EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0562

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 4 ta' Settembru 2014.
Centre public d'action sociale d'Ottignies-Louvain-La-Neuve vs Moussa Abdida.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Bruxelles - il-Belġju.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 19(2) u 47 - Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja - Artikolu 15(b) - Tortura jew trattament jew sanzjonijiet inumani jew degradanti imposti fuq applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu - Artikolu 3 - Regoli iktar favorevoli - Applikant li jbati minn marda serja - Assenza ta’ trattament adatt disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini - Direttiva 2008/115/KE - Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari - Artikolu 13 - Azzjoni ġudizzjarja b’effett sospensiv - Artikolu 14 - Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn - Bżonnijiet bażiċi.
Kawża C-562/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2167

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑562/13

Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve

vs

Moussa Abdida

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Bruxelles (il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil — Direttiva 2003/9/KE — Standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil fl-Istati Membri — Direttiva 2004/83/KE — Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat biex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat — Persuna li tista’ tibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(e) — Riskju reali ta’ periklu serju — Artikolu 15(b) — Trattament inuman jew degradanti — Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi dwar il-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2008/115/KE — Regoli u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Artikolu 13(2) — Effett sospensiv tar-rikors — Artikolu 14(1) — Garanziji waqt li wieħed ikun qed jistenna r-ritorn — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Rifjut mill-Istat Membru li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun marid serjament permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, flimkien ma’ obbligu li jitlaq mit-territorju — Nuqqas ta’ rikors li jissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi — Għoti ta’ għajnuna medika urġenti”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-garanziji proċedurali u l-vantaġġi soċjali li Stat Membru huwa obbligat li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz meta l-istat ta’ saħħtu jkun jeħtieġ li jingħata kura medika, waqt li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna sentenza dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u li tordna li jitlaq mit-territorju.

2. 

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa, fid-dawl tad-Direttivi 2003/9/KE ( 2 ), 2004/83 ( 3 ) u 2005/85/KE ( 4 ) — li huma l-bażi tar-reġim tal-ażil Ewropew komuni — u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ), il-kumpatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa waħda, teskludi l-eżistenza ta’ rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u, min-naħa l-oħra, tillimita għat-tul kollu tal-kawża l-għoti tal-bżonnijiet elementari tal-persuna kkonċernata għall-għajnuna medika urġenti.

3. 

Dan ir-rinviju preliminari qiegħed isir fil-kuntest ta’ kawża bejn is-centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve (iktar ’il quddiem iċ-“CPAS”) u M. Abdida, ċittadin Niġerjan li jsofri mill-AIDS. Wara d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Belġjan ċaħad it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u ordnalu li jitlaq mit-territorju, ġie rtirat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-individwu kkonċernat li kien jippermettilu jibbenefika b’xejn minn għajnuna għall-bżonnijiet elementari tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma setax jibbenefika minn rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni.

4. 

L-imsemmi rinviju preliminari essenzjalment jissolleva tliet kwistjonijiet.

5. 

Fl-ewwel lok, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun jinsab f’riskju reali li jġarrab trattament inuman jew degradanti minħabba n-nuqqas ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu jista’ jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83?

6. 

Din id-domanda hija identika għal dik li saret mill-qorti kostituzzjonali fil-kawża M’Bodj, li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li fiha jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 6 ).

7. 

Fit-tieni lok, ir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u li tordna t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata mit-territorju għandu jkun ipso jure sospensiv meta jitqiesu d-drittijiet iggarantiti lil din tal-aħħar fil-kuntest tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u tal-Karta?

8. 

Fit-tielet lok, u fuq il-bażi ta’ dawn l-istess testi, l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu għall-bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn, meta jitqies li f’dan il-każ iċ-CPAS illimita l-għajnuna soċjali għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti?

9. 

Fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet, ser insostni li ebda wieħed mit-testi li jirregolaw ir-reġim ta’ ażil komuni Ewropew, jiġifieri d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85, ma huwa applikabbli għal applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers), peress li din ma hijiex forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali.

10. 

Sussegwentement, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn huwa fid-dawl, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 7 ), u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet fundamentali pproklamati mill-Karta, li ser neżamina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-assenza ta’ rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u l-assenza tal-għoti ta’ għajnuna għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata jirrispettawx id-drittijiet rikonoxxuti lill-immigranti fl-Unjoni Ewropea.

11. 

F’dan ir-rigward, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif meħtieġ abbażi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta jimplika l-eżistenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tkun, meta jitqies l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata, tista’ tesponi lil din tal-aħħar għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta.

12. 

Ser nispjega wkoll għalfejn, f’sitwazzjoni bħal din, l-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tar-rekwiżiti dderivati mill-Artikoli 1 sa 4 u 35 tal-Karta, jeżiġu min-naħa tal-Istati Membri li jiggarantixxu, matul il-perjodu kollu tal-proċedura kontenzjuża, li tingħata għajnuna suffiċjenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata b’mod li jiġi żgurat l-għajxien tagħha kif ukoll livell ta’ ħajja dinjituża u adegwata għal saħħitha, billi b’mod partikolari tingħata fejn toqgħod waqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Is-sistema komuni Ewropea għall-ażil

13.

Is-sistema komuni Ewropea għall-ażil tikkonsisti fi tliet testi: id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85

a) Id-Direttiva 2003/9

14.

Id-Direttiva 2003/9 tistabbilixxi l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri.

15.

Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqogħdu fit-territorju bħala min ifittex ażil”.

16.

Madankollu, u skont il-paragrafu 4 tal-istess dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva f’konnessjoni ma’ proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal għamliet ta’ protezzjoni barra dik li toħroġ mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għal ċittadin ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat li jinstabu li mhumiex refuġjati”.

17.

Fil-kuntest tal-kapitolu II tagħha, l-imsemmija direttiva tiffissa l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza li l-Istati Membri huma obbligati li jirriżervaw għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil sabiex jiggarantulhom livell ta’ għajxien adegwat għal saħħithom u li jiżguraw is-sussistenza tagħhom.

18.

Fl-Artikoli 7 sa 10 u 15 tad-Direttiva 2003/9, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi garanziji b’mod partikolari dwar ir-residenza u l-moviment liberu tal-applikanti, dwar iż-żamma tal-għaqda tal-familja, l-eżamijiet mediċi u l-kura tas-saħħa, kif ukoll l-edukazzjoni tal-minorenni.

19.

Fil-kuntest tal-Kapitolu IV tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikoli 17 sa 20, id-Direttiva 2003/9 tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw lil persuni bi bżonnijiet partikolari.

b) Id-Direttiva 2004/83

20.

Id-Direttiva 2004/83 għandha l-għan li tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ( 8 ) kif ukoll il-kontenut sostantiv ta’ din il-protezzjoni ( 9 ). Huwa f’dan il-qafas li d-Direttiva 2004/83 tiddetermina, fl-Artikolu 2(c) u (e) tagħha, il-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat u mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, tiffissa, fil-kuntest tal-kapitoli II, III u V, il-kundizzjonijiet sostantivi li dan tal-aħħar għandu jissodisfa u tiddetermina, fil-kapitolu VII tagħha, id-drittijiet inerenti għal kull wieħed minn dawn l-istatus.

21.

Fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkompleta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ( 10 ).

22.

Din hija protezzjoni internazzjonali li, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, hija indirizzata lil kull “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha […], [t]iffaċċja riskju veru li [s]sofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 […], u ma [t]istax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma [t]ixtieqx japprofitta […] ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

23.

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, “l-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V”.

24.

Il-kapitolu II tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-“[i]stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 6 tiegħu, bit-titolu “Atturi ta’ persekuzzjonijiet jew periklu serju”, jipprovdi skont kif ġej:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

a)

l-Istat;

b)

partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

ċ)

atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

25.

Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2004/83 jittratta dwar il-“[k]walifika għal protezzjoni sussidjarja”. L-Artikolu 15 tagħha jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” skont kif ġej:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

ċ)

theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

26.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kapitolu VII ta’ dik id-direttiva, dwar il-“[k]ontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża fl-Artikoli 28 u 29 li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jekk tkun tikkonsisti fl-istatus ta’ refuġjat jew fl-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jeżiġi min-naħa tal-Istati Membri li jagħtu lill-persuna kkonċernata l-istess għajnuna soċjali u l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa bħal dawk previsti favur iċ-ċittadini nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu madankollu jagħmlu distinzjoni bejn dawn iż-żewġ status peress li dawk id-dispożizzjonijiet jawtorizzawhom biex jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għas-servizzi essenzjali ( 11 ).

27.

Finalment, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/83 għandha tendenza li tistabbilixxi standards minimi. Skont il-premessa 8 u l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri għaldaqstant jibqgħu liberi li jadottaw jew li jżommu regoli iktar favorevoli biex jiddeċiedu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li tista’ tibbenefika minn protezzjoni sussidjarja, inkwantu dawk ir-regoli jkunu kumpatibbli ma’ dik id-direttiva.

28.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, fil-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva”.

c) Id-Direttiva 2005/85

29.

Id-Direttiva 2005/85 tiffissa r-regoli proċedurali dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u tippreċiża, fil-Kapitoli II u III tagħha, id-drittijiet u l-obbligi proċedurali imposti fuq l-applikant u fuq l-Istat Membru għall-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni internazzjonali.

30.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva huwa ppreċiżat fl-Artikolu 3 tagħha skont kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ l-Istati Membri u għall-irtirar ta’ l-status ta’ rifuġjat.

[…]

3.   Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.

4.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta’ protezzjoni internazzjonali.”

31.

Taħt it-titolu “Dritt għal rimedju effettiv”, l-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

b)

il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio […]”

2. Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

32.

Ir-regoli dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment huma stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115.

33.

Skont l-Artikolu 2 tagħha, dik id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

34.

L-għan tagħha huwa li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tkeċċija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards u garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom ( 12 ).

