EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0649

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fid-29 ta’ Jannar 2015.
Comité d'entreprise de Nortel Networks SA e.a. u Cosme Rogeau liquidateur de Nortel Networks SA vs Cosme Rogeau liquidateur de Nortel Networks SA u Alan Robert Bloom e.a.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce de Versailles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 2(g), 3(2) u 27 — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedura prinċipali ta’ insolvenza — Proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet — Ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Determinazzjoni tal-beni ta’ debitur li jidħol fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Determinazzjoni tal-post fejn jinsabu dawn il-beni — Beni li jinsabu fi Stat terz.
Kawża C-649/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:44

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fid-29 ta’ Jannar 2015 ( 1 )

Kawża C‑649/13

Comité d’entreprise de Nortel Networks SA et

vs

C. Rogeau, stralċjarju ta’ Nortel Networks SA,

u

C. Rogeau, stralċjarju ta’ Nortel Networks SA,

vs

Alan Robert Bloom,

Alan Michael Hudson,

Stephen John Harris,

Christopher John Wilkinson Hill

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce ta’ Versailles (Franza)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Ġurisdizzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-parametru tal-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Dħul mit-trasferiment tal-beni tad-debitur miżmum f’kont issekwestrat f’pajjiż terz”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tirrigwarda l-Artikoli 2(g), 3 u 27 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) u tqajjem kwistjoni delikata li tikkonċerna t-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament u l-qrati tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, kif ukoll dwar it-tqassim tal-attiv tad-debitur insolventi bejn dawn iż‑żewġ proċeduri.

2. 

Il-kawża prinċipali taqa’ taħt il-parti Ewropea tal-falliment tal-grupp Kanadiż Nortel, attiv fil-livell dinji fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet sa mill-2008, li ta lok għall-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza fir-Renju Unit, fir-rigward tas‑sussidjarji Ewropej kollha tal-grupp, u ta’ proċedura sekondarja fi Franza, quddiem il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tas-sussidjarja Franċiża.

I – Il-kuntest ġuridiku

3.

Ir-Regolament jistabbilixxi qafas Ewropew għall-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali. Skont l-Artikolu 2(g) tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

g)

’l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu l-assi’ għandu jfisser, fil-każ ta’:

propjetà tanġibbli, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab il‑propjetà,

propjetà u drittijiet ta’ propjetà jew intitolar li dwaru jrid ikun miktub f’reġistru pubbliku, l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu jkun jinżamm ir-reġistru,

‘talbiet’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-parti terza meħtieġa li tilqagħhom ikollu ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tieghu, kif iddeterminat minn l-Artikolu 3(1) […]”.

4.

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament intitolat “Ġurisdizzjoni Internazzjonali” jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor”.

5.

Fil-Kapitolu III, intitolat “Proċedimenti Sekondarji ta’ Falliment”, l-Artikolu 27 tar-Regolament jipprovdi kif ġej:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikunu fost il-proċedimenti mniżżla f’L-Anness B. L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6.

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid‑deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7.

Il-grupp Nortel, li l-kumpannija parent tiegħu, Nortel Networks Corporation, hija Kanadiża, kien wieħed mill-ewwel fornituri fid-dinja ta’ soluzzjonijiet għan-netwerks ta’ telekomunikazzjoni. Il-kumpannija Kanadiża Nortel Networks Limited (iktar ’il quddiem “NNL”), kumpannija Kanadiża sussidjarja diretta ta’ Nortel Networks Corporation, kienet iżżomm il-parti l-kbira tas-sussidjarji tal-grupp Nortel fid-dinja, fosthom il-kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż Nortel Networks SA (iktar ’il quddiem “NNSA”), kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż.

8.

Il-grupp Nortel kellu attività importanti ta’ riċerka u żvilupp (R & D), li huwa kien jeżerċita permezz tal-intermedju ta’ sussidjarji speċjalizzati (iktar ’il quddiem iċ-“ċentri R & D”). NNSA kienet waħda minn dawn is_sussidjarji. Kważi l-proprjetà intellettwali kollha li tirriżulta mill‑attività ta’ R & D tal-grupp kienet irreġistrata (prinċipalment fl-Amerika ta’ Fuq) fl-isem ta’ NNL fil-kwalità ta’ “legal owner”. Din tal-aħħar kienet tagħti liċ-ċentri R & D liċenzji esklużivi mingħajr ħlas għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-grupp. Iċ-ċentri R&D kienu jżommu wkoll il-proprjetà ekonomika (“beneficial ownership”) fuq din il-proprjetà intellettwali, sal-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom fl‑attività ta’ R & D. Ftehim intra-grupp, imsejjaħ “Master R & D Agreement” (iktar ’il quddiem l-“MRDA”), kien jirregola r-relazzjonijiet legali bejn NNL u ċ-ċentri R & D ( 3 ). Dan il-ftehim kien jipprevedi, b’mod partikolari, li, li skont il-profitti jew telf magħmul fuq il-livell tal-grupp f’sena finanzjarja partikolari, kull ċentru R & D ikun kreditur jew debitur fil-konfront ta’ NNL b’somma msejħa “RPS” (“Revenue Profit Sharing”).

9.

Peress li fl-2008, il-grupp Nortel iltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji serji, id-diriġenti tiegħu ddeċidew, sabiex itejbu t-trasferimenti tal-attiv fil-livell ta’ grupp, li jiftħu b’mod simultanju proċeduri ta’ insolvenza fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea.

10.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit) fetħet proċedura prinċipali ta’ insolvenza rregolata mid-dritt Ingliż kontra l-kumpanniji kollha tal-grupp Nortel li jinsabu fl-Unjoni Ewropea, fosthom NNSA, skont l-Artikolu 3(1) tar‑Regolament u ħatret lil A. Bloom, A. Hudson, S. Harris u Wilkinson Hill fil‑kwalità ta’ amministraturi ġudizzjarji konġunti (iktar ’il quddiem, flimkien, il‑“ko-stralċjarji”).

11.

Fir-rigward ta’ rikors konġunt ippreżentat minn NNSA u l-ko-stralċjarji, il‑qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Mejju 2009, fetħet proċedura sekondarja ta’ stralċ ġudizzjarju, fis-sens tal‑Artikolu 27 tar-Regolament, kontra NNSA, awtorizzat it-tkomplija tal-attività għal żmien determinat u ħatret lil C. Rogeau fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju.

12.

Fis-7 ta’ Lulju 2009 ġiet iddikjarata tilwima industrijali fi ħdan l-NNSA u din intemmet fil-21 ta’ Lulju 2009 bl-iffirmar ta’ protokoll ta’ ftehim ta’ tmiem ta’ kunflitt (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt”), bejn NNSA rrappreżentata mill-korpi tal-proċedura sekondarja, l-organizzazzjonijiet sindakali, il-kumitat ta’ impriża (iktar ’il quddiem il-“KI”) ta’ NNSA, u r-rappreżentanti tal-impjegati fuq strajk. Dan il-ftehim kien jipprovdi l-ħlas ta’ benefiċċju ta’ għajnuna mill-bidu nett li parti minnu kellha titħallas immedjatament, u oħra, imsejħa “benefiċċju ta’ għajnuna mill-bidu nett iddifferit” (iktar ’il quddiem l-“BGĦBN iddifferit”), li kellu jitħallas, ladarba jispiċċa l-operat, fuq il-fondi disponibbli provenjenti mill-bejgħ kollu tal-fergħa ta’ attività, ta’ beni, tat-tqassim kollu minħabba trasferiment ta’ attiv jew b’mod iktar ġenerali ta’ attiv jew ta’ djun irkuprati, wara l-ħlas sħiħ tad-djun ta’ operat kollha mnissla mit-twettiq tal-attività tal-proċeduri prinċipali u sekondarji u tal-“administration expenses”. Kien previst li l-ammont ta’ dan il-BGĦBN iddifferit jiddependi mill-quantum tal-fondi disponibbli. Fit‑18 ta’ Awwissu 2009, ftehim addizzjonali għall-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, li kien jirriproduċi t-termini ta’ dan ġie ffirmat mill-ko-stralċjarji (iktar ’il quddiem il-“ftehim addizzjonali”).

13.

Fl-1 ta’ Lulju 2009, ġie ffirmat protokoll ta’ koordinazzjoni tal‑proċeduri prinċipali u sekondarji mill-korpi taż-żewġ proċeduri (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ koordinazzjoni”). L-Artikolu 8(3) ta’ dan il-protokoll jippreċiża li “skont ir-Regolament […] l-administration expenses jitħallsu kollha u fl-iskadenza normali tagħhom bi prijorità fuq l-attiv tal-kumpannija jkun x’ikun il-lok li fih jinsab dan l‑attiv (inkluż dak li jinsab fi Franza), minkejja l-ftuħ tal-proċedura sekondarja”. Wara l-iffirmar tal-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, l-istralċjarji tal-proċeduri prinċipali u sekondarji ffirmaw addendum għall-protokoll ta’ koordinazzjoni fit-18 ta’ Awwissu 2009 li, skont l-Artikolu 7 tiegħu, jipprevali fuq dan il-protokoll.

14.

Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, il-qorti tar‑rinviju kkonfermat il-protokoll ta’ koordinazzjoni u l-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, kif ukoll il-ftehim addizzjonali.

15.

