Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0603

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015.
    Galp Energía España, SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell — Artikolu 81 KE — Akkordji — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal‑uċuħ tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Artikolu 261 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 31 — Ġurisdizzjoni sħiħa — Artikolu 264 TFUE — Annullament parzjali jew totali tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni.
    Kawża C-603/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:482

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑603/13 P

    Galp Energía España, SA

    Petróleos de Portugal (Petrogal), SA

    Galp Energia, SGPS, SA

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Akkordji — Suq Spanjol tal-bitum tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa — Prinċipju ne ultra petita — Dritt għal smigħ xieraq — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ kontradittorju — Ksur uniku u kontinwu — Allegat għarfien tas-sistema ta’ sorveljanza u tal-mekkaniżmu ta’ kumpens implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju illegali — Żnaturament tal-provi”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Il-kawża li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha bħala suġġett appell ippreżentat minn grupp ta’ kumpanniji Galp Energía España, SA, Petróleos de Portugal (Petrogal), SA, u Galp Energia, SGPS, SA (iktar ’il quddiem, flimkien l-“appellanti”) mis-sentenza Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (T‑462/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ), li biha l-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4441 finali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ), kif ukoll it-talba sussidjarja tagħhom għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

    2.

    Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tat-tieni aggravju li huwa l-pern ta’ dan l-appell u li jqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni tal-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tiegħi, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali qabżet l-imsemmija limiti u għaldaqstant l-appell għandu jintlaqa’. Fil-fatt, jidhirli li l-ġurisdizzjoni sħiħa ma tagħtix lill-Qorti Ġenerali l-kompetenza li tikkonstata ksur li ma jkunx ġie pprovat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 85 tas-sentenza appellata li għaliha sar riferiment.

    4.

    Kwantu jista’ jkun meħtieġ, huwa biżżejjed li jitfakkar li fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni kkontestata li biha kkonstatat li l-appellanti kienu pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u prattiki miftiehma fis-settur tal-bitum ta’ penetrazzjoni li kien ikopri t-territorju Spanjol (bl-esklużjoni tal-Gżejjer Kanarji) fil-forma ta’ akkordji għat-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni kkunsidrat li kull waħda miż-żewġ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkonstatati, jiġifieri l-akkordji orizzontali għall-qsim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, kienet taqa’, min-natura tagħha stess, fit-tipi ta’ ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, liema tipi ta’ ksur jistgħu jiġġustifikaw, skont il-ġurisprudenza, li jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna” unikament fuq il-bażi tan-natura tagħhom, mingħajr il-bżonn li tali aġir ikun ikopri żona ġeografika partikolari jew ikollu xi impatt partikolari ( 4 ).

    5.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti kkontestaw il-kontenut tad-deċiżjoni u talbu l-annullament parzjali jew totali tagħha.

    6.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv ta’ annullament billi bbażat fuq l-illegalità li kienet tivvizzja l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fis-sistema ta’ sorveljanza u fil-mekkaniżmu ta’ kumpens li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-akkordji tal-qsim tas-suq u tal-klijenti mill-membri tal-akkordju. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata inkwantu tali deċiżjoni kienet ikkonstatat, fl-Artikolu 1 tagħha, l-involviment tal-appellanti f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-suq Spanjol tal-bitum u ordnat lill-istess appellanti, fl-Artikolu 3 tagħha, sabiex itemmu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

    7.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali dehrilha li l-appellanti setgħu jinżammu responsabbli minħabba ż-żewġ komponenti tal-ksur imsemmija iktar ’il fuq (punt 626 tas-sentenza appellata). Hija bbażat din il-konklużjoni fuq dikjarazzjoni ta’ V. C., li kien id-direttur tal-bejgħ tal-bitum ta’ Petrogal u sussegwentement ta’ Galp Energía España (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ V. C.”) ( 5 ). Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm lok għal tnaqqis tal-ammont inizjali tal-multa (punt 630 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali dehrilha li kien neċessarju li żżid it-tnaqqis tal-multa applikata mill-Kummissjoni minħabba ċirkustanzi attenwanti (punt 632 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, hija pproċediet biex naqqset 4 % oħra li kellhom jiżdiedu mat-tnaqqis ta’ 10 % diġà mogħtija permezz tad-deċiżjoni kkontestata (punt 635 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra tal-annullament imressqa mill-partijiet, inkluż il-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalità li taffettwa l-konstatazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet (punti 450 sa 456 tas-sentenza appellata) ( 6 ).

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    8.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2013, l-appellanti ppreżentaw appell li bih qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċerna lill-appellanti, u/jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq l-appellanti,

    sussidjarjament, li tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża,

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    9.

    Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

    10.

    Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet esponew il-pożizzjoni tagħhom bil-miktub u ttrattaw il-każ waqt is-seduta li nżammet fil-15 ta’ April 2015.

