’ spiss f’somma kunsiderevoli. Issa, l-għoti lil produttur-esportatur ta’ KES jinfluwenza d-determinazzjoni tal-valur normali u, fl-aħħar nett, fuq il-marġni ta’ dumping u l-impożizzjoni ta dazji antidumping ( 35 ). Bl-istess mod, l-għoti ta’ TI għandu l-konsegwenza li jiġi applikat dazju individwali għall-produtturi-esportaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, biex b’hekk dawn ikunu jistgħu jiġu distinti minn produtturi-esportaturi oħrajn ( 36 ) u li ta’ spiss jiġi applikat fil-konfront tagħhom dazju antidumping inqas.

    60.

    Minħabba l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ illegalità li qajmet C & J Clark kontra r-regolament ikkontestat u dik imqajma minn Puma kontra dan ir-regolament u tar-regolament ta’ estensjoni huma ammissibbli.

    B – Fuq il-validità tar-regolament ikkontestat

    61.

    Għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju fil-kawża C‑34/14, tikkunsidra l-validità tar-regolament ikkontestat u tar-regolament ta’ estensjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-kunsiderazzjonijiet li tagħmel fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari huma limitati għall-oġġezzjonijiet li jirrigwardaw il-legalità tar-regolament ikkontestat, li jikkostitwixxi l-att fondamentali, filwaqt li r-regolament ta’ estensjoni llimita ruħu biex jestendi l-validità tal-miżura antidumping ( 37 ). Fil-fatt ser naraw li l-eżami tad-domandi magħmula minn dik il-qorti jirrigwardaw ir-regolament ikkontestat u l-konklużjonijiet li niġbdu jgħoddu wkoll għar-regolament ta’ estensjoni sa fejn dan jerġa’ juża l-metodi użati fid-determinazzjoni tad-dazji antidumping definittivi.

    1. Fuq l-eżami tat-talbiet ta’ KES u ta’ TI

    62.

    L-ewwel domandi f’dawn il-kawżi jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba l-ksur tal-Artikoli 2(7)(b) u (c) u 9(5) tar-regolament bażiku. Fil-fatt C & J Clark u Puma jikkunsidraw li dawn id-dispożizzjonijiet kienu nkisru meta t-talbiet ta’ KES u ta’ TI li ressqu l-produtturi-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, mingħand min huma kienu importaw il-prodotti kkonċernati, ma kinux ġew eżaminati mill-Kummissjoni.

    63.

    F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710), li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddeċiedi talba ta’ operatur li jixtieq jibbenefika minn KES anki meta dak l-operatur ma jagħmilx parti mill-kampjun ( 38 ).

    64.

    Fil-fatt hija indikat li “l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jittrattaw biss għall-istabbiliment tal-valur normali, peress li l-Artikolu 17 tal-istess regolament, dwar it-teħid ta’ kampjuni, jifforma parti mid-dispożizzjonijiet li jittrattaw b’mod partikolari l-metodi disponibbli għall-istabbiliment tal-marġni ta’ dumping. B’hekk, dawn huma dispożizzjonijiet b’kontenut u għan differenti” ( 39 ).

    65.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku “l-obbligu li tiddetermina l-valur normali, b’mod konformi mal-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-istess artikolu, jekk huwa muri, fuq il-bażi ta’ talbiet debitament iddokumentati u ppreżentati minn produttur wieħed jew iktar, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dawn il-produtturi. Obbligu bħal dan li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom jopera kull produttur, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, ma huwiex ikkundizzjonat bil-mod kif il-marġni ta’ dumping ikun ikkalkolat” ( 40 ).

    66.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonkludiet, għal dawn il-motivi, li tannulla s-sentenzi appellati u wara li kkunsidrat li l-kawżi kienu fi stat li jiġu deċiżi, ikkunsidrat li kellu jiġi annullat ir-regolament ikkontestat għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi ( 41 ).

    67.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt indikat, fil-punt 32 tas-sentenza Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710), li “l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-regolament bażiku kien jobbliga lill-Kummissjoni li teżamina t-talbiet ta’ KES/TI ġejjin minn operaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun”, u jekk hija, għalhekk, annullat din is-sentenza għal din ir-raġuni hija, madankollu, iddeċidiet biss, sussegwentement, li l-Kummissjoni kienet obbligata li tiddeċiedi fuq talba ta’ KES. Għaldaqstant, hija ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex ukoll l-obbligu li teżamina talba ta’ TI.

    68.

    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, issa, jekk obbligu bħal dak jeżistix fuq il-Kummissjoni.

    69.

    Skont il-Kummissjoni, hija ma hijiex marbuta teżamina t-talbiet ta’ TI provenjenti minn operaturi li ma jifformawx parti mill-kampjun, meta hija kkonkludiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament bażiku, li l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludiha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

    70.

    Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma.

    71.

    Fil-fatt, bħad-dispożizzjonijiet kollha relatati ma’ KES, jiena nikkunsidra li dawk relatati ma’ TI għandhom kontenut u finalità differenti mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

    72.

    TI jista’ jingħata biss lil produtturi-esportaturi li jkunu fi Stati li ma jkollhomx ekonomija tas-suq. L-applikazzjoni ta’ dan it-TI lil produttur-esportatur tippermettilu jikseb dazju antidumping individwali li jispiċċa jkun, fil-maġġoranza tal-każijiet, inferjuri għar-rata unika imposta fuq il-produtturi-esportaturi li jinsabu fi Stat li ma jkollux ekonomija tas-suq. Sabiex ikun jista’ jibbenefika minn tali trattament, il-produttur-esportatur għandu jipprovdi ħafna informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li jopera b’mod indipendenti fir-rigward tal-Istat, jiġifieri li huwa liberu li jiddetermina, fid-dritt u fil-fatt, il-bejgħ tiegħu għall-esportazzjoni. Għalhekk, huwa għandu juri, b’mod partikolari, li hu liberu li jġib lura lejn pajjiżu l-kapitali u l-profitti fil-każ li l-impriża tkun ikkontrollata għal kollox jew parzjalment minn barranin, li l-prezzijiet għall-esportazzjoni, il-kwantitajiet esportati u l-modalitajiet ta’ bejgħ jiġu deċiżi liberament jew anki li l-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lil individwi ( 42 ).

    73.