Sabiex jiżguraw valorizzazzjoni aħjar tal-attiv tal-grupp Nortel, l-istralċjarji tal-proċedimenti ta’ insolvenza differenti miftuħa fid-dinja ftehmu li l-imsemmi attiv jinbiegħ fuq livell globali, fergħa ta’ attività b’fergħa ta’ attività. Ftehim f’dan is-sens, intitolat “Interim Funding and Settlement Agreement” (iktar ’il quddiem il-“ftehim IFSA”) ġie konkluż, fid-9 ta’ Ġunju 2009, bejn NNL u diversi sussidjarji tal-grupp. F’dan il-ftehim, ġie miftiehem b’mod partikolari li l-MRDA kellu jkompli fis-seħħ matul it-tul tal-proċeduri ta’ insolvenza kollha, li s-sussidjarji ta’ NNL ser jirrinunzjaw fi żmien xieraq għad-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà industrijali u intellettwali relatati mal-attivitajiet ittrasferiti — bil-ftehim li d-drittijiet ta’ liċenzja li kull wieħed minnhom kellu kienu ser jinżammu sat-tmiem tat-tranżazzjonijiet ta’ stralċ/trasferiment u li dawn ir-rinunzji ma jwasslux għar-rinunzja tad-drittijiet tagħhom bħala “beneficial owner” tal-proprjetà intellettwali tal-grupp –, li d-dħul kollu mit-trasferimenti tal-attiv tal-grupp fuq livell dinji ser jitqiegħed f’kontijiet issekwestrati fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“kontijiet issekwestrati” jew il-“Lockbox”) u li ebda distribuzzjoni tal-ammonti miżmuma f’dawn il-kontijiet ma tista’ ssir ħlief bi ftehim konkluż mill‑entitajiet kollha tal-grupp ikkonċernati. NNSA saret parti mill‑ftehim IFSA permezz ta’ ftehim ta’ adeżjoni (Amendment and Accession Agreement) konkluż fil-11 ta’ Settembru 2009 ( 4 ). It‑trasferiment tal-attivitajiet ta’ NNSA seħħ fil‑kuntest tat-trasferimenti organizzati fuq livell dinji skont il‑ftehim IFSA. Id-dħul mit-trasferimenti li fihom ipparteċipat NNSA [madwar 7.2 biljun dollari tal-Istati Uniti (USD)] jinsab fil-Lockbox, mingħajr ma għadu ntlaħaq ftehim dwar it-tqassim tiegħu. C. Rogeau kienet ġiet awtorizzata, permezz ta’ digriet tal-Imħallef intervenjenti fil-proċedura sekondarja, tagħmel kull att neċessarju għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment (pereżempju, ir-rexissjoni tal-liċenzji marbuta mal‑attivitajiet ittrasferiti) kif ukoll tipparteċipa fin-negozjati fid-dawl tat‑tqassim tal-prezzijiet ta’ bejgħ.

16.

Ir-rapport annwali redatt minn C. Rogeau fit-23 ta’ Novembru 2010 jirreferi għal bilanċ pożittiv ta’ EUR 38980313 fuq il‑kontijiet bankarji ta’ NNSA fit-30 ta’ Settembru 2010, li kien jippermetti li jiġi kkalkolat li minn Mejju 2011, isir l-ewwel ħlas tal‑BGĦBN iddifferit. Fin-nuqqas ta’ ħlas, fil-5 ta’ Mejju 2011, intimazzjoni ġiet indirizzata lil C. Rogeau mill-KI ta’ NNSA. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2011, C. Rogeau indikat lill-KI ta’ NNSA li kien impossibbli għalih li japplika t-termini tal-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, għaliex il-previżjoni ta’ cashflow stabbilita mid-ditta Ernst & Young fit-13 ta’ Mejju 2011 uriet ammont negattiv ta’ kważi EUR 6 miljuni minħabba żewġ talbiet għal ħlas tal-ko-stralċjarji ta’ EUR 16.6 miljun ( 5 ). Barra minn hekk kienet ukoll kwistjoni ta’ debitu tal-Fondi ta’ pensjoni Ingliż, ikkwalifikat bħala “administration expense” fid-dritt Ingliż permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010 tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division.

17.

Filwaqt li kkontestaw dan il-fatt, fis-7 ta’ Ġunju 2011, il-KI ta’ NNSA u 147 ex impjegati ta’ NNSA ħarrku lil C. Rogeau quddiem il‑qorti tar-rinviju sabiex tikkonstata,b’mod partikolari, li l-proċedura sekondarja ta’ NNSA għandha dritt esklużiv u dirett fuq il-parti mill-prezz ta’ trasferiment globali tal-attiv tal-grupp Nortel u li tikkundanna lil C. Rogeau sabiex tipproċedi immedjatament bil-ħlas, favur l-atturi, tal-kreditu tagħhom skont il-BGĦBN iddifferit sal-ammont disponibbli ta’ NNSA kif ukoll tal-bilanċ ta’ dan l-istess kreditu li kellu jiġi riċevut, permezz tal‑proċedura sekondarja, tal-parti mid-dħul ta’ trasferiment globali lil NNSA ( 6 ).

18.

Fl-1 ta’ Awwissu 2011, C. Rogeau ħarrket lill-ko-stralċjarji fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, minħabba l-fatt li, billi ħadu d-dħul mit-trasferimenti tal-attiv tal-NNSA imwettaq fi Franza u ssekwestrat fil-“Lockbox”, huma kienu qed jipprekluduh milli jħallas il‑BGĦBN iddifferit. Wara li dehru fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2012, u mbagħad fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012, il-ko-stralċjarji talbu lill‑qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, li tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonalment, li tappartjeni lill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division,, li tagħti fil-konfront tagħhom kwalunkwe deċiżjoni li għandha l-konsegwenza li tillimita, direttament jew indirettament, il-parametru tal-proċedura prinċipali u/jew is-setgħat tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirċievu l-ammonti attwalment issekwestrati fil-Lockbox, sabiex tiddeċiedi li l‑proċedura sekondarja tal-NNSA għandha kull dritt fuq parti jew id-dħul kollu mit-trasferimenti globali tal-attiv tal-grupp Nortel li fihom ipparteċipat NNSA u li attwalment huwa ssekwestrat fil-Lockbox. Sussidjarjament, il-ko-stralċjarji talbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-beni u d-drittijiet li ma kinux jinsabu fi Franza fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament fil-mument ta’ deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja, kif ukoll sabiex tiddeċiedi fuq kull talba li, direttament jew indirettament, timplika li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar id-dejn kollu ta’ NNSA li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “administration expense” fid-dritt Ingliż.

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-att promotur fil-kawża prinċipali tqiegħed espressament fil-kamp tad-dritt tal-proċeduri kollettivi u tar‑Regolament u li għalhekk għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tiegħu. Hija tispjega li, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet imressqa quddiemha, hija għandha qabelxejn tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddetermina l-parametru tal-effetti tal-proċedura sekondarja u li din id‑deċiżjoni tiddependi fuq l-interpretazzjoni li hija ser tagħmel ta’ diversi artikoli tar-Regolament u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(g) tiegħu, li jinkludi regoli uniformi dwar il-lokalizzazzjoni tal-beni tad‑debitur. Hija tqis ukoll li ser ikollha tiddetermina jekk l-effetti ta’ proċedura sekondarja jistgħux jestendu għall-beni tad-debitur li jinsabu barra mill-Unjoni.

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal de commerce ta’ Versailles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“Il-qorti tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandha ġurisdizzjoni, esklużivament jew alternattivament mal-qorti tal-Istat tal‑ftuħ tal-proċedura prinċipali, sabiex tiddeċiedi fuq id‑determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-parametri tal-effetti tal-proċedimenti sekondarji skont l-Artikoli 2(g), 3(2) u 27 tar‑Regolament […] u, fil-każ ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva, id-dritt applikabbli huwa dak tal-proċedimenti prinċipali jew dak tal-proċedimenti sekondarji?”

III – Analiżi

21.

Id-domanda preliminari fiha żewġ partijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-proċedura prinċipali u dawk tal‑proċedura sekondarja u t-tieni nett, dwar id-dritt applikabbli għal‑lokalizzazzjoni tal-beni tad-debitur. Dawn iż-żewġ partijiet ser ikunu eżaminati iktar ’il quddiem b’mod separat.

A – Dwar l-ewwel parti tad-domanda preliminari: il-ġurisdizzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari: l-applikazzjoni tar-Regolament ratione materiae

22.

Għalkemm la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma wrew dubji dwar il-fatt li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tiġi ddeterminata abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u mhux dawk tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 7 ), il-kwistjoni dwar liema miż-żewġ regolamenti japplika f’dan il-każ kienet madankollu s-suġġett tad-dibattitu waqt is-seduta, wara talba magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Din għandha għalhekk tiġi indirizzata fil-qosor qabel ma ssir l-analiżi tad-domanda preliminari.

23.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament u r-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. B’hekk, l-azzjonijiet esklużi, skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal‑aħħar, peress li huma jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. B’mod simetriku, l‑azzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 8 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma biss l‑azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet biss jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 9 ) (sentenza F‑Tex, EU:C:2012:215, punti 23 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza Nickel & Goeldner Spedition (EU:C:2014:2145, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterju determinanti sabiex jiġi identifikat il-qasam li taqa’ fih azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

24.

F’dan il-każ, il-KI ta’ NNSA u l-ex impjegati ta’ NNSA jitolbu l-ħlas ta’ debitu li, għalkemm għandu l-oriġini tiegħu fil-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, jiddependi, fir-rigward tat-tnissil tiegħu, l-eżegwibbiltà tal-ħlas tiegħu u għall-ammont tiegħu, mill-fondi disponibbli mill-proċedura sekondarja, wara likwidazzjoni tal-attiv ta’ NNSA.

25.

Għalhekk l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-fondi diġà miksuba fil-proċedura sekondarja, sabiex issostni, fir-rigward tat-talbiet imressqa mill-korpi tal‑proċedura prinċipali, in-natura privileġġata tal-kreditu skont il-BGĦBN iddifferit bħala kreditu ta’ salarju u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-fondi li għadhom mhux miksuba fil-proċedura sekondarja, li jiġi invokat id-dritt ta’ din il-proċedura fuq il-parti dovuta lil NNSA mid-dħul tat-trasferimenti tal-attivitajiet/attiv tal-grupp Nortel miżmum fil-Lockbox.

26.

L-ewwel parti tal-azzjoni hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li jirregolaw id-drittijiet tal-kredituri matul il-proċedura ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu L 641‑13 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li jistabbilixxi l-ordni tal-ħlas tad-debiti. Il-fatt li, sabiex tiġi ddefinita n-natura tad-debiti mressqa mill-proċedura prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk ikun il-każ, tirreferi għal ftehim wieħed jew iktar, bħall-RPS 2010, il-ftehim IFSA jew il‑protokoll ta’ koordinazzjoni, ma jikkontestax il-bażi legali tal-azzjoni tal-KI ta’ NNSA u tal-ex impjegati tal-NNSA, inkluż fl-ewwel parti tagħha, li jinsab fid-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż dwar il-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju. Barra minn hekk, nosserva li, fil-protokoll ta’ koordinazzjoni, il-kunċett ta’ “administration expenses” huwa ddefinit permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 99 tal-Anness B1 tal-Insolvency Act 1986, applikabbli għall-proċedura prinċipali, u l-ordni privileġġat tal-krediti li jirriżultaw minn tali spejjeż huwa kkonfermat b’riferiment għad-dritt Ingliż kif ukoll għar-Regolament u għal-linji gwida għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ insolvenza transkonfinali ppubblikati mill-INSOL Europe f’Lulju 2007, li, skont il‑paragrafu 2 ta’ dan il-protokoll, jiffurmaw parti integrali minnu ( 10 ). Isegwi li, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tiddeċiedi l-kwistjoni mressqa quddiemha fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal‑azzjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-imsemmi protokoll, hija għandha xorta waħda tapplika r-regoli legali speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

27.

