EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0434

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 4 ta' Settembru 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Parker Hannifin Manufacturing Srl u Parker-Hannifin Corp..
Appell - Akkordji - Suq Ewropew tal-manek marittimi - Suċċessjoni ta’ entitajiet legali - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur - Tnaqqis tal-multa mill-Qorti Ġenerali - Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-434/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2165

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑434/13 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Parker Hannifin Manufacturing Srl, li kienet Parker ITR Srl,

Parker-Hannifin Corp.

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Suċċessjoni ta’ entitajiet legali — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Tnaqqis tal-multa mill-Qorti Ġenerali”

1. 

F’dan l-appell, hija l-Kummissjoni Ewropea li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja titlob l-annullament tas-sentenza Parker ITR u Parker-Hannifin vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 428 finali ( 3 ) (dwar l-akkordju tal-“manek marittimi”, wieħed mill-itwal akkordji li qatt ġew issanzjonati ( 4 )) u naqqset kunsiderevolment l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuq Parker ITR b’dik id-deċiżjoni kif ukoll l-ammont li għalih Parker-Hannifin Corp. (iktar ’il quddiem “Parker-Hannifin”) inżammet responsabbli in solidum.

2. 

Din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni applikabbli għal akkordji meta trasferiment intragrupp ta’ attiv li jkun is-suġġett tal-ksur iseħħ fid-dawl tal-bejgħ ulterjuri tal-entità legali ċessjonarja (sussidjarja) lil terz indipendenti, filwaqt li l-entità ttrasferita tkompli, bħal qabel it-trasferiment, tipparteċipa fl-akkordju (jiġifieri sitwazzjoni ta’ “kontinwità jew suċċessjoni ekonomika” intragrupp).

3. 

F’din il-kawża hemm inkwistjoni l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, skont liema ksur (f’dan il-każ akkordju) għandu jiġi imputat lill-persuna fiżika jew ġuridika li topera l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju ( 5 ), u l-eċċezzjoni għal dak il-prinċipju, jiġifieri dik tal-kontinwità ekonomika (żviluppata b’mod partikolari fil-każ ta’ ristrutturazzjonijiet jew bidliet oħrajn fi ħdan grupp ta’ impriżi), skont liema jista’ jirriżulta neċessarju, għall-finijiet tal-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, li akkordju jiġi imputat mhux lill-operatur inizjali iżda lill-operatur il-ġdid tal-impriża implikata ( 6 ).

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

Il-fatti huma paċifiċi bejn il-partijiet.

5.

L-attivitajiet fis-settur tal-manek marittimi ( 7 ) inkwistjoni fil-kawża nħolqu fl-1966 minn Pirelli Treg SpA, kumpannija li tappartjeni lill-grupp Pirelli. Wara l-inkorporazzjoni ta’ żewġ sussidjarji fi ħdan il-grupp Pirelli, dawn ittieħdu fl-1990 minn ITR SpA (iktar ’il quddiem “ITR”).

6.

Fl-1993, ITR inxtrat minn Saiag SpA (iktar ’il quddiem “Saiag”).

7.

Fl-2001, Parker-Hannifin Corp., il-kumpannija holding finali tal-grupp Parker-Hannifin u Saiag fetħet diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ xiri minn Parker-Hannifin tal-attivitajiet ta’ manek marittimi ta’ ITR. Fil-perspettiva ta’ dan il-bejgħ, f’Ġunju 2001 ITR ħolqot sussidjarja bl-isem ITR Rubber.

8.

Fil-5 ta’ Diċembru 2001, Parker Hannifin Holding, li hija 100 % sussidjarja ta’ Parker-Hannifin, ftehmet ma’ ITR biex tixtri 100 % tal-ishma ta’ ITR Rubber, u x-xiri kellu jseħħ fuq talba ta Parker Hannifin Holding.

9.

Effettivament, il-kuntratt kien jipprevedi b’mod partikolari li t-trasferiment tas-settur tal-manek tal-lasktu (inkluż is-settur tal-manek marittimi) ta’ ITR lil ITR Rubber kellu jsir fuq it-talba ta’ Parker Hannifin Holding.

10.

Fid-19 ta’ Diċembru 2001, ITR ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-manek marittimi lil ITR Rubber.

11.

It-trasferiment seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

12.

Fil-31 ta’ Jannar 2002, Parker Hannifin Holding xtrat mingħand ITR l-ishma ta’ ITR Rubber. ITR Rubber sussegwentement saret Parker ITR Srl ( 8 ).

13.