    L-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għalhekk jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika minn TI. Fil-każ fejn dawn il-kriterji jiġu ssodisfatti, l-għoti tat-TI għandu jservi biex jiġi ddeterminat il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali ( 43 ). Huwa biss wara li jkun ġie użat dan il-metodu ta’ kalkolu għad-determinazzjoni tal-valur normali u wara jkun ġie ddeterminat il-prezz għall-esportazzjoni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-produtturi-esportaturi li jibbenefikaw mit-TI, li l-marġni ta’ dumping jiġi, min-naħa tiegħu, iddeterminat. F’dan l-istadju, dawn il-produtturi-esportaturi jistgħu jitolbu, bis-saħħa tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, sabiex dan il-marġni jiġi kkalkolat b’mod individwali. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi din it-talba jew, jekk hija tqis li n-numru ta’ produtturi-esportaturi huwa kunsiderevoli li l-eżamijiet individwali jikkomplikaw għalxejn il-kompitu u jtellef li l-investigazzjoni tingħalaq fi żmien utli, hija tista’ tiċħad dik it-talba u tistabbilixxi marġni ta’ dumping stabbilit fil-livell tal-Istat.

    74.

    Għaldaqstant huwa ċar li t-talba ta’ TI, l-istess bħat-talba ta’ KES, għandha tiġi distinta mit-talba ta’ marġni ta’ dumping individwali. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, testendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku għat-talbiet ta’ TI u hija kellha l-obbligu li teżamina dawk it-talbiet.

    75.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat huwa invalidu sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx it-talbiet ta’ KES u ta’ TI tal-produtturi-esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma kinux parti mill-kampjun, bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2(7)(b) u 9(5) tar-Regolament bażiku. Peress li r-regolament ta’ estensjoni jestendi d-dazji antidumping kif ġew iddeterminati mir-regolament ikkontestat ( 44 ), għandu wkoll jiġi ddikjarat invalidu.

    2. Fuq il-konsegwenzi li hemm minħabba l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur għall-eżami tat-talbiet ta’ KES u ta’ TI

    76.

    Bit-tieni u tielet domandi fil-kawża C‑659/13 u bl-ewwel domanda fil-kawża C‑34/14, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tgħid jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu sa fejn il-Kummissjoni ma ddeċidietx fit-terminu ta’ tliet xhur fuq it-talbiet ta’ KES ippreżentati mill-produtturi-esportaturi miżmumin u mhux miżmumin fil-kampjun.

    77.

    Għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jirriżulta mis-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) li n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni jekk produttur-esportatur jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jibbenefika minn KES iwassal awtomatikament għall-invalidità tar-regolament ikkontestat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, min-naħa tagħhom, jikkunsidraw b’mod partikolari li jirriżulta mis-sentenza Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill (C‑601/12 P, EU:C:2014:115) li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu ma jistax iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali juru li, fin-nuqqas ta’ dan it-trapass, il-Kunsill seta’ adotta regolament differenti iktar favorevoli għall-interessi tagħhom.

    78.

    Ninnota li jirriżulta mis-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill ( 45 ) li, bit-tielet aggravju, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ma setgħux jinvokaw l-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku għal dak li jirrigwarda t-talbiet proprji tagħhom ta’ KES, għar-raġuni li l-perijodu ta’ tliet xhur “[kien] jikkonċerna l-każijiet li fihom il-Kummissjoni [kienet] obbligata teżamina” t-talbiet ta’ KES u ta’ TI ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta eżaminat dan l-aggravju, indikat sempliċement li, skont dik id-dispożizzjoni, il-kwistjoni jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu 7(c) biex jibbenefika minn KES għandha tiġi deċiża fi tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni ( 47 ). Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’dik il-kawża ma kinitx ġiet annullata biss fuq il-bażi tal-imsemmi aggravju iżda wkoll bl-ewwel żewġ aggravji ppreżentati mir-rikorrenti ( 48 ).

    79.

    Għalhekk, jidhirli li huwa diffiċli, meta tinqara is-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill ( 49 ), li wieħed jikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jfisser awtomatikament l-invalidità tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, fil-punt 35 tas-sentenza tagħha Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill ( 50 ), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li fis-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53), hija ma tat l-ebda indikazzjoni dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu bħal dak.

    80.

    Fir-rigward tas-sentenza Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill (C‑601/12 P, EU:C:2014:115), kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, naħseb li mhux stabbilit b’mod ċar li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu ma jistax iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief jekk ir-rikorrenti juru li, fin-nuqqas ta’ qbiż bħal dak, il-Kunsill seta’ jadotta regolament differenti iktar favorevoli għall-interessi tagħhom. Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell kellha tikkunsidra żewġ aggravji dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku dwar it-terminu biex titressaq talba għal KES. L-ewwel aggravju kien ġie ddikjarat inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 51 ). Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat sempliċement li r-rikorrenti kienet qrat ħażin is-sentenza appellata ( 52 ) u li, “f’dawn il-kundizzjonijiet u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż il-punt jekk it-terminu stabbilit f’[din id-dispożizzjoni] jikkostitwixxix garanzija proċedurali għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li [dan l-aggravju] huwa, għalhekk, fil-fatt u fid-dritt infondat” ( 53 ).

    81.

    Huwa veru li, fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fi kwalunkwe każ, l-argumenti li ressqet ir-rikorrenti fil-kuntest tal-aggravju ma kinux japplikaw, sakemm din tal-aħħar ma tkunx ġabet raġunijiet ta’ natura li juru li ma setax jiġi eskluż li d-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ […] KES jew tar-regolament kkontestat kienu jkunu iktar favorevoli għall-interessi tagħha kieku t-terminu inkwistjoni kellu jiġi rrispettat, iktar u iktar li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-konklużjonijiet tas-sentenza appellata fuq il-bażi tad-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ […] KES”. Minn dan wieħed jista’ jippreżupponi li, fil-verità, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li jistgħu jinġibdu min-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku ( 54 ). Madankollu, ma nistgħux inkunu ċerti minn din il-ġurisprudenza u dawn il-kawżi huma l-okkażjoni, għall-Qorti tal-Ġustizzja, biex tippreċiża l-pożizzjoni tagħha.

    82.

    Fil-fehma tiegħi, dik il-ġurisprudenza għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali, fir-Regolament bażiku, ma teżisti l-ebda indikazzjoni fuq il-konsegwenzi li jkun hemm mill-fatt tat-trapass tat-terminu ta’ tliet xhur għall-għoti ta’ KES, kuntrarjament għal termini proċedurali oħrajn stabbiliti minn dan ir-regolament ( 55 ). Bl-istess mod, ix-xogħol preparatorju li wassal għad-dħul tal-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku, ma jitfa’ l-ebda dawl iktar, billi huwa limitat biex jindika li l-eżami tat-talba ta’ KES għandu jsir kmieni ħafna fl-investigazzjoni sabiex it-termini l-oħrajn ikunu jistgħu jiġu osservati ( 56 ).