It-tieni parti tal-azzjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata, fir-rigward tagħha, fl-ewwel lok fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Fil-fatt, hekk kif enfasizzat il-qorti tar‑rinviju stess, sabiex jiġi stabbilit jekk il-KI ta’ NNSA u l-ex impjegati tal‑NNSA jistgħux jinvokaw id-dritt tal-proċedura sekondarja fuq il‑parti dovuta lil NNSA mid-dħul tat-trasferimenti tal-attiv tal-grupp Nortel miżmum fil-Lockbox, hija għandha tiddetermina l-parametru tal‑effetti ta’ din il-proċedura, li, skont l-Artikoli 3(2) u 27 tar‑Regolament, huma limitati għall-beni ta’ NNSA li jinsabu fit‑territorju Franċiż. Huwa fuq din it-tieni parti tal-azzjoni li tqum l‑eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-ko-stralċjarji, ibbażata hija stess fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u fuq ir-rwol rispettiv, assenjat fis-sistema tiegħu, fil-proċedura prinċipali u fil‑proċedura sekondarja. Il-fatt li, f’dan il-każ, il-koordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ proċeduri ġiet ifformalizzata f’dokument kuntrattwali ffirmat mill-korpi taż-żewġ proċeduri ma jbiddel xejn min-natura u mill-bażi legali tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, fit-tieni parti tagħha. It-talbiet li l‑stralċjarju tal-proċedura sekondarja kif ukoll il-KI ta’ NNSA u l-ex impjegati tal-NNSA — li, qabelxejn, ma humiex parti mill-protokoll ta’ koordinazzjoni — iressqu fuq il-parti tal-fondi miżmuma fil-Lockbox u dovuti lill-NNSA ma għandhom ebda bażi kuntrattwali, u lanqas ma għandhom bażi kuntrattwali l-argumenti mressqa mill-korpi tal-proċedura prinċipali għas-sostenn tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħhom.

28.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-protokoll ta’ koordinazzjoni għandu l-għan li jirregola l-aġir tal-“partijiet li għandhom interess fil-koordinazzjoni tal-proċedura prinċipali u tal‑proċedura sekondarja” (punt 1). L-għanijiet tiegħu huma b’mod partikolari, li jiżgura l-amministrazzjoni metodika, effettiva, effikaċja u diliġenti tal-proċedura, il-massimu tal-valur tal-beni tal‑NNSA skont approċċ dinji, it-tqassim ta’ informazzjoni u t-tnaqqis tal-kawżi u tal-ispejjeż [punt 4(i) sa (iv)] kif ukoll jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-NNSA ser tkompli l-attivitajiet tagħha matul il-proċedura sekondarja [punt 4 (v)]. Jekk dan il-protokoll jistabbilixxi, fil-punt 5.3 tiegħu, il-prinċipji li abbażi tagħhom il-ko-stralċjarji ser jinnegozjaw, b’kollaborazzjoni mal-istralċjarju tal-proċedura sekondarja, it-tqassim tal-prezzijiet tat-trasferimenti tal-attiv tal-grupp Nortel bejn id-diversi entitajiet ikkonċernati, fosthom NNSA ( 11 ), min-naħa l-oħra, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tiddefinixxi l-kriterji ta’ tqassim tal-parti dovuta lill-NNSA bejn il‑proċedura prinċipali u sekondarja ( 12 ). Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-tqassim tad-dħul mit-trasferimenti tal-attiv ta’ NNSA bejn iż-żewġ proċeduri ta’ insolvenza hija distinta u tqum minn qabel meta mqabbla ma’ dik dwar liema spejjeż tal-proċedura prinċipali huma kkunsidrati bħala “administration expenses” u sa fejn jibbenefikaw minn privileġġ kontra l-kredituri tal-proċedura sekondarja, fosthom l-impjegati ta’ NNSA, abbażi tad-dritt applikabbli u/jew tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal‑protokoll ta’ koordinazzjoni.

29.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tilwima bejn il-korpi tal-proċedura prinċipali u l-istralċjarju tal-proċedura sekondarja, kif ukoll bejn il-KI ta’ NNSA u l-impjegati ta’ NNSA fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju taqa’ taħt il-qasam kopert mir‑Regolament fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq. Tali konklużjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li r-relazzjonijiet bejn il-partijiet differenti tal-kawża prinċipali huma, taħt ċerti aspetti, irregolati minn ftehimiet magħmula bejniethom (il-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt u l-protokoll ta’ koordinazzjoni) u li l-portata tad-drittijiet rispettivi li dawn il-partijiet jinvokaw tista’ tvarja bis-saħħa ta’ ftehimiet li jorbtu wħud minnhom ma’ terzi (l-RPS 2010 u l-ftehim IFSA), peress li tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-bażi legali tat-talbiet reċiproċi tagħhom u li, barra minn hekk, dawn il‑ftehimiet kollha jinsabu fil-kuntest tal-insolvenza tal-NNSA ( 13 ) u tat‑tranżazzjonijiet marbuta mal-istralċ tagħha.

2. Analiżi tal-ewwel parti tad-domanda preliminari

a) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament u dawk introdotti mill-ġurisprudenza

30.

Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament jiddetermina biss, espressament, il-ġurisdizzjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. B’hekk skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, din il-ġurisdizzjoni hija attribwita lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ‑ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Skont il-paragrafu 2 tal‑istess artikolu, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur u li fit-territorju tiegħu dan tal-aħħar għandu stabbiliment għandhom ġurisdizzjoni li jiftħu proċedura territorjali ta’ insolvenza, jiġifieri proċedura limitata għall-beni tad-debitur li jinsabu f’dan l-aħħar territorju.

31.

Regola ta’ ġurisdizzjoni supplimentari kienet introdotta fis-sistema tar-Regolament permezz tas-sentenza Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti wkoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza, ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar azzjonijiet li joriġinaw direttament minn din il-proċedura u li huma marbuta mill-qrib magħha ( 14 ).

32.

Bħal fil-każ ta’ diversi persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura, li jinkludu lill-Kummissjoni Ewropea, inqis li interpretazzjoni analoga għandha tinżamm f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u, għalhekk, li r-regola ta’ ġurisdizzjoni kkonfermata mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83), ibbażata fuq il-vis attractiva concursus, tista’ tkun ukoll favur qrati tal-Istat Membru tal‑ftuħ ta’ proċedura sekondarja. Tali konklużjoni jidhirli li hija imposta abbażi tal-istess elementi li fuqhom tibbaża l-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddeduċi l-imsemmija regola tas-sistema tar‑Regolament u tal-għanijiet tagħha. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 6 tar-Regolament, li tipprovdi li huwa “għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn” ( 15 ), tirreferi mingħajr distinzjoni għal kull proċedura miftuħa skont ir-Regolament, mingħajr ma tiddistingwi bejn il-proċeduri prinċipali, territorjali jew sekondarja. Min-naħa l-oħra, it-tfittxija tal-għan ta’ titjib tal-effettività u tal-effiċjenza tal-proċeduri ta’ insolvenza li għandhom effetti transkonfinali, imsemmija fil‑premessi 2 u 8 tar-Regolament, u dak li jiġi evitat li l-partijiet ma jiġux inċentivati li jittrasferixxu assi jew iressqu proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għal ieħor sabiex itejbu s-sitwazzjoni legali tagħhom (“forum shopping”), imsemmi fil-premessa 4 tar-Regolament, ikun ukoll imdgħajjef jekk il-qrati tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu azzjonijiet li jirriżultaw minnha jew li huma marbuta mill-qrib magħha, bħal azzjonijiet rivendikatorji ta’ ammonti jew attiv tal-proċedura sekondarja. Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament analoga għal dik li l‑Qorti tal-Ġustizzja għamlet tal-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu fis‑sentenza Seagon (EU:C:2009:83) hija kkonfermata, bħal ma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 25 u 26 ta’ dik is-sentenza, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament. Din id‑dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet dwar l-iżvolġiment u l-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn qorti li d-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċedura hija rrikonoxxuta skont l‑Artikolu 16 tar-Regolament. Issa, dan tal-aħħar jirreferi għal deċiżjonijiet mogħtija “minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3”, jiġifieri kemm qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 2 tiegħu.

33.

Mingħajr dubju huwa minnu, kif jikkonfermaw il-ko-stralċjarji fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li s-sentenza Seagon (EU:C:2009:83) tistabbilixxi “prinċipju ta’ konċentrazzjoni tal‑ġurisdizzjoni fil-qrati tal-Istat Membru li jkun fetaħ il-proċedura prinċipali” ( 16 ). Madankollu, fl-istruttura tar-raġunament tal-Qorti tal‑Ġustizzja, dan il-prinċipju għandu japplika biss fir-rigward tal‑azzjonijiet li “joriġinaw direttament minn dawn il-proċedimenti u li huma marbuta mill-qrib magħhom” ( 17 ). Min-naħa l-oħra, xejn f’din is-sentenza ma jippermetti li jiġi konkluż li l-imsemmi prinċipju jestendi sabiex jinkludi wkoll l-azzjonijiet li joriġinaw direttament u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedura sekondarja. Hekk kif għadni kif esponejt fil-punt preċedenti, il-motivi li fuqhom hija bbażata din is-sentenza jistgħu jwasslu għall-istess interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament bħal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja tat għall‑Artikolu 3(1). Dawn il-motivi huma, barra minn hekk, “newtrali” mill-perspettiva tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja, fl-ebda parti tal-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ma tibbaża l-interpretazzjoni tagħha fuq in-natura universali tal‑proċedura prinċipali, u lanqas fuq in-natura predominanti tagħha meta mqabbla mal-proċedura sekondarja ( 18 ).

34.

