Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0634

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2015.
    Total Marketing Services SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Suq tax-xema’ tal-paraffin – Suq tax-xema’ ratba – Tul tal-parteċipazzjoni f’akkordju illegali – Waqfien tal-parteċipazzjoni – Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni – Assenza ta’ kuntatti kollużivi stabbiliti matul ċertu perijodu – Tkomplija tal-ksur – Oneru tal-prova – Tbegħid pubbliku – Perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju tal-intenzjoni ta’ tbegħid – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ individwalità tal-pieni.
    Kawża C-634/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:208

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

    Kawża C‑634/13 P

    Total Marketing Services, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-Żona Ekonomika Ewropea u suq Ġermaniż tax-‘xema’ ratba’ — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Tul tal-parteċipazzjoni f’akkordju illegali — Waqfien tal-parteċipazzjoni — Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni — Oneru tal-prova — Tbegħid pubbliku — Perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju tal-intenzjoni li titbiegħed”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ dan l-appell, Total Marketing Services, aventi kawża ta’ Total Raffinage Marketing (li kienet Total France SA, iktar ’il quddiem “Total France”), trid tikseb l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet, essenzjalment, ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 (KE) u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”, u sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

    2.

    Għalkemm din il-kawża hija marbuta mill-qrib mal-proċedura tal-appell ippreżentata fil-Kawża Total vs Il-Kummissjoni (C-597/13 P), kawża li fiha jiena ser nippreżenta, illum ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi, il-kwistjonijiet ġuridiċi li jqumu, f’dan il-każ, huma ferm distinti. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw, essenzjalment, jekk l-istħarriġ imwettaq mill‑Qorti Ġenerali dwar il-parteċipazzjoni preżunta tal-appellanti fl‑akkordju preżunt matul ċerti perijodi huwiex insuffiċjenti jew żbaljat. Din il‑kawża toffri b’hekk l-opportunità li jitfakkru ċerti punti sabiex tiġi stabbilita l-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju illegali u li jiġi speċifikat b’mod partikolari f’liema kundizzjonijiet jista’ jintuża l‑kriterju ta’ tbegħid pubbliku tal-impriża kkonċernata.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ġew miġbura fil-qosor mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata, li għalihom il-qarrej huwa mitlub jirreferi għal iktar dettalji.

    4.

    Għall-finijiet tal-analiżi ta’ dan l-appell, jiena ser infakkar biss dan li ġej.

    5.

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-appellanti u l-kumpannija parent tagħha miżmuma kważi 100 % minnha, jiġifieri Total SA (iktar ’il quddiem “Total”), kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l‑Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq tax-xema’ tal‑paraffin fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fis-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba. L-appellanti u l-kumpannija parent tagħha, Total, huma fost id-destinatarji tad‑deċiżjoni kkontestata.

    6.

    L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata seħħet wara investigazzjoni miftuħa fir-rebbiegħa tas-sena 2005 wara informazzjoni pprovduta minn kumpannija. Fi tmiem din l-investigazzjoni, il‑Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li l-maġġoranza tal‑produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, fosthom l-appellanti, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE.

    7.

    Dan il-ksur kien jikkonsisti prinċipalment, f’akkordji jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet kif ukoll l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xema’ tal-paraffin. Għal dak li jirrigwarda wħud mill‑kumpanniji, fosthom l-appellanti, il-ksur li jaffettwa x-xema’ tal‑paraffin jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq u jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    8.

    Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew xi drabi laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul “laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

    9.

    Skont il-Kummissjoni, impjegati ta’ Total France kienu pparteċipaw direttament fil-ksur matul it-tul kollu tiegħu. Il‑Kummissjoni għalhekk iddikjarat lil Total France responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (premessi 555 u 556 tad‑deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Total France, bejn l-1990 u t-tmiem tal-ksur, kienet direttament jew indirettament miżmuma f’ammont ta’ iktar minn 98 % minn Total. Il-Kummissjoni kkunsidrat li seta’ jiġi preżunt fuq din il-bażi li Total kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Total France, peress li ż-żewġ kumpanniji kienu jifformaw parti mill-istess impriża (premessi 557 sa 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

    10.

    L-ammont tal-multi imposti f’dan il-każ kien ikkalkolat abbażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 3 ), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    11.

    Skont l-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni, fir-rigward tal‑appellanti u l-kumpannija parent tagħha, waslet għal ammont totali tal-multa ta’ EUR 128163000 (premessa 785 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12.

    Skont id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata:

    “Artikolu 1

    L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il‑perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew [fi] prattika miftiehma fis‑settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

    […]

    Total France […]: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005; u

    [Total]: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005.

    Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall‑perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

    […]

    Total France […]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004; u

    [Total]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004.

    Artikolu 2

    Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

    […]

    Total France […]: flimkien u in solidum ma’ [Total]: […] EUR 128163000;

    […]”

    III – Is-sentenza appellata u s-sentenza mogħtija fil-Kawża Total vs Il-Kummissjoni (T‑548/08)

    13.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Diċembru 2008, l-appellanti ppreżentat rikors kontra d‑deċiżjoni kkontestata, b’total ta’ ħdax-il motiv. It-tnax-il motiv tqajjem waqt is-seduta miżmuma quddiem il-Qorti Ġenerali.

    14.

    Din tal-aħħar ċaħdet il-motivi kollha, bl-eċċezzjoni tat-tmien wieħed, li kien ibbażat fuq l-illegalità tal-metodu tal-kalkolu stabbilit fil-punt 24 tal-linji gwida tal-2006. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li fil-kalkolu tal-koeffiċjent multiplikatur li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Total France fil-ksur, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ugwaljanza fit-trattament, billi assimilat perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ 7 xhur u 28 ġurnata (għax-xema’ tal-paraffin) u perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ 6 xhur u 12-il ġurnata (għax-xema’ ratba) għall-parteċipazzjoni ta’ sena sħiħa. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont totali tal-multa imposta fuq l-appellanti minn EUR 128163000 għal EUR 125459842.

    15.

    Min-naħa l-oħra, fis-sentenza mogħtija fl-istess ġurnata fil‑Kawża Total vs Il-Kummissjoni (T-548/2008, EU:T:2013:434), il‑Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l‑ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent tal-appellanti kien xieraq (punt 224 tas-sentenza) u għalhekk ma naqqsitx bl-istess mod il‑multa imposta fuq il-kumpannija parent Total. Barra minn hekk, hija ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn Total f’din l-aħħar kawża.

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal‑partijiet

    16.

    L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, il-waqfien tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004;

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, kull differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-appellanti u Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem “Repsol”), dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur;

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet, bi żball, l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001;

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-provi tal-aġir kompetittiv tal-appellanti fis-suq;

    tiddeċiedi b’mod definittiv, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, b’hekk, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;

    fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix b’mod definittiv f’din il-kawża, tirriżerva l-ispejjeż u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, skont is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja;

    fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm quddiem il‑Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    17.

    Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    18.

    Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015.

    V – Analiżi tal-appell

    19.

    L-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji, ibbażati rispettivament fuq:

    ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tar-regoli tal-produzzjoni tal-prova, tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ ċertezza legali kif ukoll tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti kienet ipparteċipat fil-ksur wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u sat-28 ta’ April 2005;

    ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ żnaturament tal-provi u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-irtirar tal-appellanti mill-akkordju wara l-laqgħa tal‑11 u t-12 ta’ Mejju 2004, iżda aċċettat l-irtirar ta’ Repsol wara l-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004;

    ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti ma kinitx interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001;

    ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet kif ukoll tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali skartat mingħajr ma analizzat il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal‑provi dwar l-aġir kompetittiv tal-appellanti.

