EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0542

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 17 ta' Lulju 2014.
Mohamed M'Bodj vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour constitutionnelle - il-Belġju.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 19(2) - Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja - Artikolu 15(b) - Tortura jew trattament jew sanzjonijiet inumani jew degradanti imposti fuq applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu - Artikolu 3 - Regoli iktar favorevoli - Applikant li jbati minn marda serja - Assenza ta’ trattament adatt disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini - Artikolu 28 - Protezzjoni soċjali - Artikolu 29 - Kura tas-saħħa.
Kawża C-542/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2113

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawża C‑542/13

Mohamed M’Bodj

vs

L-Istat Belġjan

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr Stat sabiex ikunu eliġibbli għall-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu diżabbiltà u li huwa awtorizzat minn Stat Membru jirrisjedi fit-territorju tiegħu għal raġunijiet mediċi — Inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83 — Artikolu 2(e) — Definizzjoni tal-‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ — Artikolu 15(b) — Definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘periklu serju’ — Riskju reali li persuna tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti ladarba tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini — Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali — Artikoli 28 u 29 — Benefiċċji soċjali u mediċi — Ugwaljanza fit-trattament”

1. 

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsofri minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ kura medika adegwata f’dan il-pajjiż, jista’ jiġi kkunsidrat bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83/KE ( 2 )? Jekk iva, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuna kkonċernata l-istess benefiċċji soċjali u mediċi li huma jipprevedu għaċ-ċittadini nazzjonali u għar-refuġjati?

2. 

Dawn huma, essenzjalment, id-domandi li qegħdin isiru mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).

3. 

Dawn id-domandi jaqgħu fil-kuntest ta’ kawża dwar il-ħlas tal-Istat Belġjan ta’ allowance għal persuni b’diżabbiltà lil M. M’Bodj, ċittadin tal-Mawritanja. Wara li nħarġet awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-territorju għal raġunijiet mediċi, lill-persuna kkonċernata, dan l-Istat irrifjuta li jħallsu din l-allowance minħabba li l-għoti huwa rriżervat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għaċ-ċittadini Belġjani, għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, għaċ-ċittadini Alġerini, Marokkini u Tuneżini, kif ukoll għall-persuni mingħajr Stat u għar-refuġjati.

4. 

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tistaqsi dwar id-differenza ta’ trattament, li tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom marda serja, skont jekk dawn tal-aħħar jibbenefikawx minn status ta’ refuġjati skont id-Direttiva 2004/83 jew għandhomx awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa mill-imsemmi Stat għal raġunijiet mediċi.

5. 

Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk b’kunsiderazzjoni għall-formulazzjoni ta’ din id-direttiva u għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 3 ) dwar it-tneħħija ta’ persuni li huma morda serjament, il-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tikkostitwixxix fir-realtà forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali li għaldaqstant, tagħti d-dritt għall-benefiċċji ekonomiċi u soċjali previsti mill-imsemmija direttiva.

6. 

Din il-kawża se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83 fil-kuntest ta’ persuna li għandha marda serja u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

7. 

F’dan ir-rigward, f’dawn il-konklużjonijiet, jiena nsostni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li, meta jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-istat tas-saħħa tiegħu u ta’ nuqqas ta’ kura medika adegwata f’dan il-pajjiż, ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva.

8. 

Fil-fatt, nenfasizza li, f’dan il-każ, ma hemmx il-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li fuqha hija bbażata s-sistema komuni Ewropea tal-ażil, peress li t-trattament inuman maħluq mill-istat ta’ saħħa tal-individwu u l-assenza ta’ riżorsi mediċi suffiċjenti fil-pajjiż tal-oriġini ma jirriżultawx minn att jew ommissjoni intenzjonati kontrih mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż jew mill-korpi indipendenti. Madankollu, nippreċiża li, f’din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru jista’ jkun obbligat jagħti protezzjoni nazzjonali minħabba kunsiderazzjonijiet umanitarji mandatorji, bbażati fuq l-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ( 4 ) kif ukoll fuq l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 5 ).

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/83

9.

Id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu ssodisfatti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ( 6 ) kif ukoll tal-kontenut sostantiv ta’ din il-protezzjoni ( 7 ). Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttiva 2004/83 tiddetermina, fl-Artikolu 2(c) u (e), il-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat u mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, tistabbilixxi, fil-kuntest tal-Kapitoli II, III u V, il-kundizzjonijiet sostantivi li din tal-aħħar għandha tissodisfa, u tiddetermina, fil-Kapitolu VII tagħha, id-drittijiet inerenti għal kull wieħed minn dawn l-istatuses.