    83.

    Fis-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill ( 57 ), il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart ijiem stabbilit mill-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku kellux iwassal għall-annullament tar-regolament inkwistjoni li impona dazji antidumping. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tħalli lill-impriżi kkonċernati terminu minimu ta’ għaxart ijiem biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali fir-rigward tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom huwa previst li jiġu rrakkomandati t-twaqqif ta’ miżuri definittivi. L-istess bħall-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, dan tal-aħħar ma fih l-ebda indikazzjoni dwar il-konsegwenzi li jkun hemm għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu.

    84.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, iddeċidiet għalhekk li “n-nuqqas ta’ osservanza [tal-imsemmi] terminu [...] ma jwassalx għall-annullament tar-regolament inkwistjoni ħlief sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u b’hekk taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti” ( 58 ). F’dan ir-rigward, hija tfakkar li “jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrenti li hija turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellu jkollha kontenut differenti, imma sempliċement li ipoteżi bħal dik ma hijiex għal kollox eskluża meta r-rikorrenti setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas ta’ irregolarità proċedurali” ( 59 ).

    85.

    Barra minn hekk, dejjem fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l‑okkażjoni li tikkunsidra l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ KES, li ttieħdet wara t-terminu ta’ tliet xhur u li ħadet post l-ewwel deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u amministrazzjoni tajba, [l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament antidumping bażiku] ma għandux jiġi interpretat b’mod li jobbliga lill-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu, għad-detriment tal-impriża kkonċernata, bi żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-imsemmija kriterji sostantivi” ( 60 ). Hija kkonkludiet li, “kieku l-Kummissjoni indunat matul l-investigazzjoni li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża tissodisfa l-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kien ikollha tiġbed il-konsegwenzi adattati, filwaqt li tiżgura l‑osservanza tal-garanziji proċedurali stabbiliti mir-Regolament bażiku” ( 61 ).

    86.

    Il-Qorti Ġenerali, ġibdet il-konsegwenza, ġustament fil-fehma tiegħi, li kien hemm lok li jitqies li “għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li, huwa minnu, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha dwar KES, skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandhom jittieħdu fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni u li s-soluzzjoni adottata għandha tibqa’ fis-seħħ tul din l-investigazzjoni, jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-qorti tal-Unjoni, [...] minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni barra minn dan it-terminu ma twassalx sempliċement minħabba dan il-fatt għall-annullament tar-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping u, min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tiġi mibdula tul il-proċedura jekk jirriżulta li hija żbaljata” ( 62 ).

    87.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li mhux kull qbiż tat-terminu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku għandu jwassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament tal-Kunsill li jistitwixxi dazji antidumping definittivi. Fil-fatt, trapass bħal dak iġib tali annullament bil-kundizzjoni biss li r-rikorrenti turi li, fin-nuqqas ta’ dan it-trapass, il-Kunsill seta’ jadotta regolament differenti iktar favorevoli għall-interessi tiegħu mir-regolament inkwistjoni ( 63 ).

    88.

    Bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ressqu l-ebda element tali li juri li l-osservanza tat-terminu mill-Kummissjoni kien iwassal għall-adozzjoni ta’ regolament iktar favorevoli għall-interessi tagħhom milli r-regolament ikkontestat.

    89.

    Għalhekk jiena tal-fehma li l-qbiż tat-terminu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma weriex li kienu jeżistu elementi tali li jaffettwaw il-validità tiegħu.

    3. Fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping

    90.

    Bl-ewwel domanda tagħha fil-kawża C‑34/14, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba l-ksur tal-Artikolu 9(6) tar-regolament bażiku sa fejn il-marġni ta’ Golden Step – l-unika kumpannija li bbenefikat minn KES – ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping medja ppeżata tal-kampjun u għalhekk ma kellu l-ebda influwenza fuq il-marġni medju ppeżat ta’ dumping li kien ġie applikat lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi mhux miżmumin f’dan il-kampjun.

    91.

    Jiena nifhem li, skont il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni kienet obbligata li tikkalkula l-marġni ta’ dumping individwali fir-rigward tal-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun u tikkalkula, wara, il-marġni medju ppeżat ta’ dumping bl-inklużjoni tal-marġni individwali ta’ Golden Step.

    92.

    F’dan ir-rigward, naħseb li l-qorti tar-rinviju qed tagħti interpretazzjoni żbaljata lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, “l-eżistenza ta’ marġini ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transizzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità fuq bażi ta’ transizzjoni ma transizzjoni”. Dan il-paragrafu ma jeskludix li wieħed jirrikorri għat-teħid ta’ kampjuni. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għamlet sew meta kkalkolat, għall-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun, marġni medju ppeżat ta’ dumping, sa fejn, fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament provviżorju, ħadd minn dawn il-produtturi-esportaturi ma kien kiseb KES jew TI ( 64 ).

    93.

    Imbagħad, fir-rigward tal-metodu applikat għall-iffissar tal-marġni ta’ dumping għall-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-inkjesta imma li ma kinux inklużi fil-kampjun, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, jirriżulta mill-premessa 135 tar-regolament provviżorju li l-marġni ta’ dumping ta’ dawn il-produtturi-esportaturi, li ma kinux is-suġġett ta’ eżami individwali, kien ġie ddeterminat fl-iffissar tal-medja ppeżata tal-marġni ta’ dumping tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-kampjuni. Billi ġie stabbilit marġni wieħed ta’ dumping għall-kampjun ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi, minn naħa, u għal dak ta’ produtturi-esportaturi Vjetnamiżi, min-naħa l-oħra, dawn l-istess marġni ġew attribwiti lill-produtturi-esportaturi l-oħrajn taċ-Ċina u tal-Vjetnam ( 65 ).

    94.

