This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CC0510
Opinion of Advocate General Cruz Villalón delivered on 23 October 2014.#E.ON Földgáz Trade Zrt v Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.#Request for a preliminary ruling from the Kúria.#Reference for a preliminary ruling — Internal market in natural gas –Directive 2003/55/EC — Article 25 — Directive 2009/73/EC — Articles 41 and 54 — Temporal application –Regulation (EC) No 1775/2005 — Article 5 — Capacity allocation mechanisms and congestion management procedures — Decision of a regulatory authority — Right to bring an action — Action brought by a company holding a natural gas transmission authorisation — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 47 — Right to effective judicial protection against a decision of a regulatory authority.#Case C-510/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ppreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2014.
E.ON Földgáz Trade Zrt vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2003/55/KE – Artikolu 25 – Direttiva 2009/73/KE – Artikoli 41 u 54 – Applikazzjoni ratione temporis – Regolament (KE) Nru 1775/2005– Artikolu 5 – Mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet u proċeduri ta’ immaniġġar tal-konġestjoni – Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja – Dritt għal azzjoni legali – Rikors ta’ kumpannija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja.
Kawża C-510/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ppreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2014.
E.ON Földgáz Trade Zrt vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2003/55/KE – Artikolu 25 – Direttiva 2009/73/KE – Artikoli 41 u 54 – Applikazzjoni ratione temporis – Regolament (KE) Nru 1775/2005– Artikolu 5 – Mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet u proċeduri ta’ immaniġġar tal-konġestjoni – Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja – Dritt għal azzjoni legali – Rikors ta’ kumpannija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja.
Kawża C-510/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2325
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )
Kawża C‑510/13
E.ON Földgáz Trade Zrt
vs
Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria [l-Ungerija])
“Suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55 — Direttiva 2009/73 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Locus standi ta’ persuna ġuridika, kumpannija li tqassam il-gass naturali, kontra deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali — Rekwiżit nazzjonali ta’ locus standi bbażat esklużivament fuq l-‘interess ġuridiku’ — Dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
1. |
Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-Kúria (Qorti Suprema Ungeriża) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2003/55/KE ( 2 ) u 2009/73/KE ( 3 ), li t-tnejn li huma jirreferu għar-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali. |
2. |
Iktar speċifikament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-applikazzjoni ratione temporis taż-żewġ Direttivi, f’każ fejn id-deċiżjoni nazzjonali kkontestata kienet adottata u kkontestata f’mument li fih anki jekk kienet applikabbli d-Direttiva 2003/55, madankollu d-Direttiva 2009/73, li tħassarha, kienet f’fażi ta’ traspożizzjoni. |
3. |
Bl-istess mod, u b’mod iktar sinjifikattiv, il-Kúria qajmet id-dubji tagħha dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ rekwiżit ta’ locus standi sabiex ikun hemm aċċess għall-kontenzjuż-amministrattiv Ungeriż, li skont dan rikorrent għandu jkollu “interess ġuridiku”, li mingħajru jkun suffiċjenti sempliċi dannu ekonomiku. Fil-każ inkwistjoni, operatur fis-suq tal-gass naturali fl-Ungerija, E.ON, ikkontesta deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali Ungeriża li permezz tagħha jiġu stabbiliti l-kriterji sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal riżerva ta’ kapaċità fit-tul ta’ pipeline. Il-qorti tal-ewwel istanza Ungeriża tqis li din id-deċiżjoni ma taffettwax l-“interess ġuridiku” tar-rikorrenti, iżda unikament l-interess ekonomiku tagħha. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-konformità tal-każ ineżami mad-dritt tal-Unjoni Ewropea jifformaw in-nukleu ta’ din id-domanda preliminari. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea
4. |
Id-Direttiva 2003/55, magħrufa wkoll bħala t-“Tieni Direttiva”, timponi fuq l-Istati Membri l-ħolqien ta’ korp wieħed jew iktar b’funzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji fis-settur tal-gass. Fl-Artikolu 25 tagħha, id-Direttiva 2003/55 telenka, fost aspetti oħra, id-drittijiet tal-partijiet milquta mid-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtoritajiet. Fir-rigward ta’ din id-domanda preliminari jirriżultaw b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-paragrafi 5, 6 u 11: “Artikolu 25 Awtoritajiet regolatorji 1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp kompetenti wieħed jew aktar bil-funzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu għal kollox indipendenti mill-interessi ta’ l-industrija tal-gass. Għandhom, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, ikunu għall-inqas responsabbli li jaċċertaw nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u l-ħidma effiċjenti tas-suq[…]: […] 5. Kull parti li jkollha lment kontra operatur tat-trasmissjoni, tal-LNG u tad-distribuzzjoni rigward il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 u fl-Artikolu 19 jistgħu jirreferu l-ilment lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet, għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-ilment. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn fejn tintalab aktar informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż bil-ftehim tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Din id-deċiżjoni għandu jkollha effett li jorbot kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell. 6. Kull parti li tkun affettwata u li għandha dritt tagħmel ilment rigward deċiżjoni dwar il-metodoloġiji meħuda bi qbil mall-paragrafi 2, 3 jew 4 jew, fejn l-awtorità regolatorja għandha dmir li tikkonsulta, fir-rigward tal-metodoloġiji proposti, tista’, l-iktar tard fi żmien xahrejn, jew fi żmien iqsar kif ipprovdut mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew tal-proposta għal deċiżjoni, tissottometti ilment għal reviżjoni. Dan l-ilment m’għandux ikollhu effett sospensiv. […] 11. L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu [eżerċizzju] tad-drittijiet ta’ l-appell [rikors] taħt il-liġijiet Komunitarji u nazzjonali.” |
5. |
Id-Direttiva 2003/55 tħassret permezz tad-Direttiva 2009/73, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, magħrufa wkoll bħala t-“Tielet Direttiva”. Fid-dawl ta’ din il-proċedura, hemm lok li jiġu enfasizzati b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Artikolu 41 tal-imsemmija direttiva: “11. Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni [netwerk ta’ trasport], ħżin, LNG jew distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi tal-operatur taħt din id-Direttiva imsemmija tista’ tirriferi l-ilment lill-awtoritajiet regolatorji li, waqt li jaġixxu bħala l-awtoritajiet għar-riżoluzzjoni tad-disputi, għandhom jagħtu deċiżjoni fi żmien xahrejn wara li jkunu rċevew l-ilment. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn fejn tintalab aktar informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż bil-ftehim tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell. 12. Kwalunkwe parti li tintlaqat u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda konformement ma’ dan l-Artikolu jew, fejn l-awtoritajiet regolatorji jkollhom l-obbligu li jikkonsultaw dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, tista’, minn għall-anqas fi żmien xahrejn, jew f’perijodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tressaq ilment għar-reviżjoni. Tali lment m’għandux ikollu effett sospensiv. 13. L-Istati Membri għandhom joħolqu mekkaniżmi xieraq u effiċjenti għar-regolament, kontroll u trasparenza sabiex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari bi żvantaġġ għall-konsumaturi, u kwalunkwe aġir predatorju. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 82 tiegħu. 14. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jittieħdu l-passi adegwati, inklużi azzjoni amministrativa jew proċeduri kriminali b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni naturali jew legali responsabbli fejn ir-regoli tal-kunfidenzjalità imposti minn din id-Direttiva ma jkunux ġew rispettati. 15. L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 11 u 12 għandhom ikunu bla ħsara għall-eżerċitu [eżerċizzju] tad-drittijiet tal-appell [rikors] taħt il-liġi Komunitarja u/jew il-liġi nazzjonali. 16. Id-Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati b’mod sħiħ u ġustifikati sabiex jippermettu reviżjoni ġudizzjarja. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva. 17. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata minn deċiżjoni ta’ […] awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ kwalunkwe gvern.” |
6. |
Ir-Regolament Nru 1775/2005, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trasmissjoni [trasport] tal-gass naturali ( 4 ), imħassar u ssostitwit bir-Regolament 715/2009 ( 5 ), jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità, kif ukoll il-proċeduri tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni applikabbli għall-operaturi tan-netwerk. Konkretament, l-Artikolu 5 tar-Regolament, taħt it-taqsima “Prinċipji tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u proċeduri ta’ l-immaniġġar tal-konġestjoni” jipprovdi dan li ġej: “1. Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, b’kont meħud ta’ l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-netwerk. 2. L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni [netwerk ta’ trasport] għandhom jimplementaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu non-diskriminatorji u trasparenti, li għandhom:
3. Meta l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ trasport jew jinnegozjaw mill-ġdid kuntratti eżistenti ta’ trasport, dawn il-kuntratti għandhom jieħdu kont tal-prinċipji segwenti:
4. Meta kapaċità kontrattata taħt kuntratti eżistenti ta’ trasport tibqa’ mhux użata u sseħħ konġestjoni kontrattwali, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom japplikaw il-paragrafu 3 sakemm dan ma jiksirx ir-rekwiżiti tal-kuntratti eżistenti ta’ trasport. Fejn dan imur kontra l-kuntratti eżistenti ta’ trasport, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom, wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti, jippreżentaw talba lill-utent tan-netwerk għall-użu fis-suq sekondarju tal-kapaċità mhux użata skond il-paragrafu 3. 5. Jekk eventwalment teżisti konġestjoni fiżika, għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew, skond il-każ, mill-awtoritajiet regolatorji mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu trasparenti u non-diskriminatorji.” |
