Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0615

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 14 ta' April 2015.
    ClientEarth u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) vs L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA).
    Appell - Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Artikolu 4(1)(b) - Regolament (KE) Nru 45/2001 - Artikolu 8 - Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess - Protezzjoni tad-data personali - Kunċett ta’ ‘data personali’ - Kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data personali - Isem tal-awtur ta’ kull osservazzjoni dwar abbozz ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandha tingħata mal-fajl ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Rifjut ta’ aċċess’.
    Kawża C-615/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:219

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fl-14 ta’ April 2015 ( 1 )

    Kawża C‑615/13 P

    ClientEarth

    Pesticide Action Network Europe

    vs

    European Food Safe Authority

    “Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament Nru 1049/2001 u Regolament Nru 45/2001 — Dokumenti li jirreferu għat-tfassil ta’ gwida dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandhom jiġu annessi mat-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ sustanzi attivi li jinsabu f’dawn il-prodotti — Ċaħda parzjali tal-aċċess — Eċċezzjoni relatata dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Kunċett ta’ ‘data personali’ — Kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data personali — Prova tal-‘ħtieġa’ tat-trasferiment”

    1. 

    Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar kwistjoni relattivament simili għal problema li ilha rikorrenti fil-ġurisprudenza tagħha, li hija dik tar-rabta bejn is-sistema ġenerali jew komuni ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 2 ), u s-sistemi partikolari jew speċjali stabbiliti f’dipożizzjonijiet leġiżlattivi oħra tal-Unjoni ( 3 ). F’dan il-każ, madankollu, ma hijiex eżattament indirizzata l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ma’ dawk ta’ regolament li jirregola l-aċċess għal dokumenti inseriti f’ċerti proċeduri ( 4 ), iżda, b’mod iktar ġenerali, b’tali mod li s-sistema ta’ aċċess irregolata f’dak ir-regolament tintrabat mal-leġiżlazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali li tinsab fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 ( 5 ).

    2. 

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-opportunità għall-ewwel darba li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa li “ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa [ ( 6 ) ] li jkollu dik id-data trasferita” fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, f’każ fejn tali data, ikkontestata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, tirreferi għall-awtur ta’ rapporti professjonali miktubin għal istituzzjoni.

    I – Il-kuntest leġiżlattiv

    A – Ir-Regolament Nru 45/2001

    3.

    L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data personali” bħala “kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”, filwaqt li jipprovdi li “persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali”.

    4.

    L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “It-trasferiment ta’ data personali lill‑reċipjenti, ħlief għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità huwa suġġett għad-Direttiva 95/46/KE” jipprevedi dan li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trasferita biss lill-reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali adottata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/EC,

    a)

    jekk ir-reċipjent jistabbilixxi li d-data hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew suġġett għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, jew

    b)

    jekk ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt [wieħed jassumi] li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati.”

    B – Ir-Regolament Nru 1049/2001

    5.

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”.

    6.

    Taħt it-titolu “Eċċezzjonijiet”, l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’: […] b) il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.”

    7.

    Skont l-Artikolu 4(3):

    “Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

    Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

    II – Sfond

    8.

    Fil-25 ta’ Settembru 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem, fl-akronimu tagħha, “EFSA”) talbet lil waħda mill-unitajiet tagħha tikteb gwida għall-preparazzjoni tat-talbiet li huma msemmija fl-Artikolu 8(5), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ( 7 ). L-unità kkonċernata ffurmat grupp ta’ ħidma li finalment ippreżenta abbozz ta’ gwida lil żewġ korpi tal-EFSA, li xi wħud mill-membri tagħhom kienu esperti xjentifiċi esterni: minn naħa waħda, il-grupp ta’ esperti dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi tagħhom (minn hawn ’il quddiem, “PPR”). Min-naħa l-oħra, il-Bord Amministrattiv dwar il-Pestiċidi (minn hawn ’il quddiem, “PSC”).

    9.

    Dawn l-esperti ġew mistiedna jippreżentaw kummenti dwar l-abbozz ta’ gwida. Fid-dawl tal-kummenti ppreżentati, il-grupp ta’ ħidma inkorpora xi bidliet fl-abbozz, li ġie ppreżentat għal konsultazzjoni pubblika bejn it-23 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru 2010, fejn ġew ippreżentati ħafna kummenti minn partijiet differenti, fosthom Pesticide Action Network Europe (iktar ’il quddiem, “PAN Europe”), organizzazzjoni ambjentali.

    10.

