This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CC0570
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 13 November 2014. # Karoline Gruber v Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten and Others. # Reference for a preliminary ruling: Verwaltungsgerichtshof - Austria. # Reference for a preliminary ruling - Environment - Directive 2011/92/EU - Assessment of the effects of certain public and private projects on the environment - Construction of a retail park - Binding effect of an administrative decision not to carry out an environmental impact assessment - No public participation. # Case C-570/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ppreżentati fit-13 ta’ Novembru 2014.
Karoline Gruber vs Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali — Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku.
Kawża C-570/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ppreżentati fit-13 ta’ Novembru 2014.
Karoline Gruber vs Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali — Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku.
Kawża C-570/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2374
Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Skont id-dritt Awstrijak, ġirien ikkonċernati la jistgħu jikkontestaw l-istqarrija uffiċjali li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u lanqas ma jistgħu joġġezzjonaw għall-approvazzjoni tal-proġett fuq il-bażi li dan kellu jkun suġġett għal tali evalwazzjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija jekk dan huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA (2) .
2. F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li d-Direttiva EEA, f’ċerti każijiet, tirrikonoxxi d-dritt ta’ individwi li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex kompatibbli ma’ din il-liġi.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva EEA
3. Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jispjegaw l-objettivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’rabta mal-interessi ta’ individwi:
“(4) Iktar minn hekk, huwa meħtieġ li jinkiseb wieħed mill-objettivi tal-Unjoni fl-isfera tal-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
[…]
(14) L-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent għandhom ikunu stmati [evalwati] biex iqisu itħassib għall-ħarsien tas-saħħa umana, issir kontribuzzjoni permezz ta’ ambjent aħjar għall-kwalità tal-ħajja, tkun żgurata żamma tad-diversità ta’ speċji u tinżamm il-kapaċità reproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku għal ħajja.”
4. L-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat:
“(d) ‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
(e) ‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”
5. Dawn id-definizzjonijiet ġew introdotti f’verżjoni preċedenti tad-Direttiva EEA għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (3) permezz tad-Direttiva 2003/35 (4) .
6. L-Artikolu 2 tad-Direttiva EEA jinkludi xi dispożizzjonijiet bażiċi:
“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.
2. L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.
[…]
4. [...] [L]-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.
F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom:
(a) jikkunsidraw jekk għamla oħra ta’ stima tkunx approprjata;
(b) jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kkonċernat it-tagħrif miksub taħt għamliet jew oħra tal-istima msemmija fil-punt (a), it-tagħrif li jkollu x’jaqsam mad-deċiżjoni dwar l-għotja tal-eżenzjoni u r-raġunijiet għaliex tkun ġiet mogħtija;
(c) jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn japplika, liċ-ċittadini tagħhom stess.
[…]”
7. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ddeterminat jekk proġett jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-każ preżenti, hija ta’ interess id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) u (3), li tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni:
“2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
(a) eżami każ b’każ,
jew
(b) livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).
3. Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”
8. L-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA fih dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja li, fil-biċċa l-kbira tagħha, tirrifletti l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li ġiet introdotta wkoll permezz tad-Direttiva 2003/35:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
(a) li jkollhom interess [ġuridiku] suffiċjenti, jew alternattivament,
(b) li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
[…]
3. Dak li jikkostitwixxi interess [ġuridiku] suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġu stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
[…]”
B – Id-dritt Awstrijak
9. Id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija rregolata mill-Artikolu 3(7) tal-Liġi tal-2000 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 (5) ), fil-verżjoni (6) applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”):
“L-awtorità għandha tikkonstata, fuq talba tal-applikant għall-proġett, ta’ awtorità involuta jew tal-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt], jekk, fil-każ ta’ proġett partikolari, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont din il-Liġi Federali […]. Id-deċiżjoni għandha tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. L-applikant għall-proġett, l-awtorità involuta, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat huma kkunsidrati bħala partijiet. […] Il-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet kif ukoll il-motivi essenzjali għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità b’mod xieraq jew għandhom ikunu aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku. Il-komun ikkonċernat jista’ jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. [....]”
III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
10. K. Gruber qiegħda tikkontesta, quddiem il-qrati nazzjonali, l-awtorizzazzjoni ġenerali maħruġa favur EMA Beratungs- und Handels GmbH (iktar ’il quddiem “EMA”), fil-21 ta’ Frar 2012, għall-bini u l-operat ta’ konglomerat ta’ kummerċ u servizzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru kummerċjali speċjalizzat”) bi spazju tal-art totali ta’ 11 437.58 m 2 . Hija tilmenta partikolarment li ma twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
11. Madankollu, il-Land ta’ Kärnten kien diġà ddeċieda, fil-21 ta’ Lulju 2010, li tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa. Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lil K. Gruber biss sussegwentement u hija finali.
12. Il-Verwaltungsgerichtshof tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-[Direttiva EEA], b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, jipprekludi sitwazzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward ta’ proġett partikolari, torbot ukoll lill-ġirien li ma kinux partijiet fil-proċedura preċedenti għal deċiżjoni deklaratorja u tista’ tiġi invokata kontrihom fi proċedura sussegwenti għal awtorizzazzjoni, anki jekk dawn għandhom il-possibbiltà li jqajmu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proġett matul l-imsemmija proċedura għal awtorizzazzjoni (f’dan is-sens l-oġġezzjoni fil-kawża prinċipali tkun dik li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor)?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġi li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda?
13. Fil-proċedura bil-miktub ipparteċipaw K. Gruber, EMA, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ EMA, kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014.
IV – Analiżi legali
A – Fuq il-verżjoni applikabbli tad-Direttiva EEA
14. EMA temmen li, fil-kawża prinċipali, minflok il-verżjoni tad-Direttiva EEA invokata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri d-Direttiva 2011/92, għandha tapplika l-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni.
15. Madankollu, EMA tirrikonoxxi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn kawża kontra l-awtorizzazzjoni tal-proġett tagħha tal-21 ta’ Frar 2012. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, f’dak il-mument diġà kienet tapplika d-Direttiva 2011/92. Fil-fatt, konformement mal-Artikoli 14 u 15 tagħha, din id-direttiva daħlet fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fit-28 ta’ Jannar 2012, jiġifieri fis-17 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, din id-direttiva ma kienet tipprevedi l-ebda terminu għat-traspożizzjoni għaliex, meta mqabbla mal-verżjoni applikabbli preċedentement, ma teffettwax emendi sostantivi, iżda sempliċement tikkonsolida l-emendi li saru qabel u ttejjeb il-preżentazzjoni tad-dispożizzjonijiet.
16. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni EMA, dan japplika wkoll għall-Artikolu 2(3) u għall-Artikolu 10a tal-verżjoni preċedenti, li jikkorrispondu għall-Artikolu 2(4) u għall-Artikolu 11 tal-verżjoni l-ġdida. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li r-referenzi għall-verżjoni applikabbli preċedentement għandhom jitqiesu li huma referenzi għad-Direttiva 2011/92 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness VI.