35.

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat garanziji proċedurali fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn.

36.

Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“1.

Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn […].

2.

L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn […], inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali”.

37.

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li l-immigrant jista’ jinvoka sakemm ikun qiegħed jistenna li jitkeċċa.

38.

L-Artikolu 14(1) jipprovdi skont kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

a)

tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

b)

jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard;

c)

jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta’ l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”

B – Il-leġiżlazzjoni Belġjana

1. Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (loi du 15 décembre 1980 relative à l’accès au territoire, au séjour, à l’établissement et à l’éloignement des étrangers)

39.

L-għan tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin ( 13 ) huwa li tittrasponi id-Direttiva 2004/83 fis-sistema ġuridika Belġjana.

a) Ir-regoli sostantivi u proċedurali dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi

40.

L-Artikolu 9b tal-imsemmija liġi jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat hekk:

“Il-barrani li jirrisjedi fil-Belġju li jipprova l-identità tiegħu skont il-paragrafu 2 u li għandu marda li toħloq riskju reali għal ħajtu jew għall-integrità fiżika tiegħu jew riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma jkun hemm ebda kura adatta fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi, jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju tal-Belġju mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu.”.

It-talba għandha tiġi ppreżentata b’ittra rreġistrata lill-Ministru jew lid-delegat tiegħu u għandha tinkludi l-indirizz tar-residenza effettiva tal-barrani fil-Belġju.

Il-barrani għandu jibgħat flimkien mat-talba tiegħu kull informazzjoni utli u reċenti dwar il-marda tiegħu u l-possibbiltajiet u l-aċċessibbiltà ta’ trattament adatt fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi.

Huwa għandu jibgħat ċertifikat mediku kif previst mir-Re, b’digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri. Dan iċ-ċertifikat mediku, li għandu jkollu data ta’ mhux iktar minn tliet xhur qabel il-preżentata tat-talba, għandu jindika l-marda, il-grad ta’ gravità u t-trattament meqjus li huwa neċessarju.

L-evalwazzjoni tar-riskju msemmi fil-paragrafu 1, tal-possibbiltajiet ta’ trattament, l-aċċessibbiltà tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż fejn ikun jirrisjedi u tal-marda, il-grad ta’ gravità tagħha u t-trattament meqjus neċessarju fiċ-ċertifikat mediku, issir minn uffiċjal mediku jew tabib maħtur mill-ministru jew mid-delegat tiegħu li għandu jagħti parir dwar dan is-suġġett. Dan it-tabib jista’, jekk iqis li huwa neċessarju, jeżamina lill-barrani u jitlob parir addizzjonali minn esperti.

[…]”

41.

F’każ li jingħata l-permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu lill-persuna kkonċernata permess ta’ residenza għal perjodu limitat ta’ sena, iżda li jista’ jiġi estiż. Hija b’hekk ikollha dritt għal għajnuna soċjali mħallsa miċ-CPAS, li tista’ tieħu ħsieb, jekk il-persuna kkonċernata jkollha bżonn, li tħallas il-kontribuzzjonijiet għal assigurazzjoni tal-mard/invalidità kif ukoll l-ispejjeż mediċi ta’ dik il-persuna. Meta jiskadi perjodu ta’ ħames snin, il-persuna kkonċernata tista’ tingħata permess ta’ residenza għal żmien mingħajr limitu, li jagħtiha l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.

42.

F’każ li dak il-permess ta’ residenza jiġi miċħud, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-persuna kkonċernata ordni biex titlaq mit-territorju, inkwantu r-residenza ta’ din tal-aħħar fit-territorju Belġjan issir irregolari. L-għajnuna soċjali b’hekk hija limitata għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali, dik l-għajnuna medika għandha tkopri t-trattament mediku, kemm preventiv kif ukoll ta’ kura, sabiex jiġi evitat li persuni li jsofru minn marda serja jġarrbu riskju għal ħajjithom jew għall-integrità fiżika tagħhom ( 14 ).

43.

Il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tiċħad il-permess ta’ residenza tagħha, li ma jissospendix l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tkeċċija.

44.

L-Artikolu 39/82 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li ma’ dak ir-rikors tista’ ssir talba għas-sospensjoni tal-miżura, li tista’ tiġi ppreżentata jew skont il-proċedura ordinarja, jew skont il-proċedura ta’ urġenza estrema, li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura.

45.

Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“1)

Meta att ta’ awtorità amministrattiva jkun jista’ jiġi annullat skont l-Artikolu 39/2, il-Conseil huwa l-uniku korp kompetenti biex jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tiegħu.

Is-sospensjoni tiġi ordnata, u l-partijiet jiġu mismugħa jew debitament imsejħa, b’deċiżjoni mmotivata tal-president tal-awla adita jew tal-juge au contentieux des étrangers li huwa jinnomina għal dan il-għan.

F’każ ta’ urġenza estrema, is-sospensjoni tista’ tiġi ordnata fuq bażi provviżorja mingħajr ma jkunu nstemgħu l-partijiet jew uħud fosthom.

Meta r-rikorrent jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, huwa għandu jagħżel jew sospensjoni b’urġenza estrema, jew inkella sospensjoni ordinarja. Fuq piena ta’ inammissibbiltà, huwa ma jistax, la simultanjament u lanqas b’mod konsekuttiv, japplika mill-ġdid il-paragrafu 3, jew jitlob mill-ġdid is-sospensjoni fir-rikors imsemmi fis-subparagrafu 3.

B’deroga mill-paragrafu 4 u mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu 3, iċ-ċaħda tat-talba għal sospensjoni skont il-proċedura ta’ urġenza estrema ma tipprekludix lir-rikorrent milli jippreżenta ulterjorment talba għal sospensjoni skont il-proċedura ordinarja, meta dik it-talba għal sospensjoni b’urġenza estrema tiġi miċħuda abbażi li l-urġenza estrema ma tkunx ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti.

2)

Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tista’ tiġi ordnata biss jekk motivi serji li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tal-att ikkontestat jiġu invokati u bil-kundizzjoni li l-eżekuzzjoni immedjata tal-att tkun tirriskja li tikkawża dannu serju li ma jistax jissewwa faċilment.

[…]

3)

Ħlief f’każ ta’ urġenza estrema, it-talba għal sospensjoni u r-rikors għal annullament għandhom jiġu ppreżentati mill-istess u uniku att.

Fit-titolu tar-rikors, għandu jissemma li qed jiġi ppreżentat jew rikors għal annullament jew talba għal sospensjoni u rikors għal annullament. Jekk dik il-formalità ma tiġix issodisfatta, jitqies li r-rimedju jikkonsisti biss f’rikors għal annullament.

Ladarba jiġi ppreżentat ir-rikors għal annullament, talba għal sospensjoni ppreżentata ulterjorment ma tkunx ammissibbli, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà offruta lill-applikant li jippreżenta, bil-mod imsemmi iktar ’il fuq, rikors għal annullament ġdid flimkien ma’ talba għal sospensjoni, jekk it-terminu tar-rikors ikun għadu ma skadiex.

[…]

4)

[…]

Jekk il-persuna barranija tkun suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha tkun imminenti, u tkun għadha ma ppreżentatx talba għal sospensjoni, hija tista’ titlob is-sospensjoni ta’ dik id-deċiżjoni b’urġenza estrema. […] [J]ekk ma tingħatax is-sospensjoni, l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura terġa’ ssir possibbli.”

46.

Skont l-Artikolu 39/84 ta’ din il-liġi, il-Conseil du contentieux des étrangers biss għandu kompetenza biex jordna l-miżuri kollha meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi tal-partijiet jew tal-persuni li għandhom interess fis-soluzzjoni tal-kawża, bl-eċċezzjoni tal-miżuri li jittrattaw dwar drittijiet ċivili.

47.

L-Artikolu 39/85 tal-imsemmija liġi jirregola, min-naħa tiegħu, l-eżami tal-miżuri provviżorji mitluba abbażi tal-urġenza estrema. Dan huwa fformulat kif ġej:

“Jekk il-barrani jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha tkun imminenti, il-barrani li jkun diġà ppreżenta talba għal sospensjoni jista’, kemm-il darba l-Conseil ikun għadu ma ddeċidiex dwar dik it-talba, jitlob, permezz ta’ miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 39/84, li l-Conseil jeżamina t-talba tiegħu għal sospensjoni fl-iqsar żmien possibbli.

It-talba għal miżuri provviżorji u t-talba għal sospensjoni għandhom jiġu eżaminati flimkien […].

[…]

Sa minn meta tiġi riċevuta t-talba għal miżuri provviżorji, ma tistax issir l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement sakemm il-Conseil ikun iddeċieda dwar it-talba jew ikun ċaħad it-talba. […] [J]ekk is-sospensjoni tkun għadha ma ngħatatx, l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura terġa’ ssir possibbli.

[…]”

48.

Kemm it-talba għal sospensjoni b’urġenza estrema kif ukoll it-talba għal miżuri provviżorji b’urġenza estrema jeħtieġu li l-persuna kkonċernata turi l-imminenza ta’ dannu serju u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar sabiex tiġi mġiegħla titlaq mit-territorju Belġjan.

b) Ir-regoli dwar l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja

49.

L-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jippreċiża, min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ( 15 ). Dan jittrasponi l-Artikoli 2(e), 15 u 17 tad-Direttiva 2004/83 u jippreċiża s-segwenti:

“1)   L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jingħata lil barrani li ma jistax jitqies li huwa refuġjat u li ma jkunx jista’ jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li fir-rigward jeżistu motivi serji li wieħed jemmen li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat, fil-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jaffaċċja r-riskju reali li jiltaqa’ mal-perikli serji msemmija fil-paragrafu 2, u li ma jkunx jista’ jew, fid-dawl ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż u dan, sakemm ma jkunx kopert mill-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 55/4.