    Fl-10 ta’ Novembru 2010, PAN Europe u ClientEarth — organizzazzjoni oħra għall-ħarsien tal-ambjent — ressqu talba flimkien lill-EFSA għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 1367/2006 ( 8 ). It-talba kienet relatata ma’ diversi dokumenti rigward il-preparazzjoni tal-abbozz ta’ gwida, inklużi l-osservazzjonijiet tal-esperti esterni integrati fil-PPR u s-PSC, kif ukoll l-isem tal-awtur ta’ kull wieħed minnhom.

    11.

    L-EFSA, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, tat aċċess għal parti mid-dokumentazzjoni mitluba. Taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet), l-aċċess għaż-żewġ gruppi ta’ dokumenti ġie miċħud: minn naħa waħda, verżjonijiet differenti tal-ħidma tal-abbozz ta’ gwida u, min-naħa l-oħra, il-kummenti tal-esperti tal-PPR u PSC.

    12.

    Iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-EFSA tal-10 ta’ Frar 2011.

    13.

    Il-gwida ġiet adottata u ppubblikata uffiċjalment fit-28 ta’ Frar 2011.

    14.

    Fil-11 ta’ April 2011, l-appellanti ppreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ konferma tal-10 ta’ Frar 2011.

    15.

    Fit-12 ta’ Diċembru 2011, l-EFSA adottat deċiżjoni ġdida, u kkomunikat lill-appellanti li kienet iddeċidiet li “tirtira”, “tikkanċella” u “tissostitwixxi” d-deċiżjoni ta’ konferma tal-10 ta’ Frar 2011. Taħt id-deċiżjoni l-ġdida, l-EFSA tat aċċess għad-dokumenti kollha msemmija fl-applikazzjoni inizjali, ħlief għal xi wħud li l-eżistenza tagħhom ma setgħetx tiġi kkonfermata.

    16.

    Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-esperti esterni, l-EFSA ħbiet l-ismijiet tagħhom, billi użat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (il-privatezza u l-integrità tal-individwu) u r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-EFSA indikat li l-iżvelar tal-ismijiet tal-esperti għandu jitqies li huwa trasferiment ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001, mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dispożizzjoni msemmija sabiex ikun permess it-trasferiment tagħha.

    17.

    L-appellanti talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex jitħallew jadattaw it-talba tagħhom skont il-kontenut tad-deċiżjoni l-ġdida tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011, sabiex is-suġġett tat-talba jitqies li huwa minn issa ’l quddiem l-annullament ta’ din l-aħħar d-deċiżjoni.

    18.

    It-talba mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kienet maqsuma fi tliet aggravji: (A) L-inapplikabbiltà tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tar-Regolament Nru 45/2001; (B) L-eżistenza ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku li jiġġustifikaw l-iżvelar tal-ismijiet tal-esperti, skont l-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 45/2001; (C) Il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    III – Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali

    19.

    It-talba ġiet miċħuda permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-13 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 9 ).

    20.

    Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-isem tal-esperti kien jikkostitwixxi data personali fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001, minkejja l-fatt li l-EFSA kienet diġà żvelat l-isem, il-bijografija u d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-esperti esterni, u huwa irrilevanti li l-EFSA ma kinitx irrikonoxxiet li l-esperti kienu oġġezzjonaw għall-iżvelar tal-identità tagħhom.

    21.

    Fir-rigward it-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-appellanti kienu rrikonoxxew l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, peress li kienu jafu l-ismijiet tal-esperti u ma kkontestawx l-indipendenza tagħhom, u sostniet, barra minn hekk, li kienu naqsu milli jipprovaw il-ħtieġa għall-iżvelar.

    22.

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali temmen li kien biżżejjed li l-EFSA kienet uriet li l-appellanti ma kinux iġġustifikaw il-ħtieġa ta’ trasferiment ta’ data personali kkonċernata.

    IV – L-appell

    23.

    ClientEarth u PAN Europe jinvokaw tliet aggravji:

    24.

    (A) Applikazzjoni żbaljata tal-kunċett legali ta’ “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 45/2001. (B) Applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, billi naqset milli tikkunsidra u tibbilanċja l-interessi kollha protetti. (C) Ksur tal-Artikolu 5 TUE, billi ġie impost oneru tal-prova sproporzjonat fuq l-appellanti billi ġie meħtieġ minnhom li juru l-ħtieġa għat-trasferiment ta’ informazzjoni u l-portata tal-interessi leġittimi protetti.

    V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    A – L-ewwel aggravju

    25.