17. Billi ma teffettwa l-ebda emendi sostantivi, il-verżjoni l-ġdida tista’ wkoll tkun applikata mingħajr problema għall-proċedura li għadha għaddejja dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni tal-21 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali għandhom japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ (7) . Huma biss emendi sostanzjali għar-rekwiżiti proċedurali (8) jew dispożizzjonijiet tranżitorji speċjali (9) li jistgħu jagħtu lok li dan jiġi rrivedut.
18. Konsegwentement ma hemmx lok għal dubju fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/92.
B – Fuq l-ewwel domanda
19. Il-qofol tal-kawża preżenti jinsab fl-ewwel domanda. Madankollu, din teħtieġ preċiżazzjoni (taqsima 1). Imbagħad, għandu jitfakkar id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (taqsima 2), li huwa appoġġat minn dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (taqsima 3), dritt iżda li għalih ma huwiex intitolat kulħadd, iżda biss il-persuni kkonċernati (taqsima 4). Huwa biss b’mod supplimentari li għandhom jiġu indirizzati, l-ewwel nett, il-proċedura speċjali ta’ protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA (taqsima 5), it-tieni nett, il-kumpens possibbli għan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-applikazzjoni ta’ liġijiet speċjali (taqsima 6) u, fl-aħħar nett, it-teżi ta’ EMA fis-sens li l-każ preżenti jikkonċerna eċċezzjoni għad-Direttiva EEA (taqsima 7).
1. Fuq l-interpretazzjoni tad-domanda preliminari
20. Id-domanda tal-Verwaltungsgerichtshof hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-kundizzjonijiet li fihom il-konstatazzjoni li proġett ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent takkwista effett vinkolanti. Madankollu, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija dwar jekk l-effett vinkolanti jistax japplika wkoll għall-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati.
21. Il-Verwaltungsgerichtshof tindika fil-fatt, li, skont l-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, għall-eżami tal-kwistjoni jekk għal proġett għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija prevista proċedura partikolari. F’din il-proċedura huma biss l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll, skont bidliet leġiżlattivi reċenti, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jitqiesu li huma partijiet, iżda mhux il-ġirien tal-proġett. Dan ifisser li jkun biss fil-proċess sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni li ġirien (bħal ma hija, f’din il-kawża, K. Gruber) ikunu kkonfrontati għall-ewwel darba bid-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Sa dan iż-żmien id-deċiżjoni tkun finali u torbot lill-partijiet kollha.
22. Minn dan jirriżulta apparentement li għalkemm il-ġirien jistgħu joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett fil-każ li dan jikser ċerti standards stabbiliti fid-dritt ambjentali, pereżempju valuri limiti, iżda ma jistgħux jilmentaw li, bi ksur tad-Direttiva EEA, ma tkun twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. U lanqas ma jidher li jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni (10) .
23. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA li l-konstatazzjoni li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ikollha effett vinkolanti fil-konfront tal-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati.
24. Għal dan il-għan, fil-punti segwenti għandhom jiġu diskussi, l-ewwel nett, il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli.
2. Fuq il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni
25. Fil-kawża preżenti, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ jirriżulta kemm mill-Artikolu 2(1) kif ukoll mill-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, billi l-proġett ta’ EMA għandu jitqies li huwa proġett ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi, fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II.
26. Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva EEA, għall-proġetti elenkati fl-Anness II li jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ eżami każ b’każ, jew abbażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
27. Fir-rigward tal-iffissar tal-limiti jew tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva EEA jikkonċedi marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu huwa limitat permezz tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1), li jistipula li dawk il-proġetti li mistennija jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fost affarijiet oħra minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, għandu jsirilhom eżami tal-effetti tagħhom (11) .
28. B’hekk, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tirriżulta direttament mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll mill-Anness II tad-Direttiva EEA meta l-proġett jaqa’ taħt dan l-anness u meta jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi (12) . L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, jekk ikun il-każ, jeżaminaw b’mod partikolari l-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva (13), għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (14) . Dan huwa l-hekk imsejjaħ eżami preliminari.
3. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari
29. Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-individwi jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA (15) .
30. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “t-terzi, bħal wara kollox l-awtoritajiet amministrattivi interessati”, għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun fil-fatt eżaminat, skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kinitx neċessarja. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, il-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami. Din l-eżiġenza tista’ tikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni (16) .
31. L-Awstrija u EMA jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-obbligu ta’ eżami preliminari jista’ jikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni (17) . Madankollu, fl-opinjoni tagħhom ma hemm l-ebda obbligu li jkun permess tali rikors.
32. Madankollu, dan l-argument jonqos milli jirrikonoxxi l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-frażi li tippreċedi dik ikkwotata mill-Awstrija u minn EMA, stqarret li l-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami (18) .
33. Din il-konstatazzjoni hija wkoll loġika peress li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil dawk ikkonċernati d-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA (19) . Għalhekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jitlob li l-persuni kkonċernati tingħatalhom il-possibbiltà li jissuġġettaw għal stħarriġ ġudizzjarju d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
34. Tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir pereżempju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew meta tiġi kkontestata deċiżjoni sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat rikors immedjatament kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, il-fatt li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jkun jista’ jiġi kkontestat l-iktar tard fil-kuntest tar-rikors kontra l-awtorizzazzjoni. Għalhekk, l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari fil-konfront ta’ dawk li jistgħu jistrieħu fuq l-Artikolu 2(1) kif ukoll fuq l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, iżda li ma setgħux jikkontestaw quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, ma huwiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
4. Fuq iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli
35. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ min jista’ jinvoka l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-ġurisprudenza, madankollu, hija parzjalment interpretata ħażin. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss titkellem dwar “persuni interessati” (20), imma xi kultant titkellem biss dwar “individwi” (21) jew saħansitra b’mod ġenerali dwar “terzi” (22), jiġifieri dwar ċirku potenzjalment wiesa’ ħafna ta’ persuni eliġibbli. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li fis-seduta tqajjem it-tħassib li l-fatt li jiġi invokat dan l-obbligu jista’ jippermetti actio popularis .
36. Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni għal tali tħassib.
37. Mid-Direttiva EEA jista’ fil-fatt jiġi konkluż li fil-verità huma koperti biss il-persuni affettwati. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(3) u (4), fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma għandux ikun involut il-pubbliku b’mod ġenerali iżda biss il-“pubbliku kkonċernat”. L-Artikolu 1(2)(e) jiddefinixxih bħala l-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent jew li għandu interess fihom. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva EEA, il-pubbliku jinkludi l-persuni naturali jew ġuridiċi.