10.

Fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkumplimenta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ( 8 ).

11.

Din hija protezzjoni internazzjonali li, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 hija indirizzata lil kull “‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, […] jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, […] u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

12.

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

13.

Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-“[is]tima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 6 tiegħu, intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju”, jipprovdi dan li ġej:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

a)

l-Istat;

b)

partijiet [partiti] jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

(ċ)

atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

14.

Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2004/83 jirrigwarda l-“[k]walifika għal protezzjoni sussidjarja”. L-Artikolu 15 tiegħu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” kif ġej:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

(ċ)

theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew [għal] persuna [tiegħu] minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

15.

Barra dan, fil-kuntest tal-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, dwar il-“[k]ontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża fl-Artikoli 28 u 29 ta’ din id-direttiva li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-persuna kkonċernata l-istess għajnuna soċjali u l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa bħal dawk previsti għaċ-ċittadini nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn żewġ stasuses peress li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzawhom jillimitaw il-benefiċċji essenzjali għall-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja ( 9 ).

16.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija direttiva hija intiża li tistabbilixxi livelli minimi. Skont il-premessa 8 u l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri jibqgħu, għaldaqstant, liberi li jadottaw jew iżommu il-livelli l-iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu liema huma dawk il-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, sa fejn dawn il-livelli huma kompatibbli mal-istess direttiva.

17.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, fil-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “[d]awk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija [diskrezzjonali] fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva”.

2. Il-Karta

18.

Skont l-Artikolu 4 tal-Karta “[ħ]add m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”.

19.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(2) tal-Karta, [ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”.

B – Il-leġiżlazzjoni Belġjana

1. Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin

20.

Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin ( 10 ) għandha bħala għan li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Belġjan id-Direttiva 2004/83.

21.

L-Artikolu 9b tal-imsemmija liġi jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet mediċi. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi kif ġej:

“Il-barrani li jirrisjedi fil-Belġju li jipprova l-identità tiegħu skont il-paragrafu 2 u li għandu marda li toħloq riskju reali għal ħajtu jew għall-integrità fiżika tiegħu jew riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma jkun hemm ebda kura adatta fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi, jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju tal-Belġju mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu.

It-talba għandha tiġi ppreżentata b’ittra rreġistrata lill-Ministru jew lid-delegat tiegħu u għandha tinkludi l-indirizz tar-residenza effettiva tal-barrani fil-Belġju.

Il-barrani għandu jibgħat flimkien mat-talba tiegħu kull informazzjoni utli u reċenti dwar il-marda tiegħu u l-possibbiltajiet u l-aċċessibbiltà ta’ trattament adatt fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi.

Huwa għandu jibgħat ċertifikat mediku kif previst mir-Re, b’digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-[m]inistri. Dan iċ-ċertifikat mediku, li għandu jkollu data ta’ mhux iktar minn tliet xhur qabel il-preżentata tat-talba, għandu jindika l-marda, il-grad ta’ gravità u t-trattament meqjus li huwa neċessarju.

L-evalwazzjoni tar-riskju msemmi [fl-ewwel paragrafu], tal-possibbiltajiet ta’ kura, l-aċċessibbiltà tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn ikun jirrisjedi u tal-marda, il-grad ta’ gravità tagħha u t-trattament meqjus neċessarju indikati fiċ-ċertifikat mediku, għandha ssir minn uffiċjal mediku jew tabib maħtur mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu li għandu jagħti parir dwar dan is-suġġett. Dan it-tabib jista’, jekk iqis li huwa neċessarju, jeżamina l-barrani u jitlob parir addizzjonali minn esperti.

[...]”

22.

L-Artikolu 48/4 tal-istess liġi jispeċifika, min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ( 11 ). Huwa jittrasponi l-Artikoli 2(e), 15 u 17 tad-Direttiva 2004/83 u jispeċifika dan li ġej:

“1)   L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jingħata lill-barrani li ma jistax jitqies li huwa refuġjat u li ma jkunx jista’ jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li fir-rigward tiegħu jeżistu motivi serji li wieħed jemmen li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat, fil-pajjiż li fiha kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jaffaċċja r-riskju reali li jiltaqa’ mal-perikli serji msemmija fil-paragrafu (2) u li ma jkunx jista’ jew, fid-dawl ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż u dan, sakemm ma jkunx kopert mill-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 55/4.