Fl-2007, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE fis-suq tal-manek marittimi.

14.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ħdax-il kumpannija, fosthom Parker Hannifin Manufacturing (li kienet Parker ITR) u Parker-Hannifin (iktar ’il quddiem flimkien l-“appellati”), kienu, fis-settur tal-manek marittimi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), wettqu ksur uniku u kontinwu matul diversi perijodi bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007, liema ksur kien jikkonsisti fl-għoti ta’ sejħiet għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-qsim ta’ swieq ġeografiċi u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, il-volumi ta’ bejgħ u s-sejħiet għal offerti.

15.

Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Parker ITR u Parker-Hannifin kienu pparteċipaw fl-akkordju bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 (f’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed) u bejn il-31 ta’ Jannar 2002 u t-2 ta’ Mejju 2007 (f’dak li jirrigwarda t-tieni wieħed). Parker ITR ġiet imposta multa ta’ EUR 25 610 000, li minnhom EUR 8 320 000 in solidum ma’ Parker-Hannifin.

16.

Il-Kummissjoni ma żammitx responsabbli lil Pirelli, ITR u Saiag (li kienu l-kumpanniji parent u/jew predeċessuri ta’ Parker ITR) bħala destinatarji tad-deċiżjoni u ma ppenalizzathomx, għaliex il-ksur kien preskritt fil-konfront tagħhom.

II – Is-sentenza appellata

17.

Fid-9 ta’ April 2009, Parker ITR u Parker-Hannifin ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn huma talbu, fuq bażi prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernahom u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma invokaw disa’ motivi.

18.

Fis-17 ta’ Mejju 2013, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, u annullat l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn żamm lil Parker ITR responsabbli għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002 (punti 83 sa 130). Bħala konsegwenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll il-ħames u s-sitt motivi, li jirrigwardaw iż-żieda fil-multa imposta kontra l-konvenuti minħabba r-rwol ta’ tmexxija li kellha Parker ITR għall-perijodu bejn Ġunju 1999 sa Settembru 2001 (punti 139 u 140, 145 u 146 kif ukoll 253 u 254 tas-sentenza appellata).

19.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħrajn.

20.

Fl-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta fuq Parker ITR minn EUR 25 610 000 għal EUR 6 400 000. Fir-rigward tal-ammont li għalih Parker-Hannifin kienet inżammet responsabbli in solidum, il-Qorti Ġenerali naqqsitu b’EUR 100 000 (jiġifieri għal EUR 6 300 000) ( 9 ).

III – Fuq l-appell

21.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. Fir-risposta tagħhom, l-appellati ressqu argumenti dwar il-kalkolu tal-multa f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju.

A – L-ewwel aggravju: applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar il-kontinwità ekonomika

1. Is-sentenza appellata

22.

Wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar il-prinċipji tar-responsabbiltà personali (punti 85 sa 88) u tal-kontinwità ekonomika (punti 89 sa 98), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej fil-punti 115, 116 u 121 tas-sentenza appellata:

“115

Min-naħa, għandu jiġi kkonstatat li, mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber kienet sussidjarja miżmuma 100 % minn ITR u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment tal-[attivitajiet relatati mal-] manek tal-gomma [lastku] lil ITR Rubber sar effettiv biss mill-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li xejn mill-fajl tal-Kummissjoni ma juri li ITR Rubber kellha xi attività, u, b’mod partikolari, attività b’rabta mal-manek marittimi, qabel din id-data. […]

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-persuna ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, jiġifieri ITR u l-kumpannija parent tagħha Saiag, li kienet responsabbli għaliha, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-attività relattiva għall-manek marittimi kienet tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża oħra, f’dan il-każ Parker-Hannifin. Fil-fatt, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, impriża involuta fl-akkordju, jiġifieri Saiag, u s-sussidjarja tagħha ITR, tittrasferixxi parti mill-attivitajiet tagħha lil terz indipendenti u fejn ma teżisti ebda rabta strutturali bejn min jittrasferixxi u min jirċievi — jiġifieri, f’dan il-każ, bejn Saiag jew ITR u Parker-Hannifin.

[…]

121

[…] peress li għandha tiġi injorata l-premessa tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika biss għat-trasferiment tal-attiv ta’ ITR lil ITR Rubber (u mhux it-trasferiment tas-sussidjarja ITR Rubber lil Parker-Hannifin), ir-responsabbiltà ta’ Saiag u ta’ ITR ma setgħetx ġiet ittrasferita lil ITR Rubber b’applikazzjoni ta’ dan il-[prinċipju].[...]”