2)   Għandhom jitqiesu li huma perikli serji:

a)

il-piena tal-mewt jew l-eżekuzzjoni; jew

b)

it-tortura jew it-trattamenti jew sanzjonijiet inumani jew degradanti tal-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

c)

it-theddid serju għall-ħajja jew għall-persuna ta’ ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bl-armi intern jew internazzjonali.”

50.

F’każ li t-talba għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda, il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Skont l-Artikolu 39/70 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dak ir-rikors huwa sospensiv: ħlief bil-kunsens tal-persuna kkonċernata, ebda miżura ta’ tkeċċija mit-territorju jew ta’ refoulement ma tista’ tiġi eżegwita b’mod forzat fil-konfront tagħha matul il-perjodu ffissat għall-preżentata ta’ rikors u matul l-eżami tiegħu. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata żżomm id-dritt li tibbenefika mill-għajnuna soċjali mogħtija mis-CPAS. Din tkopri l-bżonnijiet elementari kollha tal-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għajnuna medika, l-għajnuna soċjali, l-akkomodazzjoni, l-ikel kif ukoll l-edukazzjoni għat-tfal.

2. Il-Liġi organika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali (loi organique des centres publics d’action sociale) tat-8 ta’ Lulju 1976

51.

Il-Liġi organika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali tat-8 ta’ Lulju 1976 tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha d-dritt għal għajnuna soċjali għal kull ċittadin bil-għan li dan tal-aħħar ikun jista’ jgħix ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem.

52.

Skont l-Artikolu 57 ta’ dik il-liġi, il-missjoni taċ-CPAS hija li jiżgura lill-persuni u lill-familji l-għajnuna dovuta mill-awtorità. Hija tiżgura mhux biss għajnuna paljattiva jew kurattiva iżda wkoll għajnuna preventiva. Din l-għajnuna tista’ tkun materjali, soċjali, medika jew psikoloġika.

53.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-imsemmija liġi madankollu jintroduċi deroga minn dak il-prinċipju meta jippermetti liċ-CPAS li jillimita l-missjoni tiegħu ta’ għoti ta’ għajnuna medika urġenti fir-rigward tal-barranin li joqogħdu illegalment fit-territorju.

54.

Id-Digriet Irjali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, dwar l-għajnuna medika urġenti mogħtija miċ-ċentri pubbliċi ta’ għajnuna soċjali lill-barranin li joqogħdu illegalment fir-Renju ( 16 ) jindika li l-għajnuna medika urġenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-Liġi tat-8 ta’ Lulju 1976 tikkonċerna l-għajnuna li hija ta’ natura esklużivament medika u li n-natura urġenti tagħha hija kkonfermata b’ċertifikat mediku. Dik l-għajnuna ma tistax tkun għajnuna finanzjarja, akkomodazzjoni jew għajnuna soċjali oħra in natura.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

55.

Fil-15 ta’ April 2009, M. Abdida ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi abbażi tal-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Dik l-applikazzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli fl-4 ta’ Diċembru 2009 u M. Abdida, għaldaqstant, ibbenefika mill-għajnuna soċjali mħallsa miċ-CPAS.

56.

Madankollu, fis-6 ta’ Ġunju 2011, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ċaħdu dik l-applikazzjoni fuq il-bażi li l-pajjiż ta’ oriġini tar-rikorrent għandu infrastruttura medika li tippermetti li tingħata kura lill-pazjenti li jkunu morda bl-AIDS. Dik id-deċiżjoni, flimkien mal-obbligu li jitlaq mit-territorju, ġiet innotifikata lil M. Abdida fid-29 ta’ Ġunju 2011. Dik in-notifika kienet tippreċiża li l-preżentata ta’ rikors għal annullament u ta’ talba għal sospensjoni ma kellhiex l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura.

57.

B’hekk, fis-7 ta’ Lulju 2011, M. Abdida ppreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Fit-13 ta’ Lulju 2011, iċ-CPAS iddeċieda li jirtira l-għajnuna soċjali li s’issa kienet tħallset lill-persuna kkonċernata u rrifjuta li jħallaslu l-għajnuna medika urġenti. Iċ-CPAS madankollu rreveda dik id-deċiżjoni fis-27 ta’ Lulju 2011, billi ta l-għajnuna medika urġenti lil M. Abdida.

58.

Fil-5 ta’ Awwissu 2011, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni taċ-CPAS quddiem it-tribunal du travail de Nivelles. B’sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dan ikkundanna liċ-CPAS biex iħallas għajnuna soċjali ekwivalenti għad-dħul ta’ integrazzjoni b’rata iżolata waqt li qies, b’mod partikolari, li d-dritt għall-għajnuna soċjali huwa kundizzjoni indispensabbli għall-eżerċitar effettiv ta’ rikors u li l-għajnuna soċjali li minnha jibbenefika M. Abdida b’hekk għandha tinżamm sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza.

59.

Fis-7 ta’ Ottubru 2011, iċ-CPAS appella minn din is-sentenza quddiem il-Cour du travail de Bruxelles.

60.

Dik il-qorti kkonstatat li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, M. Abdida ma kellux rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u li huwa kien imċaħħad, sakemm kien qiegħed jistenna deċiżjoni dwar dak ir-rikors, minn kull għajnuna soċjali oħra ħlief għal għajnuna medika urġenti. Hija rrilevat ukoll li kien hemm differenza fit-trattament bejn persuna li titlob l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi tal-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u dik li titlob li tingħata permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi fuq il-bażi tal-Artikolu 9b tal-imsemmija liġi. Il-cour constitutionnelle madankollu ġġustifikat dik id-differenza fit-trattament.

61.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttivi 2004/83[…], 2005/85/KE[…] u 2003/9/KE[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istat Membru li jipprovdi li l-barrani li ‘jbati minn marda tali li tikkawża riskju reali għal ħajtu jew l-integrità fiżika jew riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma jeżisti ebda trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu’, għandu dritt għall-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 […],

li jipprovdi rimedju b’effetti ta’ sospensjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza u/jew il-protezzjoni sussidjarja u li tordna t-tluq mit-territorju,

tieħu responsabbiltà, fil-kuntest tas-sistema tagħha ta’ għajnuna soċjali jew ta’ akkoljenza, għall-bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tar-rikorrent, sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni amministrattiva?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-[Karta] tad-Drittijiet Fundamentali u, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 sa 3 tagħha (dinjità tal-bniedem, dritt għall-ħajja u għall-integrità), l-Artikolu 4 tagħha (projbizzjoni minn trattament inuman jew degradanti), l-Artikolu 19(2) tagħha (dritt li bniedem ma jiġix imkeċċi lejn Stat fejn jeżisti riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti), l-Artikoli 20 u 21 tagħha (ugwaljanza u nondiskriminazzjoni, fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ persuni li jitolbu għal protezzjoni sussidjarja) u/jew l-Artikolu 47 tagħha (dritt għal rimedju effettiv), jobbligaw lill-Istat Membru li jittrasponi d-Direttivi 2004/83[…], 2005/85[…] u 2003/9[…] jipprovdi r-rimedju b’effetti ta’ sospensjoni u t-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet elementari msemmija [fl-ewwel] domanda [li tinsab] iktar ’il fuq?”

62.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea.

III – L-analiżi tiegħi

A – Fuq l-ewwel domanda

63.

L-ewwel domanda li tindirizzalna l-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-garanziji proċedurali u l-vantaġġi soċjali li Stat Membru huwa obbligat li jagħti fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

64.

Kif irrilevaw il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, dik il-kwistjoni hija bbażata fuq il-postulazzjoni li permess ta’ residenza mogħti lil ċittadin ta’ pajjiżi terz minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu u bbażat fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jikkostitwixxi forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83.

65.

Għar-raġunijiet li semmejt fil-punti 40 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża M’Bodj, u li tagħhom ser insemmi l-punti prinċipali hawnhekk, dik il-postulazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata ( 17 ).

66.

Effettivament, jiena tal-fehma li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jbati trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu ma jistax jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83. Għalkemm f’ċerti ċirkustanzi partikolari, it-tbatija minħabba marda tista’ tikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti, xorta jibqa’ l-fatt li wieħed mill-kriterji essenzjali għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ attur li kkawża l-periklu u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni, fil-fehma tiegħi hija nieqsa.

67.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li permess ta’ residenza mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 ma jistax jikkostitwixxi forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil.

68.

Ma għandux jintesa li s-sistema komuni Ewropea għall-ażil hija bbażata fuq in-neċessità li jiġi żgurat għall-individwi li jibżgħu minn persekuzzjoni minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, it-twemmin politiku jew l-appartenenza tagħhom għal grupp soċjali, jew li jkunu jiffaċċjaw riskju ta’ periklu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, protezzjoni li pajjiżhom ma huwiex jew ma għadux f’pożizzjoni li jiggarantixxi peress li jkun qiegħed iwettaq dawk l-atti volontarjament jew inkella b’ommissjoni.

69.

Ir-reġim dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, kemm jekk ikun jikkonsisti fl-istatus ta’ refuġjat jew fl-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, b’hekk għandu għan partikolari u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni speċifika ( 18 ) li jippresupponi li jiġu sodisfatti żewġ elementi essenzjali. L-ewwel wieħed huwa kkostitwit mill-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju fejn il-persuna kkonċernata tkun il-vittma, ladarba tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. It-tieni wieħed huwa kkostitwit mir-responsabbiltà diretta jew indiretta ta’ dak il-pajjiż fl-eżistenza ta’ dak ir-riskju. Il-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’hekk huwa rriżervat għall-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini ma jkunux assumew ir-responsabbiltà biex jiżguraw dik il-protezzjoni, jew għaliex ikunu huma stess li qegħdin iwettqu dik il-persekuzzjoni, jew inkella għaliex ikunu jħeġġu jew jittolleraw persekuzzjoni minn milizzji jew gruppi privati oħrajn.