    IV – Fuq il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tal-appellanti min-naħa tal-Qorti Ġenerali bħala l-punt tat-tluq għall-analiżi tat-tieni aggravju tal-appell

    A – Punti qosra dwar il-ġurisdizzjoni sħiħa

    11.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 626 u 630 tas-sentenza appellata. Filwaqt li invokaw diversi prinċipji u regoli ta’ proċedura, l-appellanti jilmentaw, fir-realtà, minn att preċiż tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokument stabbilit wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-dikjarazzjoni msemmija ta’ V. C., għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-appellanti abbażi taż-żewġ komponenti tal-mekkaniżmu tal-ksur ( 7 ).

    12.

    Issa, nirrileva mill-ewwel li l-Qorti Ġenerali ġġustifikat it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    13.

    Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali tikkompleta l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li [hija] rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni [...] mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta” ( 8 ). Il-ġurisprudenza ppreċiżat li s-setgħa li tbiddel tapplika anki fin-nuqqas ta’ żball min-naħa tal-Kummissjoni ( 9 ). Hija tippermetti lill-qorti, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, mhux biss li tannulla jew tikkonferma multa u l-ammont tagħha, imma wkoll li żżidha jew tnaqqasha.

    14.

    Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti lill-qorti tirriformula l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullax, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, bil-għan li tbiddel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta ( 10 ). Madankollu, il-modi li bih tista’ tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sħiħa ma humiex kollha definiti ( 11 ).

    15.

    Nirrileva li, fis-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni ( 12 ) u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod ċar li l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa eżerċitata mill-Qorti Ġenerali jimplika stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt kif ukoll is-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tbiddel l-ammont tal-multi ( 14 ).

    16.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 15 ), ma jmurx kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 16 ).

    B – Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà

    17.

    Peress li l-komprensjoni tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali hija, fil-fehma tiegħi, determinanti għall-finijiet tal-analiżi tat-tieni aggravju, nipproponi li nanalizza r-raġunament użat mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kif ukoll tad-disa’ motiv f’dak l-istess rikors, sabiex nitratta l-ilmenti preċiżi mressqa fl-appell.

    18.

    Permezz tat-tielet motiv imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkontestaw l-involviment tagħhom fis-sistema ta’ sorveljanza u fil-mekkaniżmu ta’ kumpens.

    19.

    Fi tmiem dik l-analiżi, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv inkwantu l-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti għall-ksur kollu, minkejja li hija ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni tagħhom fiż-żewġ komponenti tal-ksur. Iktar minn hekk, dik l-istess istituzzjoni ma pprovatx l-għarfien tagħhom jew, tal-inqas, l-impossibbiltà li jinjoraw l-eżistenza taż-żewġ komponenti msemmija iktar ’il fuq sabiex tkun tista’ tapplika b’mod korrett il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu tikkonstata l-involviment tal-appellanti f’diversi akkordji u prattiki miftiehma fis-suq Spanjol tal-bitum.

    20.

    Sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ( 17 ), għandu jitfakkar li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir antikompetittiv li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fit-totalità tiegħu tista’ tkun ugwalment responsabbli għall-aġir li jiġi materjalment adottat minn impriżi oħra li jipparteċipaw. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur jew maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ta’ dan ( 18 ).

    21.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li impriża, waqt il-parteċipazzjoni tagħha f’xi parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kellha għarfien ta’ aġir antikompetittiv ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ta’ dan, wieħed ikollu jasal għall-konklużjoni li dik l-impriża ma tistax tiġi imputata lilha r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir l-ieħor u, għaldaqstant, tal-ksur uniku u kontinwu fit-totalità tiegħu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala infondata minħabba dan l-aspett biss ( 19 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Soliver vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali reċentement uriet ruħha pjuttost eżiġenti fir-rigward tal-prova dwar il-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu ( 20 ).

    22.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 273 u 279 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti fir-rigward tal-komponenti kollha tal-ksur, inkluż il-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ sorveljanza u fil-mekkaniżmu ta’ kumpens. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 286 tas-sentenza appellata, li biex tikkonstata r-responsabbiltà tal-appellanti, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-element tal-parteċipazzjoni fil-komponenti tal-ksur msemmija iktar ’il fuq. Issa, fil-punti 272 u 280 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fiż-żewġ komponenti tal-ksur ma kinitx ipprovata.

    23.

    Ċertament, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq dwar il-ksur uniku u kontinwu kienet tippermetti li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ impriża għall-ksur kollu sakemm hija kellha l-għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur jew li hija ma setgħatx tinjora l-eżistenza tiegħu.

    24.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet espressament fil-punt 289 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-għarfien li l-appellanti suppost kellhom tas-sistema ta’ sorveljanza u tas-sistema ta’ kumpens u lanqas fuq il-fatt li huma ma setgħux jinjoraw dawn il-komponenti. Tali għarfien jew impossibbiltà li jinjoraw l-eżistenza ma humiex, skont il-Qorti Ġenerali fil-punt 290 tal-istess sentenza, stabbiliti fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    25.

    Fl-aħħar nett, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali skartat il-possibbiltà li tali għarfien ikun preżunt u dan fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-akkordju. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 292 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà tal-appellanti minħabba s-sistema ta’ sorveljanza u tal-mekkaniżmu ta’ kumpens ma kinitx stabbilita.

    26.