2)   Għandhom jitqiesu li huma perikli serji:

a)

il-piena tal-mewt jew l-eżekuzzjoni; jew

b)

it-tortura jew it-trattamenti jew sanzjonijiet inumani jew degradanti tal-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu; jew

c)

it-theddid serju għall-ħajja jew għall-persuna ta’ ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bl-armi intern jew internazzjonali.”

2. Il-Liġi tas-27 ta’ Frar 1987 dwar l-allowances għall-persuni b’diżabbiltà

23.

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi tas-27 ta’ Frar 1987 dwar l-allowances għall-persuni b’diżabbiltà (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-27 ta’ Frar 1987”), il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jibbenefikaw minn allowance tat-telf tad-dħul jew ta’ integrazzjoni jew jingħataw allowance ta’ assistenza għall-anzjani.

24.

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi dan li ġej:

“L-allowances imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jingħataw biss lil persuna li jkollha r-residenza reali tagħha fil-Belġju u li tkun:

Belġjana;

ċittadina ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea;

Marokkina, Alġerina, jew Tuneżina li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [ ( 12 )];

persuni mingħajr Stat li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Persuni mingħajr Stat, iffirmata f’New York fit-28 ta’ Settembru 1954 u approvata permezz tal-Liġi tat-12 ta’ Mejju 1960;

refuġjata msemmija fl-Artikolu 49 tal-[Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980];

[...]”

25.

Permezz tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Frar 2009, ir-Re estenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2007, għall-barranin li huma inklużi fir-reġistru tal-popolazzjoni.

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali

A – Il-proċedura marbuta mal-għoti ta ’ awtorizzazzjoni ta ’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta ’ Diċembru 1980

26.

Fl-4 ta’ Jannar 2006, M. M’Bodj ippreżenta talba għall-ażil fl-Uffiċċju tal-Barranin, li qies din it-talba inammissibbli, peress li hija manifestament infondata.

27.

Konsegwentement, M. M’Bodj ippreżenta, fl-24 ta’ Awwissu 2007, talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Huwa żvela li kellu diżabbiltà serja f’għajnu kkawżata minn aggressjoni li safa vittma tagħha fiċ-ċentru tas-Salib l-Aħmar għal applikanti għall-ażil fejn kien jgħix. Din it-talba ġiet inizjalment iddikjarata inammissibbli mill-Uffiċċju tal-Barranin qabel ma kien hemm eżitu favorevoli, fi tmiem proċedura kontenzjuża, fid-19 ta’ Settembru 2008. Għaldaqstant, M. M’Bodj ġie inkluż fir-reġistru tal-barranin.

28.

Fis-17 ta’ Mejju 2010, huwa ġie awtorizzat jibqa’ fit-territorju għal tul illimitat skont l-Artikoli 9 u 13 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

B – Il-proċedura marbuta mal-għoti ta ’ allowance għall-persuni b’diżabbiltà bbażata fuq l-Artikolu 4 tal-Liġi tas-27 ta ’ Frar 1987

29.

Fid-19 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet kompetenti laqgħu t-talba ta’ rikonoxximent mediku tad-diżabbiltà fformulata minn M. M’Bodj, li tippermettilu jibbenefika mill-benefiċċji soċjali u fiskali.

30.

Fil-21 ta’ April 2009, filwaqt li M. M’Bodj kien għadu fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża li huwa beda sabiex jikseb residenza abbażi tal-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, huwa ppreżenta talba għall-allowances tat-telf tad-dħul u ta’ allowances ta’ integrazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda fil-5 ta’ Ottubru 2009 minħabba li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi tas-27 ta’ Frar 1987, li jirriżerva l-benefiċċju ta’ dawn l-allowances għaċ-ċittadini Belġjani u għaċ-ċittadini tal-Unjoni, għaċ-ċittadini Alġerini, Marokkini u Tuneżini, kif ukoll għall-persuni mingħajr stat u għar-refuġjati.

31.

Għaldaqstant, M. M’Bodj ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-tribunal du travail de Liège (il-qorti tax-xogħol ta’ Liège) fil-31 ta’ Diċembru 2009. Fil-kuntest tal-eżami tar-rikors, din il-qorti qabelxejn ikkunsidrat li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom diżabbiltà, li huma refuġjati jew li kisbu awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, jibbenefikaw mill-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali prevista mid-Direttiva 2004/83, li timponi lill-Istati Membri jagħtu lil dawn l-individwi l-istess għajnuna soċjali li huma jipprevedu liċ-ċittadini nazzjonali.