    20.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa tagħha, li l-aggravji, intiżi purament u sempliċement sabiex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi għat-tieni darba dak li l-Qorti Ġenerali kienet diġà ddeċidiet, huma, essenzjalment, inammissibbli. Hija targumenta li dawn l-aggravji huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

    21.

    Qabel nindirizza l-mertu tal-kwistjonijiet imqajma, għandi ngħid kelmtejn dwar l-ammissibbiltà tal-aggravji mqajma.

    22.

    Kif ġustament fakkret il-Kummissjoni, ma hemmx dubju li l‑Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħmel eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din l-evalwazzjoni ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 4 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l‑Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Din l‑evalwazzjoni ma tikkostitwixxix għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ).

    23.

    Fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà speċifikat li l-kunċetti ta’ tbegħid pubbliku u ta’ kontinwità ta’ prattika antikompetittiva — li għalihom l-aggravji invokati insostenn ta’ dan l-appell jirreferu, b’mod partikolari, għal sitwazzjonijiet fattwali, li l-eżistenza tagħhom hija kkonstatata mill‑qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, każ b’każ, abbażi ta’ evalwazzjoni “ta’ ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji” li jitressqu quddiemha u wara “evalwazzjoni globali tal-provi u l-indizji kollha rilevanti”. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il‑Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni ma hijiex għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ).

    24.

    Għalhekk għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli l-aggravji tal-appell li ma humiex limitati sabiex jikkontestaw l-eżattezza materjali u l-evalwazzjoni tal-provi fattwali użati sabiex jiġi stabbilit it-tul tal‑parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju, iżda li jikkontestaw ir‑rilevanza u l-importanza tagħhom kif ukoll is-saħħa probatorja mogħtija lilhom mill-Qorti Ġenerali ( 7 ).

    25.

    F’dan il-każ, l-ewwel u t-tielet aggravji invokati jistiednu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni u aċċettati mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, dawk tan-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti u l-perċezzjoni tal‑parteċipanti l-oħra, sabiex tipprova l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar matul żewġ perijodi partikolari humiex illegali jew le. L-aggravji għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu ddikjarati ammissibbli.

    26.

    Wara li saret din il-preċiżazzjoni, li jidhirli li hija importanti, jiena ser nindirizza fl-ewwel lok il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-produzzjoni tal-prova tal-parteċipazzjoni tal‑appellanti fl-akkordju, minn naħa, wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u, min-naħa l-oħra, bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 billi għamlet riferiment għall-fatt li l-appellanti ma tbegħditx pubblikament minn dan l-akkordju matul dawn il-perijodi u għall-perċezzjoni li seta’ kellhom il-membri tal-imsemmi akkordju fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-appellanti.

    27.

    Għalhekk l-ewwel u t-tielet aggravji mqajma mill-appellanti ser jiġu eżaminati flimkien.

    A – Dwar l-ewwel u t-tielet aggravji, ibbażati fuq ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, tar-regoli tal-produzzjoni tal-prova, tal‑prinċipji ta ’ preżunzjoni ta ’ innoċenza u ta ’ ċertezza legali kif ukoll ir-rekwiżit ta ’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑appellanti kienet ipparteċipat fil-ksur, minn naħa, wara l‑laqgħa tal-11 u t-12 ta ’ Mejju 2004 u sat-28 ta ’ April 2005 u, min‑naħa l-oħra, bejn is-26 ta ’ Mejju 2000 u s-26 ta ’ Ġunju 2001

    1. L-argumenti tal-partijiet

    28.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi aċċettat l-approċċ tal‑Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur sat-28 ta’ April 2005.

    29.

    Fl-ewwel lok, billi bbażat ruħha biss fuq il-konstatazzjoni li l‑appellanti ma ġabitx il-prova li kienet tbiegħdet pubblikament mill‑akkordju, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova tat-tul tal‑parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur, fil-mument li hija kellha tivverifika jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu tagħha li ġġib il‑prova li l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u t-28 ta’ April 2005, peress li l-appellanti ma kinitx ipparteċipat f’kuntatti kollużivi wara din l-aħħar data.

    30.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza tagħha stess fir-rigward tal-prinċipju ġenerali li n-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku jeskludi, bħala regola, kull waqfien tal-ksur. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku stabbilit minn din il-ġurisprudenza huwa spjegat permezz tal-parteċipazzjoni tal-impriża inkwistjoni f’laqgħat kollużivi u permezz ta’ indizji ta’ prattiki miftiehma mhux interrotti matul il‑perijodu kkontestat.

    31.

    Fit-tielet lok, l-argument tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi preżunzjoni li tinkludi riskju ta’ arbitrarjetà u ta’ inċertezza legali, peress li l-Kummissjoni tista’ b’hekk tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju matul it-tul tiegħu kollu meta din l-impriża tkun ipparteċipat f’laqgħa anti-kompetittiva waħda biss mingħajr ma titbiegħed pubblikament minnu. F’dan il-każ, il-punti mressqa mill‑Qorti Ġenerali fil-punti 375 u 376 tas-sentenza appellata jirrigwardaw inizjattivi purament unilaterali tal-impriża li kienet l‑organizzatur tal-akkordju, li setgħu iktar u iktar jistabbilixxu li din l‑impriża xtaqet il-preżenza tal-appellanti waqt l-aħħar tliet laqgħat tekniċi. L-appellanti bl-ebda mod ma kompliet ma’ dawn l-inizjattivi. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali (punt 380 tas-sentenza appellata) li s-sempliċi fatt li l-appellanti ma pparteċipatx fl-aħħar tliet laqgħat tekniċi ma jurix li hija ma użatx l-informazzjoni li hija rċeviet waqt il-laqgħat preċedenti li fihom hija pparteċipat u li hija ma bbenefikatx mill-ftehim implementati waqt dawn il-laqgħat iwassal ukoll sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova. Dan ir-raġunament huwa barra minn hekk kontradett bil-fatt li l-akkordju kien twettaq permezz ta’ numru ta’ prattiki miftiehma li saru f’perijodi qrib ferm, ta’ madwar tlieta jew erba’ xhur.

    32.

    Il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk l-ewwel aggravju għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli, fi kwalunkwe każ dan huwa infondat.

    33.

    Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza mogħtija mill-appellanti hija żbaljata. L-appellanti tirreferi essenzjalment għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li kollha huma ddedikati għal każijiet partikolari li ma humiex neċessarjament trasponibbli għal dan il-każ, u dan iktar u iktar meta t-tul tal-parteċipazzjoni fi ksur hija kwistjoni ta’ fatt li l-prova tiegħu għandha titressaq każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Hija tenfasizza li, f’dan il-każ, il-prova tal-kontinwità tal-ksur min-naħa tal-appellanti hija bbażata fuq ir-rabta bejn il-fatt li hija baqgħet tiġi mistiedna għal-laqgħat, li jippreżumi li min jistieden jikkunsidra lil min ġie mistieden bħala parti fl-akkordju, u li hija ma tbegħditx mill-akkordju, liema żewġ elementi huma marbuta b’mod inseparabbli.

    34.