    Sabiex tirrimedja l-lakuna li skont il-Qorti Ġenerali kellha d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni invokat d-dikjarazzjoni ta’ V. C. Dan l-element ġie skartat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 294 u 295 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, għalkemm id-dikjarazzjoni kienet turi a posteriori l-għarfien effettiv tal-appellanti fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, tissostitwixxi motivazzjoni ġdida flok il-motivazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li din id-dikjarazzjoni, fi kwalunkwe każ, ma kinitx tippermetti li tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ legalità li kien jaffettwa d-deċiżjoni kontenzjuża

    27.

    Dan ir-raġunament għandu jitqiegħed fid-dawl tal-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà tal-appellanti, li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tad-disa’ motiv imressaq fl-ewwel istanza.

    28.

    Fil-kuntest tad-disa’ motiv imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkontestaw l-assenza ta’ tnaqqis tal-multa minkejja l-parteċipazzjoni limitata ħafna tagħhom fil-ksur. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 606 tas-sentenza appellata, li kif ġie kkonstatat fil-kuntest tat-tielet motiv imressaq fl-ewwel istanza, mhux biss il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tal-appellanti fiż-żewġ komponenti tal-ksur li jikkostitwixxu s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kumpens, imma wkoll li hija ma kinitx ressqet elementi biżżejjed biex jippermettulha tikkonstata r-responsabbiltà tagħhom fihom.

    29.

    Madankollu, minkejja l-konstatazzjonijiet li għalihom sar riferiment iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mid-dikjarazzjoni ta’ V. C. li l-appellanti kellhom għarfien tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, u dan jimplika, skont il-Qorti Ġenerali, li l-appellanti kellhom l-għarfien tas-sistema ta’ sorveljanza peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens ma setax jeżisti mingħajr mekkaniżmu ta’ sorveljanza. Mill-punt 624 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali aġixxiet, f’dan ir-rigward, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    30.

    Mill-punti 610 sa 626 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ V. C. biex tikkonstata r-responsabbiltà tal-appellanti fir-rigward taż-żewġ komponenti tal-ksur. Fl-aħħar nett, mill-punt 627 tas-sentenza appellata jirriżulta li huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammonti tal-multi imposti fuq l-appellanti.

    31.

    Huma preċiżament dawn l-elementi kontroversjali fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li huma s-suġġett tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell.

    V – Il-ġurisdizzjoni sħiħa u l-prinċipju ne ultra petita

    A – L-argumenti tal-partijiet

    32.

    Fl-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qabżet il-ġurisdizzjoni tagħha u ddeċidiet ultra petita, inkwantu wara li ex officio ressqet motiv, li ma tressaqx mill-appellanti u lanqas mill-Kummissjoni ( 21 ), hija żammithom responsabbli minħabba ż-żewġ komponenti tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, jiġifieri l-għarfien tal-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-prevedibbiltà tas-sistema ta’ sorveljanza ( 22 ).

    33.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan il-każ ultra petita, peress li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat ruħha fuq dawn il-motivi fid-deċiżjoni tagħha, peress li dawn il-motivi ma kinux ġew invokati bħala motivi għall-annullament mill-appellanti u peress li dawn ma ġewx iddibattuti bl-ebda mod ħlief mill-aspett tal-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ V. C.

    34.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ kumpens mill-appellanti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha hija u tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multa, peress li din kienet ċirkustanza ta’ fatt. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha dritt teħodha inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multa ( 23 ), partikolarment sa fejn il-ġurisprudenza taċċetta l-possibbiltà li tiġi inkluża l-“produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni li r-riferiment għaliha fid-deċiżjoni ma hijiex kif meħtieġ” ( 24 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-aggravju huwa ineffettiv, inkwantu l-Qorti Ġenerali diġà naqqset l-ammont tal-multa ( 25 ).

    B – Evalwazzjoni

    35.

    Huwa paċifiku li l-qorti tal-Unjoni li tkun mitluba tiddeċiedi fuq rikors għal annullament hija marbuta bil-prinċipju magħruf “ne ultra petita”, li joħroġ mill-massima “ne eat iudex ultra petita partium” li tipprekludi lill-qorti milli tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jmorru lil hinn mit-talbiet tal-partijiet. Skont dan il-prinċipju, l-annullament li hija tippronunzja ma jistax jeċċedi lil dak mitlub mir-rikorrent ( 26 ). Il-qorti ma tistax tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett prinċipali tar-rikors u lanqas ma tista’ tqajjem motiv ex officio ħlief f’każijiet partikolari fejn l-interess pubbliku jeħtieġ li hija tintervjeni ( 27 ). Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha l-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu li tirrileva ex officio ċerti motivi ta’ legalità esterna ( 28 ).

    36.