70.

Dawn iż-żewġ elementi huma determinanti għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għaliex fuqhom hija bbażata l-biża’ tal-individwu u jispjegaw l-impossibbiltà jew ir-rifjut tiegħu li jitlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

71.

Fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja, dawn iż-żewġ elementi jirriżultaw b’mod ferm ċar mit-termini tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva. Effettivament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża mingħajr ambigwità li “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li mhux biss tista’ tinsab f’riskju reali li ġġarrab il-perikli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva jekk hija tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda li lanqas ma tista’, jew lanqas ma tkun disposta minħabba dak ir-riskju, li titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż.

72.

Barra minn hekk, huwa jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” bħala atti jew ċirkustanzi li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jkunu responsabbli direttament jew indirettament.

73.

Fil-fatt, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6 tagħha.

74.

L-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi tliet tipi ta’ periklu serju li fosthom insibu, taħt il-punt (b), it-trattamenti inumani jew degradanti imposti kontra l-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-leġiżlatur jiddefinixxi l-element materjali tal-periklu serju. Dan jikkonsisti fil-piena tal-mewt jew l-eżekuzzjoni, it-tortura, it-trattamenti jew kastigi inumani jew degradanti li ġġarrab il-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u theddid serju kontra ħajjitha jew persuntha minħabba vjolenza għamja f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. Dawk l-atti jippresupponu fihom infushom intenzjoni volontarja min-naħa ta’ attur li jimponi tbatija fiżika jew mentali ta’ intensità partikolari.

75.

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi min-naħa tiegħu l-element personali meta jiddetermina “l-atturi tal-perikli serji”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk jillimita espressament il-perimetru tal-perikli msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 għal dawk imwettqa jew mill-Istat, jew minn partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw dak l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu, jew minn atturi mhux statali, jekk ikun jista’ jintwera li l-Istat jew il-partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollawh ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jagħtu protezzjoni kontra l-persekuzzjonijiet jew il-perikli serji.

76.

B’hekk, sabiex persuna tkun tista’ titqies li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, ma huwiex biżżejjed li jintwera li hija tinsab fir-riskju li tiġi esposta għal trattament inuman jew degradanti ladarba tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda jrid jintwera wkoll li dak ir-riskju jiġi minn fatturi li huma direttament jew indirettament imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż, jew li t-theddid kontra l-persuna kkonċernata huma kkawżati mill-awtoritajiet tal-pajjiż li tiegħu jkollha n-nazzjonalità jew ikunu ttollerati minn dawk l-awtoritajiet, jew inkella dak it-theddid ikun ikkawżat minn gruppi indipendenti li kontrihom l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw protezzjoni effettiva liċ-ċittadini tagħhom.

77.

Kif jirrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, f’każ ta’ individwu li l-istat ta’ saħħtu jkun jeħtieġ attenzjoni medika u li ma jistax jibbenefika minn trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini, it-trattament inuman jew degradanti li huwa jkun fir-riskju li jġarrab f’każ ta’ ritorn lejn dak il-pajjiż ma huwiex provenjenti minn att jew ommissjoni intenzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi indipendenti tal-Istat. Fi kliem ieħor, f’każ bħal dak, wieħed mill-kriterji essenzjali għar-rikonoxximent tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini fit-twettiq tal-periklu gravi u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni, hija neċessarjament nieqsa.

78.

F’sitwazzjoni bħal dik, il-protezzjoni offruta mill-Istat Membru ma tirrispondix għal bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva u b’hekk ma tistax taqa’ taħt il-qafas tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil.

79.

Skont it-termini tal-Artikolu 2(g) in fine tal-imsemmija direttiva ( 19 ), dan huwa “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Dik il-protezzjoni tingħata għal raġuni oħra, fuq bażi diskrezzjonarja u b’rieda tajba, jew tkun iddettata minn kunsiderazzjonijiet umanitarji, ibbażati fuq il-ħarsien tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 20 ) u l-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta. F’din l-aħħar ipoteżi, hija l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, flimkien man-nuqqas ta’ riżorsi mediċi adegwati fil-pajjiż ta’ oriġini, li tista’ tikkostitwixxi trattament inuman.

80.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi b’mod ċar is-sitwazzjonijiet ibbażati fuq motivi ta’ umanità mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83.

81.

Effettivament, dan jippreċiża espressament, fil-kuntest tal-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ [din] id-Direttiva” ( 21 ).

82.

Barra minn hekk, huwa interessanti li ssir referenza għall-ħidmiet preparatorji tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-abbozzar tal-Artikolu 15(b) ( 22 ), fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża dan li ġej:

“Madankollu, kieku l-punt (b) kellu jinkludi l-ġurisprudenza kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [ ( 23 )] dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, ikollhom jiġu inklużi l-kawżi bbażati unikament fuq il-motivi ta’ umanità bħall-kawża D vs Ir-Renju Unit (1997) magħrufa wkoll bħala l-kawża Saint-Kitts [ ( 24 )].

Fil-kawża Saint-Kitts, għalkemm in-nuqqas ta’ aċċess għal sistema tas-saħħa żviluppata kif ukoll l-assenza ta’ qraba ma ġewx ikkunsidrati bħala tortura jew trattament inuman jew degradanti fihom infushom, it-tkeċċija lejn dak il-pajjiż, li kienet tikkostitwixxi theddida kontra l-ħajja tal-persuna kkonċernata, kienet deskritta bħala tali.

Għaldaqstant, sabiex jiġu evitati l-kawżi bbażati fuq motivi ta’ umanità fir-reġim ta’ protezzjoni sussidjarja, li qatt ma kienet l-intenzjoni ta’ din id-direttiva, il-presidenza pproponiet li jiġi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) billi ssir referenza għal riskju reali ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattament inuman jew degradanti li għandu jkun renjanti fil-pajjiż ta’ oriġini” ( 25 ).

83.

Għalkemm, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji ( 26 ), l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva “jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3 tal-KEDB” ( 27 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu llimita l-kamp ta’ applikazzjoni għat-trattamenti “imposti kontra applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu” ( 28 ), li jippresupponi r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż. Ir-reġim tal-protezzjoni internazzjonali u b’mod partikolari l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’hekk tabilħaqq jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni partikolari u speċifiku ( 29 ), distint mill-obbligi li għandhom l-Istati kontraenti abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

84.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena għaldaqstant tal-fehma li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini, ikun jinsab f’riskju reali li jġarrab trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu ma jistax jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83.

85.

Għaldaqstant, talba bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 li titlob l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83.

86.

Din lanqas ma tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ testi oħrajn li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil, jiġifieri d-Direttivi 2003/9 u 2005/85.

87.

Effettivament, il-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza li jipprovdi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2003/9 huma indirizzati, b’mod konformi mal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil jew, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk, lill-applikanti għal forma ta’ protezzjoni oħra.

88.

Bl-istess mod, il-garanziji proċedurali rikonoxxuti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85 jikkonċernaw, b’mod konformi mal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, l-applikazzjonijiet għall-ażil kif ukoll id-deċiżjonijiet li jirtiraw l-istatus ta’ refuġjat u, jekk l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, kull talba oħra għall-għoti ta’ tip ieħor ta’ protezzjoni internazzjonali.

89.

Mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Renju tal-Belġju ma kellux l-intenzjoni li jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ dawk it-testi lill-persuni li jippreżentaw talba bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

90.

Jiena b’hekk tal-fehma li l-garanziji ta’ natura proċedurali u l-vantaġġi soċjali ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

91.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji ta’ natura proċedurali u l-vantaġġi soċjali ffissati f’dan il-kuntest mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma humiex applikabbli għal talba għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

B – Fuq it-tieni domanda

92.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, teskludi l-eżistenza ta’ rikors li jissospendi ipso jure d-deċiżjoni ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jiċħdu permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u, min-naħa l-oħra, tillimita l-provvediment ta’ bżonnijiet elementari tal-persuna kkonċernata biss għal għajnuna medika urġenti waqt il-perjodu sħiħ tal-kawża fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta u tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri abbażi tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85.

1. Osservazzjonijiet preliminari

93.

Fuq bażi preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li d-domanda li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li jitqiesu regoli legali differenti minn dawk imsemmija espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 30 ).

94.

Fil-fatt, il-cour du travail de Bruxelles tibbaża din it-tieni domanda fuq id-drittijiet u l-garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali mid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 kif ukoll mill-Karta u b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 1 sa 4 tagħha, li jistabbilixxu l-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet għall-ħajja, l-integrità fiżika u li wieħed ma jkunx suġġett għal trattament inuman jew degradanti, mill-Artikolu 19(2) tagħha, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ non-refoulement, mill-Artikoli 20 u 21 tagħha, li fuqhom huma bbażati l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni u finalment, mill-Artikolu 47 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

95.

Għar-raġunijiet li għadni kif semmejt, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tat-testi li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li tiġi eżaminata d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju waqt li jitqiesu d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85.

96.

Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu invokati r-regoli proċedurali applikabbli għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. Effettivament, b’mod konformi mal-Artikoli 1 u 13 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards u proċeduri komuni għall-Istati Membri kollha f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjoni ta’ ritorn u tippreċiża, fil-kapitolu III tagħha, id-drittijiet u l-garanziji proċedurali li għandhom jingħataw f’dan il-kuntest liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment.

97.

F’din il-kawża huwa stabbilit li, matul iż-żmien kollu tal-proċedura miftuħa quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers, M. Abdida ġie kkunsidrat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li kien qiegħed fil-pajjiż b’mod irregolari. Dan b’hekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddeterminat mill-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva.

98.