Fl-aħħar nett, u sussidjarjament, nenfasizza li kemm ir-rapport “External Evaluation of Regulation No. 1346/2000/EC on Insolvency Proceedings” (iktar ’il quddiem ir-“rapport Heidelberg-Lussemburgu-Vjenna”) ( 19 ) kif ukoll il-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 1346/2000, ippreżentata mill‑Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2012 ( 20 ) (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ emenda tar-Regolament”), jirrakkomandaw il-kodifikazzjoni tal-prinċipju ta’ vis attractiva concursus għall-azzjonijiet anċillari u l‑applikazzjoni tiegħu favur qrati tal-proċedura li fiha jidħlu dawn l‑azzjonijiet, kemm jekk jirrigwardaw proċedura ta’ insolvenza prinċipali, territorjali jew sekondarja ( 21 ).

35.

Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni applikata fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83) f’kuntest esklużivament intern tal-Unjoni, fis-sentenza Schmid (C‑328/12, EU:C:2014:6) kienet estiża għat-tilwim li jippreżenta rabtiet ma’ Stat terz. Filwaqt li enfasizzat l-għanijiet tal‑prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ falliment li jrid jilħaq l‑Artikolu 3(1) tar-Regolament u wara li skartat l-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż — ibbażati b’mod partikolari fuq devjazzjoni mill-kompetenza tal-prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut u mir-riskju ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza — il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, f’din is-sentenza, li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq “toħloq ukoll ġurisdizzjoni biex tingħata deċiżjoni dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment [insolvenza] u diretta kontra konvenut residenti fi Stat terz” ( 22 ). Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jiena tal-opinjoni li l-istess interpretazzjoni, li hija limitata sabiex twessa’ l-portata territorjali tal‑prinċipju vis attractiva concursus kif irrikonoxxut fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83), tista’ tapplika wkoll fil-kuntest tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni trid tilħaq l-istess għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni u ta’ ċertezza legali msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 3(1). Dawn l-għanijiet, kif ukoll dawk tas-simplifikazzjoni u l-effiċjenza tal‑proċeduri u tat-tnaqqis ta’ inċentivi għal “forum shopping”, diġà enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83), jisħqu fis-sens li l-qrati tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja jiġu rikonoxxuti l-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu azzjoni revokatorja jew azzjoni oħra bbażata fuq l-insolvenza li toriġina direttament minn din il-proċedura jew li hija marbuta mill-qrib magħha (pereżempju għaliex hija intiża li tintegra mill-ġdid fil-patrimonju tad-debitur beni li kien jinsab, qabel it-trasferiment tiegħu, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru), irrispettivament minn jekk il-konvenut għandux id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru jew fi Stat terz.

36.

B’mod iktar ġenerali, is-sentenza Schmid (EU:C:2014:6), li hija konformi mas-sentenza Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120), mogħtija fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 23 ), interpretat b’mod wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament, billi estendietu lil hinn mill-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali “Ewropej” biss u inkludiet fih kemm dawk ikkaratterizzati minn elementi ta’ estranjetà li jinsabu kemm ġewwa kif ukoll barra mit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll għal dawk purament “internazzjonali”, fejn kull element ta’ estranjetà jinsab barra mill-Unjoni. Is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza timplika li, peress li ċ-ċentru ta’ interessi prinċipali tad-debitur jinsab fi Stat Membru, id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament huma intiżi li japplikaw, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, għall-proċedura ta’ insolvenza kollha kemm hi, inkluż l-aspetti tagħha li jippreżentaw rabta ma’ Stat terz ( 24 ), filwaqt li skartat id‑dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri.

37.

Tali konstatazzjoni tippermetti li jitneħħew id-dubji espressi mill‑qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn id-dħul mill-bejgħ tal-attiv tad-debitur jinżamm f’kont issekwestrat fl-Istati Uniti u għalhekk barra mit‑territorju tal-Unjoni. Hija tippermetti wkoll li jiġi miċħud l‑argument imressaq mill-KI ta’ NNSA, li skont dan, jekk kellu jiġi konkluż li l-attiv ta’ NNSA għandu jiġi kkunsidrat, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament, li jinsab barra mill-Unjoni ( 25 ), ikun hemm lok li jiġu applikati r-regoli tad-dritt internazzjonali privat Franċiż, li jipprovdi li l‑proċedura miftuħa fi Franza kontra NNSA jkollha effett universali u konsegwentement testendi għall-imsemmi attiv. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali regoli, li madankollu twassal sabiex jiġu estiżi l-effetti ta’ proċedura sekondarja, min-natura tagħhom territorjali, lil hinn mil-limiti imposti mir‑Regolament, tibqa’ eskluża fid-dawl tas-sentenza Schmid (EU:C:2014:6).

b) L-artikulazzjoni bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja fis-sistema tar-Regolament

38.

F’dan l-istadju għandu jiġi eżaminat ir-rwol rispettiv tal‑proċedura prinċipali u tal-proċedura sekondarja, kif ukoll l-artikolazzjoni reċiproka tagħhom fis-sistema tar-Regolament.

39.

Hekk kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu u, b’mod partikolari, mill‑premessa 11 tiegħu, ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-universalità u tal-unità tal-proċedura ta’ insolvenza, li madankollu l‑implementazzjoni tagħhom kienet intenzjonalment imrażżna mil‑leġiżlatur Komunitarju billi awtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri nazzjonali b’portata territorjali b’mod parallel mal-proċedura prinċipali li għandha skop universali. Ir-raġunijiet għal din l-għażla jinsabu, minbarra fid-diverġenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn id-drittijiet in rem tal-Istati Membri, li jmorru kontra l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ insolvenza unika u l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tad-dritt tal-Istat tal-ftuħ ta’ din il-proċedura (ara l-premessa 8 tar-Regolament), fir-rekwiżit li jkunu protetti l-interessi lokali tal-kredituri u tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ assi kumplessi (ara l‑premessa 19 tar-Regolament). Minn dan tirriżulta l-previżjoni, fir-Regolament, ta’ żewġ kriterji differenti ta’ ġurisdizzjoni, jiġifieri dak taċ-ċentru tal-interessi prinċipali, li jistabbilixxi l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura prinċipali, u dak tal-istabbiliment, li jippermetti li tinbeda proċedura sekondarja.

40.

L-għażla tal-leġiżlatur Komunitarju li jippermetti l-ftuħ ta’ proċeduri territorjali tirrendi mingħajr dubju s-sistema iktar flessibbli: jiġifieri l-ftuħ ta’ proċedura waħda jew iktar tista’, pereżempju, tirriżulta partikolarment utli f’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali fejn proċedura tinfetaħ fl-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali fir‑rigward ta’ sussidjarji differenti ta’ grupp ta’ kumpanniji, iżda li l-parti essenzjali tal‑attiv, l-impjegati jew kredituri ta’ waħda jew iktar minn dawn is-sussidjarji tinsab fi Stat Membru differenti.

41.

Madankollu, tali għażla tintroduċi wkoll fattur ta’ kumplessità, peress li tippermetti li l-istess debitur ikun sottomess għal diversi proċeduri paralleli. Huwa minnu li, fl-istruttura tar-Regolament, il‑proċeduri sekondarji huma limitati taħt diversi aspetti, kemm mill‑perspettiva proċedurali kif ukoll materjali. Dawn jippreżumu, fil‑prinċipju, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali li fuqha huma jibbażaw ( 26 ), jistgħu jkunu biss proċeduri ta’ likwidazzjoni (Artikolu 3(3) tar-Regolament) u l-effetti tagħhom huma limitati għall-attiv tad-debitur li jinsab fit-territorju tal-Istat fejn jinfetħu (Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament). Xorta jibqa’ il-fatt li l-eżistenza ta’ proċeduri simultanji tista’ tkun sors ta’ ineffiċjenza fl-assenza ta’ regoli li jippermettu li jiġu amministrati d-diffikultajiet li tali sitwazzjoni tista’ tagħti lok għalihom.

42.

Għal din ir-raġuni, ir-Regolament jipprovdi regoli minimi ta’ koordinazzjoni li għandhom l-għan li jippromwovu żvolġiment armonjuż tal-proċeduri, li jwassal għal ġestjoni u għal twettiq effettiv tal-assi. Dawn ir-regoli jipprovdu, b’mod partikolari, dmir reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l‑istralċjarji ta’ proċeduri differenti ( 27 ) u jipprovdu mekkaniżmi intiżi sabiex jiżguraw it-trattament ugwali tal-kredituri ( 28 ), kif ukoll sabiex jiddeterminaw x’jiġri mill-attiv li jkun baqa’ fi proċedura sekondarja ( 29 ). Kooperazzjoni ikbar fid-dawl ta’ ġestjoni iktar effettiva tal‑proċeduri ta’ insolvenza paralleli hija, barra minn hekk, waħda mill‑għanijiet prinċipali tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni ( 30 ).

43.

Ir-relazzjonijiet bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja huma artikolati għalhekk madwar obbligu ta’ koordinazzjoni, li huwa intiż sabiex jiggarantixxi t-twettiq ta’ għanijiet prijoritarji ta’ effikaċja u ta’ effettività anki fil-preżenza ta’ diversi proċeduri. F’dan il-kuntest, rwol predominanti huwa rikonoxxut mir-Regolament lill-proċedura prinċipali, fejn l-istralċjarju jingħata diversi possibbiltajiet sabiex jinfluwenza l‑proċedura jew proċeduri sekondarji li jkunu għaddejjin, pereżempju billi jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew kompożizzjoni ta’ kredituri jew billi jitlob is-sospensjoni tal-likwidazzjoni tal-assi fi proċedura sekondarja ( 31 ).

44.

Bla ħsara għall-osservanza ta’ dan ir-rwol u tal-obbligu ta’ koordinazzjoni, ir-Regolament jirrikonoxxi lill-proċedura sekondarja, jekk mhux awtonomija vera, tal-inqas sfera għaliha stess. Hija għandha skop distint minn dak tal-proċedura prinċipali, intiż għall-protezzjoni tal‑interessi speċifiċi u tgawdi minn sistema, taħt aspetti differenti, analoga għal dik li tapplika għall-proċedura prinċipali. B’hekk, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji hija rrikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri kollha, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar‑Regolament, u skont l-Artikolu 17(2) tiegħu, l-effetti tagħha ma jistgħux ikunu kkontestati fl-Istati Membri l-oħra. Bl-istess mod, skont l‑Artikolu 25(1) tar-Regolament, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti li tkun fetħet tali proċedura u huma relatati mal-iżvolġiment u l-egħluq tagħha jew li joriġinaw direttament minn din il-proċedura u huma marbutin mill‑qrib magħha, jew, anki, kompożizzjoni ta’ kredituri approvata mill-imsemmija qorti huma wkoll rikonoxxuti mingħajr ebda formalità. Skont l-Artikoli 4 u 28 tar-Regolament u, bħall-proċedura skont l-Artikolu 3(1) tagħha, il‑proċedura sekondarja hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru li fit‑territorju tagħha hija nfetħet. Fl-aħħar nett, abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament, l-istralċjarji tal-proċedura sekondarja jistgħu jeżerċitaw b’mod awtonomu azzjonijiet intiżi sabiex jintalbu lura beni li jaqgħu taħt din il-proċedura li kienu tqiegħdu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll kull azzjoni revokatorja utli għall-interessi tal‑kredituri.