2. L-argumenti tal-partijiet

23.

Il-Kummissjoni ssostni li f’din il-kawża, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ trasferimenti ta’ attiv: fl-ewwel lok, trasferiment intragrupp, f’dan il-każ fil-grupp Saiag, li fi ħdanu l-attiv ta’ ITR ġie ttrasferit lil ITR Rubber u, fit-tieni lok, trasferiment intragrupp, f’dan il-każ bejn il-gruppi Saiag u Parker-Hannifin, bil-bejgħ minn Saiag lil Parker-Hannifin ta’ ITR Rubber, li sussegwentement saret ITR Parker.

24.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali indirizzat biss, fis-sentenza appellata, it-tieni trasferiment.

25.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ewwel trasferiment seħħ fil-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex ikun hemm każ ta’ kontinwità ekonomika. Hija tfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, meta żewġ entitajiet (f’dan il-każ ITR u ITR Rubber) jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li tkun wettqet il-ksur (ITR) tkun għadha teżisti ma jipprekudix, fih innifsu, li tiġi ppenalizzata l-entità li lilha hija tkun ittrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ITR Rubber). Skont il-Kummissjoni, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija b’mod partikolari ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna (f’dan il-każ Saiag) u li, fir-rigward tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv, fil-parti l-kbira applikaw l-istess direttivi kummerċjali.

26.

Għall-Kummissjoni, id-data rilevanti biex jiġi evalwat jekk kienx hemm trasferiment ta’ attiv fi ħdan grupp jew inkella bejn impriżi indipendenti hija dik meta jsir it-trasferiment ta’ attiv stess. F’dan il-każ, kienet tabilħaqq Saiag/ITR li ħolqot ITR Rubber, is-sussidjarja li lilha ġie ttrasferiti l-attiv meta hija kienet taħt il-kontroll tagħhom.

27.

Għalkemm huwa neċessarju li jkunu jeżistu rabtiet strutturali f’dik id-data, min-naħa l-oħra ma huwiex neċessarju li dawk ir-rabtiet jibqgħu jeżistu matul il-perijodu kollu tal-ksur. Il-fatt li ITR Rubber ma baqgħetx fil-grupp Saiag u li kien għadda biss perijodu qasir bejn il-ħolqien tagħha u l-bejgħ tagħha lill-grupp Parker-Hannifin huwa irrilevanti. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li ITR Rubber kienet, sa mill-ħolqien tagħha, iddestinata li tinbiegħ huwa irrilevanti: sabiex ma tinħoloqx inċertezza legali, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika fil-fatt għandha tkun irregolata minn regoli oġġettivi u ċari u ma għandhiex tiddependi minn intenzjonijiet suġġettivi jew minn avvenimenti li jseħħu wara t-trasferiment.

28.

Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, hija ma kinitx obbligata żżomm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-kumpanniji parent Saiag u ITR. Iċ-ċirkustanza li, f’kawża preċedenti, hija għażlet li żżomm responsabbli lill-kumpannija parent ċedenti u mhux lis-sussidjarja li kienet is-suġġett tat-trasferiment hija irrilevanti, inkwantu l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha ma toħloqx qafas ġuridiku vinkolanti biex tiġi evalwata l-legalità tal-atti li hija tadotta ulterjorment. Billi għażlet, f’din il-kawża, li żżomm lil ITR Rubber responsabbli għall-ksur bħala suċċessur ekonomiku ta’ ITR, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, għalkemm il-fatt li imponiet multa kontra Parker ITR seta’ ċertament naqqas il-valur tal-investiment li sar minn Parker-Hannifin, dan ir-riskju ma huwiex distint minn riskji oħrajn li wieħed jidħol għalihom meta tinxtara kumpannija (pereżempju, ir-riskju li wieħed irid jassumi responsabbiltà ambjentali) u li kontrih akkwirent jista’ jipproteġi ruħu billi jipprevedi klawżoli ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà xierqa fil-ftehim ta’ bejgħ u ta’ xiri.

29.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li kien saħansitra iktar iġġustifikat li Parker ITR tinżamm responsabbli għall-ksur għall-perijodu kollu li matulu l-attiv li kien is-suġġett tal-ksur kien ipparteċipa fil-ksur għaliex kien impossibbli, minħabba preskrizzjoni, li tiġi imposta sanzjoni kontra l-ex kumpannija li kienet iżżomm l-attiv, jiġifieri Saiag/ITR. Minn din il-perspettiva, l-impossibbiltà li tiġi imposta multa kontra l-ex operatur minħabba preskrizzjoni kienet ekwivalenti għal sitwazzjoni li fiha dan tal-aħħar waqaf jeżisti legalment jew waqqaf kull attività ekonomika, każ li fih, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espliċitament li kien hemm suċċessjoni ekonomika ( 10 ).