32.

It-tribunal du travail de Liège għaldaqstant staqsiet dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4 tal-Liġi tas-27 ta’ Frar 1987 fir-rigward, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni ggarantiti mill-Kostituzzjoni Belġjana u b’hekk, għamlet domanda preliminari lill-Cour constitutionnelle.

33.

Fil-kuntest tal-eżami ta’ din id-domanda preliminari, il-Cour constitutionnelle, min-naħa tagħha, tistaqsi dwar jekk huwiex neċessarju li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom diżabbiltà, skont jekk dawn tal-aħħar jibbenefikawx mill-istatus ta’ refuġjati jew skont jekk jiddisponux minn awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa għal raġunijiet mediċi. Hija tistaqsi, għaldaqstant, jekk din l-awtorizzazzjoni ta’ residenza, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent u l-assenza ta’ kura adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, taqax taħt il-protezzjoni sussidjarja ggarantita mid-Direttiva 2004/83.

34.

Mill-provi tal-proċess, kif ukoll mit-trattazzjoni matul is-seduta, jirriżulta li hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali fuq dan il-punt.

35.

Fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tad-domanda preliminari magħmula mit-tribunal du travail de Liège li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi legalment fil-Belġju abbażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa fuq il-bażi tal-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Din il-qorti tagħmel riferiment għal sentenza mogħtija mill-Cour constitutionnelle, li kkonfermat li “l-Artikoli 9b u 48/4 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jikkostitwixxu, flimkien, it-traspożizzjoni tad-dritt Belġjan tal-Artikolu 15 ta’ [l-imsemmija direttiva]” ( 13 ).

36.

Fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju ta’ din il-liġi intiża għat-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tad-Direttiva 2004/83 ( 14 ), dan indika dan li ġej:

“Il-barranin li għandhom marda bħal din il-marda li tirrappreżenta periklu reali għal ħajjithom jew għall-integrità fiżika tagħhom jew li l-marda tirrappreżenta periklu reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma teżisti l-ebda kura adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew fil-pajjiż fejn huma jistgħu jirresjedu, huma koperti mill-Artikolu 15(b), tad-Direttiva [2004/83], bħala riżultat tal-ġurisprudenza tal-[Qorti EDB] (trattament inuman jew degradanti).”

37.

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Cour constitutionnelle, il-Kunsill tal-Ministri jsostni, min-naħa tiegħu, li r-regolarizzazzjoni tar-residenza għal raġunijiet mediċi “hija eskluża mill-protezzjoni sussidjarja”, peress li din hija rregolata mill-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 li tikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika. Din tqis li din l-awtorizzazzjoni ta’ residenza hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB. Barra minn hekk, huwa jirrileva li hemm inkwistjoni proċedura distinta minn dik stabbilita quddiem il-Kummissarjat ġenerali għar-Refuġjati u għall-persuni mingħajr stat, peress li din taqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministru tal-intern u tal-Uffiċċju tal-Barranin.

38.

Konsegwentement, il-Cour constitutionnelle iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 2(e) u (f), 15, 18, 28 u 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li mhux biss il-persuna li ngħatat, fuq it-talba tagħha, l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja minn awtorità indipendenti mill-Istat Membru, għandha tibbenefika mill-protezzjoni soċjali u mill-kura tas-saħħa msemmija fl-Artikoli 28 u 29 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll il-persuna barranija li hija awtorizzata minn awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru li tirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li ssoffri minn marda li twassal għal riskju reali għall-ħajja tagħha jew għall-integrità fiżika tagħha jew riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma jkunx jeżisti trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha jew fil-pajjiż fejn tirrisjedi?

2)

Jekk l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta li timplika li ż-żewġ kategoriji ta’ persuni li huma deskritti fiha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni soċjali u mill-kura tas-saħħa li huma msemmija fiha, l-Artikoli 20(3), 28(2) u 29(2) ta’ din l-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-persuna vulnerabbli bħall-persuni diżabbli, timplika li għandhom jingħataw lil dawn tal-aħħar benefiċċji pprovduti bil-Liġi tas-27 ta’ Frar 1987 [...] fid-dawl tal-fatt li għajnuna soċjali li tieħu inkunsiderazzjoni d-diżabbli tista’ tingħata abbażi tal-Liġi Bażika tat-8 ta’ Lulju 1976 dwar ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali?”