    Għandu jiġi nnutat li l-prinċipju ne ultra petita japplika bil-portata kollha tiegħu biss fil-kuntest tal-proċeduri tad-dritt ċivili, bħala prinċipju tar-rwol attiv tal-partijiet. Min-naħa l-oħra, fil-proċeduri tad-dritt pubbliku, li fosthom hemm dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-portata tiegħu hija iktar diffiċli li tiġi identifikata. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju bilkemm għandu, fil-fehma tiegħi, rwol proprju, iżda jittrasforma ruħu f’aspett tad-dritt għal smigħ xieraq inġenerali. Kif qal ġustament l-Avukat Ġenerali Léger, il-qorti bl-ebda mod ma hija limitata għal rwol passiv u ma tistax tintrabat li tkun biss il-“kelliem tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 29 ). Nosserva, b’mod partikolari, li l-projbizzjoni kontra li jitqajmu motivi ex officio tapplika biss fil-kuntest tal-proċeduri kontenzjużi għal’ annullament, jiġifieri tal-istħarriġ tal-legalità. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex rwol simili fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa.

    37.

    Dan iwassalni għall-kwistjoni dwar kif għandu jiġi applikat il-prinċipju ne ultra petita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, peress li din il-kawża tirrigwarda essenzjalment il-limiti tal-imsemmija ġurisdizzjoni sħiħa li hija l-pern ta’ din il-kawża. Fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-imħallef Komunitarju għandu l-kapaċità li jeżerċita l-kompetenza illimitata tiegħu meta kwistjoni ta’ l-ammont tal-multa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni tiegħu, u li din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata kemm biex inaqqas il-multa u kemm biex iżidha” ( 30 ).

    38.

    Din tiftaħ it-triq għal żewġ interpretazzjonijiet distinti. Min-naħa waħda, jista’ jingħad li biex il-Qorti Ġenerali tkun tista teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-parti għandha tqajjem il-kwistjoni tal-ammont tal-multa b’mod espress u preċiż fit-talbiet tar-rikors. Min-naħa l-oħra, mill-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott ukoll li huwa biżżejjed li l-kwistjoni tal-multa tkun is-suġġett tal-kawża u tkun diskussa fil-kuntest tal-motivi. Din il-kwistjoni tieħu importanza partikolari peress li l-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni sħiħa jissarraf fis-setgħa tal-Qorti Ġenerali li żżid il-multa minkejja li t-talba tal-partijiet tirrigwarda biss it-tnaqqis tagħha ( 31 ).

    39.

    L-implementazzjoni tal-prinċipju ne ultra petita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma hijiex uniformi, imma tidher li tapplika fis-sens tal-ewwel interpretazzjoni imsemmija fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, jiġifieri li l-ammont tal-multa għandu jkun is-suġġett tat-talbiet. Għaldaqstant, fis-sentenza Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta annullat dispożizzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u meta rriformat il-multi imposti billi inkludiethom f’ammont wieħed li kellu jitħallas in solidum mill-partijiet ( 32 ). Iktar minn hekk, fis-sentenza Alliance One International vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ċaħdet l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne ultra petita, enfasizzat li minkejja l-assenza ta’ talba fir-rikors, il-parti kienet talbet, b’mod sussidjarju, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq parteċipant ieħor fl-akkordju u, b’mod solidali, fuqha stess u li l-aggravji tagħha kellhom bħala suġġett, b’mod partikolari li jiġġustifikaw l-għoti ta’ dak it-tnaqqis ( 33 ).

    40.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad hawn fuq, nikkunsidra li l-ilmenti mressqa mill-appellanti ma humiex, fir-realtà, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ne ultra petita jew tressiq żbaljat ta’ argument ex officio. Fi kwalunkwe każ, l-ilmenti msemmija jidhru li jitilqu minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Kif diġà rrilevajt, l-argumenti mressqa mill-appellanti jirrigwardaw il-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li meta kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti fiż-żewġ komponenti tal-akkordju, hija kkonstatat, fir-realtà, il-ksur inkwistjoni.

    41.

    Jekk, madankollu, l-ilmenti mressqa mill-appellanti kellhom xorta waħda jitqiesu bħala li huma bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ne ultra petita, huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li fl-ewwel istanza, kienu l-appellanti li pproduċew id-dikjarazzjoni ta’ V. C. sabiex juru li huma ma kinux ipparteċipaw fil-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ kumpens. Fit-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti talbu, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha. B’mod sussidjarju, huma talbu li jiġu annullati l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata kwantu dawn jirrigwardaw lill-appellanti kif ukoll, sussidjarjament, li titnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti bl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ( 34 ). Għal dak li jikkonċerna t-talbiet tal-Kummissjoni, huwa paċifiku li hija kienet talbet, fl-ewwel istanza, li r-rikors jiġi miċħud.

    42.

    Kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat, parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata u naqqset il-multa imposta mill-Kummissjoni. F’dan is-sens, is-sentenza appellata ma tidher li hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ne ultra petita. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tat-tieni aggravju bħala infondat.

    VI – Ġurisdizzjoni sħiħa u d-dritt għal smigħ xieraq

    A – L-argumenti tal-partijiet

    43.

    Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq (li jinkludi l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet) u d-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju, meta kkonkludiet, fil-punti 624 sa 626 tas-sentenza li fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa hija setgħat tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ V. C. sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tal-appellanti bbażata fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ sorveljanza u tal-għarfien tagħhom tal-mekkaniżmu ta’ kumpens.

    44.

    Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ kontradittorju, meta, qabel ma ddeċidiet, ma kkomunikatx bi preċiżjoni mal-appellanti dwar in-natura u r-raġuni ta’ dan l-ilment ġdid, skont ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

    45.

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti billi tenfasizza l-fatt li l-provi prodotti minn V. C. dwar l-għarfien kienu ssemmew għall-ewwel darba mill-appellanti. Għaldaqstant, huwa assurd min-naħa tal-appellanti li jsostnu li huma ma setgħux jieħdu konjizzjoni tagħhom ( 35 ).

    B – Evalwazzjoni

    1. Rimarki ta’ introduzzjoni

    46.

    Id-dritt għal smigħ xieraq li huwa ggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum jinsab imdaħħal fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-imsemmi Artikolu 47 jiġbor fih diversi elementi, fosthom partikolarment dawk tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt ta’ aċċess għall-qrati.

    47.

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ kontradittorju, huwa paċifiku li dan il-prinċipju jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża. Huwa japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuna ( 36 ). Peress li l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa korollarju tal-istess kunċett ta’ smigħ xieraq, dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha ( 37 ). Dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat fil-proċeduri ta’ sanzjoni mibdija mill-Kummissjoni ( 38 ).

    48.

    Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, jidhirli li huwa essenzjali li jingħad li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi xierqa li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati ( 39 ).

    2. Evalwazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa

    49.

    Mis-sentenza appellata jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ V. C. saret fis-6 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri wara d-deċiżjoni kontenzjuża, u li hija kienet annessa mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u prodotta fil-proċess mill-appellanti quddiem dik il-qorti ( 40 ). Il-Kummissjoni invokat din id-dikjarazzjoni fl-iskritturi tagħha ( 41 ). Id-dikjarazzjoni ġiet meqjusa ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali. L-appellanti ukoll invokawha, partikolarment, fil-kuntest tar-raba’ motiv quddiem il-Qorti Ġenerali ( 42 ).

    50.

    Infakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam tal-kompetizzjoni jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-trattat KE ( 43 ). B’mod partikolari, hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tippermetti lill-impriżi investigati li jsiru jafu l-provi li minnhom tiddisponi l-Kummissjoni u li jagħtu lid-drittijiet tad-difiża effettività sħiħa ( 44 ).

    51.

    Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li “parti li tkun hija stess li pproduċiet il-fatti inkwistjoni tkun, b’dik l-istess ipotesi, kompletament f’pożizzjoni li tesponi, fil-mument li tipproduċihom, ir-rilevanza eventwali li dawn ikollhom għas-soluzzjoni tal-kawża” ( 45 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    52.

    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali għandha tirreferi għad-data li fiha tagħti s-sentenza tagħha. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa waħda, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-dokumenti jew ta’ provi addizzjonali li ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni ( 46 ) jew ukoll elementi li hija ma kellhiex għarfien tagħhom fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur u t-teħid inkunsiderazzjoni tar-responsabbiltà tal-parteċipanti fil-kartell, liema responsabbiltà jew tkun ġiet espressament skartata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ma tkunx ġiet ipprovata mill-Kummissjoni.

    53.

    Fil-fatt, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi addizzjonali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li “l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, hija kompetenti sabiex tevalwa n-natura approprjata tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni komplementari, li ma tissemmiex fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni” ( 47 ).

    54.

    Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għandha b’hekk tikkunsidra hija stess jekk il-multa hijiex adegwata u proporzjonata u hija obbligata li tikkonstata hija stess li l-elementi kollha rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa ġewx effettivament meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, peress li l-Qorti Ġenerali għandha wkoll b’dan il-mod tkun tista’ tmur għall-fatti u għaċ-ċirkustanzi mressqin mir-rikorrenti quddiemha ( 48 ).

    55.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-elementi li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet konjizzjoni tagħhom waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 49 ). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jiġu wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża ( 50 ).

    56.

    Minn dan l-aspett, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ kontradittorju, minkejja li l-valur li tagħtiha l-Qorti Ġenerali ma huwiex uniformi ( 51 ). Min-naħa waħda, fid-dawl tal-fatt li sar wara d-deċiżjoni kkontestata, dan id-dokument ma jistax jikkontradixxi l-provi meqjusa mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ġiet meħuda inkunsiderazzjoni biex fuqha tkun ibbażata r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni, minnha nfisha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sanzjoni mill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jidhirli li jista’ jkun ammissibbli ( 52 ).

    57.

    Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni ta’ dan il-każ hija differenti, fil-fehma tiegħi, minn dik li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Edison ( 53 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fejn l-element ikkunsidrat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien element li ma kienx ġie espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fuqu Edison SpA ma kellhiex l-opportunità li tagħti l-fehma tagħha waqt il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li dan l-element ma setax jitqajjem fil-konfront ta’ dik il-kumpannija ( 54 ).

    3. Ksur tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-responsabbiltà tal-appellanti

    58.

    Il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni formali tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. għandha madankollu tkun distinta minn dik li toħroġ mill-mod kif il-Qorti Ġenerali użat din id-dikjarazzjoni, jiġifieri x’konsegwenzi l-Qorti Ġenerali rabtet magħha u għal-liema skop hija użata. Ċertament, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħaditha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-multa, imma, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti mingħajr dawn tal-aħħar ma bbenefikaw minn dibattitu ta’ kontradittorju.