    Bejn l-adozzjoni tar-regolament provviżorju u tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tat l-istatus ta’ KES lil Golden Step, li kienet tagħmel parti mill-kampjun, meta qieset li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn din il-kumpannija, kellha titħassar id-deċiżjoni inizjali u jingħatalha dan l-istatus ( 66 ). Għalhekk kien ġie kkalkolat marġni ta’ dumping individwali għal dik il-kumpannija ( 67 ). Għall-kuntrarju, il-metodu applikat baqa’ ma nbidilx, jiġifieri li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku ( 68 ) u xejn, f’dan ir-regolament, ma jindika li l-marġni ta’ dumping ta’ Golden Step ma tteħidtx inkunsiderazzjoni f’dan il-metodu ta’ kalkolu. F’dak ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza tagħha Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill ( 69 ) li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-marġni ta’ dumping ta’ Golden Step kien ġie kkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping medju ppeżat tal-kampjun ( 70 ). Ċertament, din is-sentenza kienet ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku ( 71 ). Madankollu, il-konstatazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni ta’ dumping ta’ Golden Step għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping medju ppeżat ma tpoġġietx fid-dubju mir-rikorrenti.

    95.

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-kumpless tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li l-marġni ta’ dumping għall-esportazzjonijiet ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ġejjin miċ-Ċina u l-Vjetnam ġew stabbiliti b’mod korrett fir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll għar-regolament ta’ estensjoni, sa fejn jirriżulta minn dan tal-aħħar li kien ġie adottat l-istess metodu ta’ kalkolu ( 72 ).

    4. Fuq id-determinazzjoni tad-dannu u r-rabta kawżali

    96.

    Bir-raba’ sas-sitt domandi tagħha fil-kawża C‑659/13, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk ir-regolament kkontestat għandux jiġi ddikjarat invalidu sa fejn jikser l-Artikoli 3 sa 5 u 17 tar-Regolament bażiku għar-raġunijiet li numru żgħir wisq ta’ produtturi Komunitarji kkooperaw, li l-provi fil-fajl tal-investigazzjoni wrew li d-dannu li ġarrbet l-industrija Komunitarja ġie evalwat bl-użu ta’ data mimlija żbalji materjali u li l-effetti ta’ fatturi oħrajn magħrufa li jistgħu jikkawżaw dannu ma ġewx isseparati u distinti b’mod korrett mill-effetti tal-importazzjonijiet li allegatament kienu s-suġġett ta’ dumping.

    97.

    L-ewwel nett, fil-kuntest tar-raba’ domanda, C & J Clark isostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma setgħux jevalwaw b’mod korrett id-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja billi disa’ produtturi Komunitarji biss ġew inklużi fil-kampjun u għalhekk isostnu l-ilment, u dan jirrappreżenta biss 4.2 % tal‑produzzjoni Komunitarja, ’il bogħod mill-25 % meħtieġ mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

    98.

    Jiena ma naqbilx mal-opinjoni ta’ C & J Clark.

    99.

    Infakkar li l-Artikolu 5(1) u (4) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li investigazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kull dumping allegat tinbeda wara lment minn jew għan-nom tal-industrija Komunitarja. Dak ikun il-każ jekk l-ilment jiġi sostnut minn produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw, fir-rigward ta’ prodott simili, iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili ġġenerat min-naħa tal-industrija Komunitarja li tesprimi l-appoġġ tagħha jew l-oppożizzjoni tagħha għall-ilment. Madankollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta l-produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.

    100.

    Billi n-numru ta’ produtturi Komunitarji kien għoli, il-Kummissjoni l-ewwel nett iddeċidiet li tiġbor bosta informazzjoni dwar dawn il-produtturi permezz ta’ kwestjonarju fuq il-locus standi. B’mod partikolari, b’dan il-kwestjonarju, il-produtturi Komunitarji kellhom jgħarrfu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-bidu eventwali ta’ investigazzjoni antidumping, jekk isostnux l-ilment, jekk jopponuhx jew jekk ma jiħdux pożizzjoni dwaru ( 73 ). Għalhekk, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fis-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill ( 74 ), il-bażi legali li fuqha ntalbet din l-informazzjoni kienet l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Barra min hekk, fl-anness tal-istess kwestjonarju, jidhru l-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-regolament, Bħall-Qorti Ġenerali, naħseb li dak juri li l-produtturi Komunitarji kienu b’hekk konsapevoli tal-fatt li dak il-kwestjonarju ried jiddetermina, b’mod partikolari, jekk isostnux jew le l-ilment li huma għandhom b’dan il-mod jipprovdu sensiela ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta ta’ kawżalità bejn it-tnejn ( 75 ), dawn l-elementi kollha jikkostitwixxu l-ilment skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku.

    101.

    Il-konklużjoni li nista’ niġbed hija sempliċi. Ir-risposta għall-kwestjonarju fuq il-locus standi hija biżżejjed biex turi li 814-il produttur Komunitarju, li jirrappreżentaw iktar minn 40 % tal-produzzjoni Komunitarja, jsostnu l-ilment, skont l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-regolament ( 76 ). Kien biss wara, minħabba l-elementi li pprovdew dawn il-produtturi, li l-Kummissjoni għażlet lil dawk li setgħu jirrappreżentaw l-aħjar l-industrija Komunitarja biex tifforma kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku ( 77 ).

    102.

    Imbagħad jirriżulta mill-ħames domanda tal-kawża C‑659/13 li l-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar il-validità tar-regolament ikkontestat minħabba ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 296 TFUE billi l-provi fil-fajl tal-investigazzjoni wrew li d-dannu li ġarrbet l-industrija Komunitarja kien ġie evalwat bl-użu ta’ data li kellha żbalji materjali.

    103.

    F’dan ir-rigward C & J Clark tispjega li l-Kummissjoni kienet irċeviet noti ta’ informazzjoni li poġġew fid-dubju l-informazzjoni pprovduta minn ċerti produtturi Komunitarji fil-qafas tal-investigazzjoni antidumping. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma rrivedewx il-konklużjonijiet tagħhom dwar id-dannu fuq il-bażi ta’ dawn in-noti u r-regolament ikkontestat ma jsemmix ir-raġunijiet. Għalhekk, huma applikaw ħażin l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li bis-saħħa tiegħu d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu hija bbażata fuq provi pożittivi u tinvolvi eżami oġġettiv.

    104.

    Għandu jingħad li l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament jindika li l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja kkonċernata jinvolvi evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi rilevanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija. Jiena nqis li n-noti msemmija minn C & J Clark u prodotti annessi mal-osservazzjonijiet tagħhom fil-verità ma humiex ħlief allegazzjonijiet li dehru fl-istampa dwar frodi u żbalji allegatament imwettqin mill-produtturi Komunitarji taż-żraben ( 78 ). Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-qafas tal-investigazzjoni antidumping, jistgħu ġustament iwarrbu dawn in-noti li ma humiex rilevanti jew ma jservux ta’ prova sabiex jikkonċentraw ruħhom fuq diversi elementi rilevanti u kumplessi pprovduti mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

    105.