39.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Greċja u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet.

III – Analiżi

40.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ kura medika adegwata f’pajjiżu, għandux jiġi kkunsidrat bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83.

41.

Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet serji u pprovati li jġegħlu wieħed jemmen li jekk tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini hija jkollha riskju reali li tkun f’periklu serju, kif iddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, peress li din il-persuna ma tkunx tista’, jew fid-dawl ta’ dan ir-riskju, ma tkunx tista’ tuża, il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

42.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 jiddefinixxi tliet tipi ta’ periklu serju li fosthom insibu, fil-punt (b), it-trattament inuman jew degradanti impost fuq l-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

43.

Id-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju tqum sa fejn, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji ( 15 ) u kif ukoll minn dak li jirriżulta mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/83 ( 16 ), din id-dispożizzjoni “tikkorrispondi, essenzjalment, [għal]l-Artikolu 3 tal-KEDB”.

44.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li t-tbatija minħabba marda li tiġi naturalment, kemm fiżika kif ukoll mentali, tista’ tikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti skont l-Artikolu 3 tal-KEDB jekk hija jkollha riskju li tiżdied permezz ta’ att jew kura li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, tneħħija jew minn miżuri oħra li jistgħu jkunu responsabbli għalihom l-awtoritajiet ( 17 ).

45.

Għalhekk, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna bħal dawk imsemmija fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit ( 18 ), il-Qorti EDB iddeċidiet li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu marid bl-AIDS tikkostitwixxi, f’każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB sa fejn dan ikun espost għal riskju reali li jmut f’ċirkustanzi partikolarment dolorużi. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata tinsab fi stadju avvanzat tal-marda u li l-interruzzjoni drastika tal-kura medika mogħtija fl-Istat ta’ akkoljenza, flimkien mal-assenza ta’ kura adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe forma ta’ appoġġ morali u ta’ għajnuna soċjali, tista’ tippreċipita l-mewt tal-persuna kkonċernata u tista’ tissuġġettaha għal tbatijiet fiżiċi u mentali akuti ( 19 ).

46.

Il-Qorti EDB għalhekk iddikjarat li se tirriżerva għaliha nfisha flessibbiltà suffiċjenti sabiex titratta l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB fis-sitwazzjonijiet li fihom ir-riskju li l-persuna kkonċernata tiġi suġġetta għal kura projbita fil-pajjiż ta’ destinazzjoni tirriżulta minn fatturi li ma jistgħux, la direttament u lanqas indirettament, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan il-pajjiż jew li, meta jittieħdu waħidhom, minnhom infushom ma jiksrux il-livelli ta’ dan l-artikolu ( 20 ). F’dan il-każ, inkunsiderazzjoni ta’ raġunijiet umanitarji meqjusa imperattivi, l-Istati kontraenti ma jistgħux għaldaqstant jeżegwixxu d-deċiżjoni tagħhom ta’ tkeċċija, u dan b’riskju li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 21 ).

47.

Id-domanda li qed tagħmel il-qorti tar-rinviju hija, essenzjalment, dik ta’ jekk ċirkustanzi komparabbli jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “periklu serju”, imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, u jiġġustifikaw, għaldaqstant, l-għoti ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

48.

Ma naħsibx li persuna li tbati minn marda serja tista’, f’dan ir-rigward, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

49.

Jekk, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, it-tbatija minħabba marda tista’ tikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti, jibqa’ l-fatt li wieħed mill-kriterji essenzjali tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ attur responsabbli għall-ksur u li kontra tiegħu hija meħtieġa il-protezzjoni, ikun nieqes.

50.

Fil-fatt, is-sistema komuni Ewropea għall-ażil hija bbażata fuq in-neċessità li tiġi żgurata lill-individwi, li jibżgħu li jiġu ppersegwitati minħabba r-razza tagħhom, ir-reliġjon tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom, l-opinjonijiet politiċi tagħhom jew l-appartenenza tagħhom għal grupp soċjali, jew li jaffrontaw riskju ta’ periklu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, protezzjoni li pajjiżhom ma huwiex jew ma huwiex iktar f’qagħda li jiggarantixxi peress li jippermetti intenzjonalment it-twettiq ta’ dawn l-atti jew jonqos milli jipprekludihom.