Barra minn hekk, jiena tal-fehma li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali ċaħdu t-talba għal permess ta’ residenza fformulata mill-persuna kkonċernata u ordnat, skont l-Artikolu 7 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, it-tkeċċija tagħha mit-territorju tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ ritorn” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva ( 31 ). Effettivament, permezz ta’ dik id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Belġjani ddikjaraw ir-residenza ta’ M. Abdida fit-territorju Belġjan bħala illegali u ħabbru kontrih obbligu ta’ ritorn. Dik id-deċiżjoni ma tikkostitwixxi xejn iktar mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, li jippreskrivi li l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fit-territorju tagħhom illegalment.

99.

F’sitwazzjoni bħal din, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri b’hekk huma obbligati, b’mod konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta li japplikaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Åkerberg Fransson ( 32 ) u Pfleger et ( 33 ), l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika f’dawk iċ-ċirkustanzi l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

100.

B’hekk huwa b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-istipulazzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet fundamentali pproklamati fil-kuntest tal-Karta li għandu jiġi eżaminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assenza ta’ rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u l-provvediment tal-bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata jirrispettawx id-drittijiet rikonoxxuti lil din tal-aħħar fl-Unjoni.

2. L-interpretazzjoni tiegħi

a) Fuq l-eżistenza ta’ rimedju sospensiv ipso jure

101.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, bit-titolu “Rimedji”, jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat id-dritt ta’ rimedju effettiv biex jattakka d-deċiżjonijiet marbuta ma’ ritorn.

102.

Skont il-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’hekk jistgħu jissospendu temporanjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’tali ipoteżi, dik is-sospensjoni twassal, b’mod konformi mal-Artikolu 9 ta’ dik id-direttiva, għall-posponiment tat-tkeċċija.

103.

Għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju tal-proposta ta’ direttiva li l-Kummissjoni kienet ifformulat, dik id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri biex jipprovdu rimedju sospensiv meta dan jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn ( 34 ), peress li din hija sempliċement fakultà.

104.

Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, nemmen li l-għan tad-Direttiva 2008/113 kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti dderivati mill-Artikoli 1, 2, 3, 4, 19(2) u 47 tal-Karta, jeżiġu li l-persuna kkonċernata jkollha rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija.

105.

Effettivament, l-għan tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 jista’ jiġi dedott b’mod ċar mill-prinċipju prinċipali li jesprimi l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva, li huwa intiż biex jiggarantixxi, b’ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, protezzjoni effikaċi tal-interessi tagħhom u b’mod partikolari ripatrijazzjoni f’kundizzjonijiet umani u dinjitużi ( 35 ).

106.

B’hekk, l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax jinftiehem għajr b’konformità u b’koerenza mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 1 sa 4 tal-Karta li jiggarantixxu l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-dritt għall-ħajja u l-integrità tal-persuna u jipprojbixxu t-trattament inuman u degradanti. Għandha tiġi interpretata wkoll b’mod konformi mal-prinċipju ta’ non-refoulement imsemmi fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Finalment, għandha tiżgura l-ħarsien tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni kif stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dak l-istess test u jiggarantixxu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta. Dawk ir-referenzi huma, fil-fatt, neċessarjament inklużi fir-referenzi għad-drittijiet fundamentali inklużi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115.

107.

Għaldaqstant, l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva, u b’mod iktar ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jittrattaw speċifikament il-garanziji proċedurali li jistgħu jinvokaw iċ-ċittadini kkonċernati fil-kuntest tar-rimedju tagħhom, ma jistax jiġi applikat b’mod konkret u b’mod konformi ma’ dawk it-testi ħlief jekk jiġi żgurat il-ħarsien ta’ dawk il-valuri.

108.

L-effettività tar-rimedji msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva u stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta timplika, fil-fehma tiegħi, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, dak ir-rimedju għandu jkollu effett ipso jure sospensiv.

109.

Fl-ewwel lok, f’sitwazzjoni bħal dik, l-Istat Membru huwa obbligat li jirrispetta l-prinċipju ta’ non-refoulement b’mod konformi mal-obbligi li huwa għandu abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, li jippreskrivi, għandu jitfakkar, li “[ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”. Għaldaqstant, il-ħarsien ta’ tali dispożizzjoni jeħtieġ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi sospiża awtomatikament matul iż-żmien li l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina l-legalità ta’ din tal-aħħar kif ukoll l-ilmenti ssollevati mill-persuna kkonċernata rigward l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

110.

Fit-tieni lok, l-QEDB iddeċidiet li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 13 tal-KEDB jeħtieġ li l-persuna barranija li kontriha tkun inħarġet ordni ta’ tkeċċija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha rimedju b’effett sospensiv ipso jure, meta hija ssostni “ilment difensibbli” fejn hija tgħid li t-tkeċċija tesponiha għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 36 ). Effettivament, il-QEDB hija tal-fehma li, f’sitwazzjoni bħal dik, l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija li l-legalità tagħha tkun ikkontestata tista’ twassal għal ħsara li ma tistax titreġġa’ lura, u li b’hekk għandu jiġi evitat li din titwettaq billi tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tagħha. Hija tal-fehma li barrani li jkun ibati minn marda serja u li ma jistax jingħata kura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jista’ jsostni dak l-ilment. Barra minn hekk, hija tal-fehma li l-effettività tar-rikors timplika wkoll rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ ħeffa ( 37 ).

111.

Kien fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza li r-Renju tal-Belġju ġie kkundannat f’sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 ( 38 ). Dik il-kawża kienet tikkonċerna ċittadina Niġerjana, li kienet tbati mill-AIDS u li kontriha l-awtoritajiet kienu adottaw ordni ta’ tkeċċija. Hija allegat li t-tkeċċija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha kienet tesponiha għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB u lmentat dwar l-assenza ta’ rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ dik il-konvenzjoni.

112.

Wara li eżaminat ir-regoli proċedurali applikabbli, il-QEDB iddeċidiet li r-rimedji miftuħa kontra ordni ta’ tkeċċija adottata wara ċ-ċaħda ta’ talba għal permess ta’ residenza bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 ma kinux suffiċjenti biex jiggarantixxu l-ħarsien tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

113.

Il-QEDB fl-ewwel lok ikkonstatat li, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tali rikors ma jissospendix l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija ( 39 ).

114.

Hija sussegwentement irreferiet għall-proċeduri speċifiċi stabbiliti fil-kuntest tal-Artikoli 39/82 sa 39/85 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 relatati mas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tkeċċija.

115.

L-ewwel kombinament ta’ rimedji jikkonsisti fil-preżentata, fi żmien 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni, ta’ rikors għal annullament kif ukoll ta’ talba għal sospensjoni ordinarja flimkien ma’, fil-mument meta l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal miżura ta’ infurzar, talba għal miżuri proviżorji b’urġenza estrema. It-tieni kombinament jikkonsisti fil-preżentata ta’ talba għal sospensjoni b’urġenza estrema li teħtieġ l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar kontra l-persuna kkonċernata ( 40 ).

116.

Il-QEDB iddeċidiet li dawn il-proċeduri huma “diffiċilment operazzjonali” u “wisq kumplessi” biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ disponibbiltà u ta’ aċċessibbiltà tar-rimedji meħtieġa abbażi tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 41 ).

117.

Hija fl-ewwel lok irrilevat li din is-sistema għandha l-effett li tobbliga lill-persuna kkonċernata, li tkun suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija u li ssostni li jkun hemm urġenza biex titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura, li tippreżenta rikors konservatorju, f’dan il-każ talba għal sospensjoni ordinarja. Fil-fehma tagħha, dan ir-rikors, li ma għandux effett sospensiv, b’hekk għandu jiġi ppreżentat bl-uniku skop li jippreżerva d-dritt tal-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ taġixxi b’urġenza meta sseħħ il-vera urġenza, jiġifieri l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar. Fl-ipoteżi li l-persuna kkonċernata ma tkunx ippreżentat dak ir-rikors konservatorju fil-bidu tal-proċedura, u fejn l-urġenza sseħħ wara, il-QEDB konsegwentement ikkonstatat li l-persuna kkonċernata b’hekk issib ruħha mċaħħda mill-possibbiltà li titlob is-sospensjoni tal-miżura ta’ tkeċċija ( 42 ). Rigward ir-regoli li jirregolaw it-talbiet għal sospensjoni ppreżentati b’urġenza estrema, il-QEDB iddikjarat ukoll li dawn “ipoġġu lill-persuni kkonċernati f’sitwazzjoni diffiċli, inkwantu minbarra li diġà jkunu jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli, ikollhom jaġixxu in extremis fil-mument tal-eżekuzzjoni infurzata tal-miżura” ( 43 ).

118.

Kien wara li għamlet dawn il-konstatazzjonijiet li l-QEDB ikkonkludiet li l-persuna kkonċernata ma kellhiex rimedju effettiv, peress li r-rimedju li kellha ma kienx sospensiv u ma kienx jippermetti eżami effettiv tal-motivi li jallegaw ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 44 ).

119.

F’din il-kawża u wara, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta, il-Gvern Belġjan iddeskriva proċedura li jidhirli li effettivament hija kumplessa biex tiġi implimentata fid-dawl tal-urġenza u l-gravità tas-sitwazzjoni u li ma hijiex faċilment aċċessibbli għall-immigranti li għalihom hija indirizzata ( 45 ). Fil-fatt, l-effettività ta’ rimedju għandha tiġi evalwata każ b’każ u skont il-kuntest li fih isseħħ. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-immigranti jistgħu jħossuhom vulnerabbli psikoloġikament, u li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet, minħabba l-lingwa tagħhom, pereżempju, biex jifhmu l-proċeduri li għandhom isegwu sabiex jipproteġu ruħhom kontra tkeċċija mit-territorju, waqt li fl-istess ħin għadd kbir fosthom ma jkollhomx il-mezzi, f’dan l-istadju, biex iqabbdu assistenza legali.

120.