45.

Barra minn hekk mill-għażla tal-leġiżlatur Komunitarju jirriżulta li jippermetti l-ftuħ ta’ proċeduri paralleli għall-proċedura prinċipali, kif ukoll mir-raġunijiet li huma l-bażi ta’ tali għażla, murija fil-preambolu tar-Regolament, li tali ftuħ jillimita l-effetti tal-proċedura prinċipali. L-istess japplika għas-setgħat tal-istralċjarju ta’ din tal-aħħar, kif jirriżulta barra minn hekk b’mod ċar mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament, li jipprovdi li “il-likwidatur maħtur minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) jista’ jeżerċita l-poteri kollha mgħotija lilu bil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti fi Stat Membru ieħor, sa kemm l-ebda proċedimenti ta’ falliment oħra ma jkunu infetħu hemm u l-anqas xi miżuri ta’ preservazzjoni fil-pajjiż ma jkunu ittieħdu hemm, wara talba għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment f’dak l-Istat” ( 32 ).

c) Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddefinixxi l-parametru tal-effetti tal-proċedura sekondarja

46.

Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet żviluppati fit-titoli (a) u (b) iktar ’il fuq li għandha tingħata risposta għall-ewwel parti tad‑domanda preliminari magħmula mit-tribunal de commerce ta’ Versailles, li hija intiża essenzjalment sabiex tiddetermina jekk l-imsemmi tribunal, bħala qorti li fetħet proċedura sekondarja skont l-Artikolu 3(2) tar‑Regolament dwar l-insolvenza fir-rigward ta’ NNSA, għandhiex ġurisdizzjoni wkoll, abbażi tal-imsemmi regolament, li tiddefinixxi l-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura. Issa, jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, kemm mill-artikolazzjoni bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja mwettqa mir-Regolament kif ukoll mill-għanijiet li dan jagħti lil din l-aħħar proċedura u, b’mod iktar ġenerali, mill-għanijiet li dan irid jilħaq, li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun affermattiva.

47.

Fl-ewwel lok, kif enfasizzajt iktar ’il fuq, minkejja n-natura universali u r-rwol predominanti rikonoxxuti lill-proċedura prinċipali kif ukoll in-natura sussidjarja mogħtija lill-proċedura sekondarja, din tal-aħħar iżżomm, fl-istruttura tar-Regolament, sfera proprja tagħha, neċessarja sabiex jintlaħqu għanijiet li ġew rikonoxxuti lilha u li huma tal-funzjoni ta’ limitu għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ unità tal-proċedura ta’ insolvenza li huwa attribwit lilha fl-istruttura tar-Regolament ( 33 ). Issa, fl‑opinjoni tiegħi, ma jkunx kompatibbli ma’ tali kuntest li jiġi konkluż li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiftaħ tali proċedura ma għandhiex tali ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-parametru tal-effetti tagħha.

48.

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 3(2) u 27 tar‑Regolament, l-effetti tal-proċedura sekondarja huma limitati għall‑beni tad-debitur li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru fejn tkun infetħet din il-proċedura. Madankollu, hekk kif enfasizzat C. Rogeau fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qorti tal-Istati Membru adita b’talba għal ftuħ ta’ proċedura sekondarja għandha, sabiex tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha stess skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, li tevalwa jekk l-attiv tad-debitur li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jippermettix li jiġi konkluż li huwa għandu “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tar‑Regolament ( 34 ). Minn dan isegwi li din il-qorti għandha, diġà qabel il-ftuħ tal-proċedura sekondarja, tidentifika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tal-inqas parti mill-imsemmija attiv, li għalih għandhom jestendu l-effetti tal-imsemmija proċedura.

49.

Fit-tielet lok, dan l-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni tal-elementi tal‑patrimonju tad-debitur li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja huwa essenzjali mhux biss sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, sabiex jiġu ddefiniti l-effetti, kif ukoll sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-imsemmi Stat Membru, iżda wkoll sabiex jippermetti l-iżvolġiment stess tal-proċedura sekondarja, li hija intiża li tkun proċedura ta’ stralċi. Minn dan isegwi li, hekk kif fl-opinjoni tiegħi korrettament issostni C. Rogeau, azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, intiża sabiex jiġi ddikjarat li ċertu attiv tad-debitur, kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tiegħu, jidħlu fil‑parametru tal-effetti tal-proċedura sekondarja li toriġina direttament minn din il-proċedura jew li hija marbuta mill-qrib magħha, fis-sens tal‑ġurisprudenza Seagon (EU:C:2009:83), kif interpretata fil-punt 32 iktar ’il fuq, taqa’ għalhekk taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li fetħet l-imsemmija proċedura.

50.

Fir-raba’ lok, l-għanijiet ta’ effikaċja, ta’ effettività u ta’ rapidità tal‑proċeduri ta’ insolvenza, li ġġustifikaw l-adozzjoni tar-Regolament, ma jistgħux ikunu żgurati b’mod xieraq b’soluzzjoni li timponi fuq il-qorti tal-Istat ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja, adita b’azzjoni intiża sabiex tiddetermina l-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura, li tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni favur il-qorti tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali u li tissospendi l-proċedura sakemm tingħata deċiżjoni minn din il-qorti.

51.

Il-punti mqajma iktar ’il fuq fuq jisħqu, fl-opinjoni tiegħi, fis-sens tar-rikonoxximent lill-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja tal-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi azzjoni intiża sabiex tiddefinixxi l-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-argumenti kuntrarji mressqa mill-ko-stralċjarji u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li jiffavorixxu ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali, ma jikkonvinċunix. Dawn l-argumenti huma bbażati essenzjalment fuq is-supremazija tal-proċedura prinċipali u fuq il-portata universali tagħha.

52.

Issa, huwa ċertament minnu li, hekk kif fakkart fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-Regolament irrikonoxxa “rwol predominanti” għal din il-proċedura. Madankollu, tali supremazija, li hija intiża essenzjalment sabiex tiżgura l-aħjar koordinazzjoni tal-proċeduri prinċipali u sekondarja permezz ta’ ġerarkija bejniethom, ma għandhiex il-konsegwenza li lill-korpi ġudizzjarji tal‑proċedura sekondarja jiġu mċaħħda mill-prerogattivi tagħhom, b’mod partikolari meta dan jirrigwarda mhux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l‑iżvolġiment ta’ operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni u twaqqif ta’ azzjoni minħabba ħlas tad-dejn kollu lill-kredituri jew il-kundizzjonijiet tal-għeluq ta’ din il-proċedura, iżda d‑delimitazzjoni tal-effetti tagħha. Bl-istess mod, jiena ma naħsibx li l‑universalità rikonoxxuta lill-proċedura prinċipali tista’ tikkostitwixxi argument deċiżiv sabiex il-qrati ta’ din il-proċedura jingħataw il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeterminaw il-portata tal-effetti ta’ proċedura differenti, għalkemm territorjali u suġġettiva, li l-ftuħ tagħha għandu preċiżament il-konsegwenza li jieħu parti mill-attiv tad-debitur skont il‑proċedura prinċipali u skont il-liġi applikabbli għaliha.

53.

Biex nikkonkludi, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa waħda, li r‑Regolament jipprovdi espressament mhux biss il-kriterju ta’ tqassim tal-attiv tad-debitur bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja, jiġifieri l‑lokalizzazzjoni tagħhom, iżda wkoll, kif se jidher iktar fid-dettall iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet materjali intiżi sabiex jiggwidaw il‑qrati li għandhom ġurisdizzjoni fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:739), hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, li għandha għal kull deċiżjoni li hija tadotta — u għalhekk anki meta tiddeċiedi dwar il-portata tal-effetti tal-proċedura sekondarja — obbligu ta’ kooperazzjoni leali, li jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l‑għanijiet tal-proċedura prinċipali kif ukoll l-istruttura tar-Regolament, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-obbligu ta’ koordinazzjoni tal-proċedura prinċipali u sekondarja, l-għan ta’ funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali kif ukoll is-supremazija tal-proċedura prinċipali ( 35 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju li din il-qorti tkun tista’ tadotta deċiżjoni għad‑dannu tal-interessi tal-proċedura prinċipali huma mnaqqas.

54.

Abbażi tar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jien tal-opinjoni li qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament sabiex tiftaħ proċedura sekondarja għandha ġurisdizzjoni wkoll sabiex tiddetermina l-beni tad-debitur li jidħlu fil-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura.

d) Ġurisdizzjoni esklużiva jew kompetittiva?

55.

Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fl-ipoteżi fejn hija kellha tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja, din il-ġurisdizzjoni hijiex esklużiva jew “alternattiva” għal dik tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali.

56.

F’dan ir-rigward, infakkar li mid-dispożizzjonijiet tar‑Regolament jirriżulta li l-ftuħ, fl-Istat Membru fejn id-debitur għandu stabbiliment, ta’ proċedura sekondarja għandu l-effett li jissuġġetta l-attiv tad-debitur li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal sistema legali differenti minn dik li tapplika għall‑proċedura prinċipali. Minkejja li l-proċedura sekondarja hija suġġetta għall-proċedura prinċipali, ir-regoli obbligatorji ta’ koordinazzjoni bejn iż-żewġ proċeduri u l-obbligi ta’ kooperazzjoni li għandhom il-korpi tagħhom, l-imsemmi attivi huwa, fil-fatt, ħieles mill-influwenza tal-proċedura prinċipali u l-liġi applikabbli għaliha.

57.