    59.

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali siltet minn dak id-dokument ma jikkostitwixxux sempliċi punti ta’ fatt. Bil-kontra, dan huwa partikolarment importanti mill-aspett tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Kif l-Avukat Ġenerali Kokott irrileva fil-kawża Il-Kummissjoni vs Alrosa, il-Qorti Ġenerali setgħat tagħti “deċiżjoni għal għarrieda” mhux biss jekk hija tibbaża ruħha fuq fatti u provi mhux magħrufa mill-partijiet imma wkoll jekk hija tibbaża ruħha fuq fatti li, minkejja li jkunu magħrufa mill-partijiet, qatt ma ġew iddibattuti fil-proċedura ġudizzjarja ( 55 ).

    60.

    F’dan il-każ, dawk li hu determinanti huwa l-fatt li bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ V. C., il-Qorti Ġenerali bidlet il-klassifikazzjoni tal-att inkwistjoni minn dak kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    61.

    Bil-fatt li kkonstatat aġir sabiex tkun tista’ tikkonstata r-responsabbiltà tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa. Fil-fatt, b’dan il-mod, hija kkonstatat ksur li ma ġiex stabbilit mill-Kummissjoni. Minn dan l-aspett, il-punt 621 tas-sentenza appellata, li bih il-Qorti Ġenerali tidher li qiegħda tissuġġerixxi, bi ksur tar-regoli kollha msemmija iktar ’il fuq, li l- informazzjoni addizzjonali tista’ tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur kif ukoll il-punt 622 tas-sentenza appellata, jidher li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

    62.

    Iktar minn hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’kuntradizzjoni ċara tal-motivi. Fil-fatt, fil-punt 614, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tissostitwixxi motivazzjoni kompletament ġdida flok motivazzjoni żbaljata użata mill-Kummissjoni. Fil-punt 626, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti fir-rigward taż-żewġ komponenti tal-ksur.

    63.

    Fuq l-istess linja, il-Qorti Ġenerali tidher li tagħmel distinzjoni artifiċjali u, għaldaqstant, żbaljata bejn il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà “għall-finijiet tal-multa” u l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà bħala tali. Huwa paċifiku li l-multa tikkostitwixxi s-sanzjoni għar-responsabbiltà li tkun ġiet ikkonstatata qabel. Għaldaqstant, mingħajr din il-konstatazzjoni preċedenti, il-kwistjoni tal-ammont tal-multa ma tqumx. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali l-ewwel żmuntat il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni qabel ma reġgħet irriformulatu, fil-kuntest tad-disa’ motiv, b’mod li qabżet għalhekk il-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa.

    64.

    Fl-aħħar nett, jidhirli li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju, peress li ma tatx lill-partijiet il-possibbiltà li jiddibattu r-responsabbiltà li ġiet imputata lilhom.

    65.

    Issa, il-ġurisdizzjoni sħiħa tibqa’ suġġetta għal ċerti limiti. Jekk il-kompetenza għall-annullament hija limitata għall-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-ġurisdizzjoni sħiħa minn daqshekk ma tagħtix lill-Qorti Ġenerali l-kompetenza li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur li ma jkunx ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ( 56 ).

    66.

    Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa. Fid-dawl tan-natura fundamentali tal-iżball li ġie kkonstatat, dan jidhirli li għandu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

    VII – Fuq l-iżnaturament tal-provi

    67.

    Fid-dawl tan-natura tal-iżball ikkonstatat, jidhirli li ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet parti tat-tieni aggravju. Għaldaqstant, huwa biss b’mod sussidjarju li ser nitratta din it-tielet parti. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-appellanti jsostnu li bil-konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-appellanti fiż-żewġ komponenti tal-ksur, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 626 tas-sentenza, żnaturat il-provi u kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Il-konstatazzjoni hija bbażata fuq iċċitar mhux komplut tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. li minnha jirriżulta għaldaqstant ċar li V. C. ma kellu ebda għarfien tan-natura tal-mekkaniżmu ta’ kumpens li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni.

    68.

    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ V. C. tħalli kompletament miftuħ il-mument li minnu huwa beda jkollu għarfien tal-“eżistenza ta’ ċertu tip ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens”. Skont il-Kummissjoni, madankollu, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-provi li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ V. C.

    69.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta rikorrent jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, dan għandu, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament ( 57 ).

    70.

    Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hi manifestament żbaljata ( 58 ). Madankollu, permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jidhru li qegħdin jipproponu interpretazzjoni differenti minn dik ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. L-argumenti invokati f’dan il-każ ma jippermettux madankollu li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali qabżet manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija provi ( 59 ).

    71.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    VIII – Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali

    72.