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tagħha u ma’ dik tal-Qorti Ġenerali. Fil‑fatt, fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6), il-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma ddikjarat li kellu neċessarjament ikun hemm parteċipazzjoni f’laqgħat sabiex ikun jista’ jiġi invokat tbegħid. Min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-perċezzjoni tal‑membri l-oħra fl-akkordju kien diġà ġie identifikat b’mod ċar. Fil‑qosor, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tikkonferma li n-nuqqas ta’ tbegħid huwa element sinjifikattiv ħafna meta jkunu kkonstatati indizji oħra ta’ kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju u li, f’kull każ, il‑perċezzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju hija essenzjali. Għalhekk, il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix ġerarkija bejn il-metodi tal-prova, u f’dan il-każ la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma bbażaw ruħhom biss fuq in-nuqqas ta’ tbegħid tal-appellanti.

    35.

    Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni, minflok tibbaża ruħha esklużivament fuq in-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku tal-appellanti, esponiet indizji, li għandhom jiġu evalwati flimkien, li jikkonfermaw il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju kif ukoll tali perċezzjoni min-naħa tal‑parteċipanti l-oħra. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod sovran il-valur li għandu jingħata lil dawn il-provi.

    36.

    Għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova, il-Kummissjoni rrilevat li hija bbażat ruħha, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li l-appellanti kienet mistiedna għal tliet laqgħat li seħħew qabel ma saru l-ispezzjonijiet u, fit-tieni lok, li hija ma kkunsidratx li l-uniku messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru2004 seta’ jservi bħala tbegħid pubbliku. Il-fatt li tikkunsidra l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju bħala stabbilita fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li tista’ tieħu l-forma ta’ tbegħid pubbliku reali, huwa konformi mal-prinċipji li jirregolaw id‑dritt tal-prova. Barra minn hekk, il-fatt li impriża ma tipparteċipax f’laqgħat ma jimplikax li hija rtirat mill-akkordju. Il-kunsiderazzjonijiet tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien sabiex tistabbilixxi l-kontinwità tal-ksur, huma irrilevanti għaliex, f’dan il-każ, ma jirrigwardax interruzzjoni temporanja tal‑parteċipazzjoni f’akkordju, iżda l-kwistjoni dwar jekk l-impriża inkwistjoni baqgħetx membru tiegħu sal-aħħar.

    37.

    Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-partijiet argumentaw kif ġej.

    38.

    L-appellanti tirrileva li, kif jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjoni magħmula minn impriża li kienet parti mill-akkordju (dikjarazzjoni li tinsab fil-proċess), ir-rappreżentant tagħha kien telaq mingħajr pre‑avviż u fi stat ta’ eżasperazzjoni mil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 u li hija ma pparteċipatx iktar fil-laqgħat sussegwenti. Ma huwiex ikkontestat li wara dan in-nuqqas ta’ qbil, l-appellanti ma pparteċipat għall-ebda waħda mit-tliet laqgħat sussegwenti sakemm ir‑rappreżentant il-ġdid tagħha attenda għal dawk tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001. L-appellanti enfasizzat li, min-naħa l-oħra, hija pparteċipat fi 18 minn 21 laqgħa organizzati fil-ħames snin preċedenti, jiġifieri għal madwar 4 laqgħat fis-sena.

    39.

    Skont l-appellanti, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali minħabba li hija ma ġabitx prova li kienet tbiegħdet pubblikament mill-akkordju, mingħajr ma vverifikat jekk il‑Kummissjoni kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tressaq provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-appellanti dejjem ipparteċipat fl‑akkordju, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. L-appellanti tirreferi għas-sentenza Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni ( 8 ), li tipprovdi li t-tkomplija tal-parteċipazzjoni f’akkordju hija inerenti għall-fatt li jkun hemm interruzzjoni u s-sempliċi fatt li l-impriża inkwistjoni pparteċipat fl-akkordju kemm qabel kif ukoll wara l-perijodu kkonċernat huwa għalhekk irrilevanti.

    40.

    Għal dak li jirrigwarda l-kriterju tal-perċezzjoni tal-parteċipanti f’akkordju, l-appellanti ssostni li qatt ma kien allegat u lanqas muri li hija kienet meqjusa bħala membru tal-akkordju bejn Mejju 2000 u Ġunju 2001 u li, għall-kuntrarju, mid-dikjarazzjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ impriża oħra li pparteċipat fl-akkordju jirriżulta li hija ma kellha ebda dubju dwar l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti matul dan il-perijodu ta’ tlettax-il xahar. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eskludiet kull tbegħid pubbliku tal-appellanti waqt il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, għall-kuntrarju tal-approċċ tagħha dwar is-sitwazzjoni ta’ Repsol (ara t-tieni aggravju), li jipprovdi li l-kriterju tat-tbegħid pubbliku jista’ jiġi ssodisfatt meta jiġi stabbilit li l-parteċipanti l-oħra f’laqgħa għandhom dubju dwar il-parteċipazzjoni tal-impriża inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali aċċettat it-tbegħid ta’ Repsol fuq is-sempliċi konstatazzjoni tal-waqfien tal-istediniet uffiċjali mill-impriża organizzatriċi tal-laqgħat.

    41.

    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li dan l-appell huwa inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kummissjoni targumenta li dan l‑aggravju huwa infondat, għaliex hija ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kontinwità tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju matul dan il-perijodu fuq in-nuqqas ta’ tbegħid biss. Anzi mill‑premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tal‑kuntest kollu, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fi tliet laqgħat konsekuttivi, segwit minn ritorn regolari minn Ġunju 2001, mill-mument meta nbidel ir-rappreżentant tal-appellanti, ma jistax jikkostitwixxi interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju fih innifsu. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-analiżi billi ma bbażatx ruħha biss fuq in‑nuqqas ta’ tbegħid, iżda fuq l-analiżi taċ-ċirkustanzi li fihom ir‑rappreżentant tal-appellanti kien telaq mil-laqgħa tas-26 ta’ Mejju 2000. Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan ma jikkostitwixxix tbegħid pubbliku. Il-Kummissjoni żżid li t-tluq tar-rappreżentant tal-appellanti minn din il-laqgħa ma weriex irtirar mill-akkordju, iżda kien pjuttost dovut għal nuqqas ta’ qbil għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-akkordju. Barra minn hekk, l-inċident li seħħ matul il-laqgħa tas-26 ta’ Mejju 2000 ma huwiex deskritt, fid-dikjarazzjonijiet magħmula minn Sasol, bħala rtirar tal-appellanti mill-akkordju.

    42.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija stabbilixxiet il-prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju matul il-perijodu kkontestat kollu, skont il-prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ). Barra minn hekk, il-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju hija kwistjoni fattwali. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ provi ta’ kuntatti antikompetittivi jew ta’ parteċipazzjoni f’tali kuntatti matul perijodu ta’ sena ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jistabbilixxi l-interruzzjoni tal‑parteċipazzjoni fl-akkordju ( 10 ). F’dan ir-rigward, l-argument tal-appellanti li din l‑assenza, permezz tat-tul u tal-kontinwità tagħha, hija ta’ natura eċċezzjonali, ma twassalx għall-adeżjoni, peress li l-appellanti kienet ukoll assenti diversi drabi mil-laqgħat ta’ kollużjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, matul il-perijodu kkontestat, l-appellanti setgħet tibbenefika mill-informazzjoni miksuba mil-laqgħat preċedenti u mill-ftehim implementati. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, il‑Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li din l-assenza minn ftit laqgħat hija biss inċident iżolat marbut ma’ persuna u ma għandu xejn x’jaqsam mal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju.

    2. Evalwazzjoni

    43.