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni adottata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja li tiddeċiedi dwar il-beni li jidħlu fil-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura tiddeċiedi indirettament iżda inevitabbilment fuq il-parametru tal-effetti tal‑proċedura prinċipali. Issa, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi rrikonoxxut li l-qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali għandha ġurisdizzjoni wkoll sabiex tiddetermina l-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura, bħal fil-każ ta’ dik tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja.

58.

Minn dan jirriżulta li eventwali tilwim li jirrigwarda l-appartenenza ta’ parti mill-patrimonju tad-debitur għal proċedura waħda jew l-oħra jista’ jitressaq alternattivament quddiem qorti waħda jew l‑oħra. Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn sabiex jiddeċiedu tali tilwim hija għalhekk kompetittiva.

59.

Il-ko-stralċjarji jikkritikaw tali soluzzjoni, billi jsostnu li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament jipprekludi l-multiplikazzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet kompetituri. Huma jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq is-sentenza Davide e. C. (C‑191/10, EU:C:2011:838) ( 36 ). F’dan ir-rigward, nenfasizza biss li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, li jiġi aċċettat li l-estensjoni ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza għal entità ġuridikament distinta minn dik li fir-rigward tagħha din il-proċedura tkun infetħet, abbażi biss ta’ konfużjoni ta’ patrimonji u mingħajr ma jitfittex fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-imsemmija entità, kien jawtorizza l-evitar tas-sistema stabbilita mir-Regolament, u jppermetti li qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni tiftaħ proċedura prinċipali skont l-Artikolu 3(1) tar‑Regolament tadotta deċiżjoni li tipproduċi fir-rigward ta’ entità ġuridika l-istess effetti bħad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ tali proċedura. Issa, f’dan il-każ ma hijiex kwistjoni li jinħoloq it-tielet kriterju ta’ ġurisdizzjoni meta mqabbel ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament, iżda unikament li jiġi aċċettat li l-qrati magħżula abbażi ta’ dawn il-kriterji għandhom ġurisdizzjoni kompetittiva sabiex jiddeċiedu ċerti azzjonijiet.

60.

Fil-preżenza ta’ qrati kompetituri, jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli. Tali riskju jista’, kif tipproponi l‑Kummissjoni, jiġi solvut bl-applikazzjoni ta’ regola analoga għal dik prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li f’każ ta’ lis alibi pendens, tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti li quddiemha titressaq l-ewwel talba. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tintegra tali regola fis-sistema tar-Regolament permezz tal-iżvilupp ġudizzjarju tad-dritt ( 37 ). Din l-operazzjoni li mingħajr dubju hija mixtieqa jekk tintuża s-soluzzjoni li nissuġġerixxi jiena, hija fil-fatt, f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni biss. Konsegwentement, fl-istat attwali, huwa biss il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent kważi awtomatiku previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament li jippermetti, f’każ ta’ ġurisdizzjoni kompetittiva, li jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli.

e) Konklużjonijiet dwar l-ewwel parti tad-domanda preliminari

61.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nqis li r‑risposta lit-tribunal de commerce ta’ Versailles għandha tkun li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament li tiftaħ proċedura sekondarja għandha ġurisdizzjoni wkoll sabiex tiddetermina l-beni tad-debitur li jidħlu fil-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura. Azzjoni intiża sabiex tiddetermina jekk element wieħed jew iktar tal‑patrimonju tad-debitur jaqgħux taħt il-proċedura prinċipali jew taħt il-proċedura sekondarja tista’ titressaq alternattivament quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali jew quddiem dik tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja.

B – Dwar it-tieni parti tad-domanda preliminari: il-liġi applikabbli

62.

Permezz tat-tieni parti tad-domanda preliminari tiegħu, it-tribunal de commerce ta’ Versailles jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑ipoteżi fejn il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja sabiex tiddetermina l-parametru tal-effetti ta’ din il‑proċedura tiġi applikata, liema hija l-liġi applikabbli għal tali determinazzjoni.

63.

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, il-liġi applikabbli għall‑proċedura ta’ insolvenza u għal dawn l-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura u tiddependi, għalhekk, mid-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonalment sabiex tiftaħ l-imsemmija proċedura skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ( 38 ). Din is-soluzzjoni hija espressament ikkonfermata mill-Artikolu 28 tar-Regolament, li jipprovdi, “[ħ]lief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor […], il-liġi applikabbli għal proċediment sekondarji għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji”.

64.

Għalhekk, ir-Regolament jipprovdi ċertu numru ta’ regoli materjali uniformi intiżi sabiex japplikaw b’deroga tal-liġi nazzjonali indikata bħala applikabbli.

65.

B’hekk, għal dak li huwa ta’ interess f’dan il-każ, għandu jitfakkar, qabelxejn, li r-Regolament jistabbilixxi, fl-Artikoli 3(2) u 27 tiegħu kriterju speċifiku tat-tqassim tal-attiv tad-debitur bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja bbażat fuq il-lokalizzazzjoni ta’ dan l-attiv, li ma tistax issir deroga tiegħu la permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u lanqas permezz ta’ ftehim tal-korpi taż-żewġ proċeduri. B’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-beni tad-debitur li jinsabu fit‑territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja jaqgħu taħt din il-proċedura u, konsegwentement, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-beni għandu wkoll jaqa’ taħt l-imsemmija proċedura. Min-naħa l‑oħra, dejjem bl-applikazzjoni ta’ dan l-istess kriterju, il-beni tad-debitur li jinsabu fi Stat terz ma jistgħux fi kwalunkwe każ jaqgħu taħt proċedura sekondarja, għas-sempliċi fatt li ma jinsabux fit-territorju tal-Istat Membru li fih infetħet tali proċedura. Għalhekk dan l-attiv jaqa’ neċessarjament taħt il-proċedura prinċipali, li, fir-rigward tagħha, għandha portata universali. Kif diġà kelli l-opportunità nenfasizza fil-punt 37 iktar ’il fuq, kull interpretazzjoni bbażata fuq id-dritt nazzjonali li testendi l-effetti ta’ proċedura sekondarja għal beni tad-debitur li jinsabu fi Stat terz ma hijiex kompatibbli mar-Regolament.

66.

Sussegwentement, huwa possibbli li tiġi dedotta minn dispożizzjonijiet tar-Regolament regola, li dwarha jaqblu l‑persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, li d-data li għaliha għandu jsir riferiment sabiex jiġi evalwat jekk beni jinsabx jew le fit-territorju tal‑Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja hija dik li fiha d‑deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura ssir effettiva. Tali konklużjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-qari konġunt tal-Artikolu 2(f) ( 39 ) u tal‑Artikolu 18(2) tar-Regolament ( 40 ). B’hekk, kull moviment ta’ attiv tad‑debitur barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja wara l-imsemmija data, ukoll meta dan il-moviment jikkonċerna mhux il-beni nnifsu iżda d-dħul mil‑likwidazzjoni tiegħu u inkluż meta dan ikun ġie awtorizzat mill-qorti ta’ din il-proċedura fil-kuntest ta’ ftehim ta’ koordinazzjoni mal‑proċedura prinċipali, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jneħħi dan il-attiv, jew id-dħul mill-bejgħ tiegħu, mill-proċedura sekondarja ( 41 ).

67.

Fl-aħħar nett, kif antiċipajt fil-punt 53 iktar ’il fuq, ir-Regolament jinkludi ċerti dispożizzjonijiet materjali intiżi sabiex jiggwidaw lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim tal-attiv tad-debitur bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja. Fil-fatt, l‑Artikolu 2(g) tar-Regolament jiddefinixxi dak li għandu jinftiehem għall-finijiet ta’ dan tal‑aħħar permezz ta’ “l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu l-assi” u dan għal tliet kategoriji ta’ beni differenti, jiġifieri l-proprjetà tanġibbli, il-proprjetà u drittijiet ta’ proprjetà jew intitolar li dwaru jrid ikun miktub f’reġistru pubbliku u t-talbiet. Għalkemm tista’ tirriżulta insuffiċjenti sabiex tkopri kull tipoloġija ta’ attiv, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità ta’ ċerti patrimonji ( 42 ), din id-dispożizzjoni turi madankollu r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jissuġġetta d-determinazzjoni tas-sitwazzjoni tal-beni tad-debitur għal leġiżlazzjoni uniformi. Din l-għażla, kif ukoll in-natura inkompleta tal-lista pprovduta minn dan l-Artikolu 2(g) titlob, mingħajr dubju, sforz interpretattiv importanti min-naħa tal-qorti nazzjonali, li għandha tidentifika abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, regola applikabbli f’kull każ konkret.

68.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’dan il-każ, huwa t‑tribunal de commerce ta’ Versailles li għandu, “jillokalizza”, fid-data ta’ ftuħ tal‑proċedura sekondarja u abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament, l-attiv kollu tanġibbli u mhux tanġibbli ta’ NNSA li kien is-suġġett ta’ trasferiment, inkluż id-dritt ta’ proprjetà ekonomika (“equitable or beneficial ownership”) li hija żżomm fuq il-proprjetà intellettwali tal-grupp Nortel skont l-MRDA kif ukoll id-drittijiet ta’ liċenzja esklużiva, bla ħlas u perpetwa, li hija għandha titolu għalihom abbażi tal‑istess ftehim ( 43 ). F’dan ir-rigward, jidhirli li qabelxejn, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, fid-dawl tal-imsemmi ftehim, dawn id-drittijiet jistgħux jinqasmu u jiġi kkunsidrati bħala attiv separat.

69.

Għalhekk, hija din il-qorti li għandha tistabbilixxi jekk, skont id-dritt Kanadiż, li għalih huwa suġġett l-MRDA, id‑dritt ta’ NNSA għall-ħlas tal-“R & D allocation” għandux jiġi kkwalifikat bħala “dritt in rem ta’ tgawdija”, kif isostni l-KI ta’ NNSA, jew bħala “dritt ta’ kreditu” li jirriżulta mill-kontribuzzjoni tagħha fl-attività ta’ R & D tal‑grupp Nortel. F’dan l-aħħar każ, il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tat-terzi kreditur stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(g) tar‑Regolament jista’ japplika. F’dan ir-rigward, infakkar, inċidentalment, li l-fatt li l-parti mill-prezz dovuta lil NNSA wara t-trasferiment tal‑attiv tagħha tista’ tkun ikkwalifikata bħala kreditu ta’ prezz fir‑rigward tas-sekwestru — sa fejn hija dik li tinsab barra mit-territorju tal‑Unjoni — ma huwiex rilevanti jekk kellu jiġi konkluż li l-attiv inkwistjoni kien lokalizzat fit-territorju Franċiż fid-data meta d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑proċedura sekondarja saret effettiva. Fil-fatt, kif diġà osservajt fil‑punt 66 iktar ’il fuq, il-modalitajiet ta’ trasferiment ta’ attiv ma jistgħux ikollhom bħala konsegwenza li jassenjaw dan l-attiv taħt il-proċedura prinċipali meta dan kien inizjalment assenjat taħt il-proċedura sekondarja u viċi versa.