38. F’dan is-sens, għalhekk, il-partijiet ikkonċernati ma humiex biss il-partijiet fil-proċedura ta’ eżami preliminari rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak, jiġifieri l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi.
39. Fil-fatt, il-ġirien ukoll huma membri tal-pubbliku kkonċernat u għalhekk jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta jkunu affettwati jew meta minn tal-inqas x’aktarx li jiġu affettwati mill-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet.
40. Madankollu, EMA ssostni li K. Gruber ma għandhiex titqies li hija ġara kkonċernata, peress li din tgħix bosta kilometri bogħod mill-proġett u hija biss sid ta’ proprjetà immobbli mikrija fil-viċinanzi tiegħu. Madankollu, matul is-seduta, K. Gruber sostniet li hija wkoll tgħix f’din il-proprjetà immobbli.
41. Madankollu, anki jekk l-argument ta’ EMA huwa minnu, jista’ jkun suffiċjenti li jkun hemm kwalunkwe impatt ambjentali tal-proġett fuq il-proprjetà immobbli li K. Gruber ma tgawdix personalment iżda bħala parti mill-patrimonju tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li dannu għall-patrimonju, li jkollu l-oriġini tiegħu direttament fl-impatt ambjentali ta’ proġett, huwa kopert mill-għan protettiv tad-Direttiva EEA(23) . Jekk K. Gruber jinħolqilha dannu bħal dan jew minn tal-inqas huwa probabbli li jinħolqilha, hija allura tkun affettwata mill-proċedura dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva EEA. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk humiex mistennija effetti bħal dawn hija kwistjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.
42. Lanqas l-oġġezzjoni tal-Awstrija, fis-sens li meta jsir l-eżami preliminari ma jkunx għadu ċar liema persuni ser jiġu affettwati konkretament, ma hija konvinċenti. Kif tosserva wkoll K. Gruber, dan ifisser li f’dak il-mument ma jkunx hemm informazzjoni suffiċjenti dwar l-impatt ambjentali tal-proġett sabiex tittieħed deċiżjoni tal-eżami preliminari. F’dan il-każ, id-deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni hijiex meħtieġa tkun għadha ma tistax tittieħed f’dan l-istadju.
5. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA
43. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti vinkolanti tad-deċiżjoni li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
44. Dan għaliex il-każ preżenti ma jikkonċernax reviżjoni komprensiva tal-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, kif tippermetti din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni hija biss dik li jiġi deċiż jekk, fi proċedimenti kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-effett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari jistax jiġi invokat fil-konfront tal-ġirien.
45. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tikkunsidra li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA huwa rilevanti, dan ikun jgħodd anki għar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.
46. Huma minnu li EMA għandha raġun meta tqis li d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma teħtieġx il-parteċipazzjoni tal-pubbliku (24) u meta tikkonkludi, minn dan, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA ma huwiex applikabbli. Dan għaliex l-Artikolu 11 japplika biss għal miżuri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk hijiex meħtieġa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, hija kwistjoni ta’ importanza prinċipali f’dan l-istadju tal-proċedura. F’dan id-dawl, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kwistjoni huma wkoll ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-rispett tal-obbligu tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandha tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA, minn tal-inqas bħala kwistjoni preliminari.
47. Dan huwa kkonfermat mill-oriġini tar-referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fil-fatt, din il-karatteristika sservi l-implementazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprovdi li dan id-dritt ta’ azzjoni huwa applikabbli minn tal-inqas għall-miżuri kollha li għalihom japplika l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għad-deċiżjonijiet, għall-atti jew għall-ommissjonijiet kollha relatati ma’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Anki d-deċiżjoni, meħuda b’mod żbaljat, li proġett ma jkunx suġġett għal tali evalwazzjoni, tikkostitwixxi tali miżura.
48. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ċċarat ukoll liema huma d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati minn individwu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-prinċipju l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita dawn id-drittijiet għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss (25) . Madankollu, id-dritt tal-pubbliku kkonċernat li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa tali dritt suġġettiv pubbliku, li l-Istati Membri ma jistgħux iġibu fix-xejn l-effettività tiegħu billi jċaħħdu lill-persuni eliġibbli mid-dritt li jinforzawh permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.
49. Fil-fatt id-Direttiva EEA tagħti ċerti drittijiet lill-persuni kkonċernati meta proġett irid ikun suġġett għal eva lwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Qabel kollox, huma intitolati li jkunu informati, permezz tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva, dwar l-impatt ambjentali tal-proġett (b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6) u li, f’dan il-kuntest, jesprimu l-opinjoni tagħhom (l-Artikolu 6 u 7). Ir-riżultati tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett (l-Artikolu 8) u l-informazzjoni l-iktar importanti dwar id-deċiżjoni dwar il-proġett għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 9).
50. Dawn id-drittijiet ma jikkostitwixxux għan fih innifsu. Minn naħa, huma jservu sabiex itejbu d-deċiżjoni dwar il-proġett, minħabba li jistgħu jtejbu l-bażi għad-deċiżjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miksuba u mwassla f’dan il-proċess tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jinvokaw drittijiet oħra li huma minquxa fid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-ħarsien tal-ambjent — bħal pereżempju ċerti limiti għall-kwalità tal-arja ċirkustanzi. Minn tal-inqas, din l-informazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jadattaw għall-impatt ambjentali tal-proġett, pereżempju billi jtejbu l-protezzjoni mill-istorbju fil-proprjetà immobbli tagħhom (26) .
51. Dan huwa kkonfermat mill-għanijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jipprovdu li permezz tagħha għandu jinkiseb wieħed mill-objettivi tal-Unjoni fl-isfera tal-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. L-effetti ambjentali ta’ proġett għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-isforzi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, sabiex, permezz ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali, isir kontribut għall-kwalità tal-ħajja, u sabiex tinżamm il-kapaċità riproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku għall-ħajja (27) . Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament qieset b’mod partikolari li l-protezzjoni tas-saħħa minn impatti ambjentali negattivi hija raġuni (addizzjonali) (28) li tippermetti lill-individwi jinvokaw dispożizzjonijiet immedjatament applikabbli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni (29) .
52. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva EEA, sa mill-estensjoni tagħha permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tikkontribwixxi sabiex tallinja d-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, id-Direttiva EEA, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha li, bħall-Artikolu 1(2)(d) u (e), ġew introdotti permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-objettivi tal-Konvenzjoni (30) .
53. Skont il-premessa 7 tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tagħha kif ukoll l-obbligu li, kemm individwalment kif ukoll f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, tipproteġi u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Skont il-premessa 8, sabiex ikunu jistgħu jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan l-obbligu, iċ-ċittadini għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (31) .
54. Għalhekk, id-Direttiva EEA ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma jikkorrispondi għal ebda dritt tal-pubbliku kkonċernat — inklużi l-ġirien ikkonċernati — li jista’ jiġi infurzat permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.