    Qabel neżamina jekk il-parametri użati mill-Kummissjoni u kkonfermati mill-Qorti Ġenerali sabiex jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tal-appellanti matul iż-żewġ perijodi kkontestati, jiġifieri bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u t-28 ta’ April 2005 (il-perijodu ta’ waqfien) u bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 (il-perijodu ta’ sospensjoni/interruzzjoni), jidhirli opportun li nfakkar ċerti punti dwar il-prinċipji li jirregolaw il‑produzzjoni tal-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju u, f’dan il-kuntest, li nispjega kif għandu jinftiehem ir-riferiment għat‑tbegħid pubbliku ( 11 ) tal-impriża kkonċernata, magħmul fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    a) It-tagħlim tal-ġurisprudenza dwar l-oneru tal-prova tal‑parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju u dwar ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku

    44.

    Għall-finijiet tal-analiżi tal-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ dan l‑appell, għandhom jitfakkru ċerti prinċipji fundamentali fil-qasam tal‑produzzjoni u l-oneru tal-prova tal-aġir antikompetittiv.

    45.

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha mhux biss tipprova l-parteċipazzjoni f’akkordju, iżda wkoll it-tul tiegħu. Skont il-preżunzjoni ta’ innoċenza, kull dubju dwar it-tul jew il‑kontinwità tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur għandu jkun għall‑benefiċċju ta’ dik l-impriża ( 12 ).

    46.

    Imbagħad, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża partikolari fi ksur, jidher li huwa stabbilit li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni tinvoka, tal-inqas, provi li jirrigwardaw fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien, b’tali mod li b’mod raġonevoli jista’ jkun aċċettat li dan il-ksur seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl‑assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni ( 13 ).

    47.

    Fl-aħħar nett, jidher li saret distinzjoni bejn id-determinazzjoni tad-data tal-waqfien ta’ parteċipazzjoni f’akkordju u l-perijodi eventwali ta’ sospensjoni tal-imsemmija parteċipazzjoni. Din jidhirli li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza mogħtija fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens ( 14 ), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l‑kumpannija inkwistjoni setgħet tinżamm responsabbli li pparteċipat fl‑imsemmi ftehim mingħajr interruzzjoni għall-perijodu kollu ta’ bejn it-13 ta’ Ottubru 1992 u d-29 ta’ Lulju 2003, għalkemm ma teżistix prova tal-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza għas-snin 1994 u 1995.

    48.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li l-prova konkreta tal-implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv minn impriża ma ġietx ipprovduta għal ċerti perijodi partikolari ma jostakolax li l‑ksur jitqies li twettaq matul perijodu globali iktar estiż minnu meta tali konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż għal diversi snin, il-fatt li l‑manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l‑eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa ( 15 ).

    49.

    Fid-dawl tar-regoli fundamentali li jirregolaw l-oneru u l‑produzzjoni tal-prova f’dan il-qasam, din il-ġurisprudenza ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, twassal għall-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li tistabbilixxi li impriża effettivament issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju matul ċertu perijodu. Skont iż-żmien tal-kuntatti kkontestati u tan-natura sinjifikattiva jew le tal-perijodu ta’ interruzzjoni allegat meta mqabbel mat-tul globali tal-akkordju, li għandu jiġi vverifikat biss mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, xorta jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija impriża ma pparteċipatx fl-akkordju kkontestat matul perijodu partikolari wieħed jew iktar.

    50.

    Fi kliem ieħor, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ prova materjali tal-parteċipazzjoni ta’ impriża matul ċerti perijodi huwiex sinjifikattiv jew le tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Sabiex nispjega l-opinjoni tiegħi, nirreferi għall-eżempju ta’ akkordju li jestendi fuq xi għaxar snin u li twettaq permezz ta’ laqgħat multi annwali bejn kompetituri b’għan antikompetittiv. Il-possibbiltà ta’ assenza ta’ rappreżentant ta’ impriża għal żewġ laqgħat tidher insinjifikattiva, jekk jeżistu indizji oġġettivi u konkordanti oħra li juru l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża matul il-perijodu inkwistjoni.

    51.

    Kif għandu jinftiehem ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku ta’ impriża f’dan il-kuntest?

    52.

    Sabiex tingħata risposta għal din il-mistoqsija, għandu jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu u, b’mod partikolari, fuq dawk li wasslu għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6).

    53.

    Infakkar li, f’dik il-kawża, il-kumpannija involuta kkontestat il‑fatt li l-Kummissjoni, sostnuta dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, kienet irreferiet għall-fatt li hija ma kinitx tbiegħdet pubblikament mill-ftehim.

    54.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, adita minn din il-kwistjoni kkonfermat l‑approċċ irrikonoxxut mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Qorti Ġenerali. F’dak il-każ hija ddeċidiet li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata kienet ipparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tal‑imsemmija impriża fl-akkordju. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk irrilevat li, ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat ( 16 ), hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistabbilixxu li l‑parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom (ara l-punt 81 tas-sentenza).

    55.

    Huwa f’dan is-sens li għandu jinftiehem ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku bbażat fuq il-premessa essenzjali li l-impriża pparteċipat għal laqgħa jew żammet kuntatti ta’ natura antikompetittiva. Il-Qorti tal‑Ġustizzja tippreċiża wkoll li “r-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu” (ara l-punt 82 tas-sentenza).

    56.

    Fi kliem ieħor, il-kriterju ta’ nuqqas ta’ tbegħid pubbliku jippermetti li tinżamm il-preżunzjoni, ibbażata fuq indizji konkreti, li impriża li pparteċipat f’laqgħat b’għan antikompetittiv hija preżunta li pparteċipat f’akkordju li jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE. Ir-riferiment għal nuqqas ta’ tbegħid pubbliku ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, ixejjen in-nuqqas ta’ prova ta’ parteċipazzjoni, anki jekk b’mod passiv, f’laqgħa b’għan antikompetittiv. Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din il-kawża ( 17 ), jekk kumpannija tipparteċipa, flimkien mal‑kompetituri tagħha fis-suq, għal laqgħa waħda jew iktar li minnhom joħroġ ftehim li jmur kontra l-kompetizzjoni, it-teknika tal‑preżunzjonijiet tippermetti li jiġi dedott, fin-nuqqas ta’ manifestazzjoni espressa fis-sens kuntrarju, li hija tagħmel parti mill-akkordju, a fortiori jekk sussegwentement hija tikkollabora mal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim antikompetittiv. Huwa jippreċiża li sabiex tintwera l-fondatezza ta’ tali preżunzjoni, għandek “titlaq minn avvenimenti li seħħew ( 18 ) li […] li jippermettu li ċerti fatti jiġi kkunsidrati pprovati” ( 19 ).

    57.

    Din is-soluzzjoni, li loġikament taqa’ f’dik li diġà kienet stabbilita f’diversi kawżi, fir-rigward tal-użu ta’ ċerti preżunzjonijiet ( 20 ), timplika li, fin-nuqqas ta’ kull prova ta’ kuntatti jew ta’ manifestazzjonijiet kooperattivi bejn impriża u parteċipanti oħra f’akkordju, il‑Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonkludi li l‑parteċipazzjoni ta’ impriża kompliet billi tibbaża ruħha fuq is-sempliċi konstatazzjoni li hija kellha titbiegħed mill-akkordju.

    58.

    Għalhekk ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku għandu sens biss jekk l-impriża effettivament ipparteċipat f’laqgħat kollużorji jew, tal-inqas, fil-preżenza ta’ indizji ta’ prattiki miftiehma matul ċertu perijodu. Għalhekk huwa għandu japplika biss fil-preżenza ta’ sitwazzjoni fejn jista’ jiġi preżunt, fid-dawl tal-provi miġbura b’mod konkret waqt l-investigazzjoni, li l-impriża involuta kompliet tipparteċipa f’akkordju. In-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku minn akkordju minn impriża ma jistax jikkostitwixxi waħdu l-prova ta’ tali parteċipazzjoni.