70.

Jekk, kif naħseb jien, id-dritt ta’ “beneficial ownership” li jirriżulta mis-sistema maħluqa mill-MRDA ma jistax jitnaqqas sabiex jiġi sempliċi dritt ta’ kreditu, għandu jiġi vverifikat jekk jistax jitqiegħed taħt waħda miż-żewġ kategoriji previsti fl-ewwel u fit-tieni inċiżi tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament. F’dan ir-rigward, l-argument tal-ko-stralċjarji li dan id-dritt huwa kopert minn dan it-tieni inċiż, għaliex jirrigwarda drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, la l‑“beneficial ownership” li jagħti dritt, fil-kuntest tal-MRDA, għall-“R & D allocation”, u lanqas, barra minn hekk, id-drittijiet ta’ użu tal-proprjetà intellettwali u industrijali tal-grupp Nortel li jirriżultaw mil-liċenzji esklużivi mogħtija minn NNL fil-kuntest ta’ dan l-istess ftehim ma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “drittijiet […] li […] intitolar li dwaru jrid ikun miktub f’reġistru pubbliku”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(g) tar‑Regolament. Il-fatt biss li l-imsemmija drittijiet huma “marbuta” ma’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali, li kienu suġġetti għal reġistrazzjoni (minn NNL u barra mit-territorju tal-Unjoni) ma jbiddilx din il-konklużjoni. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jiġi sostnut, kif jidher li jissuġġerixxi l-KI ta’ NNSA, li d-drittijiet inkwistjoni jaqgħu taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament sa fejn huma “immaterjalizzati” f’liċenzji, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala beni tanġibbli.

71.

Għalhekk mill-Artikolu 2(g) tar-Regolament għandha tiġi misluta regola li tieħu kunsiderazzjoni tal-partikolarità tal-attiv inkwistjoni. Issa, jidhirli li tista’ tiġi dedotta mill-ewwel żewġ inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni indikazzjoni ta’ natura ġenerali, jiġifieri li l-elementi differenti tal-patrimonju tad-debitur għandhom, fil-prinċipju, jaqgħu taħt il-proċedura ta’ insolvenza li huma l-eqreb tagħha b’mod naturali. Dan japplika għalhekk f’dak li jikkonċerna beni tanġibbli, li jaqgħu taħt il-proċedura miftuħa fit‑territorju tal-Istat Membru fejn jinsabu u għall-beni u d-drittijiet li għandhom jiġu rreġistrati, li jaqgħu taħt il-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fl-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu jinżamm ir-reġistru. L-istess regola tinsab applikata a contrario, fl-Artikolu 12 tar-Regolament, li jipprovdi li “patenti [privattiva] tal-Komunità, trade mark tal-Komunità jew xi dritt ieħor simili stabbilit b’liġi tal-Komunità jista jkun inkluż biss fil‑proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1)”, peress li ma jistgħux jiġu marbuta mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed, filwaqt li l-effetti tagħhom jinfirxu fil-livell tat-territorju tal-Unjoni kollu. Taħt din l-istess loġika taqa’ wkoll il-proposta ta’ emenda tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament imressqa mill-Kummissjoni, peress li l-inċiżi l-ġodda (li jikkonċernaw l-azzjonijiet irreġistrati ta’ impriżi, l-istrumenti finanzjarji li l-proprjetà tagħhom hija pprovata minn reġistrazzjoni f’reġistru u l-flus kontanti miżmuma f’kont bankarju) jistabbilixxu b’mod parallel kriterji li jagħtu privileġġ lir-rabta tal-beni mat-territorju tal-Istat Membru li miegħu dan għandu l-eqreb rabtiet.

72.

Issa, sabiex niġu lura għal dan il-każ tal-kawża prinċipali, jiena tal-opinjoni li, fl-applikazzjoni tar-regola msemmija iktar ’il fuq, id-drittijiet li jirriżultaw mill‑parteċipazzjoni tad-debitur fl-attività ta’ R & D ta’ grupp ta’ kumpanniji u/jew li għandhom bħala għan l-użu, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ liċenzji esklużivi u mingħajr ħlas, tar-riżultati tagħha, minkejja li ma humiex previsti mit-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament, għandhom ikunu lokalizzati fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru ta’ attività tad-debitur li kkontribwixxa għall-imsemmija attività ta’ R & D u li uża r-riżultati tagħha sabiex jinfirex.

73.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis li r-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li, sabiex jiġi ddeterminat jekk beni tad-debitur jidħolx fil-parametru tal-effetti tal-proċedura sekondarja, il-qorti adita għandha tistabbilixxi jekk dan il-beni kienx jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ ftuħ saret effettiva u li s-sitwazzjoni tal-imsemmi beni għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament.

IV – Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lit-tribunal de commerce ta’ Versailles:

“Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, li tiftaħ proċedura sekondarja għandha ġurisdizzjoni wkoll sabiex tiddetermina l-beni tad-debitur li jidħlu fil-parametru tal-effetti ta’ din il-proċedura.

Azzjoni intiża sabiex tiddetermina jekk element wieħed jew iktar tal‑patrimonju tad-debitur jaqgħux taħt il-proċedura prinċipali jew taħt il-proċedura sekondarja tista’ titressaq alternattivament quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali jew quddiem dik tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk beni tad-debitur jidħolx fil-parametru tal-effetti tal-proċedura sekondarja, il-qorti adita għandha tistabbilixxi jekk dan il-beni kienx jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ ftuħ saret effettiva u li s-sitwazzjoni tal-imsemmi beni għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000”.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Regolament tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 1 p. 191).

( 3 )   NNSA saret parti mill-MRDA bl-iffirmar fit-22 ta’ Diċembru 2004.

( 4 )   L-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien ġie awtorizzat b’digriet tal-Imħallef intervenjenti tas-7 ta’ Lulju 2009.

( 5 )   Dettaljati kif ġej: madwar EUR 8 miljuni bħala Residual Profit Sharing 2010 (iktar ’il quddiem l-“RPS 2010”) u EUR 8.6 miljuni mressqa mill-ko-stralċjarji tal-NNUK bħala parteċipazzjoni ta’ NNSA fl-ispejjeż ta’ trasferiment tal-attiv tal-grupp fir‑reġjun EMEA (Ewrope Middle East Africa) jiġifieri madwar 25 %.

( 6 )   Mit-taħrika jirriżulta li l-KI ta’ NNSA u l-ex impjegati ta NNSA jopponu l-ħlas ta’ EUR 8 miljuni għall-RPS 2010 abbażi ta’ tranżazzjoni, li tinsab fil-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, li jistabbilixxi l-bilanċ tal-ħlas kollu għar-Revenue Profit Sharing f’ammont globali ta’ USD 4.9 miljun. Huma jikkonstestaw ukoll l-imputabbiltà lil NNSA tat-telf marbut mal-kontinwazzjoni tas-sistema MRDA, iġġenerat minħabba d-dewmien tal‑proċess ta’ trasferiment tal-attiv tal-grupp Nortel fuq livell dinji u jsostnu n-natura kundizzjonali u mhux iktar eżegwibbli tal-RPS 2010. Fir-rigward tad-debitu li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tat-trasferiment, huma jsostnu li ma huwiex iġġustifikat ħlief jekk u fil-mument fejn il-proċedura sekondarja tiġbor il-parti tad-dħul mit-trasferiment globali li jmur għal NNSA u, għalhekk, ma jopponix il-ħlas tal‑BGĦBN iddifferit fuq l-ammont attwalment disponibbli ta’ din il-proċedura. Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna d-debitu tal-Fondi ta’ pensjoni Ingliż, huma jqisu li l-fatt li dan id-debitu kien ġie kkwalifikat bħala “administration expense” fid-dritt Ingliż ma għandux impatt fuq il-proċedura sekondarja, peress li l-ħlas tad-debiti ta’ din il-proċedura għandu jsir abbażi tad-dritt Franċiż.

( 7 )   Regolament tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). L-osservazzjonijiet tal-ko-stralċjarji biss jindirizzaw din il-kwistjoni, iżda billi jikkonkludu dwar l-inapplikabbiltà tar‑Regolament Nru 44/2001.

( 8 )   Ara s-sentenzi F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 21, 29 u 48) u Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 22).

( 9 )   Ara s-sentenzi F-Tex (EU:C:2012:215, punti 23 u 29) u Nickel & Goeldner Spedition (EU:C:2014:2145, punt 23).

( 10 )   Ara l-punt 8 tal-Protokoll ta’ koordinazzjoni.

( 11 )   Skont din id-dispożizzjoni tal-protokoll, il-partijiet jaqblu li jagħtu lil NNSA, id‑dritt għal perċentwali ta’ 9 % tad-dħul mit-trasferiment tad-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali tal-grupp.

( 12 )   F’dan ir-rigward, taħt it-titolu “Irkupru tal-attiv/Tqassim tad-dħul mill-bejgħ”, il‑punt 6.1 tal-imsemmi protokoll jippreċiża biss li “ħlief f’każ ta’ ftehim bil‑miktub kuntrarju, l-attiv ta’ [NNSA] għandu jitwettaq u jiġi rkuprat mill-ko‑stralċjarji, mill-amministratur Franċiż u mil-istralċjarju Franċiż, skont ir-Regolament […]”. Issa, anki jekk jiġi preżunt li jista’ jkun hemm deroga għad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-effetti rispettivi tal-proċeduri prinċipali u sekondarja, mill-proċess ma jirriżultax li ġie konkluż tali ftehim.

( 13 )   F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament stess jistabbilixxi r-rekwiżit li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura jew proċeduri sekondarji u li, f’dan il-każ, il-konklużjoni ta’ ftehim għal dan l-għan tqajmet mill-qorti tar-rinviju.