6. Fuq l-evalwazzjoni “ de facto ” tal-effetti fuq l-ambjent, fuq il-bażi ta’ oġġezzjonijiet sussegwenti
55. L-Awstrija finalment tinvoka l-possibbiltà msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ evalwazzjoni “ de facto ” tal-effetti fuq l-ambjent li tippermetti kunsiderazzjoni adegwata ta’ oġġezzjonijiet ambjentali. Fil-fatt, skont il-preżentazzjoni mogħtija mill-Verwaltungsgerichtshof, il-ġirien ta’ impjant operattiv kummerċjali jistgħu, taħt il-liġi nazzjonali, jasserixxu li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor.
56. Meta mistoqsija dwar dan fis-seduta, l-Awstrija ċċarat dan l-argument billi indikat li l-effetti ambjentali sinjifikattivi ta’ proġett ikunu identifikati fil-kuntest ta’ liġijiet speċjali u li, f’dan ir-rigward, ikun involut ukoll il-pubbliku kkonċernat.
57. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-prinċipju jistgħu jkunu ssodisfatti wkoll fi proċess ieħor (32) . Għalhekk ma huwiex meħtieġ li dan l-eżami jissejjaħ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk il-ħtiġijiet kollha tad-Direttiva jiġu ssodisfatti f’dan jew fi kwalunkwe proċess ieħor.
58. Dan ifisser, l-ewwel nett, b’mod partikolari, li għandha tinkiseb l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva EEA u li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, b’mod partikolari tal-pubbliku kkonċernat kollu, iżda wkoll ta’ awtoritajiet oħra skont l-Artikoli 6 u 7, għandhom jiġu żgurati mingħajr restrizzjoni . Fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 3, għandhom jiġu identifikati u evalwati l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq id-diversi fatturi ambjentali u l-interazzjoni bejniethom (33) . Bl-istess mod, l-Artikolu 8 jipprovdi li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett. Fl-aħħar nett, kontra din l-awtorizzazzjoni, anki jekk tingħata mingħajr evalwazzjoni formali tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jkun previst rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 11.
59. Fil-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti għandha, jekk hemm bżonn, teżamina jekk, fl-applikazzjoni tal-liġijiet speċjali fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni, dawn ir-rekwiżiti kollha jkunux ġew effettivament issodisfatti. Madankollu tali riżultat ikun sorprendenti sa fejn huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn, jekk dan ikun il-każ, id-dritt Awstrijak jipprevedi, b’mod parallel, proċedura formali u denotata b’tali mod ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u għalfejn l-awtoritajiet Awstrijaċi ċaħħdu l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura fil-każ preżenti.
7. Fuq il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-Direttiva EEA
60. Sa fejn EMA tipprova tislet, mid-dispożizzjoni Awstrijaka, eżenzjoni ta’ ċerti proġetti mid-Direttiva EEA, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tagħha, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżiti għal tali eżenzjoni ma humiex issodisfatti. Din l-eżenzjoni jista’ jsir użu minnha biss f’każijiet eċċezzjonali għal proġetti individwali, imma mhux għal sensiela ta’ proġetti ddeterminati abbażi tal-valuri limiti. Barra minn hekk, ma huwiex evidenti li l-Awstrija, skont l-Artikolu 2(4)(a), investigat jekk tkunx xierqa forma oħra ta’ evalwazzjoni, jew li għarrfet lill-pubbliku jew lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(4)(b) u (c) (34) . Fl-aħħar mill-aħħar, lanqas l-Awstrija stess ma tinvoka din l-eżenzjoni fis-sottomissjonijiet tagħha.
8. Riżultat intermedju
61. Għalhekk, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 2(1) kif ukoll mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, li fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat li jressqu azzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba li kien imissha twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiġi invokat l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari li tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk dawn ma setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari fi stadju preċedenti.
C – Fuq it-tieni domanda
62. Permezz tat-tieni domanda, il-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġix li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda.
63. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li fir-rigward tal-kontenut tagħhom jidhru li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat Membru (35) .
64. Kontra applikazzjoni immedjata jista’ jiġi argumentat li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, ħielsa li jiddeċiedu jekk jippermettux protezzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew jekk jirrestrinġux il-protezzjoni ġudizzjarja għall-possibbiltà li jitqajjem motiv inċidentali fil-kuntest ta’ azzjoni kontra awtorizzazzjoni. Iż-żewġ alternattivi jidhru permissibbli mil-lat tad-dritt tal-Unjoni u ma jistax jiġi eskluż awtomatikament li jeżistu possibbiltajiet oħra.
65. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda biss il-forma li fiha tingħata l-protezzjoni ġudizzjarja, iżda mhux ir-riżultat meħtieġ, jiġifieri l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
66. Dan għalhekk huwa każ tipiku tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (36) . Issa, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li l-pubbliku kkonċernat jiċċaħħad minn kwalunkwe possibbiltà li jikkontesta quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari (37) . Dan għaliex f’dan il-każ ikun prattikament impossibbli li jiġi infurzat id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
67. Konsegwentement, l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA huma applikabbli direttament sa fejn l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari ma jistax jiġi invokat fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett jekk dawn il-membri ma kellhomx possibbiltà oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
V – Konklużjoni
68. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
1) Ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 2(1) kif ukoll mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, li fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat li jressqu azzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba li kien imissha twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiġi invokat l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari li tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk dawn ma setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari fi stadju preċedenti.
2) L-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE huma applikabbli direttament sa fejn l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari ma jistax jiġi invokat fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett jekk dawn il-membri ma kellhomx possibbiltà oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
(1) .
(2) – Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”). Din id-direttiva reċentement ġiet emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, p. 1) li madankollu għadha ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.
(3) – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
(4) – Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
(5) – BGBL Nru 697/1993.
(6) – BGBL I Nru 87/2009.
(7) – Sentenzi Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9), CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, EU:C:1993:285, punt 22), kif ukoll Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47).
(8) – Ara s-sentenzi Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 94).
(9) – Ara wkoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/52/UE (ĠU L 124, p. 1), li t-tnejn li hu ma jemendaw id-Direttiva EEA.
(10) – Dan huwa msaħħaħ mill-artiklu ta’ Wolfgang Berger ippreżentat minn EMA bħala Anness 3, UVP-Feststellungsverfahren und Rechtsmittelbefugnis: Revolution durch “Mellor”?, Recht der Umwelt, Sonderbeilage Umwelt und Technik 2009/25, 66 (67).
(11) – Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).
(12) – Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 61), Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 41 sa 43).
(13) – Ara s-sentenza Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 32).
(14) – Sentenza Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).
(15) – Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
(16) – Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punti 57 u 58) u Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punti 57 u 58).
(17) – Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
(18) – Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
(19) – Minbarra s-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, ara wkoll is-sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 59).
(20) – Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
(21) – Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
(22) – Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 57) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 57).
(23) – Sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 35 u 36).