Matul is-seduta, il-Gvern Belġjan iddefenda ruħu dwar l-assenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure billi argumenta li, fil-prattika, l-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers iwassal għal sospensjoni de facto tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, peress li l-awtoritajiet nazzjonali Belġjani jittolleraw ir-residenza irregolari tal-persuna kkonċernata fit-territorju Belġjan sakemm iddum il-kawża.

121.

Għalkemm din is-sitwazzjoni hija, fil-prattika, identika għal dik fejn ir-rimedju espressament jissospendi l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija, madankollu tippreżenta għadd kbir ta’ inkonvenjenzi.

122.

Fl-ewwel lok, minkejja dik is-sospensjoni de facto, il-persuna kkonċernata ma tkunx uffiċjalment protetta kontra tkeċċija forzata inkwantu, b’mod konformi mal-Artikolu 74/14(1) u (2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dik il-protezzjoni tingħata unikament matul it-terminu ta’ 30 jum mogħti għal tluq volontarju. Dak it-terminu jiskadi malajr u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’hekk jistgħu jeżegwixxu uffiċjalment l-ordni ta’ tkeċċija f’kull mument. Dan joħloq diffikultà maġġuri, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

123.

Fit-tieni lok, minkejja t-tolleranza de facto li tagħha jġibu prova l-awtoritajiet, il-persuna kkonċernata tibqa’ suxxettibbli li tkun suġġetta għal sanzjoni penali minħabba r-residenza irregolari tagħha fit-territorju. B’hekk hija ma hijiex protetta uffiċjalment kontra arrest eventwali.

124.

Fit-tielet lok, inkwantu t-tkeċċija hija sospiża b’mod mhux uffiċjali, dik is-sospensjoni ma hijiex akkumpanjata bi drittijiet relatati u, b’mod partikolari, b’garanziji ta’ natura ekonomika u soċjali li l-leġiżlatur jirrikonoxxi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li t-tkeċċija tagħhom tiġi ddifferita uffiċjalment. Dan joħloq diffikultà oħra, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-miżura ta’ tkeċċija tkun tikkonċerna lil persuna li jkollha marda serja, li għandha tkun tista’ tibbenefika, bħal kull ċittadin ieħor ta’ pajjiżi terz li t-tkeċċija tiegħu tiġi ddifferita uffiċjalment, mill-għoti ta’ kura partikolari skont ma jkun jeħtieġ l-istat ta’ saħħtu.

125.

Fir-raba’ lok, ma nistgħux ninjoraw iż-żmien partikolarment twil tal-proċedura inkwistjoni, li ġiet ippreżentata fis-7 ta’ Lulju 2011. Lil hinn mill-inkonvenjenzi marbuta mal-inċertezzi madwar l-istatus ġuridiku tal-persuna kkonċernata, is-sitwazzjoni materjali tagħha li hija estremament inkwetanti kif ukoll il-gravità tal-ilmenti li din tal-aħħar tissolleva quddiem il-qorti, nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk, meta jitqies id-dewmien tagħha, dik il-proċedura hijiex adegwata u toffrix il-garanziji kollha li għandhom jakkumpanjaw il-preżentata ta’ rimedju effettiv.

126.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, inħoss li l-persuna kkonċernata ma tibbenefikax mid-drittijiet rikonoxxuti lilha minn din il-Karta u, b’mod partikolari, mid-dritt li tibbenefika minn rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta.

127.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li teskludi l-eżistenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure meta dak ir-rimedju jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tkun tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, u dan meta jitqies l-istat ta’ saħħa ta’ din tal-aħħar.

b) Fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għal bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata

128.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 12 ta’ dik id-direttiva, iħabbar il-garanziji ta’ natura ekonomika u soċjali li “ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija” jistgħu jinvokaw “sakemm iseħħ ir-ritorn”. B’hekk matul il-perjodu sakemm iseħħ tluq volontarju u waqt il-perjodi li matulhom it-tkeċċija tkun ġiet iddifferita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinżamm l-għaqda tal-familja kif ukoll li jiggarantixxu kura medika urġenti u t-trattament indispensabbli tal-mard. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-minorenni jkollhom aċċess għas-sistema edukattiva bażika u li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli jiġu kkunsidrati. Dik id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jeżiġi li l-Istati Membri debitament iqisu s-sitwazzjoni medika, familjali u soċjali tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, l-istat ta’ saħħitha meta jimplementaw dik id-direttiva.

129.

Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni esprima fil-premessa 12 tal-imsemmija direttiva l-intenzjoni tiegħu li “tiġi indirizzata s-sitwazzjoni” ta’ dawk l-immigranti, fil-fehma tiegħi dak l-għan intlaħaq biss parzjalment, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

130.

Fl-ewwel lok, jekk nimxu mat-termini tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115, nikkonstataw li M. Abdida ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u b’hekk li jibbenefika mill-garanziji msemmija f’dik id-dispożizzjoni. Effettivament, it-terminu ta’ 30 jum mogħti lilu għall-finijiet ta’ tluq volontarju skada u l-miżura ta’ tkeċċija adottata fil-konfront tiegħu ma ġietx iddiferita uffiċjalment.

131.

Dak it-test b’hekk ma jirrikonoxxix espressament garanziji f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tkun de facto sospiża matul il-kawża ( 46 ).

132.

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-garanziji previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-imsemmija dispożizzjoni ma jkoprux id-drittijiet kollha u, b’mod partikolari, id-drittijiet li fil-fehma tiegħi huma l-iktar essenzjali fil-mument meta l-persuna kkonċernata mhux neċessarjament ikun għad għandha sorsi ta’ dħul u jkollha titkeċċa mit-territorju, jiġifieri li jkollha x’tiekol, x’tilbes u fejn toqgħod.

133.

Għalkemm għandha tinżamm l-għaqda tal-familja, tiġi ggarantita edukazzjoni bażika lill-minorenni, jiġu pprovduti kura medika urġenti u trattament “indispensabbli tal-mard” waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli, l-Artikolu 14(1) ta’ dik id-direttiva ma jġiegħelx espressament lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi għajr dawk mediċi tal-persuna kkonċernata.

134.

Id-Direttiva 2008/115 b’hekk ma tipproċedix għal armonizzazzjoni, imqar minima, tar-regoli dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istati Membri għall-bżonnijiet bażiċi ta’ dawk l-immigranti. Dik id-direttiva b’hekk hija distinta b’mod ċar ħafna mid-Direttiva 2003/9, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iġiegħel lill-Istati Membri biex jiggarantixxu kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza għal dawk li jfittxu ażil sakemm ikunu qegħdin jistennew deċiżjoni, b’mod li jkopri l-iktar bżonnijiet essenzjali kollha tagħhom.

135.

Din il-kontestazzjoni tista’ tiġi fformulata fuq il-bażi ta’ sempliċi qari tal-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, skont dik il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li “[il-]kondizzjonijiet bażiċi [taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li jkunu għadhom ma tkeċċewx] ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali” ( 47 ). L-użu tal-forma kundizzjonali u, b’mod partikolari, l-għażla tal-verb “jiġu definiti”, juru b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-bżonnijiet li dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw (anki jekk, fil-fehma tiegħi, id-definizzjoni tal-bżonnijiet bażiċi tirriżulta weħidha). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, ma jagħmel ebda referenza oħra għas-sodisfazzjoni ta’ dawk il-bżonnijiet fil-kumplament tat-test ta’ dik id-direttiva.

136.

Dik il-formolazzjoni hija distinta minn dik proposta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposta tagħha ta’ direttiva fejn hija mmilitat favur allinjament tal-garanziji li għandhom jingħataw lill-immigranti f’sitwazzjoni irregolari ma’ dawk previsti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/9.

137.

Il-premessa 8 tal-proposta ta’ direttiva fil-fatt kienet ifformulata skont kif ġej:

“Għandha titqies is-sitwazzjoni tal-persuni li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li jkunu (għadhom) ma jistgħux jitkeċċew. Għandhom jiġu ffissati standards minimi applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ dawn il-persuni, billi ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil” ( 48 ).

138.

Fl-Artikolu 13 tal-proposta ta’ direttiva, dwar il-“[g]aranziji fl-istennija ta’ ritorn”, il-Kummissjoni b’hekk kienet irreferiet b’mod espress għall-kapitoli II u IV tad-Direttiva 2003/9, li kienu jipprovdu f’termini ferm iktar konkreti u preċiżi l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawk li jfittxu ażil sakemm tingħata deċiżjoni sabiex, minn naħa, ikun iggarantit li jkollhom livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li jkollhom kundizzjonijiet ta’ għajxien paragunabbli fl-Istati Membri kollha ( 49 ). Dik id-dispożizzjoni hija fformulata skont kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet iddifferita jew li ma jistgħux jitkeċċew għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma jkunux inqas favorevoli minn dak li huwa previst fl-Artikoli 7 sa 10, fl-Artikolu 15 u fl-Artikoli 17 sa 20 tad-Direttiva [2003/9]” ( 50 ).

139.

Matul in-negozjati, dawk il-proposti ta’ test ġew abbandunati u, b’mod partikolari, kull referenza espressa għar-reġim dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil li jinsab fid-Direttiva 2003/9. Għalkemm l-Artikolu 14 ġdid tad-Direttiva 2008/115 jirriproduċi parzjalment il-garanziji previsti mid-Direttiva 2003/9, dan madankollu jħalli barra ċerti elementi fundamentali u, b’mod partikolari, il-garanzija ta’ livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat.

140.

Finalment, fl-aħħar lok, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat b’tali mod li huwa diffiċli biex wieħed jevalwa l-portata, il-forma u l-livell minimu tas-servizzi li għandhom jingħataw lill-persuna kkonċernata.

141.