    ClientEarth u PAN Europe jsostnu, kontra l-fehma tal-Qorti Ġenerali, li d-data diskussa ma tikkostitwixxix data personali fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001, filwaqt li jenfasizzaw li hija data ta’ natura professjonali elenkata separatament fis-sit internet tal-EFSA stess.

    26.

    L-EFSA u l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem, “KEPD”), jiddefendu kunċett wiesa’ ta’ “data personali”, li jinkludi ħafna iktar minn indikazzjonijiet li, bħall-isem jew in-numru ta’ identità nazzjonali, jidentifikaw il-persuna b’mod dirett. Fil-fehma tagħhom, min-naħa l-oħra, id-data personali bħall-isem ma titlifx din il-karatteristika jekk tkun assoċjata ma’ element ieħor, bħal ma tista’ tkun, bħal f’dan il-każ, osservazzjoni.

    27.

    Il-KEPD isostni wkoll li ż-żewġ elementi tal-informazzjoni kkontestata jikkostitwixxu data personali. Minn naħa waħda, l-isem tal-espert u, min-naħa l-oħra, l-opinjoni tiegħu, li tkun marbuta mal-attivitajiet tiegħu u mal-imġiba tiegħu bħala espert xjentifiku indipendenti u li tagħmlu identifikabbli minn min ikollu data disponibbli rilevanti sabiex issir il-konnessjoni t-tajba.

    28.

    Kemm l-EFSA kif ukoll il-Kummissjoni u l-KEPD isostnu li ma tagħmilx differenza jekk l-identità tal-esperti tkunx pubblika jew le u li l-EFSA ppubblikat l-osservazzjonijiet tagħha taħt anonimità. Fl-opinjoni tagħhom, dan japplika wkoll għaċ-ċirkustanza fejn id-data personali kkonċernata tkun marbuta mal-attivitajiet relatati mal-qasam professjonali, peress li dan bl-ebda mod ma tfixkilha milli tibqa’ tkun protetta bħala data personali.

    29.

    Dawn il-partijiet, fl-aħħar nett, jargumentaw li l-interpretazzjoni restrittiva tar-rispett għall-ħajja privata difiża mill-appellanti ma hijiex konsistenti mat-termini tar-Regolament Nru 45/2001 u li l-portata tal-Artikolu 8 tal-Karta hija usa’ mill-Artikolu 7 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jkopri l-informazzjoni kollha relatata ma’ persuna fiżika, kif ukoll marbuta mal-ħidma professjonali tagħha. F’dan ir-rigward il-KEPD jinsisti fuq id-differenzi li, minkejja xi koinċidenzi eventwali, jinsabu bejn il-kunċetti ta’ ħajja privata u dawk ta’ data personali, filwaqt li l-EFSA u l-Kummissjoni jżidu li kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jippermettu li d-data li tirreferi għal attivitajiet professjonali tista’ taqa’ taħt il-kunċett tal-ħajja privata.

    B – It-tieni aggravju

    30.

    F’dan il-punt, l-appellanti jikkritikaw ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni aggravju tagħhom billi kkonkludiet li ma kinux stabbilixxew l-okkorrenza ta’ interess pubbliku superjuri. Għal ClientEarth u PAN Europe, la l-Qorti Ġenerali u lanqas l-EFSA ma kkunsidraw l-interessi kollha protetti skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, jiġifieri d-dritt għat-trasparenza, minn naħa waħda, u d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata min-naħa l-oħra.

    31.

    L-EFSA u l-Kummissjoni, appoġġati wkoll mill-KEDP, isostnu li meta talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 titlob aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali, japplikaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-appellanti, għalhekk, kienu marbutin li juru l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-data personali mitluba, li kien jippermetti lill-EFSA tikkunsidra l-interessi differenti involuti. Madankollu, ClientEarth u PAN Europe damu ma pproduċew din il-prova sal-ħin meta kienu diġà bdew il-proċeduri legali, u għalhekk l-EFSA ma setgħet twettaq ebda kunsiderazzjoni fil-ħin tad-deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess għad-dokumenti.

    C – It-tielet aggravju

    32.

    ClientEarth u PAN Europe jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ċaħdet l-argumenti mressqa mill-appellanti b’dak il-mod biex turi l-ħtieġa tal-aċċess għad-data mitluba.

    33.