(24) – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Križan et (C‑416/10, EU:C:2012:218, punti 133 sa 136).
(25) – Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45).
(26) – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punti 50 u 51).
(27) – Ara s-sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 28, 29 u 34).
(28) – Ara f’dan ir-rigward Kokott/Sobotta, Rechtsschutz im Umweltrecht – Weichenstellungen in der Rechtsprechung des Gerichtshofs der Europäischen Union, Deutsches Verwaltungsblatt 2014, p. 132.
(29) – Ara, pereżempju, is-sentenzi Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37) kif ukoll Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 94).
(30) – Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 41).
(31) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:422, punti 96 u 98) kif ukoll Kokott/Sobotta, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 136.
(32) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ([Großkrotzenburg], C‑431/92, EU:C:1995:260, punti 43 sa 45).
(33) – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 37).
(34) – Ara, fir-rigward tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punti 84 sa 87).
(35) – Ara, pereżempju, is-sentenzi Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 16) kif ukoll Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 46).
(36) – Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 45) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 38).
(37) – Ara wkoll, f’dan is-sens, l-artiklu ta’ Berger ippreżentat minn EMA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 70 et seq .
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-13 ta’ Novembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑570/13
Karoline Gruber
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija)]
“Ambjent — Direttiva EEA/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali speċjalizzat — Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku”
I – Introduzzjoni
1. |
Skont id-dritt Awstrijak, ġirien ikkonċernati la jistgħu jikkontestaw l-istqarrija uffiċjali li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u lanqas ma jistgħu joġġezzjonaw għall-approvazzjoni tal-proġett fuq il-bażi li dan kellu jkun suġġett għal tali evalwazzjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija jekk dan huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA ( 2 ). |
2. |
F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li d-Direttiva EEA, f’ċerti każijiet, tirrikonoxxi d-dritt ta’ individwi li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex kompatibbli ma’ din il-liġi. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva EEA
3. |
Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jispjegaw l-objettivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’rabta mal-interessi ta’ individwi:
[…]
|
4. |
L-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat:
|
5. |
Dawn id-definizzjonijiet ġew introdotti f’verżjoni preċedenti tad-Direttiva EEA għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 3 ) permezz tad-Direttiva 2003/35 ( 4 ). |
6. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva EEA jinkludi xi dispożizzjonijiet bażiċi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4. 2. L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva. […] 4. [...] [L]-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom:
[…]” |
7. |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ddeterminat jekk proġett jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-każ preżenti, hija ta’ interess id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) u (3), li tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni: “2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b). 3. Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.” |
8. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA fih dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja li, fil-biċċa l-kbira tagħha, tirrifletti l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li ġiet introdotta wkoll permezz tad-Direttiva 2003/35: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. […] 3. Dak li jikkostitwixxi interess [ġuridiku] suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġu stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. […]” |
B – Id-dritt Awstrijak
9. |
Id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija rregolata mill-Artikolu 3(7) tal-Liġi tal-2000 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 ( 5 )), fil-verżjoni ( 6 ) applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”): “L-awtorità għandha tikkonstata, fuq talba tal-applikant għall-proġett, ta’ awtorità involuta jew tal-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt], jekk, fil-każ ta’ proġett partikolari, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont din il-Liġi Federali […]. Id-deċiżjoni għandha tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. L-applikant għall-proġett, l-awtorità involuta, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat huma kkunsidrati bħala partijiet. […] Il-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet kif ukoll il-motivi essenzjali għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità b’mod xieraq jew għandhom ikunu aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku. Il-komun ikkonċernat jista’ jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. [....]” |
III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
10. |
K. Gruber qiegħda tikkontesta, quddiem il-qrati nazzjonali, l-awtorizzazzjoni ġenerali maħruġa favur EMA Beratungs- und Handels GmbH (iktar ’il quddiem “EMA”), fil-21 ta’ Frar 2012, għall-bini u l-operat ta’ konglomerat ta’ kummerċ u servizzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru kummerċjali speċjalizzat”) bi spazju tal-art totali ta’ 11437.58 m2. Hija tilmenta partikolarment li ma twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
11. |
Madankollu, il-Land ta’ Kärnten kien diġà ddeċieda, fil-21 ta’ Lulju 2010, li tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa. Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lil K. Gruber biss sussegwentement u hija finali. |
12. |
Il-Verwaltungsgerichtshof tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
13. |
Fil-proċedura bil-miktub ipparteċipaw K. Gruber, EMA, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ EMA, kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014. |
IV – Analiżi legali
A – Fuq il-verżjoni applikabbli tad-Direttiva EEA
14. |
EMA temmen li, fil-kawża prinċipali, minflok il-verżjoni tad-Direttiva EEA invokata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri d-Direttiva 2011/92, għandha tapplika l-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni. |
15. |
Madankollu, EMA tirrikonoxxi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn kawża kontra l-awtorizzazzjoni tal-proġett tagħha tal-21 ta’ Frar 2012. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, f’dak il-mument diġà kienet tapplika d-Direttiva 2011/92. Fil-fatt, konformement mal-Artikoli 14 u 15 tagħha, din id-direttiva daħlet fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fit-28 ta’ Jannar 2012, jiġifieri fis-17 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, din id-direttiva ma kienet tipprevedi l-ebda terminu għat-traspożizzjoni għaliex, meta mqabbla mal-verżjoni applikabbli preċedentement, ma teffettwax emendi sostantivi, iżda sempliċement tikkonsolida l-emendi li saru qabel u ttejjeb il-preżentazzjoni tad-dispożizzjonijiet. |
16. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni EMA, dan japplika wkoll għall-Artikolu 2(3) u għall-Artikolu 10a tal-verżjoni preċedenti, li jikkorrispondu għall-Artikolu 2(4) u għall-Artikolu 11 tal-verżjoni l-ġdida. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li r-referenzi għall-verżjoni applikabbli preċedentement għandhom jitqiesu li huma referenzi għad-Direttiva 2011/92 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness VI. |
17. |
Billi ma teffettwa l-ebda emendi sostantivi, il-verżjoni l-ġdida tista’ wkoll tkun applikata mingħajr problema għall-proċedura li għadha għaddejja dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni tal-21 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali għandhom japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ ( 7 ). Huma biss emendi sostanzjali għar-rekwiżiti proċedurali ( 8 ) jew dispożizzjonijiet tranżitorji speċjali ( 9 ) li jistgħu jagħtu lok li dan jiġi rrivedut. |
18. |
Konsegwentement ma hemmx lok għal dubju fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/92. |
B – Fuq l-ewwel domanda
19. |