Dak l-artikolu ma jippreċiżax, fil-fatt, liema dispożizzjonijiet l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw sabiex iżommu l-għaqda tal-familja u x’tip ta’ għajnuna għandhom jagħtu lill-iktar persuni vulnerabbli sabiex ikunu jistgħu jipprovdu għall-bżonnijiet partikolari tagħhom. Bl-istess mod, ċerti espressjonijiet bħal dawk li jsemmu “it-trattament indispensabbli tal-mard” huma wesgħin biżżejjed biex ikunu jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet u jkollhom portata u ġeometrija varjabbli skont l-Istat Membru.

142.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u għall-kuntrarju tal-għan stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115, is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-“ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija” ma tistax titqies li ġiet “indirizzata”.

143.

Fil-kuntest tal-proposta tiegħu għal riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea ( 51 ), il-Parlament barra minn hekk ikkonstata li l-aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa stabbilit fl-Artikolu 35 tal-Karta ma huwiex iggarantit fil-prattika jew fil-liġi għall-persuni mingħajr permess ta’ residenza. Bħala konsegwenza, huwa sejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-immigranti mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jibbenefikaw — u jibbenefikaw realment — minn aċċess ekwu għal servizzi tas-saħħa u talabhom biex jirriflettu dwar il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-qasam tal-kura mogħtija lill-popolazzjonijiet immigranti f’sitwazzjoni irregolari, billi jiddefinixxu servizzi ta’ kura bażiċi bbażati fuq prinċipji komuni kif tipprovdi l-leġiżlazzjoni nazzjonali.

144.

Lil hinn mill-konstatazzjoni fformulata mill-Parlament, din il-kawża tiżvela realtà oħra, dik tas-sitwazzjoni ġuridika u materjali konkreta li fiha jinsabu l-immigranti li jkunu qegħdin jistennew li jitkeċċew.

145.

B’mod konkret, M. Abdida, li jinsab fi stat ta’ saħħa kritiku, kif jieħu ħsieb il-bżonnijiet l-iktar elementari tiegħu wara li ppreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers fis-7 ta’ Lulju 2011, jiġifieri għal perjodu ta’ 3 snin?

146.

Huwa ilu f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Belġjan sa mid-29 ta’ Ġunju 2011, id-data meta l-awtoritajiet innotifikawh bl-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju u qatgħuh mir-reġistru tal-barranin. Għaldaqstant, il-preżenza tiegħu fit-territorju hija ttollerata de facto mill-awtoritajiet sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Kif diġà rajna, dik il-proċedura hija twila, u ddum ħafna xhur, jew ftit snin, u l-persuna kkonċernata mhux biss tibqa’ fi stat ta’ inċertezza dwar jekk hijiex ser titkeċċa jew le, iżda lanqas ma hija protetta kontra l-possibbiltà ta’ arrest, peress li r-residenza irregolari tista’ tkun suġġetta għal sanzjoni penali.

147.

Dan l-istatus jiddetermina b’mod ċar il-grad tiegħu ta’ aċċess għal impjieg, għal akkomodazzjoni u għal servizzi soċjali u mediċi, li f’dan il-każ huwa kważi null. M. Abdida jinsab eskluż mis-suq regolari tax-xogħol, li jimplika nuqqas ta’ dħul biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu u, b’mod partikolari, biex ikollu x’jiekol, x’jilbes u fejn joqgħod. Huwa ċertament jinsab ikkonfrontat b’diffikultajiet kbar biex isib fejn joqgħod, peress li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil immigrant f’sitwazzjoni irregolari jista’ jiġi penalizzat. Barra minn hekk, huwa jista’ jirrikorri biss b’mod parzjali għall-għajnuna soċjali għaliex skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, din hija limitata għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti.

148.

Dan l-istat ta’ fatt jista’ b’mod ċar ipoġġi lill-persuna kkonċernata fi stat ta’ faqar assolut u taffettwa direttament il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħha. Fil-ġurisprudenza kostanti tagħha, il-QEDB barra minn hekk kienet tal-fehma li dħul insuffiċjenti jista’, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, joħloq riskju għall-ħajja jew l-integrità fiżika tal-individwu kif ukoll riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, kontra l-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB ( 52 ).

149.

Jekk nimxu mat-test tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, ma jidhirlix li huwa koerenti li l-Istati Membri jiġu mġiegħla jipprovdu għajnuna medika urġenti jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiġux ipprovduti l-bżonnijiet l-iktar elementari tal-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi ma huwiex koerenti li l-Istati Membri jkunu mġiegħla jiggarantixxu l-għaqda tal-familja jew inkella l-edukazzjoni bażika tat-tfal mingħajr ma dan jimplika obbligu li tiġi żgurata s-sussistenza tal-individwu u li jiġi żgurat li jkollu kundizzjonijiet ta’ għajxien umani u dinjitużi.

150.

Ma jidhirlix li huwa ġust jew ekwu li ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu fit-territorju tkun suġġetta għal tolleranza de facto sakemm jiġi eżaminat ir-rikors tiegħu jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn dak miżmum taħt detenzjoni abbażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. Għalkemm dan tal-aħħar effettivament ikun mċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu, u dan minħabba l-aġir tiegħu, huwa madankollu jkollu akkomodazzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni speċjalizzat li jkopri, fil-prinċipju, il-bżonnijiet bażiċi kollha, inkluża assistenza legali kif ukoll servizzi soċjali u mediċi, u dan għal perjodu li jista’ jdum sa 18-il xahar. Għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-persuna kkonċernata tkun tibqa’ wkoll “fi stennija ta’ tkeċċija”, il-kopertura ta’ dawk il-bżonnijiet ma hijiex żgurata.

151.

Lanqas ma jidhirli li jkun iktar koerenti jekk wieħed jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw l-effettività ta’ rikors u, b’mod partikolari, li jipprovdu rimedju sospensiv ipso jure tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija jekk l-immigrant ma jkunx jista’, waqt li jkun qiegħed jistenna d-deċiżjoni li jkollha tingħata mill-qorti, ikollu x’jiekol, fejn joqgħod jew x’jilbes b’mod dinjituż.

152.

Finalment, wieħed ma għandux jinsa li l-assenza ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-bżonnijiet l-iktar elementari tal-immigranti taċċentwa l-emarġinazzjoni tagħhom. Il-fatt li ċittadin ta’ pajjiżi terz li jkun qiegħed jistenna tkeċċija jiġi mċaħħad, matul perjodu daqstant twil wara l-preżentata tar-rikors tiegħu, minn kopertura tal-iktar bżonnijiet essenzjali tiegħu, joħloq ir-riskju li dan jasal biex jitlaq mit-territorju tal-Istat ospitanti biex imur fi Stat Membru ieħor, biex b’hekk jikkawża movimenti sekondarji tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari u għaldaqstant immigrazzjoni klandestina fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni. Dik is-sitwazzjoni tista’ wkoll twasslu biex jidħol mhux fl-illegalità jew il-klandestinità — għaliex diġà jkun jinsab f’dik is-sitwazzjoni — iżda fil-kriminalità, sabiex ikun jista’ jiffinanzja l-bżonnijiet tiegħu. B’mod ċar, dawk il-konsegwenzi huma ferm ’il bogħod mill-għan iddikjarat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, fejn jgħid li jeħtieġ “li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb” ( 53 ).

153.

Jekk id-Direttiva 2008/115 tiġi applikata b’tali mod li twassal għal tali inkoerenzi u tali irregolaritajiet, dan b’mod ċar ma jippermettix li tiġi ggarantita l-effettività tagħha.

154.

Il-portata tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dik id-direttiva b’hekk għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan tagħha li, għandu jitfakkar, huwa intiż biex jiffissa regoli ċari u ekwi sabiex tiġi ddefinita politika ta’ ritorn li tkun mhux biss effikaċi, iżda li tippermetti wkoll li jiġi żgurat, b’mod konformi mal-prinċipju kardinali li jesprimi l-leġiżlatur fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, il-ħarsien tal-valuri stabbiliti fil-Karta.

155.

Il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet tal-ħajja, tal-integrità u tas-saħħa stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 1, 2, 3 u 35 ( 54 ) tal-Karta iżda wkoll il-projbizzjoni tat-trattament inuman jew degradanti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik il-Karta jopponu, fil-fehma tiegħi, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiżi terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment u li t-tkeċċija tiegħu tkun ġiet sospiża de facto jkun imċaħħad, sakemm jiġi eżaminat ir-rikors tiegħu, minn kopertura tal-bżonnijiet bażiċi tiegħu.

156.

Li jiġu ssodisfatti l-iktar bżonnijiet elementari huwa, fil-fehma tiegħi, dritt essenzjali li ma jistax ikun sekondarju għall-istatus ġuridiku tal-persuna kkonċernata.

157.

Għalkemm il-grad ta’ dak it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jiġi ddeterminat minn kull wieħed mill-Istati Membri, u dan meta titqies il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom mid-Direttiva 2008/115, jidhirli li dak it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jkun suffiċjenti biex jiggarantixxi s-sussistenza tal-persuna kkonċernata kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għal saħħitha, billi jkollha, b’mod partikolari, akkomodazzjoni li tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha ( 55 ).

158.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għaldaqstant nikkunsidra li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li jkunu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, tillimita l-għajnuna mogħtija għall-bżonnijiet bażiċi biss għal għajnuna medika urġenti. F’sitwazzjoni bħal din, u matul il-perjodu kollu tal-kawża, l-Istat Membru huwa obbligat li jiggarantixxi għajnuna suffiċjenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata b’mod li jiġi ggarantit is-sussistenza tagħha kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għal saħħitha, li jippermettilha, b’mod partikolari, li jkollha fejn toqgħod waqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha.

IV – Konklużjoni

159.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-court du travail de Bruxelles:

“1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji ta’ natura proċedurali u l-vantaġġi soċjali ffissati f’dan il-kuntest mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma humiex applikabbli għal talba għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin.

2)

L-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li teskludi l-eżistenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure meta dak ir-rimedju jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tkun tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u dan meta jitqies l-istat ta’ saħħa tagħha.