30.

Bħala tweġiba għal dan, Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin jargumentaw li l-Kummissjoni tinterpreta b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kontinwità ekonomika. Skont l-appellati u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx, fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), regola mekkanika li tgħid li l-eżistenza fil-passat ta’ sempliċi rabta strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tal-attività implikata fi ksur tagħmel awtomatikament liċ-ċessjonarju responsabbli għal dak il-ksur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li tali konsegwenza kienet possibbli biss bil-kundizzjoni li jintwera li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju kienu taħt il-kontroll effettiv tal-istess persuna fil-mument meta kienet teżisti r-rabta strutturali u li huma jkunu applikaw essenzjalment l-istess direttivi kummerċjali. Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin jiddikjaraw ukoll li l-interpretazzjoni tagħhom hija konformi mas-sentenza sussegwenti ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191), li fiha la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma invokaw ir-rabta strutturali li kienet teżisti oriġinarjament bejn iċ-ċedent Thyssen Stahl u ċ-ċessjonarju ThyssenKrupp Nirosta bħala raġuni possibbli, jew suffiċjenti, biex it-tieni entità tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din tal-ewwel.

31.

Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni totalment naqset milli tevalwa jekk, matul it-tul qasir tar-rabta strutturali li eżistiet bejn ITR u ITR Rubber, dawk iż-żewġ entitajiet kinux, kif teżiġi s-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), taħt il-kontroll tal-istess persuna u kinux, fir-rigward tar-rabtiet stretti li kienu jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw essenzjalment l-istess direttivi kummerċjali. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għall-fatt li, fil-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet tal-manek marittimi minn ITR lil ITR Rubber, it-tieni waħda kienet “miżmuma 100 %” minn din tal-ewwel. L-imsemmija deċiżjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li kumpannija parent tista’ tiġi preżunta li teżerċita influwenza determinanti fuq sussidjarja miżmuma 100 %. Fl-ipoteżi ulterjuri fejn id-deċiżjoni kkontestata impliċitament ibbażat fuq din il-preżunzjoni, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom skont l-appellati, għaliex ma kienx hemm riferiment ċar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

32.

Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin jiddeduċu minn dan li, peress li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa fid-deċiżjoni kkontestata, jekk ITR u ITR Rubber (li saret Parker ITR) kinux jikkostitwixxu impriża waħda waqt il-perijodu qasir li matulu huma kellhom rabta strutturali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li Parker ITR ma setgħetx tinżamm responsabbli mill-aġir ta’ ITR fuq is-sempliċi bażi ta’ tali rabta strutturali fl-imgħoddi.

33.

L-appellati fl-aħħar nett jenfasizzaw li r-regoli tal-preskrizzjoni huma regoli oġġettivi li l-applikazzjoni tagħhom hija indipendenti mill-entitajiet implikati fi ksur. Filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jippruvaw jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ trasferimenti ta’ sussidjarji, huma min-naħa l-oħra ma għandhom ebda kontroll fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-impossibbiltà li tiġi imposta multa kontra entità minħabba l-preskrizzjoni hija ekwivalenti għal sitwazzjoni li fiha l-ex operatur ikun waqaf jeżisti legalment jew ikun waqqaf kull attività ekonomika b’hekk hija ambigwa.

3. Kunsiderazzjonijiet

a) Introduzzjoni

34.

Din il-kawża taqa’ b’mod partikolari taħt il-linja tas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika f’ċirkustanzi ferm simili għal dawk f’din il-kawża. Effettivament, f’dik il-kawża, kien hemm trasferiment intragrupp ta’ attiv lil sussidjarja maħluqa ġdida, li ġiet ikkostitwita bil-għan li tiġi privatizzata u sussegwentement mibjugħa, bħal f’din il-kawża (u dan mingħajr ebda indikazzjoni ta’ intenzjoni abbużiva). Iż-żewġ partijiet f’dan l-appell jibbażaw ruħhom barra minn hekk fuq din is-sentenza, iżda biex isostnu argumenti opposti.

b) Ġurisprudenza

35.

Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni japplika għal impriżi li l-istruttura, il-mod ta’ finanzjament, l-organizzazzjoni legali u l-azzjonisti tagħhom jistgħu jvarjaw maż-żmien. Jiena jidhirli (bħall-Kummissjoni) li din iċ-ċirkustanza u n-neċessità li tiġi adattata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni għal dawn il-bidliet jistgħu jiġġustifikaw li jiġu aċċettati derogi mill-prinċipju tar-responsabbiltà personali, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet bħal dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775) jew dik ta’ din il-kawża, fejn japplika l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika.

36.

B’mod ċar, jekk impriża takkwista oħra billi tixtri l-ishma tagħha, normalment ma jkunx hemm problema għaliex l-entità legali tibqa’ l-istess (trasferiment ta’ entità legali). Għall-kuntrarju, id-diffikultajiet jinqalgħu f’sitwazzjonijiet fejn ix-xerrej jixtri n-“negozju” ta’ impriża implikata fi ksur u meta jkun l-attiv li jiġi ttrasferit (trasferiment ta’ attiv) ( 11 ).

37.

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 145), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika (li Anic talbet li jiġi applikat minħabba t-trasferiment tal-attiv tagħha kkonċernat bil-ksur), li “inkwantu Anic tilmenta li l-Qorti tal-Prim Istanza żammitha responsabbli għall-ksur minkejja li kienet ittrasferixxiet l-attività tagħha relatata mal-polypropylene lil Monte, hija qiegħda tinjora l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u tinjora l-fattur deċiżiv, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, [40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174], punti 80 u 84), li l-hekk imsejjaħ [prinċipju] ta’ ‘kontinwità ekonomika’ jista’ japplika biss f’każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża tkun waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur. Minn dan isegwi wkoll li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji b’ebda mod ma tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali”.

38.

Madankollu, is-sempliċi fatt li entità ġuridika implikata fi ksur tkompli teżisti mhux neċessarjament jeskludi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tattribwixxi r-responsabbiltà lill-entità li lilha jkunu ġew ittrasferiti l-attivitajiet ekonomiċi.

39.

Hekk kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Versalis vs Il‑Kummissjoni (C‑511/11 P, EU:C:2013:386), “[s]kont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ impriżi, u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur [ ( 12 )]. […] Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tal-konnessjonijiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali” ( 13 ) (enfasi miżjuda minni). Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi barra minn hekk għall-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika (punti 92 u 93).

40.

Nista’ nifhem il-loġika wara din il-ġurisprudenza: meta jitqies id-dewmien twil tal-akkordji u, xi kultant, tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, huwa importanti — f’sitwazzjonijiet ta’ kontinwità ekonomika intragrupp (li tista’ barra minn hekk tintuża biex tiġi evitata r-responsabbiltà) — li jiġi evitat li l-ksur jibqa’ mhux ippenalizzat, b’mod partikolari b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni.

41.

Fis-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni (T‑9/99, EU:T:2002:70, punt 106), il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li “huwa minnu li, f’ċerti ċirkustanzi, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jiġi imputat lis-suċċessur ekonomiku ta’ persuna ġuridika li tkun l-awtriċi ta’ dak il-ksur, anki meta din tal-aħħar ma tkunx waqfet teżisti fid-data meta tiġi adottata d-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur, sabiex l-effettività ta’ dawn ir-regoli ma tiġix ippreġudikata minħabba bidliet li jsiru, b’mod partikolari, fil-forma legali tal-impriżi kkonċernati” ( 14 ).

42.

Fis-sentenza tal-Awla Manja tagħha ETI et (EU:C:2007:775, punti 40, 41 u 44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet li jippenalizzaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkollhom effett dissważiv.

43.

Fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “jekk ebda possibbiltà oħra ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq entità oħra għajr fuq dik li wettqet il-ksur mhija prevista, impriżi jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom kienet modifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew bidliet legali jew organizzattivi oħra. L-għan li jiġu soppressi l-komportamenti kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet deterrenti [ ( 15 )] [għaldaqstant jiġi kkompromess]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll, fil-punt 42, li “[...] meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil m’għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-komportamenti kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomika, hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet”.

44.

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha Hoechst vs Il‑Kummissjoni(T‑161/05, EU:T:2009:366) li “għall‑infurzar effettiv tad‑dritt tal‑kompetizzjoni, jista’ jkun neċessarju li, bħala eċċezzjoni, akkordju jiġi imputat mhux lill‑operatur oriġinali, iżda lill‑operatur il‑ġdid tal‑impriża involuta, fil‑każ fejn dan jista’ effettivament jitqies li huwa s‑suċċessur tal‑operatur oriġinali, jiġifieri jekk ikompli jopera l‑impriża involuta fl‑akkordju”. U l-Qorti Ġenerali tiċċita l-punt 41 tas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775).

c) Din il-kawża

i) Teħid ta’ pożizzjoni ġenerali

45.