Il-qofol tal-kawża preżenti jinsab fl-ewwel domanda. Madankollu, din teħtieġ preċiżazzjoni (taqsima 1). Imbagħad, għandu jitfakkar id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (taqsima 2), li huwa appoġġat minn dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (taqsima 3), dritt iżda li għalih ma huwiex intitolat kulħadd, iżda biss il-persuni kkonċernati (taqsima 4). Huwa biss b’mod supplimentari li għandhom jiġu indirizzati, l-ewwel nett, il-proċedura speċjali ta’ protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA (taqsima 5), it-tieni nett, il-kumpens possibbli għan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-applikazzjoni ta’ liġijiet speċjali (taqsima 6) u, fl-aħħar nett, it-teżi ta’ EMA fis-sens li l-każ preżenti jikkonċerna eċċezzjoni għad-Direttiva EEA (taqsima 7). |
1. Fuq l-interpretazzjoni tad-domanda preliminari
20. |
Id-domanda tal-Verwaltungsgerichtshof hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-kundizzjonijiet li fihom il-konstatazzjoni li proġett ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent takkwista effett vinkolanti. Madankollu, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija dwar jekk l-effett vinkolanti jistax japplika wkoll għall-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati. |
21. |
Il-Verwaltungsgerichtshof tindika fil-fatt, li, skont l-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, għall-eżami tal-kwistjoni jekk għal proġett għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija prevista proċedura partikolari. F’din il-proċedura huma biss l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll, skont bidliet leġiżlattivi reċenti, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jitqiesu li huma partijiet, iżda mhux il-ġirien tal-proġett. Dan ifisser li jkun biss fil-proċess sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni li ġirien (bħal ma hija, f’din il-kawża, K. Gruber) ikunu kkonfrontati għall-ewwel darba bid-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Sa dan iż-żmien id-deċiżjoni tkun finali u torbot lill-partijiet kollha. |
22. |
Minn dan jirriżulta apparentement li għalkemm il-ġirien jistgħu joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett fil-każ li dan jikser ċerti standards stabbiliti fid-dritt ambjentali, pereżempju valuri limiti, iżda ma jistgħux jilmentaw li, bi ksur tad-Direttiva EEA, ma tkun twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. U lanqas ma jidher li jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni ( 10 ). |
23. |
Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA li l-konstatazzjoni li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ikollha effett vinkolanti fil-konfront tal-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati. |
24. |
Għal dan il-għan, fil-punti segwenti għandhom jiġu diskussi, l-ewwel nett, il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli. |
2. Fuq il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni
25. |
Fil-kawża preżenti, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ jirriżulta kemm mill-Artikolu 2(1) kif ukoll mill-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, billi l-proġett ta’ EMA għandu jitqies li huwa proġett ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi, fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II. |
26. |
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva EEA, għall-proġetti elenkati fl-Anness II li jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ eżami każ b’każ, jew abbażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
27. |
Fir-rigward tal-iffissar tal-limiti jew tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva EEA jikkonċedi marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu huwa limitat permezz tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1), li jistipula li dawk il-proġetti li mistennija jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fost affarijiet oħra minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, għandu jsirilhom eżami tal-effetti tagħhom ( 11 ). |
28. |
B’hekk, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tirriżulta direttament mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll mill-Anness II tad-Direttiva EEA meta l-proġett jaqa’ taħt dan l-anness u meta jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi ( 12 ). L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, jekk ikun il-każ, jeżaminaw b’mod partikolari l-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva ( 13 ), għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 14 ). Dan huwa l-hekk imsejjaħ eżami preliminari. |
3. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari
29. |
Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-individwi jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA ( 15 ). |
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “t-terzi, bħal wara kollox l-awtoritajiet amministrattivi interessati”, għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun fil-fatt eżaminat, skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kinitx neċessarja. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, il-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami. Din l-eżiġenza tista’ tikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni ( 16 ). |
31. |
L-Awstrija u EMA jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-obbligu ta’ eżami preliminari jista’ jikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni ( 17 ). Madankollu, fl-opinjoni tagħhom ma hemm l-ebda obbligu li jkun permess tali rikors. |
32. |
Madankollu, dan l-argument jonqos milli jirrikonoxxi l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-frażi li tippreċedi dik ikkwotata mill-Awstrija u minn EMA, stqarret li l-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami ( 18 ). |
33. |
Din il-konstatazzjoni hija wkoll loġika peress li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil dawk ikkonċernati d-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA ( 19 ). Għalhekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jitlob li l-persuni kkonċernati tingħatalhom il-possibbiltà li jissuġġettaw għal stħarriġ ġudizzjarju d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
34. |
Tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir pereżempju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew meta tiġi kkontestata deċiżjoni sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat rikors immedjatament kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, il-fatt li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jkun jista’ jiġi kkontestat l-iktar tard fil-kuntest tar-rikors kontra l-awtorizzazzjoni. Għalhekk, l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari fil-konfront ta’ dawk li jistgħu jistrieħu fuq l-Artikolu 2(1) kif ukoll fuq l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, iżda li ma setgħux jikkontestaw quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, ma huwiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
4. Fuq iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli
35. |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ min jista’ jinvoka l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-ġurisprudenza, madankollu, hija parzjalment interpretata ħażin. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss titkellem dwar “persuni interessati” ( 20 ), imma xi kultant titkellem biss dwar “individwi” ( 21 ) jew saħansitra b’mod ġenerali dwar “terzi” ( 22 ), jiġifieri dwar ċirku potenzjalment wiesa’ ħafna ta’ persuni eliġibbli. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li fis-seduta tqajjem it-tħassib li l-fatt li jiġi invokat dan l-obbligu jista’ jippermetti actio popularis. |
36. |
Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni għal tali tħassib. |
37. |
Mid-Direttiva EEA jista’ fil-fatt jiġi konkluż li fil-verità huma koperti biss il-persuni affettwati. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(3) u (4), fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma għandux ikun involut il-pubbliku b’mod ġenerali iżda biss il-“pubbliku kkonċernat”. L-Artikolu 1(2)(e) jiddefinixxih bħala l-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent jew li għandu interess fihom. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva EEA, il-pubbliku jinkludi l-persuni naturali jew ġuridiċi. |
38. |
F’dan is-sens, għalhekk, il-partijiet ikkonċernati ma humiex biss il-partijiet fil-proċedura ta’ eżami preliminari rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak, jiġifieri l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi. |
39. |
Fil-fatt, il-ġirien ukoll huma membri tal-pubbliku kkonċernat u għalhekk jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta jkunu affettwati jew meta minn tal-inqas x’aktarx li jiġu affettwati mill-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet. |
40. |
Madankollu, EMA ssostni li K. Gruber ma għandhiex titqies li hija ġara kkonċernata, peress li din tgħix bosta kilometri bogħod mill-proġett u hija biss sid ta’ proprjetà immobbli mikrija fil-viċinanzi tiegħu. Madankollu, matul is-seduta, K. Gruber sostniet li hija wkoll tgħix f’din il-proprjetà immobbli. |