51.

L-iskema intiża għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, kemm jekk tirrigwarda l-istatus tar-refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, għaldaqstant għandha għan partikolari u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni speċifika ( 22 ) li jippresupponi l-kombinazzjoni ta’ żewġ elementi essenzjali. L-ewwel wieħed huwa kkostitwit mill-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju li tagħha tisfa vittma l-persuna kkonċernata, meta tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini. It-tieni wieħed huwa kkostitwit mir-responsabbiltà diretta jew indiretta ta’ dan il-pajjiż f’dan ir-riskju. Il-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huwa għaldaqstant irriżervat għall-każ fejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini ma ħadux ir-rwol li jipprovdu din il-protezzjoni, billi jkunu taw lok għall-persekuzzjonijiet, jew billi jkunu inkoraġixxu jew ittolleraw il-persekuzzjonijiet mill-milizji jew gruppi privati oħra.

52.

Dawn iż-żewġ fatturi huma determinanti għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, peress li huma bbażati fuq il-biża’ tal-individwu u jispjegaw l-impossibbiltà jew ir-rifjut tiegħu li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

53.

Fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja, dawn iż-żewġ fatturi jirriżultaw b’mod ċar ħafna mill-kliem tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża mingħajr ambigwità li “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li, mhux biss, jista’ jkollha riskju reali ta’ periklu serju ddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jekk hija tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda wkoll, li ma tistax jew ma hijiex disposta, fid-dawl ta’ dan ir-riskju, tuża l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

54.

Barra minn hekk, dan l-artikolu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” bħala atti jew ċirkustanzi li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini huma direttament jew indirettament responsabbli.

55.

Fil-fatt, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi moqri flimkien mal-Artikolu 6 tagħha.

56.

Fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, il-leġiżlatur jiddefinixxi, kif intqal diġà, l-element materjali tad-dannu serju. Din hija l-piena ta’ mewt jew tal-eżekuzzjoni, tat-tortura, tat-trattament jew tas-sanzjoni inumani jew degradanti li tkun ġarrbet il-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u theddid serju kontra l-ħajja jew il-persuna tagħha minħabba vjolenza indiskriminata fil-każ ta’ kunflitt bl-armi intern jew internazzjonali. Dawn l-atti jippresupponu fihom infushom l-intenzjoni deliberata tal-attur li jimponi tbatija fiżika jew mentali ta’ intensità partikolari.

57.

Fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83, huwa jiddefinixxi, min-naħa l-oħra, l-element personali peress li jiddetermina l-“[a]tturi ta’ [...] periklu serju”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk, jillimita espressament il-perimetru tad-dannu msemmi fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva għal dawk imwettqa jew mill-Istat, jew min partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw dan l-Istat jew parti sostanzjali mit-territorju tiegħu, jew minn atturi mhux statali, jekk jista’ jiġi ppruvat li l-Istat jew il-partiti jew l-organizzazzjonijiet li jikkontrollawhom ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni kontra l-persekuzzjoni jew il-perikli serji.

58.

Sabiex persuna tkun tista’ tiġi kkunsidrata li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, ma huwiex għaldaqstant biżżejjed li jiġi ppruvat li hija jkollha riskju li tkun esposta għal trattament inuman jew degradanti meta tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini, iżda jrid jiġi ppruvat li dan ir-riskju jirriżulta minn fatturi li huma direttament jew indirettament imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan il-pajjiż minħabba li t-theddid li huwa piż fuq il-persuna kkonċernata joriġina mill-awtoritajiet tal-pajjiż li għandu n-nazzjonalità tiegħu jew huwa ttollerat minn dawn l-awtoritajiet, jew minħabba li dan it-theddid joriġina minn gruppi indipendenti li kontra tagħhom l-awtoritajiet tal-pajjiż ma jistgħux jiżguraw protezzjoni effettiva għaċ-ċittadini tagħhom.

59.

Madankollu, kif jirrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, fil-każ ta’ individwu li l-istat ta’ saħħa tiegħu għandha bżonn kura medika u li ma jistax jibbenefika minn kura adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, it-trattament inuman jew degradanti li jkollu riskju li jkun suġġett għalih f’każ li jirritorna f’dan il-pajjiż ma jirriżultax min att jew ommissjoni intenzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi jew korpi indipendenti tal-Istat. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, wieħed mill-kriterji essenzjali għar-rikonoxximent tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini, hija neċessarjament nieqsa fit-twettiq tad-dannu serju u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni.