    Fl-aħħar nett, bis-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, fil-kawża C‑659/13, tagħmel id-domanda jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu sa fejn jikser l-Artikolu 3(7) tar-regolament bażiku għaliex l-effetti tal-fatturi l-oħrajn magħrufa bħala li jistgħu jikkawżaw dannu ma kinux ġew isseparati u distinti b’mod korrett mill-effetti tal-importazzjonijiet li allegatament kienu s-suġġett ta’ dumping, b’mod li r-rabta ta’ kawżalità bejn dawn l-importazzjonijiet u d-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja ma kinitx ġiet stabbilita korrettament.

    106.

    B’mod partikolari, skont C & J Clark, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux eżaminaw biżżejjed in-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Komunitarja, l-impatt tal-importazzjonijiet ġejjin minn Stati terzi u lanqas dak tat-tneħħija tal-kwoti fuq l-importazzjonijiet ġejjin miċ-Ċina.

    107.

    Infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping ( 79 ).

    108.

    Fid-determinazzjoni tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li jikkonstataw jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u li jitwarrab kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħrajn, u b’mod partikolari, dak li joriġina mill-aġir proprju tal-produtturi Komunitarji ( 80 ).

    109.

    Huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jivverifikaw jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra kinux tali li jkissru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja. Huma għandhom jivverifikaw ukoll jekk id-dannu attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra tteħidx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku u li, għaldaqstant, id-dazju ta’ kumpens impost ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Madankollu, jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkonstataw li, minkejja dawn il-fatturi, id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping huwa kbir, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, ir-rabta kawżali bejn dawn l-importazzjonijiet u d-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja tista’ b’hekk tiġi stabbilita ( 81 ).

    110.

    L-eżami tar-rilevanza tal-fatturi l-oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-danni jirrigwarda evalwazzjoni ekonomika kumplessa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, ta’ min ifakkar, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’dan il-każ jirriżulta b’mod ċar mir-regolament ikkontestat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw jekk id-dannu mġarrab mill-produtturi Komunitarji kienx jirriżulta minn fatturi oħrajn milli mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ miżuri antidumping, partikolarment, tan-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Komunitarja, tal-impatt tal-importazzjonijiet ġejjin minn Stati terzi jew it-tneħħija ta’ kwoti fuq l-importazzjonijiet ġejjin miċ-Ċina ( 82 ).

    111.

    Għalhekk, fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball fid-determinazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja u tar-rabta kawżali bejn dak id-dannu u l-importazzjonijiet ikkonċernati mill-miżuri antidumping.

    5. L-effetti tar-relazzjoni tal-grupp speċjali tad-DSB u tar-regoli tad-WTO fuq il-legalità tar-regolament ikkontestat

    112.

    Fil-kuntest tal-ewwel domanda fil-kawża C‑34/14, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-validità tar-regolament ikkontestat sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku. Issa, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ikun invalidu wkoll billi l-marġni ta’ Golden Step ma jkunx ġie kkalkolat skont l-Artikolu 2.2.2 iii) tal-ftehim antidumping, skont ir-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (iktar ’il quddiem id-“DSB”) adit bil-kwistjoni “UE-Żraben” ( 83 ).

    113.

    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tan-natura u s-sinjifikat tagħhom, il-ftehim li jistabbilixxi d-WTO kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1, 2 u 3 ta’ dan il-ftehim (iktar ’il quddiem, flimkien “il-Ftehimiet WTO”), li ma humiex fost, bħala prinċipju, ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa ( 84 ). Huwa biss fil-każ fejn l-Unjoni tkun trid twettaq obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew fil-każ fejn l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirriferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-istess ftehim li l-qorti tal-Unjoni tista’, jekk ikun il-każ, tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni u ta’ atti li jsiru għall-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dak il-ftehim ( 85 ).

    114.

    Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-premessi 3 et seq tar-regolament bażiku li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu ġew emendati fid-dawl tan-negozjati kummerċjali multilaterali konklużi fl-1994 u tal-ftehim ġdid dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT li minnu jifforma parti l-ftehim antidumping. Għalhekk, “[għandhom jiġu trasposti t-termini tal-ftehim ġdid] fil-leġislazzjoni tal-[Unjoni] sa fejn ikun possibbli” ( 86 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk adotta r-Regolament bażiku sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha mbagħad tistħarreġ il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward ta’ dawn l-obbligi.

    115.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha l-okkażjoni li tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal ( 87 ) hija indikat li, “f’ċerti każijiet, hija rrikonoxxiet li s-sistema antidumping tad-WTO setgħet tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li l-qorti tal-Unjoni ma tistħarriġx il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-ftehim WTO” ( 88 ). Madankollu “sabiex, f’każ partikolari, tiġi ammessa eċċezzjoni bħal dik, xorta jibqa’ l-bżonn li jiġi stabbilit biżżejjed legalment li l-leġiżlatur wera r-rieda li jimplementa fid-dritt tal-Unjoni obbligu partikolari assunt fil-qafas tal-ftehim WTO” ( 89 ). “Għal dan l-iskop, ma huwiex biżżejjed [...] li l-premessi tal-att tal-Unjoni inkwistjoni jgħidu b’mod ġenerali li l-adozzjoni tiegħu saret wara li tqiesu l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ li wieħed jista’ jiddeduċi mid-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni kkontestat li din hija intiża biex timplementa fid-dritt tal-Unjoni obbligu partikolari li jirriżulta mill-ftehim tad-WTO” ( 90 ).

    116.

    L-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku introduċa sistema speċjali għall-importazzjonijiet ġejjin minn Stati li ma għandhomx ekonomija tas-suq, jiġifieri TI għall-produtturi-esportaturi kkonċernati. L-għoti ta’ trattament bħal dak jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ metodu partikolari għall-kalkolu tal-valur normali.

    117.

    Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku ( 91 ) tgħodd ukoll għall-Artikolu 9(5) tiegħu. Fil-fatt jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq ( 92 ), li TI, bħal KES, għandu bħala għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni impriżi emerġenti, fl-Istati Membri tad-WTO li ma għandhomx ekonomija tas-suq, li jaħdmu b’mod indipendenti fil-konfront tal-Istat, u jiddeterminaw liberament, fil-fatt u fid-dritt, il-bejgħ tagħhom għall-esportazzjoni. L-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għalhekk jikkostitwixxi wkoll l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ partikolari għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    118.