    F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, peress li, minn naħa waħda, l-interess li l-Qorti Ġenerali riedet tipproteġi fir-realtà ma kienx jeżisti, peress li l-ismijiet tal-esperti kkonċernati kienu aċċessibbli għall-pubbliku, u, min-naħa l-oħra, peress li kienu wrew il-ħtieġa għat-trażmissjoni tad-data mitluba, kien biżżejjed li tingħata prova tal-eżistenza ta’ bażi leġittima stabbilita mil-liġi, kif ipprovdut fl-Artikolu 8(2) tal-Karta, li kienu għamlu fl-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza.

    34.

    L-EFSA, min-naħa tagħha, tistaqsi rigward l-ammissibbiltà ta’ dan it-tielet aggravju, peress li, fl-opinjoni tagħha, ma humiex spjegati sew l-elementi kritiċi tas-sentenza appellata u l-appellanti sempliċement jirriproduċu l-argumenti li diġà saru fl-ewwel sentenza. Fir-rigward tal-merti, taqbel mal-Kummissjoni fejn tindika n-nuqqas ta’ bażi ċara fl-ilment tal-appellanti, peress li l-Qorti Ġenerali kienet illimitat ruħha biex titlob, konformement mar-Regolament Nru 45/2001 u mal-ġurisprudenza, li tintwera l-okkorrenza ta’ interess leġittimu fil-kisba tad-data kkontestata. Dan ir-rekwiżit ma huwiex sproporzjonat u jiggarantixxi bis-sħiħ il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi u d-drittijiet fundamentali kkonċernati.

    VI – Evalwazzjoni

    A – L-ewwel aggravju

    35.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li d-data inkwistjoni ma tikkostitwixxix data personali fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fehma tiegħi jidher ċar, madankollu, bi qbil mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, li, fil-fatt, din hija data ta’ dak it-tip.

    36.

    Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager ( 10 ), ġie konkluż li l-lista tal-parteċipanti f’laqgħa li saret fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien fiha data personali ( 11 ). F’dan il-każ, ma huwiex mitlub biss l-isem tal-esperti, iżda qed jiġu mitluba wkoll l-osservazzjonijiet ippreżentati minn kull wieħed minnhom fir-rigward tal-abbozz.

    37.

    Skont l‑Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, hija meqjusa “data personali”“kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. F’dan il-każ, minn naħa waħda, il-persuni involuti jkunu identifikati malli jiġi żvelat isimhom u, min-naħa l-oħra, fuq kull wieħed minnhom tingħata wkoll, ċerta data oħra, jiġifieri: il-kummenti speċifiċi li jkunu ppreżentaw fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom. Għalhekk, huma preżenti b’mod ċar l-elementi li jiddefinixxu l-kunċett “data personali”, peress li l-kummenti magħmula mill-esperti jikkostitwixxu “informazzjoni relatata ma’ persuna […] identifikata”. Jekk ikun ippreferut, informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn l-esperti, identifikati faċilment mill-ismijiet tagħhom.

    38.

    Ċertament, l-ismijiet tal-esperti huma elenkati fis-sit elettroniku tal-EFSA. Issa, l-appellanti mhux qed jitolbu l-isem tal-esperti kollha tal-EFSA, iżda biss l-isem ta’ dawk li ssottomettew kummenti. Huma interessati, wkoll, fl-aċċess għal dawn il-kummenti; iżda mhux anonimizzati, iżda bl-identifikazzjoni tal-awtur tagħhom. Fil-qosor, l-ismijiet tal-esperti huma pubbliċi u l-kummenti tagħhom huma pubbliċi wkoll, imma dak li jintalab hawn huwa r-“rabta” bejn dawn iż-żewġ data, li minnhom tirriżulta “informazzjoni” ġdida “dwar individwu identifikat” [l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001]. Jidher ċar, għalhekk, li qed tintalab “data personali” skont it-tifsira ta’ dan ir-regolament.

    39.

    Konsegwentement, nikkunsidra li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

    B – It-tieni aggravju

    40.

    It-tieni aggravju huwa dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 għat-trasferiment tad-data personali — jiġifieri, il-ħtieġa għat-trasferiment tad-data u n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ motivi biex jiġi preżunt li t-trasferiment ikun jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-parti interessata —, għandhom ikunu preżenti b’mod kumulattiv. Skont l-appellanti, permezz ta’ dan l-approċċ il-Qorti Ġenerali ma kinitx ikkunsidrat kif xieraq id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata [Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001], minn naħa waħda, u d-dritt għat-trasparenza [l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001], min-naħa l-oħra.

    41.

    Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, id-data personali għandha tiġi ttrasferita biss meta “r-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati”.