    59.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tfakkar dawn il‑prinċipji f’diversi okkażjonijiet ( 21 ).

    60.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku għandu jinftiehem bħala obbligu tal-impriża kkonċernata sabiex tkun tista’ tistabbilixxi li hija ma kinitx għadha parti minn akkordju matul ċertu perijodu minkejja l-parteċipazzjoni evidenti tagħha fih. Fil-fatt, infakkar li għalhekk ir-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku għandu sens biss jekk l-impriża effettivament ipparteċipat f’laqgħat kollużorji jew, tal-inqas, fil-preżenza ta’ indizji ta’ prattiki miftiehma matul ċertu perijodu.

    61.

    Dan il-prinċipju għandu jitfakkar b’saħħa, b’riskju li jiġi ppreġudikat qari tajjeb tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru u l-produzzjoni tal-prova tal-aġir antikompetittiv.

    b) L-applikazzjoni għal dan il-każ: distinzjoni neċessarja bejn il‑prova tat-tmiem definittiv ta’ appartenenza f’akkordju u l-prova tal‑interruzzjoni/sospensjoni tal-parteċipazzjoni

    i) Prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti matul il-perijodu ta’ waqfien (l-ewwel aggravju)

    62.

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha hija kkonkludiet li l-appellanti kienet ipparteċipat fil-ksur sal-verifiki magħmula mill-Kummissjoni fit‑28 ta’ April 2005, għaliex, minkejja l-fatt li hija ma stabbilixxietx il‑fatt li hija kienet attendiet għal-laqgħat miżmuma wara dawk tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, hija ma kienet ipproduċiet ebda prova li turi li kienet irtirat formalment mill-akkordju f’dik id-data. Il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-evalwazzjoni tal-fatti spjegati fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li l-appellanti ma kinitx tbiegħdet mill‑akkordju skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra.

    63.

    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

    “[L-appellanti] tiddikjara li ma pparteċipat fl-ebda laqgħa teknika wara dik tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u żżid tgħid li r-rappreżentant tagħha annulla l-vjaġġ tiegħu għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, skont komunikazzjoni interna, wara l-pariri tas-superjur tiegħu. Il‑Kummissjoni ssostni li l-ebda prova ma teżisti dwar irtirar eventwali mill-akkordju. Fil-każ ta’ ksur kumpless, il-fatt li impriża ma tkunx preżenti f’laqgħa jew ma taqbilx ma dak li jkun ġie diskuss matul il‑laqgħa ma jfissirx li l-impriża waqfet milli tipparteċipa fi ksur kontinwu. Sabiex ittemm il-ksur, l-impriża għandha b’mod ċar tiddissoċja ruħha mill-akkordju. […] [L-appellanti] ma pproduċietx prova preċiża li tipprovdi li hija adottat, b’mod totalment awtonomu, strateġija unilaterali fis-suq u li hija ddissoċjat ruħha b’mod ċar u miftuħ mill-attivitajiet tal-akkordju. Għall-kuntrarju, il-provi li għandha l‑Kummissjoni juru li [l-appellanti] rċeviet l-istedini uffiċjali għal tliet laqgħa tekniċi segwenti (jiġifieri l-aħħar tliet laqgħat tekniċi organizzati qabel l-eżekuzzjoni tal-ispezzjoni). Il-Kummissjoni tirrimarka li r‑rappreżentant ta[l-appellanti] kkonferma li kien ser jipparteċipa għal‑laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, minkejja li sussegwentement jidher li kien annulla l-vjaġġ tiegħu. Bl-istess mod, fir-rigward tal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005, kamra kienet ġiet irriżervata minn [Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Limited, organizzaturi ta’ din il-laqgħa, iktar ’il quddiem “Sasol”] għar-rappreżentant [tal-appellanti] fil-lukanda li fiha [kienet] saret il-laqgħa, riżervazzjoni li sussegwentement [kienet] ġiet annullata. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan għalhekk li, għal Sasol u l-parteċipanti l-oħra, kien ċar li [l-appellanti] kienet ipparteċipat fl-akkordju sal-aħħar. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat ma kinux fundamentalment differenti minn dawk organizzati fil-laqgħat preċedenti, iżda li l-parteċipanti baqgħu jiddiskutu ż-żieda tal-prezz mingħajr ma semmew kwalunkwe trattattiva [tal-appellanti] li titlaq mill-akkordju (ara l-premessi 175, 176 u 177) u li kien normali li impriżi ma jipparteċipawx għal ċerti laqgħat matul l‑akkordju. Dawn iż-żewġ elementi juru li [l-appellanti] ma kinitx meqjusa bħala li ħalliet l-akkordju wara l-laqgħa ta’ Mejju 2004. Il‑komunikazzjoni interna tar-rappreżentant ta[l-appellanti] dwar ir‑raġunijiet li ma jipparteċipax f’laqgħa ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu bħala tbegħid pubbliku. Peress li l-ebda informazzjoni oħra ma tissuġġerixxi li hija ddissoċjat ruħha mill-akkordju, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni ta[l-appellanti] fl-akkordju ma ntemmx qabel l‑ispezzjoni”.

    64.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat il-pożizzjoni tal‑Kummissjoni dwar il-kriterju tat-tbegħid pubbliku kif ukoll il‑perċezzjoni ta’ din tal-aħħar mill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju, u kkonstatat li l-appellanti ma kinitx tbiegħdet pubblikament mill‑akkordju skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra ( 22 ).

    65.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-messaġġ elettroniku intern tat-3 ta’ Novembru 2004 mibgħut mir-rappreżentant tal-appellanti, li kien jaqra kif ġej: “Fid-dawl tal-għan tal-laqgħa fl‑Awstrija, jiena naqbel mar-rakkomandazzjoni ta’ Thibault. Jiena ser nikkanċella l-vjaġġ tiegħi għal Vjenna (tluq inizjalment previst għal-lum wara nofsinhar)”, u kkonkludiet li tali messaġġ elettroniku intern, mhux ikkomunikat lill-parteċipanti l-oħra, ma jikkostitwixxix tbegħid pubbliku ( 23 ).

    66.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, għall-kompletezza, li s‑sempliċi fatt li l-appellanti ma pparteċipatx fl-aħħar laqgħat tekniċi bl‑ebda mod ma juri li ma użatx l-informazzjoni dwar il-prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha li hija rċeviet matul bosta laqgħat tekniċi preċedenti, li għalihom hija assistiet, u li ma bbenefikatx mill‑ftehim dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti implementati matul l-imsemmija laqgħat. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li l‑appellanti ma pproduċiet ebda prova li turi li hija ma komplietx bl‑implementazzjoni tal-akkordju fit-12 ta’ Mejju 2004 ( 24 ).

    67.

    Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, minkejja dawn il‑konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni setgħetx tasal għall-konklużjoni, aċċettata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li l-appellanti kienet ipparteċipat fl-akkordju anki wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004. B’mod iktar partikolari għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk, sabiex isir dan, huwiex possibbli li jiġi sostnut il-fatt li l‑appellanti ma rtiratx formalment mill-akkordju u li, b’hekk, hija ma ġabitx prova tat‑tbegħid pubbliku tagħha mill-akkordju.

    68.

    Ħlief bi ksur tal-prinċipji, imfakkra iktar kmieni, li għandhom jirregolaw il-prova u l-produzzjoni tal-prova tal-aġir antikompetittiv, jiena tal-opinjoni li għandha tingħata risposta negattiva.