( 14 )   Punti 21, 28 u d-dispożittiv. L-azzjoni inkwistjoni fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83) kienet azzjoni għal revoka. Ara wkoll is-sentenza F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 27 u 28), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet madankollu, wara li kkunsidrat il-karatteristiċi tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, li hija taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1346/2000. Il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Seagon (EU:C:2009:83) kien reċentement ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà magħmula kontra d-direttur tal-kumpannija debitriċi u intiża għar-rimbors ta’ ħlasijiet magħmula wara li seħħet l-insolvenza ta’ dik il-kumpannija jew wara l-konstatazzjoni ta’ dejn eċċessiv tagħha (ara s-sentenza H, C‑295/13, EU:C:2014:2410).

( 15 )   Enfasi miżjuda minni.

( 16 )   Punt 104 tal-osservazzjonijiet tal-ko-stralċjarji. Enfasi miżjuda minni.

( 17 )   Punti 21, 28 u d-dispożittiv tas-sentenza Seagon (EU:C:2009:83), enfasi miżjuda minni.

( 18 )   Iċ-ċirkustanza li, hekk kif jenfasizzaw il-ko-stralċjarji fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja skartat is-suġġeriment magħmul fil-punti 64 sa 69 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Seagon (EU:C:2008:575), li tirrikonoxxi n-natura “relattivament esklużiva” tal‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali għall‑azzjonijiet għal revoka bbażati fuq l-insolvenza, tħalli għalhekk lill-istralċjarju l‑fakultà li jagħżel il-forum li jidhirlu li huwa l-iktar xieraq għall-ħarsien tal-assi, ma tippermettix, għall-kuntrarju ta’ dak li jidhru li jimplikaw il-ko-stralċjarji, li tinġibed xi konklużjoni dwar ir-rikonoxximent tal‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-proċedura sekondarja sabiex jiddeċiedu tali azzjonijiet meta dawn joriġinaw minn din il-proċedura jew jagħmlu parti minnha.

( 19 )   Ippublikat fi B. Hess, P. Oberhammenr u T. Pfeiffer, European Insolvency Law, The Heidelberg-Luxembourg-Vienna Report on the Application of the Regulation No. 1346/2000/EC on Insolvency Proceedings, Beck-Hart-Nomos, C. H., München/Oxford, 2014.

( 20 )   COM(2012) 744 finali.

( 21 )   Ara l-punt 2.5.2 u paġna 220 tar-rapport Heidelberg-Luxembourg-Vienna u l-proposta tal-Kummissjoni li ddaħħal, fir-Regolament Nru 1346/2000, Artikolu 3a ġdid intitolat “Ġurisdizzjoni minħabba konnessjoni”, li l-paragrafu 1 tiegħu, jistabbilixxi li: “[l]-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3 għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu kull azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li tkun marbuta magħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 22 )   Punt 33, enfasi miżjuda minni. Ara wkoll is-sentenza H (EU:C:2014:2410).

( 23 )   Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1969 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

( 24 )   Tali rabta tista’ tirrigwarda d-domiċilju tal-konvenut f’azzjoni anċillari għall-proċedura ta’ insolvenza, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Schmid (EU:C:2014:6), jew elementi oħra, bħad-domiċilju tal-kredituri jew anki l-post fejn jinsab l-attiv tad-debitur. L-effetti tal-proċeduri miftuħa abbażi tar-Regolament fir‑relazzjonijiet ma’ Stati terzi jiddependu mid-dritt applikabbli fl-Istat terz u mit‑Trattati fis-seħħ bejn dan l-Istat u l-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura.

( 25 )   Fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja, ara infra l-punti 64 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 )   Il-ftuħ ta’ proċedura territorjali qabel dik ta’ proċedura prinċipali huwa limitat għal dak li huwa assolutament meħtieġ, ara l-premessa 17 u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament.

( 27 )   Ara l-premessa 20 u l-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament.

( 28 )   Ara l-Artikolu 20(2) tar-Regolament.

( 29 )   Ara l-Artikolu 35 tar-Regolament.

( 30 )   Ir-regoli l-ġodda għandhom, fost oħrajn, jippermettu li jiġi evitat il-ftuħ ta’ proċeduri sekondarji li ma humiex neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tal‑kredituri lokali, meta, permezz tal-intermedju ta’ ftehimiet kuntrattwali, l-istralċjarju tal‑proċedura prinċipali jiggarantixxi lill-kredituri lokali t-trattament li huma kienu jiksbu kieku nfetħet proċedura sekondarja (ara l-Artikolu 29a(2) il-ġdid, previst mill-punt 34 tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament). Hija prevista wkoll it-tneħħija tal-kundizzjoni li timponi li l-proċeduri sekondarji jkollhom skop unikament ta’ stralċ, sabiex isseħħ il-koordinazzjoni tagħhom mal-proċeduri prinċipali intiżi għar-ristrutturar tal-impriża (ara l-punt 22 tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament li jemenda l-Artikolu 3(3) tiegħu), u sabiex jiġu estiżi r-rekwiżiti ta’ kooperazzjoni għall-qrati li għandhom ġurisdizzjoni (ara l-Artikolu 31a l-ġdid, previst mill‑punt 36 tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament).

( 31 )   Ara l-premessa 20 u l-Artikoli 31(3), 33 u 34(1) u (2) tar-Regolament. Dawn is‑setgħat huma, barra minn hekk, ulterjorment imsaħħa fil-proposta ta’ emenda tar‑Regolament dwar l-insolvenza ppreżentata mill-Kummissjoni, li tipprovdi l-fakultà għall-istralċjarju tal-proċedura prinċipali li jopponi l-ftuħ stess ta’ proċedura sekondarja (ara l-Artikolu 29°(2) l-ġdid, previst mill-punt 34 tal-proposta ta’ emenda tar-Regolament).

( 32 )   Enfasi miżjuda minni.

( 33 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MG Probud Gdynia (C‑444/07, EU:C:2010:24, punt 24). Ara wkoll ir-rapport Heidelberg-Luxembourg-Vienna, p. 111.

( 34 )   L-Artikolu 2(h) tar-Regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ stabbiliment bħala xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’mezzi umani jew oġġetti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja dan il-kunċett ta’ stabbiliment għandu jkun interpretat fis-sens li “huwa jeħtieġ il-preżenza ta’ struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika”, ara s-sentenza Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671).

( 35 )   Punt 62. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:308, punt 66).

( 36 )   Fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li fuqha jibbażaw ruħhom il-ko-stralċjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja wisset kontra soluzzjoni li toħloq “riskju ta’ kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri differenti, kunflitti li r-Regolament ried speċifikament jevita sabiex jiżgura ugwaljanza fit-trattament tal-proċeduri ta’ insolvenza fi ħdan l-Unjoni”.

( 37 )   Jekk huwa minnu li, fis-sentenza Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, peress li r-Regolament ma jsemmi xejn, li, f’każ ta’ trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fi Stat Membru ieħor wara l-preżentata tat-talba ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, il-ġurisdizzjoni għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza tinżamm fi ħdan dik li quddiemha titressaq l‑ewwel talba, iċ-ċirkustanzi tal-kawża kienu differenti ħafna, tant li l-Qorti tal‑Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-leġittimità ta’ eventwali trasferiment ta’ ġurisdizzjoni eventwali u mhux issolvi kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni.

( 38 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 33), MG Probud Gdynia (C‑444/07, EU:C:2010:24, punt 25) e Rastelli Davide e C. (EU:C:2011:838, punt 16).

( 39 )   L-Artikolu 2(f) tar-Regolament jippreċiża li, għall-finijiet tar-Regolament, “iż‑żmien tal-ftuħ ta’ proċedimenti” għandu jfisser iż-żmien meta l-ġudizzju li jiftaħ il‑proċedimenti jsir effettiv, sew jekk ikun ġudizzju finali u anki jekk ma jkunx.

( 40 )   Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament, “[i]l-likwidatur [stralċjarju] maħtur minn qorti li jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2) jista’ fi Stat Membru ieħor jitlob permezz tal-qrati jew barra mill-qorti li propjetà immobbli tkun tneħħiet mit‑territorju ta’ l-Istat tal-bidu ta’ proċedimenti lejn it-territorju ta’ dak l-Istat Membru ieħor wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment”.

( 41 )   Nirrileva li skont il-proposta ta’ emenda tar-Regolament, l-istralċjarju tal-proċedura ma jista’ jagħmel l-ebda moviment tal-attiv li jinsab fi Stat Membru fejn hemm stabbiliment tad-debitur, anki qabel il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi lokali (ara l-punt 12 ta’ din il-proposta li jintroduċi l-premessa 19b fir-Regolament).

( 42 )   Il-proposta ta’ emenda tar-Regolament li tintroduċi, fl-Artikolu 2(g) [li sar l-Artikolu 2(f)], regoli ulterjuri ta’ lokalizzazzjoni tal-beni, li jinkludu l-azzjonijiet irreġistrati ta’ impriżi, l-istrumenti finanzjarji li l-proprjetà tagħhom hija pprovata minn reġistrazzjoni f’reġistru u l-flus kontanti miżmuma f’kont bankarju (ara l-punt 21 tal-proposta).

( 43 )   Skont il-verżjoni ta’ dan il-ftehim ippreżentata mill-ko-stralċjarji, kull kumpannija tal-grupp Nortel li kienet parti fih kienet ħadet l-impenn li tiżviluppa, bħal fil-passat, l-attività tagħha ta’ R&D u li tagħmel disponibbli r-riżultati għall-partijiet l-oħra fil-ftehim. Inkambju hija rċeviet ammont proporzjonali għall-kontribuzzjoni tagħha fl-attività ta’ R&D tal-grupp, imsejjaħ “R&D allocation”, skont skema annessa mal-ftehim. Dan l‑ammont kien ikkunsidrat bħala l-“miżura ta’ benefiċċju” li għaliha kull parti kienet intitolata. Il-ftehim kien jipprevedi wkoll li, ħlief fl-eċċezzjoni espressament prevista (pereżempju, id-drittijiet ta’ trade mark), l-NNL kienet il-proprjetarja legali tad-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali attwali u futuri tal-grupp, u inkambju, NNL impenjat ruħha li tagħti liċenzja esklużiva u mingħajr ħlas lil kull kumpannija li tagħmel parti mill‑ftehim dwar l-użu tal-proprjetà intellettwali kollha tal-grupp.

Top