Jidhirli li, għalkemm il-Qorti Ġenerali tabilħaqq fakkret (iżda mingħajr ma analizzatha fil-fond) il-ġurisprudenza korretta dwar il-kontinwità ekonomika intragrupp, hija ma applikathiex sew għal din il-kawża.

46.

Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, f’din il-kawża għandha ssir distinzjoni bejn żewġ trasferimenti ta’ attiv (żewġ tranżazzjonijiet distinti li kull waħda minnhom għandha l-konsegwenzi legali tagħha ( 16 )): l-ewwel trasferiment, intragrupp, f’dan il-każ fil-grupp Saiag, li fi ħdanu l-attiv ta’ ITR ġie ttrasferit lil ITR Rubber u t-tieni trasferiment, intergruppi din id-darba, f’dan il-każ bejn il-gruppi Saiag u Parker-Hannifin, bil-bejgħ minn Saiag lil Parker-Hannifin ta’ ITR Rubber, li sussegwentement saret ITR Parker ( 17 ).

47.

Issa, is-sentenza appellata indirizzat biss it-tieni trasferiment (ara, pereżempju, il-punti 116 u 121 ta’ din is-sentenza), u din l-interpretazzjoni ġiet proposta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u sostnuta mill-Qorti Ġenerali. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkwalifikat il-fatti b’mod żbaljat, li pprovoka applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat b’mod żbaljat fuq l-assenza ta’ rabtiet strutturali wara t-trasferiment ta’ attiv favur Parker ITR, jiġifieri bejn Saiag/ITR u Parker-Hannifin, filwaqt li rabtiet simili kienu jeżistu bejn ITR u s-sussidjarja tagħha Parker ITR, li tagħha kellha 100 % tal-ishma, sa mill-ewwel trasferiment tal-attiv (intragrupp) sad-data tat-tieni trasferiment (intergruppi).

48.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel trasferiment seħħ fil-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex jitqies li hemm każ ta’ kontinwità ekonomika li jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

49.

Effettivament, skont il-ġurisprudenza ( 18 ), meta żewġ entitajiet (f’dan il-każ ITR u ITR Rubber) jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li tkun wettqet il-ksur (ITR) tkun għadha teżisti ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi ppenalizzata l-entità li lilha hija tkun ittrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ITR Rubber). Barra minn hekk, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija b’mod partikolari ammissibbli ladarba dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna (f’dan il-każ Saiag) u li, fir-rigward tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, fil-parti l-kbira, applikaw l-istess direttivi kummerċjali.

50.

Huwa importanti li jitfakkar li, fil-każ ta’ ITR, l-attiv ġie ttrasferit lil entità (ITR Rubber) maħluqa fi ħdan l-istess impriża li hija l-awtriċi tal-ksur (ITR) matul iż-żmien meta kien qiegħed iseħħ dak il-ksur, b’mod li l-kundizzjonijiet tal-kontinwità ekonomika intragrupp kienu ssodisfatti. Sussegwentement, mhux l-attiv iżda kienet l-entità legali (ITR Rubber) li ġiet ittrasferita mill-grupp Saiag/ITR lill-grupp Parker-Hannifin qabel ma ssemmiet Parker ITR. Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, ma żammitx responsabbli lil Parker-Hannifin, għall-perijodu qabel ma xtrat l-ishma ta’ ITR Rubber.

51.

B’hekk hija inkwistjoni biss ir-responsabbiltà ta’ ITR Rubber (jew Parker ITR) infisha, li qabel ma nbiegħet lil Parker-Hannifin, kienet irċeviet l-attiv li jikkostitwixxi s-suġġett tal-ksur mill-kumpannija parent tagħha stess, ITR, membru tal-grupp Saiag/ITR. Fil-fehma tiegħi, l-argument tal-Kummissjoni huwa korrett, inkwantu jikkonsisti f’affermazzjoni li dan it-trasferiment ta’ attiv intragrupp qabel il-bejgħ tas-sussidjarja jippermetti b’mod konformi mal-ġurisprudenza, li ITR Rubber (jew Parker ITR), bħala suċċessur ekonomiku intragrupp, tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ ITR. Kienu x’kienu l-għanijiet finali mfittxija minn Saiag/ITR meta ħolqot ITR Rubber, it-trasferiment ikkostitwixxa bidla organizzattiva interna ( 19 ) li permezz tagħha l-attività implikata fl-akkordju ġiet ittrasferita lil ITR Rubber, li oriġinarjament taħt dan l-isem u sussegwentement taħt l-isem Parker ITR kompliet b’dik l-attività u bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għal mhux inqas minn sitt snin. Fi kliem ieħor, ITR Rubber (li saret Parker ITR) baqgħet responsabbli, billi ħolqot responsabbiltà ġdida għall-proprjetarju ġdid tagħha permezz tal-parteċipazzjoni kontinwa fil-ksur. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tidher li taħseb il-Qorti Ġenerali, il-bejgħ tal-entità legali ma jistax ikun biżżejjed biex tiġi tintemm il-kontinwità ekonomika preċedenti ( 20 ).