    69.

    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-appellanti ma pparteċipatx għall-aħħar laqgħat tekniċi tal-akkordju li nżammu bejn it‑12 ta’ Mejju 2004 (data tal-aħħar parteċipazzjoni tagħha fl‑imsemmija laqgħat) u d-29 ta’ April 2005 (data li fiha saru l‑ispezzjonijiet tal-Kummissjoni). Huwa stabbilit ukoll li ma hemm ebda indizju li l-appellanti kienet żammet xi kuntatt mal-parteċipanti tal‑akkordju kkontestat matul dan l-istess perijodu.

    70.

    F’tali ċirkustanzi, ma kienx hemm l-iċken prova li l-appellanti kienet, wara l-laqgħat tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, kompliet tipparteċipa fl-akkordju kkontestat kemm billi pparteċipat fl-imsemmija laqgħat, jew billi wettqet azzjonijiet kollużorji oħra.

    71.

    Il-perċezzjoni eventwali li seta’ kellhom il-parteċipanti l-oħra tal‑akkordju fir-rigward tat-tkomplija tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju wara dawn id-data jidhirli li ma huwiex kriterju determinanti. Minbarra li tali perċezzjoni, li suppost saret permezz ta’ inviti u riżervazzjoni ta’ lukanda, ma jidhirlix li ġiet stabbilita b’mod ċar, hija bl-ebda mod ma tikkostitwixxi indizju ta’ parteċipazzjoni attiva jew taċita fl-akkordju.

    72.

    Il-fatt, imqajjem b’mod partikolari waqt is-seduta, li l‑Kummissjoni seta’ kellha konvinzjoni b’saħħitha li l-appellanti, b’differenza għall-impriżi l-oħra ( 25 ), kompliet tipparteċipa fl-akkordju, għandu jkun ibbażat fuq indizji konkreti u mhux fuq sentiment jew impressjoni suġġettiva, jekk ikun il-każ sostnuti minn dak li setgħu fehmu l-parteċipanti l-oħra tal-akkordju.

    73.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sentenza appellata dwar dan il-punt ma għandhiex tkun aċċettata. Fl‑opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta aċċettat il-konklużjoni li l-appellanti pparteċipat fl-akkordju wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u dan sal-ispezzjonijiet ta’ April 2005.

    74.

    Is-sentenza appellata għandha għalhekk tkun annullata minn dan l-aspett. Il-konsegwenzi konkreti ta’ tali annullament fuq l‑ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti ser ikunu eżaminati sussegwentement.

    ii) Prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 (it-tielet aggravju)

    75.

    Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma validi mutatis mutandis għall-prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001, hemm differenza fid-daqs minħabba l-fatt li dan il-każ jirrigwarda mhux jekk l-appellanti temmitx totalment il-parteċipazzjoni tagħha, iżda jekk, jekk ikun il-każ, hija interrompietx din il-parteċipazzjoni matul ċertu perijodu.

    76.

    Fi kliem ieħor, il-prinċipji li jirregolaw l-oneru u l-produzzjoni tal-prova tal-aġir antikompetittiv huma l-istess. Hija l-applikazzjoni tagħhom għall-fatti li jridu jiġu pprovati, jiġifieri l-interruzzjoni temporanja jew waqfien definittiv mill-parteċipazzjoni f’akkordju rispettivament, li hija differenti.

    77.

    Kif invokajt preċedentement, fil-fatt għandu jiġi aċċettat li l‑provi li jwasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi jekk kienx hemm sospensjoni jew le ta’ parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju għandhom jinftiemhu b’mod differenti, għaliex jiddependu ħafna fuq iċ-ċirkustanzi kollha madwar il-preżunta interruzzjoni u fuq il-karatteristiċi stess tal‑attivitajiet kollużorji implikati, bħall-frekwenza u l-kumplessità tagħhom.

    78.

    F’dan il-każ, kemm il-Kummissjoni (ara l-premessa 603 tad‑deċiżjoni kkontestata) kif ukoll il-Qorti Ġenerali (punti 394 sa 403 tas-sentenza appellata), jidhirli li għamlu eżami ċirkustanzjali tal-kundizzjonijiet tat-tluq tar-rappreżentant tal-appellanti waqt il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 u tal-kuntatti antikompetittivi msemmija.

    79.

    Minbarra li din l-analiżi ma tistax, fl-assenza ta’ żnaturament tal‑fatti, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-approċċ użat jidhirli li huwa fil-parti l-kbira konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fatt li tali prova ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jostakolax li dan il-ksur jitqies li huwa kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dawn, sakemm tali konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż għal diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id‑diversi azzjonijiet li jifformaw parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa ( 26 ).

    80.

    L-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk id-diversi azzjonijiet li jifformaw parti mill-akkordju previst f’dan il-każ isegwux għan wieħed u jaqgħux fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa, mill-bidu nett ma kienet bl-ebda mod ikkontestata f’dan il-każ u taqa’, fi kwalunkwe każ, f’analiżi mhux fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    81.

    B’hekk tista’ tiġi stabbilita analoġija bejn il-kwistjoni sottomessa f’dan il-każ u dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, li permezz tagħha ġie deċiż li n-nuqqas ta’ prova ta’ kuntatti antikompetittivi jew ta’ parteċipazzjoni f’tali kuntatti matul perijodu ta’ sena ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi l-interruzzjoni tal-akkordju ( 27 ).

    82.

    Għalhekk jiena tal-opinjoni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament, ta ’ żnaturament tal-provi u ta ’ nuqqas ta ’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-irtirar tal-appellanti wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta ’ Mejju 2004, iżda aċċettat dak ta ’ Repsol wara l-laqgħa

    1. L-argumenti tal-partijiet

    83.

    It-tieni aggravju mressaq mill-appellanti jinqasam f’żewġ partijiet.

    84.

    Fl-ewwel parti, l-appellanti targumenta, essenzjalment, li l‑konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li Repsol ma rċevietx iktar stediniet “uffiċjali” wara l-laqgħa tal-11 u tat‑12 ta’ Mejju 2004, hija bbażata fuq l-iżnaturament tal-provi u hija kkaratterizzata, minn diversi aspetti, minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

    85.

    It-tieni parti tirrapporta ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. L-appellanti ssostni li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien eżaminat mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ kriterji differenti u iktar stretti minn dawk applikati għal Repsol. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ssuġġettat lill-appellanti għar-rekwiżit ta’ tbegħid pubbliku, u ma għamlitx l-istess lil Repsol li l-irtirar tagħha ġie aċċettat anki fin-nuqqas ta’ tbegħid.

    86.

    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-aggravju huwa ineffettiv, għaliex l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa ma jikkonċerna lil Total, iżda jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ Repsol. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju fi kwalunkwe każ huwa infondat.

    2. Evalwazzjoni

    87.

    Jekk l-ewwel aggravju ma jintlaqax, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx suġġetta għal trattament differenti meta mqabbla ma’ Repsol.

    88.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il‑premessa 604 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, b’mod partikolari, li l-każ ta’ Repsol kien differenti minn dak ta’ Total, għaliex ir-riżervazzjoni ta’ kmamar fil-lukanda magħmula għaż-żewġ laqgħat tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004 u tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005 juru li Sasol kienet konvinta li Total kienet ser tattendi għal‑laqgħa, filwaqt li ma kellhiex l-istess ċertezza fir-rigward ta’ Repsol.

    89.