    Ninnota li l-appellanti jitolbu, fil-kuntest tal-appell tagħhom, l-annullament tal-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dawn jikkonċernawhom jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

    73.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Issa, fid-dawl tan-natura tal-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali, din il-kawża ma tidhirx li hija fi stat li tiġi deċiża ( 60 ). Fuq kollox, jiena tal-fehma li l-partijiet ma kellhomx opportunità suffiċjenti li jesponu quddiem il-Qorti Ġenerali l-fehma tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mid-dikjarazzjoni ta’ V. C. fil-kuntest tal-eżerċizzju, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    IX – Konklużjoni

    74.

    Għal dawn ir-raġunijiet, u mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-aggravji l-oħra tal-appell, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju, fit-tieni parti tiegħu, u dan għandu, fil-fehma tiegħi, iwassal għall-annullament tas-sentenza Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (T‑462/07, EU:T:2013:459) kif ukoll għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. L-ispejjeż huma rriżervati.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   EU:T:2013:459.

    ( 3 )   Deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE [Każ COMP/38.710 — Bitum (Spanja)].

    ( 4 )   Premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur, il-Kummissjoni qieset li Galp Energía España, SA, u Petróleos de Portugal, SA, kienu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 8662500; Galp Energia, SGPS, SA kienu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 6435000. Il-parteċipazzjoni ta’ Galp Energía España, SA, u ta’ Petróleos de Portugal, SA, fil-ksur ġiet ikkonstatata għall-perijodu bejn il31 ta’ Jannar 1995 sal-1 ta’ Ottubru 2002, mentri Galp Energia, SGPS, SA, tqieset li pparteċipat fil-ksur mit-22 ta’ April 1999 sal-1 ta’ Ottubru 2002.

    ( 5 )   Ara l-punti 87 u 215 tas-sentenza appellata. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, V.C. ikkonferma f’dan is-sens li l-appellanti qatt ma kienu involuti f’sistema ta’ sorveljanza: “Jiena rajt l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li biha Galp Energia España […] suppost li pparteċipat f’sistema ta’ sorveljanza u ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens tal-mejda tal-asfalt. Dan ma huwiex eżatt. Għas-sempliċi fatt li aħna qatt ma ġejna kkumpensati, indipendentement mill-volum ta’ bejgħ ta’ Galp Energia España [...]. Huwa minnu li f’mument minnhom jiena kkonstatajt l-eżistenza ta’ ċertu tip ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens li fih kienu qegħdin jipparteċipaw il-membri tal-mejda ta’ negozjati fuq l-asfalt, iżda jiena qatt ma kont naf li dawk l-kumpanniji kellhom x’jaqsmu ma’ dik is-sistema. Konsegwentement, Galp Energia España […] qatt ma kienet involuta f’ebda mekkaniżmu ta’ kumpens”.

    ( 6 )   Konsegwenteent, l-ammont tal-multa imposta fuq Galp Energía España, SA, u fuq Petróleos de Portugal (Petrogal), SA, telgħa għal EUR 8277500, mentri l-ammont tal-multa imposta fuq Galp Energía, SGPS, SA, telgħa għal EUR 6149000.

    ( 7 )   Fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni li ma stabbilixxietx b’suffiċjenza fid-dritt il-parteċipazzjoni tal-appellanti fiż-żewġ komponenti tal-ksur. Dan wassalha biex, f’dan ir-rigward, annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    ( 8 )   Sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 103).

    ( 9 )   Sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06P, EU:C:2007:88, punt 61) kif ukoll Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86)..

    ( 10 )   Sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692) Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C-534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86), u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni (T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 577).

    ( 11 )   Ara, għal analiżi dettaljata, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2013:619).

    ( 12 )   C‑386/10 P, EU:C:2011:815..

    ( 13 )   C‑272/09P, EU:C:2011:810.

    ( 14 )   Dan l-aspett huwa kruċjali għal din il-kawża, meħud kont tal-bażi tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali kif espost fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 )   Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

    ( 16 )   Sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09P, EU:C:2011:810, punt 106).

    ( 17 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 82).

    ( 18 )   Sentenzi Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 4142); Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 63), u Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 242).

    ( 19 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C-441/11 P, EU:C:2012:778, punt 47).

    ( 20 )   T‑68/09, EU:T:2014:867. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ġabitx prova tal-parteċipazzjoni ta’ Soliver NV. Ma setax ikun hemm annullament parzjali tad-deċiżjoni peress li l-Kummissjoni ma kinitx ikklassifikat sew il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-aġir li jikkostitwixxi ksur, b’mod li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kollha kemm hi.

    ( 21 )   L-appellanti jfakkru li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewrpea tħaddan il-prinċipju ta’ kontradittorju. Għaldaqstant huma l-partijiet fil-kawża nnifishom biss li (salv għal dak li jikkonċerna motivi ta’ ordni pubblika) jressqu l-motivi ta’ annullament (ara s-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 131). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191) li l-kompitu tal-Qorti Ġenerali huwa limitat biex tiddeċiedi fuq l-argumenti mressqa quddiemha.

    ( 22 )   Punt 626 tas-sentenza appellata.

    ( 23 )   Sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86).

    ( 24 )   Sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni (C‑248/98 P, EU:C:2000:625, punt 40).

    ( 25 )   B’4 % oħra, li jiżdiedu mat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti qabel mill-Kummissjoni, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni inqas regolari jew attiva tar-rikorrent fil-ksur.