3)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li jkunu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, tillimita l-għajnuna mogħtija għall-bżonnijiet bażiċi biss għal għajnuna medika urġenti. F’sitwazzjoni bħal din, u matul il-perjodu kollu tal-kawża, l-Istat Membru huwa obbligat li jiggarantixxi għajnuna suffiċjenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata b’mod li jiġi ggarantit is-sussistenza tagħha kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għal saħħitha, li jippermettilha, b’mod partikolari, li jkollha fejn toqgħod waqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101). Din id-direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, p. 13, u rettifika ĠU 2006, L 236, p. 36).

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 6 ) Konklużjonijiet M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2113).

( 7 ) ĠU L 348, p. 98.

( 8 ) Ara l-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva.

( 9 ) Ara l-konklużjonijiet M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 19) li wasslu għas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 72).

( 10 ) Dik il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

( 11 ) Fis-sentenza M. (EU:C:2012:744), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-natura tad-drittijiet inerenti fl-istatus ta’ refuġjat u dik tad-drittijiet inerenti għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huma fil-fatt differenti (punt 92). Madankollu għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li tagħmel riformulazzjoni tad-Direttiva 2004/83, telimina d-differenzi eżistenti fil-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa (Artikolu 30). Dik id-differenza madankollu ma ġietx eliminata fir-rigward tal-ħarsien soċjali (Artikolu 29).

( 12 ) Ara l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 2 u 11 tal-imsemmija direttiva.

( 13 ) Liġi kif emendata bil-liġi tal-15 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-Cour constitutionnelle Nru 43/2013, tal-21 ta’ Marzu 2013, punt B 13, p. 16.

( 15 ) L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jippermetti lill-benefiċjarju biex ikollu permess ta’ residenza ta’ sena, li jista’ jiġġedded għal ħames snin. Wara dak il-perjodu ta’ ħames snin, il-persuna kkonċernata tista’ tingħata residenza għal perjodu mingħajr limitu fuq il-bażi tal-Artikolu 49/2(2) u (3) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

( 16 ) Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 32518, emendat fit-13 ta’ Jannar 2003 (Moniteur belge tas-17 ta’ Jannar 2003, p. 1553).

( 17 ) Kif indikajt fil-punti 34 sa 37 tal-konklużjonijiet fil-kawża M’Bodj (EU:C:2014:2113), hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kwistjoni jekk tali permess ta’ residenza jikkostitwixxix traspożizzjoni tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39).

( 19 ) Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza B u D (C-57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661), jirriżulta mill-Artikolu 2(g), in fine, tad-Direttiva 2004/83 li din ma tipprekludix li persuna titlob li tingħata protezzjoni fil-kuntest ta’ “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (punt 116).

( 20 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”. Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 21 ) Id-Direttiva 2004/83, bl-istess mod bħall-konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951, titlaq mill-prinċipju li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jagħtu, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali bi drittijiet li jippermettu lill-persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjati skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva li joqgħodu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

( 22 ) Ara n-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lill-kumitat strateġiku dwar l-immigrazzjoni, il-fruntieri u l-ażil, tal-25 ta’ Settembru 2002 (12148/02, p. 6).

( 23 ) Iktar ’il quddiem il-“QEDB”.

( 24 ) QEDB, 2 ta’ Mejju 1997, Recueil des arrêts et décisions 1997-III. F’dik il-kawża, il-QEDB iddeċidiet li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu li jsofri mill-AIDS tikkostitwixxi, f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB inkwantu huwa jkun espost għal riskju reali li jmut f’ċirkustanzi ta’ tbatija kbira. Fis-sentenza tagħha, il-QEDB ikkunsidrat il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet tinsab fi stadju avvanzat tal-marda u li l-irtirar f’daqqa tal-kura medika mogħtija fl-Istat ospitanti, flimkien man-nuqqas ta’ trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kif ukoll in-nuqqas ta’ kwalunkwe forma ta’ appoġġ morali u għajnuna soċjali ser jippreċipitaw il-mewt tal-persuna kkonċernata u jissottomettuha għal tbatija fiżika u mentali ħorox (punti 42, 51 sa 54). Il-QEDB b’hekk iddikjarat li għandha tirriżerva flessibbiltà suffiċjenti biex tkun tista’ tittratta l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju li l-persuna kkonċernata tbati trattamenti ipprojbiti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jkun jirriżulta minn fatturi li ma jistgħux jinvolvu, la direttament u lanqas indirettament, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż jew li, meħuda b’mod iżolat, ma jiksrux fihom infushom ir-regoli ta’ dak l-Artikolu. F’dik l-ipoteżi, l-Istati kontraenti b’hekk ma jistgħux jeżegwixxu d-deċiżjoni tagħhom ta’ tkeċċija għal raġunijiet umanitarji meqjusa li huma imperattivi, u dan bir-riskju li jsiru responsabbli taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB.

( 25 ) Korsiv miżjud minni.

( 26 ) C‑465/07, EU:C:2009:94.

( 27 ) Ibidem, punt 28.

( 28 ) McAdam, J., “The Qualification Directive: An Overview”, The Qualification Directive: Central Themes, Problem Issues, and Implementation in Selected Member States, Wolf Legal Publishers, Nimègue, 2007, p. 19.

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (EU:C:2014:39, punt 24).

( 30 ) Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża miġjuba quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis ir-regoli legali tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tagħmilx referenza fid-domandi preliminari tagħha inkwantu dawk ir-regoli huma neċessarji għall-finijiet tal-eżami tal-kawża prinċipali [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813) punti 18 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 31 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “deċiżjoni ta’ ritorn” hija “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

( 32 ) C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21.

( 33 ) C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 34.

( 34 ) Ara l-Artikolu 12(2) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, COM(2005) 391 finali, tal-1 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ direttiva”), li kien ifformulat skont kif ġej: “Ir-rimedju ġudizzjarju għandu jkollu jew effett ta’ sospensjoni jew jinkludi d-dritt taċ-ċittadin tal-pajjiż terz biex jitlob għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew ta’ l-ordni tat-tkeċċija, f’liema każ id-deċiżjoni tar-ritorn jew l-ordni tat-tkeċċija tkun posposta sakemm tkun ikkonfermata jew ma tkunx għadha suġġetta għal rimedju li jkollu effetti ta’ sospensjoni” (korsiv miżjud minni).

( 35 ) Ara wkoll il-premessi 2 u 11 tal-imsemmija direttiva.

( 36 ) Ara l-prinċipji ġenerali dwar l-effettività tar-rikorsi u tal-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istati kontraenti f’każ ta’ tkeċċija ta’ barrani skont l-Artikoli 13 u 3 ikkombinati tal-KEDB, sinteżizzati fis-sentenzi tal-QEDB, M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja [GC], Nru 30696/09, punti 286 sa 293, KEDB 2011, kif ukoll QEDB, I.M. vs Franza, Nru 9152/09, punti 127 sa 135, 2 ta’ Frar 2012, u QEDB, De Souza Ribeiro vs Franza [GC], Nru 22689/07, punti 77 sa 83, KEDB 2012.

( 37 ) Ara QEDB, I.M. vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 132 sa 134 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 38 ) S.J. vs Il-Belġju, Nru 70055/10, 27 ta’ Frar 2014. Dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ rinviju fl-awla magna.

( 39 ) Punt 95.

( 40 ) Punti 96 u 97.

( 41 ) Punt 103.

( 42 ) Idem.

( 43 ) Punt 104.

( 44 ) Punt 106.

( 45 ) Nirreferi għall-ispjegazzjoni tal-Artikoli 39/82 sa 39/85 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 li tinsab fil-punti 44 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Fil-kuntest tal-ħidmiet preparatorji tad-direttiva, il-Parlament Ewropew madankollu kien ifformula proposta f’dan is-sens. Ara l-emenda 53 għall-Artikolu 13(1) fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ta’ direttiva (A6-0339/2007).

( 47 ) Korsiv miżjud minni.

( 48 ) Korsiv miżjud minni.

( 49 ) Premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2003/9.

( 50 ) Korsiv miżjud minni. Madankollu nirrimarka li l-Kummissjoni ma rreferitx espressament għall-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2003/9, li jiggarantixxu lill-applikanti għall-ażil kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlhom livell ta’ għajxien adegwat kif ukoll is-sussistenza tagħhom. L-Artikolu 13(2) ta’ dik id-direttiva fil-fatt iġiegħel lill-Istati Membri biex jipprovdu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza (għajnuna materjali jew finanzjarja) li tippermetti li “jiżguraw standard ta’ ħajja adegwat għas-saħħa ta’ l-applikanti u kapaċi li jiżgura s-sussistenza tagħhom [tal-applikanti għall-ażil]”. Rigward l-Artikolu 14, dan jipprovdi li “[f]ejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, għandha tieħu waħda jew għaqda [tieħu l-forma ta’] “ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat” jew “djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jsiru addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni”.

( 51 ) Rapport tat-8 ta’ Frar 2011, dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea [2010/2089(INI)], ara, b’mod partikolari, il-premessa AD u l-punt 5.

( 52 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tal-KEDB, is-sentenzi QEDB, Kutepov u Anikeyenko vs ir-Russja, Nru 68029/01, punt 62, 25 ta’ Ottubru 2005, u QEDB, Huc vs Ir-Rumanija u l-Ġermanja (deċ.), Nru 7269/05, punt 59, 1 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, QEDB Larioshina vs Ir-Russja (deċ.), Nru 56869/00, 23 ta’ April 2002, u QEDB Budina vs Ir-Russja (deċ.), Nru 45603/05, 18 ta’ Ġunju 2009.

( 53 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2008/115. Korsiv miżjud minni.

( 54 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “[k]ull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni”.

( 55 ) F’dan ir-rigward, nirreferi għas-sentenza Saciri et (C‑79/13, EU:C:2014:103) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil u, b’mod partikolari, għall-punt 40.

Top