    Din il-konstatazzjoni ma titpoġġiex f’dubju bil-fatt li l-premessa 6 tar-Regolament bażiku jgħid li għandhom jiġu trasposti “sa fejn ikun possibbli” r-regoli tal-ftehim antidumping fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-ftehim antidumping waqt l-adozzjoni tar-Regolament bażiku, huwa, madankollu, ma weriex ir-rieda li jagħmel traspożizzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli f’dak ir-regolament ( 93 ).

    119.

    Fir-rigward tal-impatt tar-rapport tal-grupp speċjali tad-DSB fuq il-validità tar-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1515/2001 ( 94 ), il-Kunsill jista’, wara rapport adottat mid-DSB, skont il-każ, iħassar jew jemenda l-miżura kkontestata, jew jadotta kull miżura oħra partikolari li titqies xierqa fil-każ. Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-ebda miżura partikolari ma ġiet adottata sabiex jitħassar jew jiġi emendat il-marġni ta’ dumping impost fuq Golden Step. Billi l-Unjoni ma kellhiex intenzjoni twettaq obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehim antidumping u, kif rajna, ir-regolament bażiku ma jirreferix espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan il-ftehim, il-legalità tar-regolament ikkontestat ma jistax jiġi mistħarreġ fir-rigward ta’ dak il-ftehim, kif interpretat ulterjorment mir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB ( 95 ).

    120.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax il-validità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal-ftehim antidumping u ma hijiex marbuta mar-rapport tal-grupp speċjali tad-DSB.

    C – Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mis-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill u mill-invalidità tar-regolament ikkontestat

    121.

    Is-seba’ domanda, fil-kawża C‑659/13, u t-tieni domanda, paragrafu a) fil-kawża C‑34/14 iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex minn naħa, iddur fuq l-effetti tas-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710) fir-rigward tal-produtturi-esportaturi l-oħrajn u tal-importaturi u, min-naħa l-oħra, fuq l-effetti tal-invalidità tar-regolament ikkontestat.

    1. Fuq l-effett tas-sentenzi Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill

    122.

    Bis-seba’ domanda tagħha, il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa) tagħmel id-domanda, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-annullament tar-regolament ikkontestat fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710) għandux bħala konsegwenza li d-dazji antidumping imħallsin skont dan ir-regolament ma kinux legalment dovuti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali.

    123.

    Fil-verità, b’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk annullament bħal dak għandux effett erga omnes.

    124.

    Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sentenzi, annullat ir-regolament ikkontestat “sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti” f’dawn il-kawżi.

    125.

    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti tal-Unjoni peress li ma tistax teċċedi s-setgħat tagħha u tiddeċiedi ultra petita […], l-annullament iddikjarat minnha ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent ( 96 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li, jekk indirizzat ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni jkollha quddiemha biss l-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernawh, filwaqt li dawk li jirrigwardaw indirizzati oħrajn, li ma ġewx ikkontestati, ma jidħlux fis-suġġett tal-kawża li l-qorti tal-Unjoni hija mitluba tiddeċiedi ( 97 ).

    126.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-awtorità assoluta li tgawdi sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mal-parti dispożittiva tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ, hija ma tistax twassal għall-annullament ta’ att li ma jkunx inġieb għad-deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni li jkun milqut bl-istess illegalità ( 98 ).

    127.

    Għaldaqstant, l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regolament ikkontestat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) kif ukoll Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710) fejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti, ma jaffettwax il-validità tal-elementi l-oħrajn ta’ dak ir-regolament, u b’mod partikolari d-dazji antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda mmanifatturat minn produtturi-esportaturi oħrajn, partikolarment dawk li jipprovduh lil C & J Clark u Puma, għaliex dawn l-elementi ma jidħlux fis-suġġett tal-kawżi li l-qorti tal-Unjoni kienet mitluba tiddeċiedi ( 99 ).

    128.

    Għalhekk, l-annullament tar-regolament ikkontestat minn dawn is-sentenzi ma kellux bħala konsegwenza li d-dazji antidumping imħallsin skont dan ir-regolament ma jkunux legalment dovuti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali għall-importaturi li jiksbu l-provvisti tagħhom mill-produtturi-esportaturi li ma jkunux dawk ikkonċernati minn dawk is-sentenzi.

    2. Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-invalidità tar-regolament ikkontestat

    129.

    Bit-tieni domanda, paragrafu a) fil-kawża C‑34/14, il-Qorti tal-Finanzi ta’ München trid tkun taf xi jkunu l-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni tal-invalidità, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tar-regolament ikkontestat.

    130.

    F’dan ir-rigward infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-konsegwenzi, fis-sistema legali tagħhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jkollha bħala konsegwenza li d-dazji antidumping imħallsa abbażi tar-regolament ikkonċernat ma jkunux legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236(1) tal-[Kodiċi Doganali] u għandhom, bħala prinċipju, jkunu rrimborsati mill-awtoritajiet doganali, skont din id-dispożizzjoni, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet, fosthom dawk previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li għalihom hija suġġetta dan ir-rimbors” ( 100 ).

    131.

    Għaldaqstant, fir-rigward b’mod partikolari ta’ Puma, għandu jiġi nnotat li, wara dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regolament antidumping, operatur ekonomiku ma jistax, bħala prinċipju, jippretendi iktar ir-rimbors tad-dazji antidumping li jkun ħallas skont dak ir-regolament u li għalihom l-iskadenza ta’ tliet snin prevista fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tkun skadiet. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni toħloq limitu ta’ tliet snin għar-rimbors tad-dazji doganali li mhumiex legalment dovuti.

    132.

    Għalhekk għandha tingħata risposta għall-paragrafu a) tat-tieni domanda fil-kawża C‑34/14 fis-sens li Puma, li jkun ippreżenta quddiem qorti nazzjonali rikors dirett kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom ikun qed jintalab il-ħlas tad-dazji antidumping skont ir-regolament ikkontestat, iddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, bħala prinċipju, fid-dritt li juża din l-invalidità quddiem qorti nazzjonali biex jikseb ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett ir-rimbors, inkluża dik prevista fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu.

    D – Fuq il-kunċett tal-każ fortuwitu jew tal-forza maġġuri, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali

    133.