    42.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-punt 83 tas-sentenza kkontestata li dawn huma żewġ kundizzjonijiet kumulattivi u li peress li l-appellanti ma ssodisfawx l-ewwel waħda minnhom, jiġifieri, billi ma stabbilixxewx il-ħtieġa għat-trasferiment tad-data mitluba, ma kienx neċessarju li tiġi indirizzata t-tieni waħda, jiġifieri, li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm motivi biex jiġi assunt li t-trasferiment seta’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. Għall-Qorti Ġenerali, fil-fatt, kif jista’ jinqara fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, meta r-reċipjent ma joffrix ġustifikazzjoni espliċita u leġittima, u lanqas argument konvinċenti li juri n-neċessità tat-trasferiment, l-istituzzjoni mitluba la tista’ tikkunsidra l-interessi tal-partijiet u lanqas tivverifika jekk hijiex issodisfatta t-tieni waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, u għalhekk tista’ tiġi miċħuda t-talba għal aċċess.

    43.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li kull waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 tindirizza żewġ suġġetti differenti. L-ewwel waħda, ovvjament, lir-“reċipjent” tal-informazzjoni, jiġifieri, lill-persuna li tagħmel it-talba. It-tieni, min-naħa l-oħra, lill-istituzzjoni li jkollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba, peress li, għall-kuntrarju tal-ewwel waħda, dan ma jkunx indirizzat espliċitament lir-reċipjent, iżda l-użu impersonali ta’ “ineżistenti” jirreferi neċessarjament għal min jieħu deċiżjoni dwar min għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni, jiġifieri l-istituzzjoni li tintalab tiżvela l-informazzjoni jew, skont il-każ, il-Qorti li adita bl-appell kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni. Għaldaqstant, huwa r-reċipjent biss li għandu l-“ħtieġa” li juri t-trasferiment, kif jirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjoni. Hija l-istituzzjoni biss li hija responsabbli biex tivverifika li “ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati” filwaqt li dawk ir-“raġunijiet” jistgħu jeżistu b’indipendenza sħiħa mill-wiri tal-“ħtieġa”li d-data tiġi ttrasferita lil min tinteressah.

    44.

    Minn dan isegwi li, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija jirreferu għal oġġetti differenti: il-ħtieġa, minn naħa waħda, tat-trasferiment — b’indipendenza sħiħa mid-danni li dan jista’ jikkawża għall-interessi tal-persuni kkonċernati — u l-eżistenza, min-naħa l-oħra, tal-possibbiltà ta’ tali danni — ikkunsidrati wkoll separatament minn dik il-ħtieġa — it-twettiq tagħhom jista’ jkun biss kumulattiv, kif ġustament ikkonkludiet il-Qorti Ġenerali, u li għalhekk ma kellhiex għalfejn teżamina t-tieni kundizzjoni.

    45.

    Nemmen, għalhekk, li t-tieni aggravju, għandu wkoll jiġi miċħud.

    C – It-tielet aggravju

    46.

    Permezz tat-tielet aggravju, huwa sostnut li l-invokazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza kienet biżżejjed biex tiġi ġġustifikata l-ħtieġa tat-trasferiment tad-data mitluba. Din l-invokazzjoni, magħmula fil-kuntest ta’ riferiment għal ċerta klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-EFSA, hija biżżejjed, fil-fehma tal-appellanti, biex tiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali użat termini sproporzjonati meta talbet il-ġustifikazzjoni ta’ dik il-ħtieġa.

    47.

    Sabiex jiġi eżaminat it-tielet aggravju għandha ssir premessa. Kif intqal fil-punt 72 tas-sentenza appellata, iċ-ċaħda ta’ aċċess kienet inizjalment ibbażata fuq l-eċċezzjoni għall-protezzjoni tal-proċessi deċiżjonali (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001), filwaqt li kien biss fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011, adottata wara kienet saret l-applikazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-EFSA invokat, għall-ewwel darba, l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali [l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001]. Din l-emenda fit-termini tad-dibattitu timpedixxi li l-appellanti jiġu ppenalizzati, kif għamlu l-EFSA u l-Kummissjoni, minħabba l-fatt li ma ġġustifikawx fl-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni l-ħtieġa li tiġi ttrasferita lilhom data personali inkwistjoni, jiġifieri, talli ma tawx motivi f’dan l-istadju fit-termini tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

    48.

    Huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-appellanti setgħu jirreferu biss waqt l-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni għall-eċċezzjoni invokata dak iż-żmien mill-EFSA, jiġifieri, dik prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċessi deċiżjonali. L-oġġezzjoni finalment magħmula mill-EFSA fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2011 setgħet tiġi diskussa biss matul l-istess proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif fil-fatt sar, kif iddikjarat fil-punt 73 tas-sentenza kkontestata, fejn jiġi ddikjarat li matul l-att tas-seduta pubblika kemm l-EFSA kif ukoll il-Kummissjoni qablu li l-Qorti Ġenerali setgħet teżamina dik ir-raġuni partikolari ta’ kontestazzjoni. Xejn ma għandu jimpedixxi, għalhekk, li l-kwistjoni tiġi diskussa f’dan il-każ ukoll ( 12 ).

    49.

    F’dan ir-rigward, saħansitra fil-kunċett ta’ “ħtieġa għat-trasferiment tad-data” huwa meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jitqies il-prinċipju li għall-interpretazzjoni tiegħu għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-virtwalità tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-appellanti aġixxew fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, li “prinċipji, kondizzjonijiet u limiti [tiegħu] [...] stipulati f’[dak] ir-Regolament”, kif ipprovdut fl-Artikolu 2(1), tar-Regolament Nru 1049/2001.

    50.

    Anki fil-każ tar-Regolament Nru 45/2001 huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġu kkoordinati s-sistema speċifika ta’ aċċess għal dokumenti mas-sistema ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk l-oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli speċifiċi ta’ aċċess, bħal fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 13 ) jew inkonnessjoni ma’ proċeduri ġudizzjarji ( 14 ) jew proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 15 ).

    51.

    Fil-każ tar-Regolament Nru 45/2001 il-ħtieġa għal tali koordinazzjoni ma hijiex riżultat biss tar-“rekwiżit tas-sistema” li, b’mod ġenerali, huwa impost permezz tal-okkorrenza ta’ regoli ta’ aċċess differenti applikabbli fuq l-istess dokument. Mhux biss il-fatt li, peress li huma applikabbli diversi sistemi ta’ aċċess, ikun neċessarju li tiġi żviluppata interpretazzjoni integrata u sistematika tagħhom kollha sabiex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-interessi protetti minn kull waħda minn dawn is-sistemi. Għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet regolatorji oħra dwar l-aċċess għal dokumenti, din l-interpretazzjoni kkombinata u sistematika hija espressament meħtieġa mir-Regolament Nru 1049/2001 innifsu, li fl-Artikolu 4(1)(b), jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’: [...] b) il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien”. Minn din dikjarazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu” ( 16 ), b’tali mod li “l-interpretazzjoni partikolari u limitattiva [...] tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 45[1049]/2001 ma tikkorrispondix għall-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi bejn iż‑żewġ regolamenti inkwistjoni” ( 17 ).

    52.

    Huwa dan l-appell li l-Qorti tagħmel għal “bilanċ” bejn l-għanijiet taż-żewġ regolamenti li jidhirli li għandu jiġi enfasizzat f’dan il-każ u għall-finijiet tal-problema mqajma f’din il-kawża.

    53.

    Ċertament, nemmen li l-ispirtu ta’ “bilanċ” li ssemmi l-Qorti huwa espress fil-projbizzjoni ta’ esklużjoni “mill-bidu”, bħal fil-każ ta’ Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager ( 18 ), tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Aspett totalment differenti huwa li l-kategoriji ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu applikati mingħajr eċċezzjonijiet fil-kuntest ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, jiġifieri, mingħajr ma tingħata l-attenzjoni dovuta għan-natura tal-informazzjoni mitluba speċifikament.

    54.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li l-“ħtieġa” msemmija fir-Regolament Nru 45/2001 ma tistax tinftiehem bl-istess rigorożità u portata meta jintalab l-aċċess għal dokumenti li jkun fihom data kompletament nieqsa minn interess pubbliku, bħal meta jintalab aċċess, bħal fil-każ tal-kawża preżenti, għal informazzjoni b’interess pubbliku ċar u dwar l-attività professjonali ta’ persuna. Attività li, peress li hija “personali” wkoll, kif mifhum mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager ( 19 ), għandha kamp ta’ applikazzjoni iżgħar minn dik li tikkonċerna attività mhux relatata mal-professjoni tal-persuna kkonċernata.

    55.