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7. |
L-Artikolu 3(1) tal- a Polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény (Liġi Nru III tal-1952, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jistabbilixxi li, ħlief jekk huwa previst bil-kontra mil-liġi, it-talbiet quddiem il-qorti ċivili jistgħu jitressqu biss minn min juri li għandu interess fil-kawża. |
8. |
L-Artikolu 327(1)(a) u (b) tal-imsemmija liġi jintroduċi regola speċjali fil-qasam kontenzjuż-amministrattiv, li tipprovdi li jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ċivili kull parti fi proċedura amministrattiva u kull persuna li hija espressament affettwata mill-miżura kkontestata. |
II – Il-fatti u l-proċedura nazzjonali
9. |
Il-kumpannija FGSZ Földgázszällító Zrt hija l-amministrattriċi tan-netwerk ta’ gass fl-Ungerija. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, FGSZ (iktar ’il quddiem, l-“amministrattriċi”) tiddeċiedi, skont l-ordni ta’ meta titressaq l-applikazzjoni, dwar il-kapaċitajiet ta’ riżerva fit-tul tal-operaturi fis-suq tal-gass. Wara li tivverifika l-kapaċità libera disponibbli, l-amministrattriċi tiddeċiedi dwar il-livell ta’ kapaċità ta’ riżerva fit-tul mitlub u tikkonkludi l-kuntratt korrispondenti ta’ kapaċità fit-tul mal-operatur. |
10. |
E.ON Földgáz Trade Zrt. (iktar ’il quddiem “E.ON”) hija operatur fis-suq Ungeriż tal-gass. Mill-proċess jirriżulta li E.ON ressqet quddiem l-amministrattriċi applikazzjonijiet għal riżerva ta’ kapaċità fit-tul għal iktar minn sena ta’ gass, għall-pipeline HAG (interkonnettur ta’ gass bejn l-Ungerija u l-Awstrija). Peress li l-applikazzjonijiet qabżu l-kapaċità libera disponibbli għas-sena ta’ gass, l-amministrattriċi talbet lill-awtorità regolatorja Ungeriża tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward. |
11. |
Permezz tad-deċiżjoni Nru 98/2010, tat-22 ta’ Frar 2010, l-awtorità regolatorja mmodifikat id-deċiżjoni fis-seħħ f’din id-data u imponiet fuq l-amministrattriċi l-kriterju applikabbli għall-applikazzjonijiet ta’ kapaċità libera tal-pipeline HAG għas-sena ta’ gass 2010/2011. Id-deċiżjoni ġdida tawtorizza lill-amministrattriċi li tibda tipproċessa applikazzjonijiet ta’ tul ta’ iktar minn sena, fil-parti li fiha jirreferu għas-sena ta’ gass 2010/2011, sa 80 % tal-kapaċità libera tal-pipeline. Il-parti li tifdal, jiġifieri, l-20 % tal-kapaċità libera tal-pipeline, tibqa’ ddestinata għall-ipproċessar tar-riżervi annwali relatati mas-sena ta’ gass 2010/2011. Fil-fehma tal-awtorità, eċċess ta’ riżervi ta’ iktar minn sena jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jagħmel diffiċli d-dħul fis-suq ta’ operaturi oħra. |
12. |
E.ON ikkontestat parzjalment id-Deċiżjoni Nru 98/2010 tal-awtorità quddiem il-Fővárosi Bíróság, li, fis-27 ta’ Marzu 2010, iddeċidiet ir-rikors fl-ewwel istanza billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, E.ON ma daħlitx għal kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew ftehim konkluż sabiex jiġi ggarantit l-aċċess għal riżorsi, u lanqas ma ffirmat xi kuntratti mal-amministrattriċi tan-netwerk. Skont il-leġiżlazzjoni proċedurali Ungeriża, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Kúria, l-eżistenza ta’ dannu ekonomiku ma hijiex bażi għal locus standi. |
13. |
E.ON ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-Prim’Istanza quddiem il-Kúria, li permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2013, ifformulat dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. |
Fil-25 ta’ Settembru 2013 it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE, fit-termini li ġejjin: “1 Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE [...], li jsemmu l-persuni awtorizzati jressqu azzjoni, għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ deċiżjoni amministrattiva mogħtija fl-ambitu ta’ din id-direttiva, jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-proċedura ġudizzjarja fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE [...] – liema direttiva daħlet fis-seħħ matul il-proċedura –, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tal-imsemmija direttiva, li skontu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw sa mit-3 ta’ Marzu 2011? 2 Fil-każ fejn hija d-Direttiva tal-2009 li għandha tiġi applikata, jista’ wieħed, f’azzjoni kontra deċiżjoni li tapprova kodiċi ta’ netwerk jew li tiddetermina l-kontenut tiegħu, jikkunsidra bħala ‘parti affettwata’ fis-sens tal-Artikolu 41(17) tal-imsemmija direttiva negozjant detentur ta’ awtorizzazzjoni li għandu interess ekonomiku, bħalma huwa l-każ inkwistjoni, jew il-parti affettwata tista’ biss tkun il-persuna li tamministra n-netwerk awtorizzata tagħti bidu għall-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kodiċi? 3 Fil-każ fejn hija d-Direttiva tal-2003 li għandha tiġi applikata, l-approvazzjoni jew l-emenda, skont il-każ, tal-Kodiċi ta’ netwerk inkwistjoni f’dan il-każ taqa’, sa fejn din tikkonċerna l-eżami tal-applikazzjonijiet għal allokazzjoni ta’ kapaċità, taħt is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(5) jew (6) tal-imsemmija direttiva? 4 Fil-każ fejn il-kwistjoni hawnhekk hija sitwazzjoni kkontemplata fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva tal-2003, jista’ wieħed, f’azzjoni kontra deċiżjoni li tapprova kodiċi ta’ netwerk jew tiddetermina l-kontenut tiegħu, jikkunsidra bħala ‘parti affettwata’ negozjant detentur ta’ awtorizzazzjoni li għandu interess ekonomiku, bħal fil-każ inkwistjoni, jew il-parti affettwata tista’ biss tkun il-persuna li tamministra n-netwerk awtorizzata tibda proċedura ta’ approvazzjoni tal-kodiċi? 5 Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 25(11) tad-Direttiva tal-2003, li jipprevedi li l-ilmenti msemmija fil-paragrafi (5) u (6) ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt Komunitarju u nazzjonali, jekk mir-risposti għad-domandi ta’ qabel din jirriżulta li d-dritt nazzjonali jissuġġetta t-tressiq tal-azzjonijiet għal kundizzjonijiet iktar rigorużi minn dawk li jirriżultaw minn din id-direttiva jew mid-dritt Komunitarju?” |