    Fil-punti 385 sa 389 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, essenzjalment, li teżisti differenza bejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ impriżi, fid-dawl tal-perċezzjoni li kellhom il-parteċipanti l‑oħra tal-akkordju tat-tbegħid tagħhom, perċezzjoni li mmaterjalizzat ruħha permezz ta’ stediniet uffiċjali u riżervazzjoni tal-lukanda.

    90.

    Min-naħa tiegħi nħoss, li f’każ li l-ewwel aggravju ma jiġix aċċettat, dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat ineffettiv.

    91.

    Kif ġustament fakkret il-Kummissjoni, l-argument tal-appellanti ma jaqbilx mas-sitwazzjoni partikolari tagħha, iżda ma’ dik ta’ Repsol. Anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali wettqet xi żball ta’ evalwazzjoni, l-appellanti ma tistax tipprevalixxi minnu għall‑benefiċċju tagħha, b’mod partikolari, sabiex tnaqqas it-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwistjoni.

    92.

    Fil-fatt, huwa stabbilit li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikkonċiljat mal-istat tad-dritt. Ħadd ma jista’ jinvoka għal benefiċċju tiegħu stess illegalità mwettqa favur ħaddieħor ( 28 ).

    93.

    Għalhekk jiena tal-opinjoni li, anki f’każ fejn jiġi kkunsidrat li r‑raġunament tal-Qorti Ġenerali magħmul fil-punti 385 sa 389 tas‑sentenza appellata huwa kkaratterizzat minn xi żball, it-tieni aggravju mressaq mill-appellanti ma għandux jiġi aċċettat.

    C – Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta ’ individwalità tal-pieni u tas‑sanzjonijiet kif ukoll tar-rekwiżit ta ’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali skartat mingħajr analiżi l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta ’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi ekonomiċi tal-aġir kompetittiv tal-appellanti

    1. L-argumenti tal-partijiet

    94.

    L-appellanti tirrileva li, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 29 ), il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-kawżi ta’ kompetizzjoni b’ġurisdizzjoni sħiħa u li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex madankollu tastjeni mill-istħarriġ tal-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tal‑informazzjoni ta’ natura ekonomika ( 30 ). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jeżiġi li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal‑akkordju għandu jkun evalwat individwalment għal kull impriża, b’mod partikolari għall-kalkolu tal-multa li għandha tkun imposta fuqhom.

    95.

    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-motiv tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑provi ekonomiċi minħabba l-fatt li hija kienet aġixxiet konformement mar-regoli tal-kompetizzjoni, u li teżamina r-rilevanza u l-kontenut ta’ dawn il-provi. Fil-fatt, l-appellanti kienet ippreżentat lill-Kummissjoni, u sussegwentement lill-Qorti Ġenerali, analiżi ekonomika fil-fond li tkopri kull perijodu ta’ ksur u li turi li hija qatt ma implementat il-ftehim li kienu ġew konklużi waqt il-laqgħat tekniċi. Din l-analiżi ma saritx fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fis-sentenza appellata, sa fejn il‑punti 406 u 407 ma jinkludu ebda risposta għall-argumenti tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe eżami tal-analiżi ekonomika tagħha fid-dawl tal-evalwazzjoni individwali tal-aġir kompetittiv tagħha fil-kuntest tal-istħarriġ tas-sanzjoni u, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi attenwanti. F’dan il-kuntest, l-appellanti tirrileva li l-argumenti tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni aggravju tar-rikors, li għalih jirreferi l-punt 407 tas-sentenza appellata (ara, b’mod partikolari, il-punti 186 u 237), jirrigwardaw l‑implementazzjoni tal-akkordju fuq livell globali u mhux l-aġir individwali ta’ kull impriża involuta.

    96.

    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-aggravju huwa inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

    2. Evalwazzjoni

    97.

    Fl-opinjoni tiegħi dan l-aggravju ma għandux jiġi aċċettat.

    98.

    Fil-fatt, jidher li l-Qorti Ġenerali ddedikat argumenti twal sabiex tirrispondi għall-argumenti u d-dokumenti ppreżentati mill-appellanti sabiex turi li hija ma implementatx l-akkordju.

    99.

    Fil-fatt, fil-punti 163 sa 190 tas-sentenza appellata, li jaqgħu fl‑analiżi tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li hija ma implementatx l-akkordju dwar il-prezzijiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq provi in tempore non suspecto, bħal ittri tariffarji tal-appellanti li jikkomunikaw żieda fil‑prezzijiet għall-klijenti (ara, b’mod partikolari, il-punt 189 tas-sentenza).

    100.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 243 sa 259 tas‑sentenza appellata, li huma relatati wkoll mal-analiżi ta’ dan it-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, terġa’ ssemmi bi preċiżjoni r‑raġunament użat sabiex turi li l-appellanti ma pproduċietx provi li juru li hija adottat aġir kompetittiv fis-suq, għall-kuntrarju ta’ dak li hija sostniet fl-istudju ekonomiku ppreżentat lill-Qorti Ġenerali.

    101.

    Jidhirli għalhekk li l-Qorti Ġenerali ssodisfat ir-rwol tagħha li tivverifika u tistħarreġ l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-provi mressqa mill-appellanti dwar l-aġir tagħha fis-suq.

    102.

    Għaldaqstant, l-ilment tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet biss analiżi ekonomika “globali”, mingħajr kunsiderazzjoni tas‑sitwazzjoni individwali tagħha, jidhirli li huwa infondat.

    VI – Konklużjoni intermedjarja

    103.

    Kif esponejt preċedentement, jidhirli li l-ewwel aggravju mressaq fl-appell huwa fondat u li għalhekk hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata, peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat il-waqfien tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004.

    104.

    L-annullament parzjali tas-sentenza appellata li propost minni jwassal neċessarjament għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal‑multa li ġiet ikkundannata għalih l-appellanti sabiex jiġi rifless b’mod korrett it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni. Fil‑fatt, jidhirli li l-kawża għandha tiġi deċiża fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    105.

    Peress li, fil-kuntest tad-dritt tagħha li tassumi r-responsabbiltà għall-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu ġurisdizzjoni sħiħa, kif jidher mill-Artikolu 261 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar‑Regolament Nru 1/2003, hija tista’ liberament tiddetermina l-livell tal-ammont tal-multa ( 31 ).

    106.

    Għalkemm din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tal-multa, il-kapaċità li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tan-natura xierqa tal-multa għal dik tal-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura hija kontradittorja ( 32 ).

    107.

    Għalhekk, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita ruħha għall-evalwazzjoni mill-ġdid tat-tnaqqis tal-ammont tal‑multa sabiex tikkoreġi l-iżball tal-liġi identifikat abbażi tal-analiżi tat‑tielet aggravju.

    108.

    Pjuttost milli tagħti ċifra b’mod arbitrarju, nissuġġerixxi, barra minn hekk, għall-finijiet ta’ koerenza u prevedibbiltà, li żżomm il‑metodoloġija użata fil-linji gwida tal-2006, kif ġiet irfinata u aġġustata mill‑Qorti Ġenerali fir-rigward tal-koeffiċjent multiplikatur li għandu japplika ( 33 ) u, b’hekk, li tikkalkola l-ammont tal-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni t-tul imnaqqas tal-ksur.

    109.

    Kif tfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 565 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal‑gravità tal-ksur, 18 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ tal‑paraffin u 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba. L‑ammonti hekk miksuba ( 34 ) ġew immultiplikati, minħabba t-tul tal-ksur, b’koeffiċjent ta’ 13 għax-xema’ tal-paraffin u b’koeffiċjent ta’ 7 għax-xema’ ratba. B’mod totali, inkluż għad-“dritt ta’ dħul”, il-Kummissjoni użat il-multiplikaturi ta’ 14 għax-xema’ tal-paraffin u ta’ 7 għax-xema’ ratba.