    Il-kunċett ta’ “neċessità” għandu, għalhekk, ikun suġġett għal ċertu grad ta’ flessibbiltà meta d-data personali ma tkunx, biex ngħidu hekk, is-suġġett dirett tat-talba għal informazzjoni, iżda tkun tirreferi għal dokumenti pubbliċi li kollateralment ikollhom informazzjoni relatata ma’ individwi u, bħala tali, ikun fihom “data personali” ( 20 ). Ċertament, din hija d-data “personali” sakemm ikun fiha “informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata” [l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001)], iżda tkun prima facie“informazzjoni professjonali” u, għaldaqstant, tkun inqas sensittiva minn dik relatata mal-qasam tal-privatezza jew il-ħajja strettament privata.

    56.

    Fi kliem ieħor, “interpretazzjoni bbilanċjata” taż-żewġ regolamenti twassal biex jinftiehem li l-proċedura tal-“ħtieġa” għandha inevitabbilment tagħmel distinzjoni bejn dawk il-każijiet li fihom tintalab data personali li prima facie ma jkollha x’taqsam xejn ma’ proċess ta’ deċiżjoni pubblika u dawk l-oħrajn fejn tintalab data marbuta, sa ċertu punt, mal-attività ta’ awtoritajiet pubbliċi.

    57.

    L-appellanti jikkunsidraw li l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-ħtieġa li tingħata d-data mitluba. Din l-invokazzjoni saret fil-kuntest ta’ riferiment għal ċertu klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-EFSA, li kienet is-suġġett ta’ suspetti li kienet parzjali u li fil-korpi tagħha inkludiet membri li kellhom ċerti interessi personali. B’mod partikolari, kif indikat fil-punt 79 tas-sentenza appellata, studju ta’ PAN Europe wera li 8 mit-13-il membru ta’ grupp ta’ ħidma tal-EFSA kienu marbutin ma’ lobbies industrijali.

    58.

    Il-Qorti Ġenerali rrispondiet għal dan ta’ hawn fuq, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ngħataw l-ismijiet tal-esperti kkonċernati u kellhom aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom. Peress li ma kkontestaw l-indipendenza tal-ebda wieħed mill-esperti, il-Qorti Ġenerali temmen li ma kienx neċessarju li jkompli jiġi analizzat jekk is-suspetti dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tagħhom kinux kawża li tiġġustifika l-aċċess ikkonċernat.

    59.

    Ma naqbilx mal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li l-invokazzjoni, fit-termini li saret fihom, ta’ ċertu livell ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-imparzjalità tal-EFSA jidher li huwa biżżejjed biex tiġi ġġustifikata l-ħtieġa għat-trasferiment tad-data, speċjalment jekk tali data, għalkemm, fil-fatt, “personali”, tirreferi għall-attività professjonali tal-persuni kkonċernati.

    60.

    Il-ħtieġa li l-appellanti, li lil hinn mill-invokazzjoni tal-livell ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-EFSA, sostnuta minn evidenza dderivata minn ċerti kontribuzzjonijiet dokumentarji, jikkontestaw ukoll, formalment u espressament, l-indipendenza ta’ xi esperti, li ma hijiex biss manifestament sproporzjonata għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-ħtieġa għat-trasferiment tad-data mitluba, iżda tiżbilanċja r-relazzjoni bejn l-għanijiet taż-żewġ regolamenti. Rekwiżit ta’ dan it-tip jista’ jagħmel sens biss fil-każ ta’ denunzja tal-validità tal-istudji jew ta’ proċedura kontra l-attività tal-esperti, iżda fil-kuntest ta’ dan il-każ, dan huwa biss, preċiżament, każ ta’ kisba ta’ informazzjoni u d-data meħtieġa biex ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk, ġustament, tistax tiġi serjament ikkontestata l-imparzjalità tal-EFSA u, għalhekk, jipproċedu, jekk ikun applikabbli, kontra l-Aġenzija jew kontra kwalunkwe wieħed mill-esperti. Dan jikkonċerna biss, fil-qosor, it-twettiq ta’ eżerċizzju tad-dritt li tintalab ir-responsabbiltà korrispondenti li min seta’ wettaq imġiba ħażina. Fl-aħħar nett, dan huwa, għalhekk, każ tipiku tal-prinċipju tat-trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni.

    61.

    Konsegwentement, jiena tal-fehma li f’dan il-każ l-appellanti ġġustifikaw biżżejjed il-“ħtieġa” msemmija fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, u għalhekk nistgħu ngħaddu għall-eżaminazzjoni tat-tielet aggravju.

    62.