ii) Analiżi ddettaljata tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali

52.

Jekk immorru lura għas-sentenza appellata, jista’ jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali ddedikat xejn inqas minn 48 punt għall-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika (jiġifieri l-punti 83 sa 130 tal-imsemmija sentenza). Madankollu, il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali eskludiet ir-responsabbiltà ta’ ITR Rubber (li saret, wara t-trasferiment lill-grupp Parker-Hannifin, Parker ITR) bħala suċċessur ekonomiku ta’ ITR ma jidhirlix li jirriżultaw b’mod ċar mis-sentenza appellata.

53.

Jekk neżaminaw il-punti tas-sentenza appellata ċċitati fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li l-Qorti Ġenerali rraġunat skont kif ġej: i) ITR Rubber kien ilha teżisti biss għal seba’ xhur fi ħdan il-grupp Saiag u eżerċitat attivitajiet marbuta mal-manek marittimi biss għal żmien qasir (xahar) (punt 115); ii) ITR Rubber ġiet ikkostitwita fi ħdan il-grupp Saiag biss bil-għan li tinbiegħ lil impriża terza (jiġifieri l-grupp Parker) (punt 115); iii) “f’dawn iċ-ċirkustanzi”, huwa l-ex operatur tal-attivitajiet inkwistjoni (ITR u l-kumpannija parent tagħha Saiag) li kellu jwieġeb għall-ksur għall-perijodu preċedenti fl-1 ta’ Jannar 2002, id-data tat-trasferiment lil ITR Rubber tal-attivitajiet implikati fl-akkordju (punt 116, l-ewwel sentenza, kif ukoll il-punti 118 ( 21 ) u 119 ( 22 )); iv) it-trasferiment, minn Saiag, ta’ ITR lil Parker-Hannifin b’hekk ma jistax jiġi analizzat bħala każ ta’ kontinwità ekonomika (punt 116, it-tieni sentenza).

54.

Hawn taħt ser nanalizza l-elementi u ċ-ċirkustanzi li fuqhom ibbażat ir-raġunament tagħha l-Qorti Ġenerali biex tiċħad l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika.

– Meta jridu jkunu eżistew ir-rabtiet strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju? Iċ-ċedent għandu jkun waqaf jeżisti legalment?

55.

Huwa minnu li s-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punt 50) tagħmel riferiment għal rabtiet strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju “fiż-żmien tal-komportament ta’ ksur tagħhom”.

56.

Iżda, f’sentenzi ta’ appell il-Qorti tal-Ġustizzja diġà vvalidat l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika anki meta t-trasferiment ta’ attiv seħħ wara li ntemm il-ksur (li fil-fehma tiegħi jikkorrobora li r-rabtiet strutturali mhux bilfors iridu jeżistu matul il-perijodu ta’ ksur kollu), iżda fejn ir-rabtiet strutturali bejn iż-żewġ entitajiet ċedenti u ċessjonarja kienu jeżistu fid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

57.

Fis-sentenza tagħha Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni ( 23 ), il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-istatus ta’ suċċessur ekonomiku ta’ Aalborg, li kienet irċeviet l-attiv li kien is-suġġett tal-ksur imwettaq minn Aktieselskabet Aalborg Portland‑Cement Fabrik (AAPCF) meta ġiet ikkostitwita fl-1990 (b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1990), filwaqt li l-ksur dam għaddej minn Jannar 1983 sa Diċembru 1988. Filwaqt li l-kumpannija Aalborg argumentat li l-kumpannija li wettqet il-ksur “ma kinitx waqfet teżisti legalment, inkwantu saret kumpannija holding li kellha, taħt isem ġdid, 50 % tal-ishma ta’ Aalborg” (punt 1334), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, fuq il-bażi li dawk il-bidliet kienu saru fil-kuntest tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-grupp, li kien jippermetti li Aalborg u lill-awtur tal-ksur jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika fis-sens tal-Artikolu 81 KE u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni “iżżomm lil Aalborg responsabbli għall-attivitajiet tal-kumpannija” inkwistjoni (punt 1335).