    110.

    Sabiex jiġu rrimedjati l-illegalitajiet ikkonstatati fil-punt 561 tas‑sentenza appellata, bl-aġġustament tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul eżatt tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, il-koeffiċjent multiplikatur użat fir‑rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien stabbilit mill‑Qorti Ġenerali għal 12.64 (li miegħu jiżdied punt fir-rigward tad‑dritt tad-dħul) għal dak li jirrigwarda x-xema’ tal-paraffin (12-il sena, 7 xhur u 28 ġurnata) ( 35 ) u 6.53 għal dak li jirrigwarda x-xema’ ratba (6 snin, 6 xhur u 12-il ġurnata) ( 36 ). Fl-aħħar nett, wara li jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ 1.7 ( 37 ) abbażi tal-effett dissważiv, l-ammont tal-multa ġie ffissat għal EUR 121626710 għax-xema’ tal-paraffin u għal EUR 3833132 għax-xema’ ratba, jiġifieri ammont totali tal‑multa imposta fuq l-appellanti ta’ EUR 125459842.

    111.

    F’dan il-każ, nissuġġerixxi li jiġu eżaminati mill-ġdid l‑istadji tal-kalkolu tal-multa billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-illegalità dwar id‑determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju dwar is-suq tax-xema’ tal-paraffin. Peress li t-tul tal-parteċipazzjoni tal-appellanti għandu jitnaqqas għal 11‑il sena, 7 xhur u 15-il ġurnata, il‑koeffiċjenti multiplikatur applikat għandu jitnaqqas għall-ammont iffissat għall-ksur (jiġifieri għal dak li jikkunsidra t-tul tal-ksur u d-dritt tad-dħul flimkien) u fuq l-imsemmi suq ta’ 13.64 għal 12.62, li jwassal għall-ammont intermedjarju ta’ madwar EUR 66194974. Wara applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.7 skont l-effett dissważiv, l-ammont tal-multa għandu, skont il-kalkoli tiegħi, jitnaqqas għal madwar EUR 112531456 għax-xema’ tal-paraffin. Miżjud bl-ammont finali ffissat għax-xema’ ratba, jiġifieri EUR 3833132, l-ammont totali tal‑multa imposta fuq l-appellanti għandu jiġi ffissat għal ammont ta’ madwar EUR 116364588.

    112.

    Għalhekk jiena nissuġġerixxi li l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti jiġi ffissat għall-ammont finali ta’ EUR 116364588.

    VII – Dwar l-ispejjeż

    113.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    114.

    Skont l-Artikoli 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il‑parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L‑Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli jippreċiża li, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, jekk dan jidher iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, waħda mill-partijiet għandha tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    115.

    F’dan il-każ, nikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li hemm lok, fir-rigward tal-ispejjeż magħmula fl-ewwel istanza, li jiġi deċiż li Total Raffinage Marketing tbati tmien partijiet minn għaxra tal‑ispejjeż tagħha u tmien partijiet minn għaxra ta’ dawk tal‑Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati żewġ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti minn Total Raffinage Marketing.

    116.

    Fir-rigward ta’ din il-proċedura, nissuġġerixxi li kull parti għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell.

    VIII – Konklużjoni

    117.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Is-sentenza Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423) hija annullata, peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat il-waqfien tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004.

    2)

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) hija annullata sa fejn hija ssostni l-parteċipazzjoni tal-appellanti fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni għall‑perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Mejju 2004 u t-28 ta’ April 2005.

    3)

    L-ammont tal-multa imposta fuq Total Raffinage Marketing fl‑Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2008) 5476 finali huwa ffissat għal EUR 116364588.

    4)

    Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, Total Raffinage Marketing għandha tbati tmien partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u tmien partijiet minn għaxra ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati żewġ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti minn Total Raffinage Marketing.

    5)

    Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ din il‑proċedura ta’ appell.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) T‑566/08, EU:T:2013:423, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

    ( 3 ) ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”.

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 51) u Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 26).

    ( 5 ) Sentenza Comap vs Il-Kummissjoni (C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punt 70 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 6 ) Ara s-sentenza Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punti 71 u 86 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata.

    ( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 128 sa 130 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 8 ) T‑208/08 u T‑209/08, EU:T:2011:287, punt 161.

    ( 9 ) Sentenzi Technische Unie vs Il-Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 169) u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 260).

    ( 10 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 75).

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 52).

    ( 13 ) Sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57), kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 51).

    ( 14 ) C‑441/11 P, EU:C:2012:778.

    ( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 260) u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, (C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 169).

    ( 16 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, EU:C:2003:85, punti 127 sa 131).

    ( 18 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 19 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, EU:C:2003:85, punt 128).

    ( 20 ) Ara, fl-istess sens, is-sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 155) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (C‑235/92 P, EU:C:1999:362, punt 181).

    ( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 142 sa 145); id-digriet Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni (C‑111/04 P, EU:C:2006:105, punti 48 sa 54), u s-sentenza Comap vs Il-Kummissjoni (C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punti 73 sa 76), fir-rigward ta’ impriżi li ġie stabbilit li kienu pparteċipaw f’laqgħat b’għan antikompetittiv.

    ( 22 ) Ara l-punti 372 sa 375 tas-sentenza appellata.

    ( 23 ) Ara l-punti 378 u 379 tas-sentenza appellata.

    ( 24 ) Ara l-punt 380 tas-sentenza appellata.

    ( 25 ) B’mod partikolari huma kkonċernati s-sitwazzjoni partikolari ta’ Repsol u l‑paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik tal-appellanti. B’hekk il‑Qorti Ġenerali rrilevat li, b’differenza minn Repsol, wara l-4 ta’ Awwissu 2004, fil-konfront tal-appellanti ma ġie kkonstatat ebda waqfien ta’ stediniet uffiċjali għal-laqgħat tekniċi u li xi kmamar kienu xorta ġew irriżervati għar-rappreżentant tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punti 385 sa 388 tas-sentenza appellata).

    ( 26 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 72).

    ( 27 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 75).

    ( 28 ) Ara s-sentenza The Rank Group (C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 2, p. 205).

    ( 30 ) Sentenza Kone et vs Il-Kummissjoni (C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punt 28).

    ( 31 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 79 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Ara, b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin (C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punti 74 u 76, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Ara l-punti 561, 566 u 567 tas-sentenza appellata.

    ( 34 ) Fid-dawl tal-valur tal-bejgħ annwali fis-swieq ikkonċernati, li jirrappreżenta EUR 31133865 (li minnhom EUR 1993620 għax-xema’ ratba) [ara l‑premessa 640 u l-punt 13 tas-sentenza appellata], dawn l-ammonti jitilgħu rispettivament għal EUR 5245244 (għas-suq tax-xema’ tal-paraffin) u EUR 299043 (għal dak tax‑xema’ ratba).

    ( 35 ) Jiġifieri ammont ta’ madwar EUR 71545123.

    ( 36 ) Jiġifieri ammont ta’ madwar EUR 1952750.79.

    ( 37 ) Applikat għal kull wieħed mill-ammonti, dan il-koeffiċjent iwassal għal somom ta’ madwar EUR 121626717.87 u EUR 3319676.34. Dawn l-ammonti madankollu ġew iffissati għal EUR 121626710 u EUR 3833132 rispettivament.

    Top