    Fil-paragrafu b) tat-tieni domanda tagħha, fil-kawża C‑34/14, il-qorti tar-rinviju trid, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-invalidazzjoni tar-regolament ikkontestat jikkostitwixxix “każ fortuwitu” li pprekluda lill-persuna kkonċernata milli tressaq it-talba tagħha fit-terminu meħtieġ ta’ tliet snin, biex tippermettilha b’hekk jestendi dan it-terminu.

    134.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha CIVAD ( 101 )“li l-illegalità ta’ regolament ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, li tippermetti l-estensjoni tat-terminu ta’ tliet snin li matulhom importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji tal-importazzjoni mħallsin skont dak ir-regolament” ( 102 ).

    135.

    Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza tapplika għal sitwazzjoni kif hemm fil-Kawża C‑34/14. Fil-fatt infakkar li “l-kunċett ta’ każ fortuwitu jinvolvi element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi anormali u estranji għall-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi” ( 103 ). Fil-verità, il-kunċett ta’ każ fortuwitu jingħaqad ma’ dak ta’ forza maġġuri ( 104 ).

    136.

    Għalhekk, ir-raġunament li żvolġiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha CIVAD ( 105 ) għandu jiġi applikat fil-kawża C‑34/14. Għaldaqstant, billi r-rimbors tad-dazji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni mħallsin jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet li jippreveduhom għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta u l-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 106 ).

    137.

    Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-illegalità ta’ regolament antidumping, li jikkostitwixxi element oġġettiv, ma tistax titqies li hija ċirkustanza anormali ( 107 ). Fir-rigward tal-element suġġettiv, Puma setgħet ippreżentat talba għar-rimbors sa mill-ewwel ħlas tad-dazji antidumping skont ir-regolament ikkontestat, sabiex tiġi kkontestata, b’mod partikolari, il-validità ta’ dan ir-regolament filwaqt li titqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità quddiem qorti nazzjonali li tista’, anzi għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari ( 108 ).

    138.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, sa fejn Puma għandha l-possibbiltà li tikkontesta l-validità ta’ dak ir-regolament fit-terminu ta’ tliet snin meħtieġ fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali u tressaq talba għar-rimbors tad-dazji mħallsin skont ir-regolament ikkontestat, l-invalidità ta’ dan ir-regolament, jekk din għandha tiġi effettivament ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tikkostitwixxix każ fortuwitu li tipprekludiha milli tressaq talba f’dan it-terminu ( 109 ).

    139.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiena nikkunsidra li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invalidazzjoni ta’ regolament li jimponi dazji antidumping ma tikkostitwixxix każ fortuwitu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti estensjoni tat-terminu ta’ tliet snin li matulu importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa skont dan ir-regolament.

    V – Konklużjonijiet

    140.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa)bil-mod li ġej:

    1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ottubru 2006, jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, huma invalidi billi l-Kummissjoni Ewropea ma eżaminatx it-talbiet ta’ status tal-kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u tat-trattament individwali tal-produtturi-esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma jagħmlux parti mill-kampjun, bi ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2(7)(b), u 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

    2)

    L-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regolament Nru 1472/2006 fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53) u Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710), fejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti fil-kawżi, ma jaffettwax il-validità tal-elementi l-oħrajn ta’ dak ir-regolament, u b’mod partikolari tad-dazji antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda maħdumin minn produtturi-esportaturi oħrajn, meta dawn l-elementi ma kinux is-suġġett tal-kawża li l-qorti tal-Unjoni kienet mitluba tiddeċiedi.

    141.

    Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-Qorti tal-Finanzi ta’ München kif ġej:

    1)

    Ir-Regolament Nru 1472/2006 u r-regolament ta’ implementazzjoni Nru 1294/2009 huma invalidi għaliex il-Kummissjoni Ewropea ma eżaminatx it-talbiet ta’ status tal-kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u tat-trattament individwali tal-produtturi-esportaturi taċ-Ċina u tal-Vjetnam li ma jagħmlux parti mill-kampjun, bi ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2(7)(b), u 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

    2)

    Importatur, bħal Puma SE, li jkun ippreżenta quddiem qorti nazzjonali rikors dirett kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom ikun qed jintalab il-ħlas tad-dazji antidumping skont ir-Regolament Nru 1472/2006, iddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, bħala prinċipju, fid-dritt li juża din l-invalidità quddiem il-qorti nazzjonali biex jikseb ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett ir-rimbors, inkluża dik prevista fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu.

    3)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invalidazzjoni ta’ regolament li jimponi dazji antidumping ma tikkostitwixxix każ fortuwitu, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, li tippermetti estensjoni tat-terminu ta’ tliet snin li matulu importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa skont dan ir-regolament.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU L 352 M, 31.12.2008, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”.

    ( 3 )   ĠU Edizzjoni Speċjali L 352M, 31.12.2008, p. 485, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”.

    ( 4 )   Ftehim iffirmat f’Marakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni 94/800/CE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

    ( 5 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”.

    ( 6 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45. Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 2005, (ĠU L 175 M, 29.6.2006, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

    ( 7 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.

    ( 8 )   iktar ’il quddiem it-“TI”.

    ( 9 )   ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”.

    ( 10 )   Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 352, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ estensjoni”).

    ( 11 )   Ara s-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53).

    ( 12 )   Ara s-sentenza Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710).

    ( 13 )   Ara s-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 38). Ara, ukoll, is-sentenza Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710, punti 28 sa 30).

    ( 14 )   C‑188/92, EU:C:1994:90.

    ( 15 )   Punti 17 u 18.

    ( 16 )   C‑188/92, EU:C:1994:90.

    ( 17 )   Sentenza Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 18).

    ( 18 )   Sentenza Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 )   Ibidem (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 )   Iktar ’il quddiem l-“OEM”. OEM ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala fornitur, taħt il-marka proprja tiegħu, ta’ prodotti maħdumin minn impriżi oħrajn (ara s-sentenza Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punt 3).

    ( 21 )   C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115.

    ( 22 )   C‑156/87, EU:C:1990:116.

    ( 23 )   Sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punti 16 sa 20) kif ukoll Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punti 19 sa 23).

    ( 24 )   Idem.

    ( 25 )   T‑134/10, EU:T:2014:143.

    ( 26 )   Punt 54 ta’ dan id-digriet.

    ( 27 )   Ara l-punti 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 28 )   C‑351/04, EU:C:2007:547.

    ( 29 )   Punti 43 sa 57.

    ( 30 )   C‑374/12, EU:C:2014:2231.

    ( 31 )   Punti 39 sa 61.

    ( 32 )   C‑143/14, EU:C:2015:236.