15. |
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV – Analiżi
16. |
Il-ħames domandi magħmula mill-Kúria jitqassru, b’mod definittiv, għal tnejn. L-ewwel domanda tirreferi għall-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttivi 2003/55 u 2009/73 għal kuntest proċedurali. Ir-risposta għal din l-ewwel domanda tippermettili li ngħaqqad l-erba’ domandi li jifdal f’domanda waħda, biex b’hekk nikkonċentra fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola nazzjonali li tirrikonoxxi l-locus standi unikament għall-operaturi tas-settur tal-gass li jsostnu li għandhom “interess ġuridiku”. Ser nikkonċentra fuq iż-żewġ kwistjonijiet b’mod separat. |
A – Fuq l-applikabbiltà ratione tempors tad-Direttivi 2003/55 u 2009/73
17. |
Il-Kúria tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema waħda miż-żewġ Direttivi dwar is-suq tal-gass naturali tirriżulta applikabbli f’każ bħal dak ineżami. Il-kwistjoni hija importanti, peress li d-Direttiva 2009/73 fiha dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali li ma humiex preżenti fid-Direttiva 2003/55 u li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni differenti fid-deċiżjoni ta’ din il-kawża. |
18. |
Il-Kummissjoni biss għamlet dikjarazzjoni dwar dan il-punt, fejn iddefendiet l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/55 u mhux dik tad-Direttiva 2009/73. Skont il-Kummissjoni, il-mument li għandu jintuża bħala riferiment huwa dak li fih ingħatat id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, jiġifieri, il-22 ta’ Frar 2010. Peress li t-terminu ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 kien it-3 ta’ Marzu 2011, mument li fih, skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/73, tħassret id-Direttiva 2003/88, il-Kummissjoni ssostni li l-unika liġi rilevanti għal din il-kawża hija d-Direttiva 2003/55. |
19. |
Ma nistax naqsam mal-Kummissjoni l-argument dwar il-mument magħżul bħala riferiment, li, fil-fehma tagħha, hija l-ġurnata ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat. Ma naqbilx ma’ dan il-kriterju, peress li din il-kawża tqajjem problema ta’ locus standi proċedurali ta’ rikorrenti u, kif huwa magħruf, kemm l-ordinamenti nazzjonali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja stess iddikjaraw li l-mument rilevanti ta’ din it-tip ta’ suppożizzjoni huwa dak tal-preżentata tar-rikors u mhux dak tal-adozzjoni tal-att ikkontestat ( 6 ). Għaldaqstant, inqis li d-data ta’ riferiment f’din il-kawża hija s-27 ta’ Marzu 2010, data, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Fővárosi Bíróság, u mhux it-22 ta’ Frar 2010. |
20. |
Fi kwalunkwe każ, fis-27 ta’ Marzu 2010, id-Direttiva 2003/55 kienet għal kollox fis-seħħ, filwaqt li d-Direttiva 2009/73 kienet, bħal ma jirriżulta mill-proċess, f’fażi ta’ traspożizzjoni fl-Ungerija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun meta tafferma li l-liġi applikabbli f’din il-kawża hija d-Direttiva 2003/55. |
21. |
Fid-dawl ta’ dan, jista’ jiġi mistoqsi jekk id-Direttiva 2009/73 għandhiex xi effett fuq din il-kawża, peress li kien att diġà fis-seħħ, għalkemm kien għadu f’fażi ta’ traspożizzjoni. |
22. |
Kif ġie stabbilit, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt intern, l-Istati Membri destinatarji ta’ din id-direttiva ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jistgħu serjament jikkompromettu l-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva ( 7 ). Peress li dan l-obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, huwa għandu jinftiehem, skont il-ġurisprudenza, bħala li jirreferi għall-adozzjoni ta’ kull miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett negattiv ( 8 ). |
23. |
Madankollu, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tirreferi għal miżuri pożittivi tal-Istati Membri intiżi sabiex jikkompromettu serjament ir-riżultat tad-Direttiva, u mhux id-dispożizzjoni nazzjonali li kienet diġà teżisti fid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Għalhekk, l-iskop tal-ġurisprudenza ċċitata huwa biss dak li jiġu evitati miżuri adottati bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel it-terminu ta’ skadenza tagħha, li l-għan tagħhom ikun, de iure jew de facto, li joħolqu riskju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha. |
24. |
F’din il-kawża, niltaqgħu ma’ deċiżjoni individwali ta’ korp ġuridiku li japplika ġurisprudenza kkonsolidata li skont din huwa neċessarju li jiġi kkonstatat interess ġuridiku u mhux unikament interess ekonomiku, sabiex ikun hemm locus standi fil-proċedura kontenzjuża-amministrattiva,. Madankollu, din ma hijiex regola jew ġurisprudenza nazzjonali li tqajmet speċifikament għal din il-kawża. |
25. |
Minbarra dan, din il-kawża tippreżenta sitwazzjoni li fiha tipproduċi ruħha suċċessjoni ratione temporis ta’ żewġ direttivi, b’mod li fil-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 diġà kienet teżisti leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli u kompletament trasposta fl-ordinament Ungeriż. |
26. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ltaqgħet ma’ xi suppożizzjonijiet ta’ dan it-tip fil-passat. Fil-fatt, fil-kawża Hochtief AG ( 9 ), fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt amministrattiv li matulu ntemm it-terminu ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ta’ direttiva ġdida, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li din id-direttiva ma kinitx applikabbli għal deċiżjoni adottata minn awtorità kontraenti, fid-dawl tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit permezz tat-traspożizzjoni fid-dritt intern ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet f’dan il-każ għas-sentenza mogħtija fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza ( 10 ), fejn kien ġie ddikjarat in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ direttiva għal proċedura li kienet bdiet qabel id-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni tagħha ( 11 ). |
27. |
Dan kollu wassalni sabiex niddefendi l-applikazzjoni esklużiva tad-Direttiva 2003/55, peress li l-kwistjoni hawnhekk inkwistjoni tirreferi għall-mument li fih ġie ppreżentat rikors kontenzjuż-amministrattiv, mument li fih ir-rikorrenti kellha turi, skont l-ordinament Ungeriż, “interess ġuridiku”. Jifdal biss li jiġi kkonfermat jekk id-Direttiva 2009/73 tistax teżerċita kwalunkwe effett interpretattiv dwar il-leġiżlazzjoni Ungeriża fil-mument li kienet għadha f’fażi ta’ traspożizzjoni u kienet għadha fis-seħħ id-Direttiva 2003/55. |
28. |
F’dan ir-rigward nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kategorikament li l-obbligu ta’ interpretazzjoni fid-dawl ta’ direttiva jibda biss fil-mument li fih l-ordinament nazzjonali effettivament jittrasponi (u li għaldaqstant issir notifika) jew, fl-assenza ta’ tali traspożizzjoni, mill-mument tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Fil-kawża Adeneler et ( 12 ), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ltaqgħet ma’ din il-kwistjoni u kkonkludiet li “f’każ ta’ traspożizzjoni tardiva ta’ Direttiva [fil-liġi nazzjonali], l-obbligu ġenerali tal-qrati nazzjonali, li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi mad-Direttiva ma jeżistix ħlief ma’ l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha [fil-leġiżlazzjoni nazzjonali]” ( 13 ). |
29. |
Nikkunsidra li din il-kwistjoni tqum b’iktar saħħa fil-każ li jkun hemm suċċessjoni ta’ direttivi, fejn diġà teżisti leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam li titlob mill-qorti nazzjonali interpretazzjoni konformi mad-direttiva li għadha fis-seħħ. Li qorti nazzjonali tintalab tagħti interpretazzjoni konformi maż-żewġ direttivi, meta l-kontenut tagħhom ivarja fir-rigward ta’ diversi kunċetti, jintroduċi inċertezza legali li tmur kontra l-ordinament stess tal-Unjoni li għandha tiġi miċħuda. |
30. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju billi tiddikjara li f’kuntest bħal dak ineżami, b’kunsiderazzjoni tal-mument tal-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Prim’Istanza, il-qorti nazzjonali għandha tapplika esklużivament id-Direttiva 2003/55. |
B – Dwar ir-regola nazzjonali li tirrikonoxxi biss il-locus standi lil min juri li għandu “interess ġuridiku ”
1. Pożizzjoni tal-partijiet li fformulaw osservazzjonijiet
31. |
Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni, uniċi intervenjenti li fformulaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, jikkunsidraw il-kwistjoni minn angoli differenti. |
32. |
Fil-fehma tal-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2003/55, meta jirreferi għall-“parti li tkun affettwata” ma jirreferix għall-operaturi tan-netwerk, iżda għall-amministrattriċi. Għaldaqstant, dan il-Gvern isostni li l-artikolu ma huwiex applikabbli għal din il-kawża u, bħala konsegwenza, ebda dispożizzjoni tad-direttiva ma ssolvi l-kwistjoni mqajma mill-Kúria. |
33. |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55, kemm fil-paragrafu (5) kif ukoll fil-paragrafu (6) tiegħu, jikkontempla biss dritt ta’ lment amministrattiv, iżda mhux azzjoni ġudizzjarja. Din l-interpretazzjoni tiġi kkonfermata meta l-imsemmija dispożizzjoni tiġi pparagunata mat-termini tad-Direttiva 2009/73, li fiha hija kkontemplata espressament possibbiltà ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali. Minbarra dan, anki jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tidħol, bħala prinċipju, fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2003/55, din ma kinitx adottata mill-awtorità regolatorja Ungeriża fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet”. Għaldaqstant, ma jirriżultax li huwa applikabbli l-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2003/55. L-istess għandu jiġi konkluż dwar il-paragrafu (6), li jirreferi għal deċiżjonijiet dwar metodoloġiji li jirreferu għalihom il-paragrafi (2), (3) u (4) tal-istess artikolu. Peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra miżura li hija differenti minn dawk stabbiliti fl-imsemmija paragrafi (2), (3) u (4), lanqas ma jirriżulta li huma applikabbli d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 25(6). B’mod definittiv, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/55 ma jirriżultawx applikabbli f’din il-kawża. |
34. |
Jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni wkoll ħadet pożizzjoni, anki jekk sussidjarjament, dwar id-deċiżjoni tal-każ fid-dawl tad-Direttiva 2009/73. Huwa importanti li jiġi enfasizzat dan il-punti peress illi, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li hija l-qorti nazzjonali li għandha timplementa l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, iżda mhux bħala konsegwenza tal-applikabbiltà ta’ din id-direttiva, iżda fir-rigward tar-Regolament Nru 715/2009, dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali. Dan it-test jagħti diversi drittijiet lill-operaturi fis-settur tal-gass, inkluż id-dritt li l-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji. Anki jekk il-Kummissjoni tressaq din il-proposta fl-ipoteżi ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-każ konkret, huwa importanti li dan jiġi enfasizzat peress li jirriżulta determinanti fl-analiżi li ser nagħmel issa. |
2. Analiżi
35. |
Kif diġà argumentajt fil-punti 19 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-unika Direttiva applikabbli f’din il-kawża hija, bħala prinċipju, l-imsemmija Tieni Direttiva, jiġifieri d-Direttiva 2003/55. Dan it-test tħassar permezz tad-Direttiva 2009/73, leġiżlazzjoni li, bid-differenza tad-Direttiva 2003/55, fiha regoli addizzjonali dwar l-azzjonijiet ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, id-direttiva applikabbli f’din il-kawża, id-Direttiva 2003/55, hija kkaratterizzata mill-iskarsezza tagħha fir-rigward tal-punt dwar l-aċċess għall-ġustizzja. |
36. |
Fil-fatt, l-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/55 li tagħmel riferiment għall-eżerċizzju tad-dritt li jiġu ppreżentati rikorsi hija dik li tinsab fl-Artikolu 25(11). Din ir-regola tirreferi għall-paragrafi (5) u (6) tal-istess artikolu, u żżid li, fil-każijiet hemmhekk irregolati, l-ilmenti mressqa mill-partijiet affettwati “ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu [eżerċizzju] tad-drittijiet ta’ l-appell [rikors] taħt il-liġijiet Komunitarji u nazzjonali”. |
37. |
Madankollu, u hekk kif argumentat il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ma hijiex inkluża fost id-deċiżjonijiet previsti fl-iċċitati paragrafi (5) u (6). Fil-fatt, dawn ir-regoli jirreferu, rispettivament, għal deċiżjonijiet adottati fil-kwalità ta’ awtorità responsabbli mir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet u għal deċiżjonijiet dwar il-metodoloġiji. Ma jidhirlix li f’din il-kawża ninsabu quddiem waħda minn dawn il-kategoriji, b’mod li l-previżjonijiet dwar rikorsi li jinsabu fil-paragrafu (11) ma jirriżultax li japplikaw fil-każ ineżami. |
38. |
Minkejja dan, il-qafas regolatorju Ewropew tas-settur tal-gass huwa kunsiderevolment iktar estensiv, peress li ma jikkonsistix biss mill-imsemmija regoli ta’ armonizzazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bħall-amministraturi tan-netwerk u l-operaturi huma t-tnejn li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet f’diversi Regolamenti, fejn fosthom hemm b’mod partikolari, fir-rigward ta’ din il-kawża, ir-Regolament Nru 1775/2005, dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, imħassar fl-2009 permezz tal-imsemmi Regolament 715/2009. |
39. |
Effettivament, ir-Regolament Nru 1775/2005 kien applikabbli ratione materiae u ratione temporis għall-każ ineżami, peress li dan jittratta preċiżament il-kundizzjonijiet li fihom l-operaturi jaċċedu għan-netwerk ta’ trasport ta’ gass naturali, filwaqt li l-applikabbiltà tiegħu nżammet sat-3 ta’ Marzu 2011, mument li fih beda japplika r-Regolament 715/2009 ( 14 ). |
40. |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1775/2005 jistabbilixxi l-prinċipji dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri tal-immaniġġar tal-konġestjoni applikabbli għall-amministraturi ta’ netwerks ta’ trasport. Dan il-kunċett jiddikjara d-dritt tal-operaturi kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom “[il]-kapaċità massima”, kif ukoll li jkunu suġġetti għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità “non-diskriminatorji u trasparenti”. Dawn il-prinċipji huma diretti kemm lejn l-amministraturi ta’ netwerks kif ukoll lejn l-awtoritajiet regolatori li, skont l-Artikolu 10, “jiżguraw konformità” tar-Regolament Nru 1775/2005. |
41. |
Konkretament, il-paragrafu (5) tal-imsemmi Artikolu 5 jistabbilixxi li f’każ ta’ konġestjoni fiżika, kemm l-amministratur tan-netwerk kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji “għandhom [japplikaw] [...] mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu trasparenti u non-diskriminatorji”. Kif jirriżulta b’mod ċar, anki jekk id-destinatarji tal-liġi huma l-amministraturi tan-netwerk u l-awtoritajiet regolatorji, il-benefiċjarji huma biss l-operaturi tan-netwerk, li lilhom huwa attribwit dritt sabiex id-deċiżjonijiet dwar l-immaniġġar tal-konġestjoni jiġu adottati bi kriterji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. |
42. |
Marbut ma’ dan il-punt, inqis li l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1775/2005 jagħti fil-każ ineżami dritt lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li d-deċiżjonijiet dwar l-immaniġġar tal-konġestjoni jiġu adottati skont kriterji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. Għaldaqstant, peress li dan huwa dritt direttament mogħti mid-dritt tal-Unjoni, favur, f’dan il-każ, E.ON, ir-Repubblika tal-Ungerija għandha tiggarantixxi dan id-dritt permezz ta’ mezzi ġudizzjarji nazzjonali, ċertament skont l-awtonomija proċedurali tagħha, iżda filwaqt li tirrispetta d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din il-konklużjoni hija skont ġurisprudenza kunsiderevoli u kkonsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
43. |