41. |
Madankollu, anki jekk l-argument ta’ EMA huwa minnu, jista’ jkun suffiċjenti li jkun hemm kwalunkwe impatt ambjentali tal-proġett fuq il-proprjetà immobbli li K. Gruber ma tgawdix personalment iżda bħala parti mill-patrimonju tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li dannu għall-patrimonju, li jkollu l-oriġini tiegħu direttament fl-impatt ambjentali ta’ proġett, huwa kopert mill-għan protettiv tad-Direttiva EEA ( 23 ). Jekk K. Gruber jinħolqilha dannu bħal dan jew minn tal-inqas huwa probabbli li jinħolqilha, hija allura tkun affettwata mill-proċedura dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva EEA. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk humiex mistennija effetti bħal dawn hija kwistjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. |
42. |
Lanqas l-oġġezzjoni tal-Awstrija, fis-sens li meta jsir l-eżami preliminari ma jkunx għadu ċar liema persuni ser jiġu affettwati konkretament, ma hija konvinċenti. Kif tosserva wkoll K. Gruber, dan ifisser li f’dak il-mument ma jkunx hemm informazzjoni suffiċjenti dwar l-impatt ambjentali tal-proġett sabiex tittieħed deċiżjoni tal-eżami preliminari. F’dan il-każ, id-deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni hijiex meħtieġa tkun għadha ma tistax tittieħed f’dan l-istadju. |
5. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA
43. |
Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti vinkolanti tad-deċiżjoni li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
44. |
Dan għaliex il-każ preżenti ma jikkonċernax reviżjoni komprensiva tal-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, kif tippermetti din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni hija biss dik li jiġi deċiż jekk, fi proċedimenti kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-effett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari jistax jiġi invokat fil-konfront tal-ġirien. |
45. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tikkunsidra li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA huwa rilevanti, dan ikun jgħodd anki għar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. |
46. |
Huma minnu li EMA għandha raġun meta tqis li d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma teħtieġx il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ( 24 ) u meta tikkonkludi, minn dan, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA ma huwiex applikabbli. Dan għaliex l-Artikolu 11 japplika biss għal miżuri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk hijiex meħtieġa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, hija kwistjoni ta’ importanza prinċipali f’dan l-istadju tal-proċedura. F’dan id-dawl, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kwistjoni huma wkoll ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-rispett tal-obbligu tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandha tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA, minn tal-inqas bħala kwistjoni preliminari. |
47. |
Dan huwa kkonfermat mill-oriġini tar-referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fil-fatt, din il-karatteristika sservi l-implementazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprovdi li dan id-dritt ta’ azzjoni huwa applikabbli minn tal-inqas għall-miżuri kollha li għalihom japplika l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għad-deċiżjonijiet, għall-atti jew għall-ommissjonijiet kollha relatati ma’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Anki d-deċiżjoni, meħuda b’mod żbaljat, li proġett ma jkunx suġġett għal tali evalwazzjoni, tikkostitwixxi tali miżura. |
48. |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ċċarat ukoll liema huma d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati minn individwu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-prinċipju l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita dawn id-drittijiet għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss ( 25 ). Madankollu, id-dritt tal-pubbliku kkonċernat li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa tali dritt suġġettiv pubbliku, li l-Istati Membri ma jistgħux iġibu fix-xejn l-effettività tiegħu billi jċaħħdu lill-persuni eliġibbli mid-dritt li jinforzawh permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. |
49. |
Fil-fatt id-Direttiva EEA tagħti ċerti drittijiet lill-persuni kkonċernati meta proġett irid ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Qabel kollox, huma intitolati li jkunu informati, permezz tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva, dwar l-impatt ambjentali tal-proġett (b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6) u li, f’dan il-kuntest, jesprimu l-opinjoni tagħhom (l-Artikolu 6 u 7). Ir-riżultati tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett (l-Artikolu 8) u l-informazzjoni l-iktar importanti dwar id-deċiżjoni dwar il-proġett għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 9). |
50. |
Dawn id-drittijiet ma jikkostitwixxux għan fih innifsu. Minn naħa, huma jservu sabiex itejbu d-deċiżjoni dwar il-proġett, minħabba li jistgħu jtejbu l-bażi għad-deċiżjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miksuba u mwassla f’dan il-proċess tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jinvokaw drittijiet oħra li huma minquxa fid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-ħarsien tal-ambjent — bħal pereżempju ċerti limiti għall-kwalità tal-arja ċirkustanzi. Minn tal-inqas, din l-informazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jadattaw għall-impatt ambjentali tal-proġett, pereżempju billi jtejbu l-protezzjoni mill-istorbju fil-proprjetà immobbli tagħhom ( 26 ). |
51. |
Dan huwa kkonfermat mill-għanijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jipprovdu li permezz tagħha għandu jinkiseb wieħed mill-objettivi tal-Unjoni fl-isfera tal-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. L-effetti ambjentali ta’ proġett għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-isforzi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, sabiex, permezz ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali, isir kontribut għall-kwalità tal-ħajja, u sabiex tinżamm il-kapaċità riproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku għall-ħajja ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament qieset b’mod partikolari li l-protezzjoni tas-saħħa minn impatti ambjentali negattivi hija raġuni (addizzjonali) ( 28 ) li tippermetti lill-individwi jinvokaw dispożizzjonijiet immedjatament applikabbli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni ( 29 ). |
52. |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva EEA, sa mill-estensjoni tagħha permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tikkontribwixxi sabiex tallinja d-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, id-Direttiva EEA, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha li, bħall-Artikolu 1(2)(d) u (e), ġew introdotti permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-objettivi tal-Konvenzjoni ( 30 ). |
53. |
Skont il-premessa 7 tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tagħha kif ukoll l-obbligu li, kemm individwalment kif ukoll f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, tipproteġi u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Skont il-premessa 8, sabiex ikunu jistgħu jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan l-obbligu, iċ-ċittadini għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ( 31 ). |
54. |
Għalhekk, id-Direttiva EEA ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma jikkorrispondi għal ebda dritt tal-pubbliku kkonċernat — inklużi l-ġirien ikkonċernati — li jista’ jiġi infurzat permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. |
6. Fuq l-evalwazzjoni “de facto” tal-effetti fuq l-ambjent, fuq il-bażi ta’ oġġezzjonijiet sussegwenti
55. |
L-Awstrija finalment tinvoka l-possibbiltà msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ evalwazzjoni “de facto” tal-effetti fuq l-ambjent li tippermetti kunsiderazzjoni adegwata ta’ oġġezzjonijiet ambjentali. Fil-fatt, skont il-preżentazzjoni mogħtija mill-Verwaltungsgerichtshof, il-ġirien ta’ impjant operattiv kummerċjali jistgħu, taħt il-liġi nazzjonali, jasserixxu li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor. |
56. |
Meta mistoqsija dwar dan fis-seduta, l-Awstrija ċċarat dan l-argument billi indikat li l-effetti ambjentali sinjifikattivi ta’ proġett ikunu identifikati fil-kuntest ta’ liġijiet speċjali u li, f’dan ir-rigward, ikun involut ukoll il-pubbliku kkonċernat. |
57. |
Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-prinċipju jistgħu jkunu ssodisfatti wkoll fi proċess ieħor ( 32 ). Għalhekk ma huwiex meħtieġ li dan l-eżami jissejjaħ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk il-ħtiġijiet kollha tad-Direttiva jiġu ssodisfatti f’dan jew fi kwalunkwe proċess ieħor. |
58. |
Dan ifisser, l-ewwel nett, b’mod partikolari, li għandha tinkiseb l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva EEA u li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, b’mod partikolari tal-pubbliku kkonċernat kollu, iżda wkoll ta’ awtoritajiet oħra skont l-Artikoli 6 u 7, għandhom jiġu żgurati mingħajr restrizzjoni. Fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 3, għandhom jiġu identifikati u evalwati l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq id-diversi fatturi ambjentali u l-interazzjoni bejniethom ( 33 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 8 jipprovdi li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett. Fl-aħħar nett, kontra din l-awtorizzazzjoni, anki jekk tingħata mingħajr evalwazzjoni formali tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jkun previst rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 11. |
59. |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti għandha, jekk hemm bżonn, teżamina jekk, fl-applikazzjoni tal-liġijiet speċjali fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni, dawn ir-rekwiżiti kollha jkunux ġew effettivament issodisfatti. Madankollu tali riżultat ikun sorprendenti sa fejn huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn, jekk dan ikun il-każ, id-dritt Awstrijak jipprevedi, b’mod parallel, proċedura formali u denotata b’tali mod ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u għalfejn l-awtoritajiet Awstrijaċi ċaħħdu l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura fil-każ preżenti. |
7. Fuq il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-Direttiva EEA
60. |
Sa fejn EMA tipprova tislet, mid-dispożizzjoni Awstrijaka, eżenzjoni ta’ ċerti proġetti mid-Direttiva EEA, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tagħha, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżiti għal tali eżenzjoni ma humiex issodisfatti. Din l-eżenzjoni jista’ jsir użu minnha biss f’każijiet eċċezzjonali għal proġetti individwali, imma mhux għal sensiela ta’ proġetti ddeterminati abbażi tal-valuri limiti. Barra minn hekk, ma huwiex evidenti li l-Awstrija, skont l-Artikolu 2(4)(a), investigat jekk tkunx xierqa forma oħra ta’ evalwazzjoni, jew li għarrfet lill-pubbliku jew lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(4)(b) u (c) ( 34 ). Fl-aħħar mill-aħħar, lanqas l-Awstrija stess ma tinvoka din l-eżenzjoni fis-sottomissjonijiet tagħha. |
8. Riżultat intermedju
61. |
Għalhekk, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 2(1) kif ukoll mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, li fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat li jressqu azzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba li kien imissha twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiġi invokat l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari li tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk dawn ma setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari fi stadju preċedenti. |
C – Fuq it-tieni domanda
62. |
Permezz tat-tieni domanda, il-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġix li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda. |
63. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li fir-rigward tal-kontenut tagħhom jidhru li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat Membru ( 35 ). |
64. |
Kontra applikazzjoni immedjata jista’ jiġi argumentat li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, ħielsa li jiddeċiedu jekk jippermettux protezzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew jekk jirrestrinġux il-protezzjoni ġudizzjarja għall-possibbiltà li jitqajjem motiv inċidentali fil-kuntest ta’ azzjoni kontra awtorizzazzjoni. Iż-żewġ alternattivi jidhru permissibbli mil-lat tad-dritt tal-Unjoni u ma jistax jiġi eskluż awtomatikament li jeżistu possibbiltajiet oħra. |
65. |
Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda biss il-forma li fiha tingħata l-protezzjoni ġudizzjarja, iżda mhux ir-riżultat meħtieġ, jiġifieri l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari. |
66. |
Dan għalhekk huwa każ tipiku tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 36 ). Issa, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li l-pubbliku kkonċernat jiċċaħħad minn kwalunkwe possibbiltà li jikkontesta quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari ( 37 ). Dan għaliex f’dan il-każ ikun prattikament impossibbli li jiġi infurzat id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
67. |
Konsegwentement, l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA huma applikabbli direttament sa fejn l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari ma jistax jiġi invokat fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett jekk dawn il-membri ma kellhomx possibbiltà oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari. |
V – Konklużjoni
68. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”). Din id-direttiva reċentement ġiet emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, p. 1) li madankollu għadha ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.
( 3 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
( 4 ) Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 5 ) BGBL Nru 697/1993.
( 6 ) BGBL I Nru 87/2009.
( 7 ) Sentenzi Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9), CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, EU:C:1993:285, punt 22), kif ukoll Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47).
( 8 ) Ara s-sentenzi Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 94).
( 9 ) Ara wkoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/52/UE (ĠU L 124, p. 1), li t-tnejn li huma jemendaw id-Direttiva EEA.
( 10 ) Dan huwa msaħħaħ mill-artiklu ta’ Wolfgang Berger ippreżentat minn EMA bħala Anness 3, UVP-Feststellungsverfahren und Rechtsmittelbefugnis: Revolution durch “Mellor”?, Recht der Umwelt, Sonderbeilage Umwelt und Technik 2009/25, 66 (67).
( 11 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).
( 12 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 61), Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 41 sa 43).
( 13 ) Ara s-sentenza Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 32).
( 14 ) Sentenza Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).
( 15 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
( 16 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punti 57 u 58) u Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punti 57 u 58).
( 17 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 18 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 19 ) Minbarra s-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, ara wkoll is-sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 59).
( 20 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 21 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
( 22 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 57) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 57).
( 23 ) Sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 35 u 36).
( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Križan et (C‑416/10, EU:C:2012:218, punti 133 sa 136).
( 25 ) Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45).
( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punti 50 u 51).
( 27 ) Ara s-sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 28, 29 u 34).
( 28 ) Ara f’dan ir-rigward Kokott/Sobotta, Rechtsschutz im Umweltrecht – Weichenstellungen in der Rechtsprechung des Gerichtshofs der Europäischen Union, Deutsches Verwaltungsblatt 2014, p. 132.
( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37) kif ukoll Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 94).
( 30 ) Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 41).
( 31 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:422, punti 96 u 98) kif ukoll Kokott/Sobotta, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 136.
( 32 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ([Großkrotzenburg], C‑431/92, EU:C:1995:260, punti 43 sa 45).
( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 37).
( 34 ) Ara, fir-rigward tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punti 84 sa 87).
( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 16) kif ukoll Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 46).
( 36 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 45) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 38).
( 37 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, l-artiklu ta’ Berger ippreżentat minn EMA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 70 et seq.