    ( 33 )   Punti 31 sa 45.

    ( 34 )   Sentenza Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 37).

    ( 35 )   Ara l-Artikolu 2(7)(b) u (11) tar-Regolament bażiku.

    ( 36 )   Ara l-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-regolament.

    ( 37 )   Ara l-premessa 519 tar-regolament ta’ estensjoni.

    ( 38 )   Ara, rispettivament, il-punti 36 sa 38 u l-punti 29 sa 32 ta’ dawn is-sentenzi.

    ( 39 )   Ara, rispettivament, il-punt 37 u l-punt 33 tal-imsemmija sentenzi.

    ( 40 )   Ara, rispettivament, il-punt 38 u l-punt 30.

    ( 41 )   Ara, rispettivament, il-punti 40 sa 43 u l-punti 34 sa 37.

    ( 42 )   Ara l-Artikolu 9(5)(a) sa (c) tar-Regolament bażiku.

    ( 43 )   Ara s-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 78), fejn il-Qorti Ġenerali, ġustament, stabbilixxiet din il-konstatazzjoni madankollu mingħajr ma ddeduċiet il-konsegwenzi ġusti.

    ( 44 )   Ara l-premessa 519 u l-Artikolu 1(3) tar-regolament ta’ estensjoni.

    ( 45 )   C‑249/10 P, EU:C:2012:53.

    ( 46 )   Punt 25.

    ( 47 )   Punt 39.

    ( 48 )   Punt 40.

    ( 49 )   C‑249/10 P, EU:C:2012:53.

    ( 50 )   C‑601/12 P, EU:C:2014:115.

    ( 51 )   Punti 29 sa 33.

    ( 52 )   Punti 39 u 40.

    ( 53 )   Punt 41.

    ( 54 )   Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Shanghai Excell M & E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72); Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill (T‑156/11, EU:T:2012:431); kif ukoll Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill (T‑443/11, EU:T:2014:774).

    ( 55 )   Sentenza Shanghai Excell M & E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72, punti 116, 118119).

    ( 56 )   Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-trattament tal-pajjiżi l-antiki li ma għandhomx ekonomija tas-suq fil-proċeduri antidumping u proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 384/96 [COM(97) 677 finali]. Bl-istess mod, ix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 344, p. 1), ma fih l-ebda kjarifika rigward dak it-terminu, li ġie estiż għal tmien xhur.

    ( 57 )   C‑141/08 P, EU:C:2009:598.

    ( 58 )   Punti 81 u 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 59 )   Punt 94.

    ( 60 )   Punt 111.

    ( 61 )   Punt 112.

    ( 62 )   Sentenza Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill (T‑156/11, EU:T:2012:431, punt 167).

    ( 63 )   Ibidem (punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 64 )   Ara l-premessa 134 tar-regolament provviżorju.

    ( 65 )   Ara l-premessa 143 tar-regolament provviżorju.

    ( 66 )   Ara l-premessi 70 sa 72 tar-regolament ikkontestat.

    ( 67 )   Ara l-premessa 146 ta’ dan ir-regolament.

    ( 68 )   Idem.

    ( 69 )   T‑407/06 u T‑408/06, EU:T:2010:68.

    ( 70 )   Punt 103.

    ( 71 )   Sentenza Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, EU:C:2012:710, punt 34).

    ( 72 )   Ara l-premessi 126, 127 u 130 ta’ dan ir-regolament.

    ( 73 )   Ara l-punt 43 u l-Anness 2 tal-osservazzjonijiet ta’ C & J Clark. Ara, wkoll, is-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punti 109110). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat din is-sentenza għar-raġuni tan-nuqqas ta’ eżami tat-talba ta’ KES mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq dawn il-punti ma tpoġġewx fid-dubju.

    ( 74 )   T‑401/06, EU:T:2010:67.

    ( 75 )   Punt 111.

    ( 76 )   Ara l-premessi 155 u 158 tar-regolament ikkontestat.

    ( 77 )   Ara l-premessi 65 tar-regolament provviżorju u 57 tar-regolament ikkontestat. Ara, ukoll, il-punt 44 tal-osservazzjonijiet ta’ C & J Clark.

    ( 78 )   Ara, ukoll, is-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 167).

    ( 79 )   Sentenza TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 34).

    ( 80 )   Ibidem (punt 35).

    ( 81 )   Ibidem (punt 36 u 37).

    ( 82 )   Ara l-premessi 222 sa 238 ta’ dan ir-regolament u l-premessi 210 sa 231 tar-regolament provviżorju. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67), kellha l-okkażjoni li teżamina fid-dettall dawn il-punti u ċaħdet il-motiv li r-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja ma kienx ġiet stabbilit biżżejjed (punti 190 sa 200). Infakkar li, għalkemm din is-sentenza kienet ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma tpoġġewx f’dubju mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

    ( 83 )   Ara r-rapport tal-grupp speċjali bl-isem “Unjoni Ewropea – Miżuri antidumping rigward ċerti żraben ġejjin miċ-Ċina” (dokument WT/DS405/R tad-WTO).

    ( 84 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 85 )   Ibidem (punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 86 )   Ara l-premessa 5 tar-Regolament bażiku. Il-korsiv ġie miżjud minni.

    ( 87 )   C‑21/14 P, EU:C:2015:494.

    ( 88 )   Punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 89 )   Punt 45.

    ( 90 )   Punt 46.

    ( 91 )   Punti 48 sa 50.

    ( 92 )   Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56.

    ( 93 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 52).

    ( 94 )   Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50).

    ( 95 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punti 29 sa 35).

    ( 96 )   Ara s-sentenza Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 97 )   Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 98 )   Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 99 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 27).

    ( 100 )   Ara s-sentenzi Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza CIVAD (C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 20).

    ( 101 )   C‑533/10, EU:C:2012:347.

    ( 102 )   Punt 35.

    ( 103 )   Ara s-sentenza Bell & Ross vs UASI (C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 48).

    ( 104 )   Ara d-digriet Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni (C‑138/14 P, EU:C:2014:2256, punt 20). Fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma għamlet distinzjoni reali bejn iż-żewġ kunċetti, u anki rrifjutat li teżamina jekk teżistix, fil-verità, differenza bħal dik (ara s-sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 33).

    ( 105 )   C‑533/10, EU:C:2012:347.

    ( 106 )   Punti 24 u 25.

    ( 107 )   Punt 30.

    ( 108 )   Punti 31 sa 33.

    ( 109 )   Punt 34.

    Top