Kif inhu magħruf, l-Artikolu 47, bħala kontinwazzjoni ta’ ġurisprudenza preċedenti espressa fil-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, kif ukoll fil-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, juri l-effetti tiegħu fuq regoli proċedurali nazzjonali kollha mfassla sabiex jiggarantixxu l-ġustizzjabbiltà tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Dan jinkludi, bħal ma jidher ċar, ir-regoli nazzjonali ta’ locus standi, sa fejn iservu bħala filtri rilevanti ta’ aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri. |
44. |
Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri jirriżultaw speċjalment rilevanti għad-dritt tal-Unjoni. Prova ta’ dan huwa l-Artikolu 19(1) TUE, li jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jipprovdu“r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. |
45. |
Huwa għalhekk minn din il-perspettiva, dik tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-kriterji nazzjonali ta’ locus standi mistoqsija mill-qorti tar-rinviju mad-dritt tal-Unjoni ( 16 ). |
46. |
Kif inhu magħruf, meta regola proċedurali nazzjonali tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-imsemmija prinċipji, id-dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din ir-regola fil-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, ikkunsidrati flimkien, quddiem il-qrati nazzjonali differenti. Minn din il-perspettiva, il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 17 ). |
47. |
L-applikazzjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għar-rekwiżiti nazzjonali ta’ locus standi tat lok għal diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma ta’ interess għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
48. |
Fl-2005, fil-kawża Streekgewest ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali li tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat minn konsorzju ta’ muniċipji kontra d-deċiżjoni ta’ amministrazzjoni oħra li ma timplementax projbizzjoni ta’ għajnuna ddikjarata illegali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[i]ndividwu jista’ jkollu interess li jirrikorri quddiem il-qrati nazzjonali għall-effett dirett tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat [li sar l-Artikolu 108(3) TFUE]” ( 19 ). Id-deċiżjoni nazzjonali li tiddikjara l-inammissibbiltà kienet teħtieġ mir-rikorrenti li tkun ġiet affettwata mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-miżura ta’ għajnuna. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx u kkonkludiet li “[b]iss irid jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-individwu huwa ssuġġettat għal taxxa li hija parti integrali minn miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 93(3) li sar l-Artikolu 108(3) TFUE)” ( 20 ). |
49. |
Fil-kawża Club Hotel Loutraki et ( 21 ), deċiża fis-sena 2010 u wara li daħlet fis-seħħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid akkużat lil Stat Membru li rrestrinġa eċċessivament il-kriterji ta’ locus standi f’kawża ta’ għoti ta’ kuntratt amministrattiv. Ir-rikorrenti, bħala offerenti ġiet prekluża milli titlob quddiem il-qrati Griegi l-kumpens għal dannu sostnut minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn att amministrattiv li seta’ influwenza r-riżultat tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[g]ħalhekk, tali offerent huwa mċaħħad mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huwa għandu taħt id-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam” ( 22 ). |
50. |
Minn dan kollu jirriżulta li l-eżistenza ta’ sempliċi aspettattiva tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġi ddikjarata n-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ rikors kontenzjuż-amministrattiv quddiem il-qrati nazzjonali. Dan ir-riżultat ma jmurx kontra d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, meta l-interess huwa biżżejjed ikkwalifikat u huwa rifless f’riżultat patrimonjali, id-dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni flimkien mad-dannu ekonomiku sostnut jeħtieġu lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-aċċess għall-ġustizzja. |
51. |
Jekk issa mmorru lejn il-każ imqajjem mill-qorti tar-rinviju, huwa kkonstatat li l-ġurisprudenza tal-qrati Ungeriżi teħtieġ “interess ġuridiku” bħala rekwiżit ta’ locus standi fil-kontenzjuż-amministrattiv. Dan l-interess huwa f’kuntrast mas-sempliċi dannu ekonomiku, sa fejn l-ewwel wieħed jiggarantixxi l-aċċess għall-kontenzjuż, iżda t-tieni wieħed le. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jiġi dedott li E.ON ma stabbilixxiet relazzjoni legali speċifika la mal-amministrattriċi tan-netwerk u lanqas mal-awtorità regolatorja, tal-inqas fil-punt konkret li jaffettwa l-immaniġġar tal-konġestjoni, suffiċjenti sabiex tikkwalifika l-interess tar-rikorrenti bħala “ġuridiku”. |
52. |
Din l-approċċ huwa dak ta’ diversi Stat Membri, li s-sistemi ta’ ġustizzja amministrattiva tagħhom huma kkaratterizzati minn ċertu rigorożità fir-rekwiżiti ta’ locus standi ( 23 ). Dan huwa l-każ tar-Repubblika tal-Polonja, li jiġġustifika l-intervent tagħha f’din il-proċedura. |
53. |
Ma huwa ammess ebda dubju li dawn is-sistemi ta’ ġustizzja amministrattiva ġew adottati skont l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, mingħajr ma d-dritt tal-Unjoni qajjem xi oġġezzjonijiet fuq il-funzjonament tagħha minn punt ġenerali ( 24 ). Huwa leġittimu li l-Istati Membri jiggarantixxu stħarriġ ġudizzjarju tal-aġir tal-amministrazzjoni fil-konfront ta’ dawk l-individwi jew gruppi direttament affettwati minn deċiżjonijiet pubbliċi partikolari, filwaqt li Stati Membri oħra jagħżlu sistemi iktar miftuħa. F’każijiet speċifiċi, kif jista’ jseħħ fil-kuntest tad-dritt tal-ambjent, id-dritt tal-Unjoni jista’ jeħtieġ ċerti modulazzjonijiet minn xi Stati Membri, iżda, ġeneralment, l-ordinament Ewropew jgħix paċifikament ma’ diversi sistemi nazzjonali ta’ ġustizzja amministrattiva. |