    ( 26 )   Ara s-sentenzi Meroni vs L-Awtorità Għolja (46/59 u 47/59, EU:C:1962:44, p. 783, b’mod partikolari p.801); Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 24) u Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni (C‑240/03 P, EU:C:2006:44, punt 43) kif ukoll il-punti 146 sa 148 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555).

    ( 27 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen (T‑58/08 P, EU:T:2009:385, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fil-kuntest tal-kawża ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijet tagħhom, ħlief jekk ma tkunx obbligata, jekk ikun il-każ, li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq premessi legali żbaljati (sentenza ETF vs Michel (T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punti 4251).

    ( 28 )   Fil-fatt, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u n-nuqqas ta’ kompetenza, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubblika li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑240/10, EU:T:2013:645). In-nuqqas ta’ motivazzjoni hija fost il-motivi ta’ legalità esterna. Madankollu, infakkar li tqajjim ex officio ta’ motiv ta’ ordni pubblika ma għandux l-għan li jagħmel tajjeb għal xi insuffiċjenza fir-rikors, iżda li jara li tiġi osservata regola li, minħabba l-importanza tagħha, ma hijiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet, u dan fi kwalunkwe stadju tal-proċedura li tkun. Il-kwistjoni tat-tqajjim ex officio li tapplika għall-motivi għandha, madankollu, tkun distinta mill-portata tal-prinċipju ne ultra petita li jsemmu t-talbiet tal-partijiet.

    ( 29 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns (C‑252/96 P, EU:C:1998:157, punt 36).

    ( 30 )   C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 62, enfażi miżjuda minni. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (C‑3/06 P, EU:C:2006:720, punti 46 sa 50).

    ( 31 )   F’dan ir-rigwarde, ara s-sentenzi Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T‑343/06, EU:T:2012:478) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92).

    ( 32 )   C‑231/11 P à C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 129.

    ( 33 )   C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punti 103 sa 107.

    ( 34 )   Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.

    ( 35 )   Sentenza 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni (T‑392/09, EU:T:2012:674, punti 7879).

    ( 36 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 50).

    ( 37 )   Sentenza Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 46 sa 497172).

    ( 38 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T‑23/99, EU:T:2002:75, punt 171).

    ( 39 )   Sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09P, EU:C:2011:810, punti 104 sa 106).

    ( 40 )   Punt 293 tas-sentenza appellata.

    ( 41 )   Punti 293 u 612 tas-sentenza appellata.

    ( 42 )   Punt 320 tas-sentenza appellata.

    ( 43 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Archer Daniels Midlandb vs Il-Kummissjoni (C‑511/06 P, EU:C:2009:433, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 44 )   Ibidem (punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 )   Sentenza 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni (T‑392/09, EU:T:2012:674, punti 7879).

    ( 46 )   Sentenza Shell Petroleum et.vs Il-Kummissjoni (T‑343/06, EU:T:2012:478, punti 176220232).

    ( 47 )   Ibidem (punt 220).

    ( 48 )   C‑295/12 P, EU:C:2013:619, punt 129.

    ( 49 )   Sentenza Arkema France et vs Il-Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251, punti 249 sa 256) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-impriża inkwistjoni ma kinitx għadha kkontrollata mill-grupp Total u għaldaqstant li ż-żieda minħabba l-effett dissważiv ma kinitx għadha ġġustifikata.

    ( 50 )   Sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673) dwar dikjarazzjoni fejn jingħad li l-ħlas ta’ multa ma taffettwax il-vijabbiltà tal-impriża kif ukoll sentenza Reagens vs Il-Kummissjoni (T‑30/10, EU:T:2014:253, punt 305) fuq elementi li jirrigwardaw il-kapaċità finanzjarja.

    ( 51 )   Bħala eżempju, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, mill-punt 405 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-dikjarazzjoni inkwistjoni “fi kwalunkwe każ ma tistax tikkontradixxi l-provi mhux kontemporanji u dawk kontemporanji tal-fatti analizzati iktar ’il fuq, liema provi tressqu mill-Kummissjoni insostenn tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni ta’ prezzijiet” [traduzzjoni mhu uffiċjali].

    ( 52 )   Barra minn hekk, nemmen li huwa utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ikkomunikat lill-partijiet l-intenzjoni tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis supplementari, dan l-aspett kien jaqa’ taħt l-evalwazzjoni ġuridika li l-Qorti Ġenerali kellha dritt li tagħmel fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mingaħjr ma tavża lill-partijiet minn qabel l-għoti tas-sentenza (ara s-sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 110).

    ( 53 )   C‑446/11 P, EU:C:2013:798.

    ( 54 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment b’analoġija, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Edison, għas-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punti 34 sa 37).

    ( 55 )   C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punti 151152.

    ( 56 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 370).

    ( 57 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 50).

    ( 58 )   Sentenzi PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37) kif ukoll Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17).

    ( 59 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 57).

    ( 60 )   B’kuntrast, b’mod partikolari, mal-kawża Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’ din il-kawża (C‑441/11 P, EU:C:2012:317, punti 43 sa 46).

    Top