60.

F’din is-sitwazzjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-Istat Membru ma tissodisfax il-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u ma tistax għaldaqstant tiġi inkluża fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil.

61.

Skont l-Artikolu 2(g) in fine, tal-imsemmija direttiva ( 23 ), hemm inkwistjoni “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Din il-protezzjoni hija mogħtija għal raġuni oħra, fuq bażi diskrezzjonali u mmotivata mill-kumpassjoni jew irregolata minn raġunijiet umanitarji, ibbażati fuq l-osservanza tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta. F’dan l-aħħar każ, hija l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ta’ akkoljenza, kkombinata mal-assenza ta’ riżorsi mediċi adegwati fil-pajjiż ta’ oriġini, li tista’ tikkostitwixxi trattament inuman.

62.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestment ipprova jeskludi sitwazzjonijiet bbażati fuq raġunijiet umanitarji fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83.

63.

Fil-fatt, huwa afferma espressament, fil-kuntest tal-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ [l-imsemmija direttiva]” ( 24 ).

64.

Barra minn hekk, huwa interessanti li jsir riferiment għax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/83 dwar it-tfassil tal-Artikolu 15(b) ( 25 ), li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li:

“Madankollu, jekk il-punt (b) għandu jinkludi l-ġurisprudenza kollha tal-[Qorti EDB] dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, għandhom jiġu inklużi l-kawżi bbażati biss fuq raġunijiet umanitarji bħalma huma l-Kawża D vs Ir-Renju Unit (1997), magħrufa wkoll bl-isem tal-Kawża Saint-Kitts.

Fil-kawża Saint-Kitts, minkejja li l-assenza ta’ aċċess għal skema ta’ saħħa żviluppata kif ukoll l-assenza ta’ persunal ma humiex ikkunsidrati bħala tortura jew trattament inuman jew degradanti fihom infushom, it-tkeċċija lejn dan il-pajjiż, li kienet tikkostitwixxi theddida kontra l-ħajja tal-persuna kkonċernata, ġiet deskritta bħala tali.

Konsegwentement, bil-għan li jiġu evitati kawżi bbażati fuq raġunijiet umanitarji fis-sistema ta’ protezzjoni sussidjarja, li qatt ma kienet l-intenzjoni tad-[Direttiva 2004/83], il-presidenza tipproponi li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) billi tiddikjara li riskju reali ta ‘tortura jew ta’ pieni jew trattament inuman jew degradanti għandhom jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini” ( 26 ).

65.

Jekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji ( 27 ), l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 “jikkorrispondi essenzjalment għall-[...] Artikolu 3 [tal-KEDB]” ( 28 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu llimita l-kamp ta’ applikazzjoni għat-trattament “ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini” ( 29 ), li jippresupponi r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi f’dan il-pajjiż. Is-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali u b’mod partikolari l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għaldaqstant jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni xieraq u speċifiku ( 30 ), distint mill-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati kontraenti skont l-Artikolu 3 tal-KEDB.

66.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, jiena għaldaqstant tal-opinjoni li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jikkunsidra bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ kura medika adegwata f’pajjiżu.

67.

Awtorizzazzjoni ta’ residenza bħal dik maħruġa lil M. M’Bodj, ibbażata fuq l-Artikolu 9b tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, għaldaqstant ma tistax tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali.

68.

Hija lanqas ma tista’ tikkostitwixxi “livelli stabbiliti aktar favorevoli” skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

69.

Fil-fatt, filwaqt li skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu livelli iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu, b’mod partikolari, liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, dawn il-livelli għandhom madankollu ikunu kompatibbli mad-Direttiva 2004/83 ( 31 ).

70.

Madankollu, għar-raġunijiet li se nesponi, l-għoti minn Stat Membru tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. M’Bodj, ma hijiex kompatibbli mal-kliem u mal-għan ta’ dan it-test.

71.

B’kunsiderazzjoni għar-risposta li qiegħed nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

IV – Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour constitutionnelle kif ġej:

“L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jikkunsidra bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ kura medika adegwata f’pajjiżu.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 6 ) Ara l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

( 7 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 19) li tat lok għas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 72).