54. |
Fil-fehma tiegħi, fil-każ ineżami E.ON ma setgħetx titlob dritt skont id-Direttiva 2003/55, peress li, minkejja li hija applikabbli ratione temporis, minħabba s-suġġett ma fihiex dispożizzjonijiet li jsolvu s-sitwazzjoni speċifika mressqa mill-Kúria. |
55. |
Madankollu, u kif ġie espost iktar ’il fuq, E.ON tgawdi minn dritt skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1775/2005. Dan il-kunċett jiggarantixxi għal kull operatur id-dritt li d-deċiżjonijiet dwar konġestjoni fiżika jiġu adottati skont il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. Hija preċiżament deċiżjoni ta’ dan it-tip li E.ON qed tikkontesta, peress li tirreferi għall-kriterji dwar il-kapaċità libera disponibbli tas-sena ta’ gass. Għalhekk, nemmen li E.ON, minbarra li tgawdi minn dritt mogħti mir-Regolament Nru 1775/2005, kellha interess partrimonjali evidenti involut. L-eżistenza ta’ żewġ ċirkustanzi twassalni sabiex nikkonkludi li, b’kuntrast mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-deċiżjoni li tiċħad il-locus standi ta’ E.ON minħabba nuqqas ta’ “interess ġuridiku” ma tikkonċiljax mal-imsemmi dritt. |
56. |
Issa, ma huwiex il-kompitu ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ kriterju ġenerali ta’ locus standi proċedurali nazzjonali, u lanqas li l-qorti nazzjonali tiġi mċaħħda mill-funzjoni tagħha li tiggarantixxi u tinterpreta d-dritt nazzjonali. Hija l-Kúria li għandha tfittex l-interpretazzjoni tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li tippermetti li tikkonċiljah mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tgħin lill-qorti tar-rinviju unikament fl-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
57. |
Għaldaqstant, u bħala konklużjoni, nemmen li l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1775/2005, f’relazzjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterju ta’ locus standi bħala dak applikat f’din il-kawża, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ “interess ġuridiku”, li jeskludi l-aċċess għall-ġustizzja amministrattiva għal operatur ta’ gass naturali li jfittex li jikkontesta deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali. |
V – Konklużjoni
58. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Kúria f’dan is-sens:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).
( 3 ) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).
( 4 ) Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 289, p. 1).
( 5 ) Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, p. 36).
( 6 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Campogrande vs Il‑Kummissjoni (60/72, EU:C:1973:50, punt 4) u Bensider et vs Il‑Kummissjoni (50/84, EU:C:1984:365, punt 8).
( 7 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45); tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 78) u tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (EU:C:2012:560, punt 57).
( 8 ) Ibidem.
( 9 ) Sentenza Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627).
( 10 ) C-337/98, EU:C:2000:543.
( 11 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 sa 40.
( 12 ) C‑212/04, EU:C:2006:443.
( 13 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 115 (enfasi magħmula minni).
( 14 ) Artikolu 32 tar-Regolament 715/2009.
( 15 ) Ara l-Artikolu 51 tal-Karta, li jillimita l-applikazzjoni ta’ dan għal dawk is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”. Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolament dik li tolqot id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija sinjifikattiva f’dan ir-rigward. Ara, fost oħrajn, is-sentenzi DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811), Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524) u Sanchez Morcillo (C‑169/14, EU:C:2014:2099).
( 16 ) Avukati Ġenerali oħra jaqblu ma’ din l-interpretazzjoni, fis-sens wiesa’ tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li tkopri wkoll il-prinċipji magħrufa ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Hekk qal l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Agronkonsulting (C‑93/12, EU:C:2013:172, punt 36) kif ukoll l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża MTÜ Liivimaa Lihaveis (C-562/22, EU:C:2014:155, punt 47).
( 17 ) Sentenza Tele 2 Telecommunication, (C-426/05, punt 55 u s-sentenzi ċċitati). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fis-sentenza T-Mobile Austria (C-282/13, EU:C:2014:2179) .
( 18 ) C-174/02, ECLI:EU:C:2005:10.
( 19 ) Ibidem, punt 19.
( 20 ) Ibidem.
( 21 ) C-145/08 , EU:C:2010:247.
( 22 ) Ibidem, punt 78.
( 23 ) Dwar din il-kwistjoni, tirriżulta espressiva ħafna l-analiżi ta’ M. Eliantonio, C. Backes, C.H. van Rhee, T. Spronken. u A. Berlee,“Standing up for your right(s) in Europe. A comparative study on Legal Standing (Locus Standi) before the EU and Member States’ Courts”, Intersentia, 2013.
( 24 ) Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tittratta l-każ tal-Ġermanja u l-adattament tar-regoli tagħha dwar locus standi fil-kontenzjuż-amministrattiv fil-kuntest internazzjonali u Ewropew imfassal mill-Konvenzjoni ta’ Århus u, konkretament, id-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-aċċess għall-ġustizzja: sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 43), u Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712, punt 45).