    Dan ma jfissirx, madankollu, li sar it-trasferiment tad-dokumenti mitluba, peress li dik id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll — u, kif intqal diġà, b’mod kumulattiv — li “ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi preżunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati [mit-trasferiment]”. Dan it-tieni rekwiżit ma kienx, madankollu, eżaminat mill-Qorti Ġenerali, li għaliha, peress li l-ewwel wieħed ma kienx issodisfatt, ma kienx meħtieġ li tiddetermina l-preżenza ta’ tali motivi.

    63.

    Għalhekk, għandu jkun fil-każ ta’ deċiżjoni ġdida li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżamina l-kwistjoni mill-perspettiva tal-interessi leġittimi tal-partijiet interessati, jiġifieri tal-esperti li jkunu ffirmaw kull wieħed mill-kummenti mitluba mill-appellanti u li, preċiżament minħabba li hija informazzjoni relatata mal-attività professjonali tagħhom, jista’ jkollhom interess ideali biex l-isem tal-awtur tagħhom ikun għarfien pubbliku.

    VII – Il-riżoluzzjoni finali tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja

    64.

    Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja “[j]ekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali” u tista’ “hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”.

    65.

    Fl-opinjoni tiegħi, ma teżisti ebda ċirkustanza għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrisolvi t-tilwima definittivament. Ir-raġuni hija li, kif ġie diskuss, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-possibbiltà li f’dan il-każ kien hemm it-tieni waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, jiġifieri, li t-trasferiment tad-data jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

    VIII – Spejjeż

    66.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, applikabbli għall-appelli skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regolament, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-EFSA tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

    IX – Konklużjoni

    67.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    it-tielet aggravju għandu jiġi milqugħ;

    2)

    tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (T‑214/11, EU:T:2013:483);

    3)

    tibgħat il-każ lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq id-dannu possibbli tal-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati permezz tat-trasferiment tad-data personali mitluba;

    4)

    tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1049/2001”).

    ( 3 ) Għalhekk, pereżempju, fi proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat [Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376)] fi proċeduri ta’ ksur [LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738)] jew fi proċeduri ġudizzjarji [L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541)].

    ( 4 ) Tipikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, kemm fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet [Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393)], kif ukoll fi proċeduri dwar prattiki miftiehma [Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112)]. F’dan ir-rigward jista’ jsir riferiment għal Lenaerts, K.: “The Interplay between Regulation no 1049/2001 on Access to Documents and the Specific EU Regulations in the Field of Competition Law”, f’Mundi et Europae civis, Liber Amicorum Jacques Steenbergen, Larcier, Bruselas, 2014, pp. 483‑492.

    ( 5 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (Edizzjoni Speċjali bil-Malti. Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102). Iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 45/2001”).

    ( 6 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 7 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1). Skont dan ir-regolament, “[g]ħandha tiżdied mad-dossier [mill-applikant għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti] letteratura miftuħa xjentifika reveduta minn esperti, kif determinata mill-[EFSA], fuq is-sustanza attiva u l-metaboliti rilevanti tagħha li tittratta l-effetti li jħallu fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ispeċi mhux immirati u liema litteratura tkun ppubblikata fl-aħħar għaxar snin qabel id-data tal-preżentazzjoni tad-dossier”.

    ( 8 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

    ( 9 ) ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (T‑214/11 EU:T:2013:483).

    ( 10 ) Kawża C‑28/08 P, EU:C:2010:378.

    ( 11 ) Ibidem, punt 70.

    ( 12 ) Mhux mingħajr ċerta kontradizzjoni, madankollu, il-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat fil-punt 68 tas-sentenza appellata li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 l-appellanti ma kienu offrew l-ebda ġustifikazzjoni li turi l-ħtieġa tat-trasferiment tad-data personali rilevanti, b’tali mod li l-EFSA ma kinitx f’pożizzjoni biex tikkunsidra l-interessi differenti tal-partijiet u lanqas tivverifika jekk kinux jeżistu raġunijiet li setgħu jippreġudikaw l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, ma setgħetx timmotiva d-deċiżjoni kkontestata. Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali, eżaminat, għalkemm biex tkun tista’ teliminaha, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni min-naħa tal-appellanti.

    ( 13 ) Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393), Il-Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112).

    ( 14 ) L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541).

    ( 15 ) LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738).

    ( 16 ) Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378), punt 63.

    ( 17 ) Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378), punt 65.

    ( 18 ) Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378), punt 64.

    ( 19 ) Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378), punti 68 sa 70.

    ( 20 ) F’dan ir-rigward naqbel sostanzjalment mal-kriterju ta’ klassifikazzjoni propost mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Konklużjonijiet tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2009:624), punti 158 sa 166.

    Top