( 8 ) Din il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

( 9 ) Fis-sentenza M. (EU:C:2012:744), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-natura tad-drittijiet inerenti għall-istatus ta’ refuġjat u dik tad-drittijiet inerenti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huma fil-fatt differenti (punt 92). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9), li tirriformula d-Direttiva 2004/83, telimina d-differenzi li jeżistu bejn il-livell ta’ drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa (Artikolu 30). Madankollu, din id-differenza ma ġietx eliminata fir-rigward tal-protezzjoni soċjali (Artikolu 29).

( 10 ) Liġi kif emendata mil-Liġi tal-15 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”).

( 11 ) L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja tippermetti li dak li jibbenefika mill-permess ta’ residenza għal perijodu ta’ sena, li jista’ jiġġedded matul ħames snin. Lil hinn minn dan il-perijodu ta’ ħames snin, il-persuna kkonċernata tista’ tibqa’ residenti indefinittivament abbażi tal-Artikolu 49/2(2) u (3) tal-Att tal-15 ta’ Diċembru 1980.

( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).

( 13 ) Ara s-sentenza Nru 193/2009, tas-26 ta’ Novembru 2009, B.3.1. ara, ukoll, is-sentenza Nru 43/2013, tal-21 ta’ Marzu 2013, B.4.1.

( 14 ) Dokument Parlamentari, Awla, 2005-2006, DOC 51-2478/001, p. 9.

( 15 ) C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 28.

( 16 ) Ara n-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil, tal-25 ta’ Settembru 2002, 12148/02, p. 5.

( 17 ) Il-Qorti EDB, Josef vs Il-Belġju, Nru 70055/10, paragrafu 118, 27 ta’ Frar 2014. Il-Qorti EDB tfakkar, madankollu li, skont il-ġurisprudenza tagħha, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal miżura ta’ tneħħija ma jistgħux bħala prinċipju jinvokaw dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat kontraenti sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna u mis-servizzi mediċi, soċjali jew oħrajn ipprovduti mill-Istat li keċċihom. Fil-każ ta’ tkeċċija mill-Istat kontraenti, il-fatt li r-rikorrent jista’ jesperjenza deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni, u, b’mod partikolari, tnaqqi sinjifikattiv ta’ tama ta’ ħajja, ma huwiex, per se, biżżejjed sabiex iseħħ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

( 18 ) Il-Qorti EDB, D. vs Ir-Renju Unit, Nru 30240/96, KEDB 1997-III.

( 19 ) Ibidem (paragrafu 51 sa 54).

( 20 ) Ibidem (paragrafu 49).

( 21 ) Fis-sentenza tagħha Josef vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti EDB madankollu, ippreċiżat li tali sitwazzjoni tista’ isseħħ biss minħabba ċirkustanzi umanitarji imperativi, filwaqt li għamlet riferiment għall-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi N. vs Ir-Renju Unit ([GC] Nru 26565/05, KEDB 2008-III) u Yoh-Ekale Mwanje vs Il-Belġju (Nru 10486/10, 20 ta’ Marzu 2012). F’dan il-kawżi, ir-rikorrenti kienu wkoll morda bl-AIDS. Madankollu, il-Qorti EDB ikkunsidrat li t-tneħħija tagħha ma setgħetx tqajjem kwistjoni taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB sa fejn, fil-mument tat-tneħħija tagħhom, l-istat ta’ saħħa tagħhom kien stabbli, ma kinux fi “stat kritiku” u setgħu jivvjaġġaw.

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 24).

( 23 ) Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza B u D (C-57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661), mill-Artikolu 2(g) in fine tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li din ma tipprekludix li persuna titlob li tiġi protetta fil-kuntest ta’ “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (punt 116).

( 24 ) Id-Direttiva 2004/83, bħall-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, għandha bħala premessa l-fatt li l-Istati Membri ta’ akkoljenza jistgħu jagħtu, b’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali bi drittijiet li jippermettu lill-persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva, jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

( 25 ) Ara n-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil, tal-25 ta’ Settembru 2002, 12148/02, p. 6.

( 26 ) Il-korsiv miżjud minni.

( 27 ) EU:C:2009:94.

( 28 ) Ibidem (punt 28).

( 29 ) McAdam, J., “The Qualification Directive: An Overview”, The Qualification Directive: Central Themes, Problem Issues, and Implementation in Selected Member States, Wolf Legal Publishers, Nimègue, 2007, p. 19.

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (EU:C:2014:39, punt 24).

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza B u D (EU:C:2010:661, punti 114 sa 120).

Top