58.

Fl-istadju tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja vvalidat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt ( 24 ).

59.

Aalborg kienet argumentat ukoll li hija “ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-attivitajiet ta’ akkordju matul il-perijodu fil-passat li miegħu d-deċiżjoni Siment, għall-kuntrarju tad-[dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet], torbot dak il-ksur. Peress [li hija] kienet għadha ma ġietx ikkostitwita fil-mument tal-laqgħat inkwistjoni, huwa inkontestabbli li r-rappreżentanti tagħha kienu assenti għal-laqgħat meqjusa bħala fundamentali għall-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni Siment” (punt 351 tal-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).

60.

Wara li indikat li l-punt legali kien jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-fatt li l-kumpannija li kienet wettqet il-ksur “kinitx għadha teżisti, kienx jeskludi totalment u neċessarjament il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tipproċedi kontra Aalborg bħala awtriċi tal-ksur minn perspettiva ekonomika u organizzattiva”, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet b’mod negattiv, u indikat li, meta titqies l-identiċità ekonomika tal-impriża preċedentement u wara l-bidliet li seħħu, iż-żamma tal-eżistenza tal-imsemmija kumpannija bħala entità legali “b’hekk ma kinitx tikkostitwixxi, fiha nfisha, raġuni ta’ annullament tad-deċiżjoni” (punt 358). Filwaqt li ammettiet li kienet iddeċidiet fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (EU:C:1999:356) li ma setax ikun hemm kontinwità ekonomika ħlief f’każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża tkun waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kien hemm “żewġ impriżi eżistenti u operattivi li waħda minnhom sempliċement ittrasferixxiet parti speċifika mill-attivitajiet tagħha lill-oħra u li ma kienx hemm rabta strutturali bejniethom” (punt 359) ( 25 ), filwaqt li, f’din il-kawża, dan ma kienx il-każ.

61.

Dan kien ukoll l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2006:270, punti 131 u 132): “[g]ħal dak li jikkonċerna l-perijodu qabel ir-ristrutturar tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, għandu jkun ikkonstatat [...] illi, sa l-1993, Jungbunzlauer GmbH kienet responsabbli mhux biss mill-attivitajiet tal-grupp fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku iżda ukoll mit-tmexxija ta’ l-attivitajiet kollha tal-grupp. Dan l-aħħar impenn, li kien jikkonsisti fit-tmexxija ta’ l-attivitajiet tal-grupp, inklużi dawk li jirrigwardaw is-suq ta’ l-aċidu ċitriku, madankollu fl-1993 kienu ġew ittrasferiti lil Jungbunzlauer, li b’hekk saret is-suċċessur ekonomiku ta’ Jungbunzlauer għal dak li jikkonċerna t-tmexxija ta’ l-attivitajiet tal-grupp” (enfasi miżjuda minni), iżda “il-fatt illi kumpannija tkompli teżisti bħala entità legali ma jeskludix illi, fir-rigward tad-dritt [tal-Unjoni tal-kompetizzjoni], jista’ jkun hemm trasferiment ta’ parti mill-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, lil kumpannija oħra, li ssir responsabbli għall-atti kommessi mill-ewwel waħda”.

62.

Bl-istess mod, fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni ( 26 ), il-konstatazzjoni ta’ kontinwità ekonomika ġiet ikkonfermata minkejja li t-trasferiment ta’ attiv lil ProfilARBED kien seħħ fl-1992, jiġifieri wara l-waqfien tal-ksur fl-1991.

63.

Effettivament, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat (fil-punti 36 u 111, rispettivament) li, “[s]kont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata: ‘L-impriża komposta minn [ARBED, minn TradeARBED u minn ProfilARBED] ipparteċipat, bi ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] f’serje ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma li kellhom bħala għan u bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet, li jassenjaw kwoti u l-iskambju, fuq skala kbira, ta’ informazzjoni fis-suq Komunitarju tat-travi. Il-parteċipazzjoni tal-impriża hekk komposta f’dan il-ksur ġiet stabbilita mill-1 ta’ Lulju 1988 għas-16 ta’ Jannar 1991’” u li “[f]’dan il-każ, il-kostituzzjoni ta’ ProfilARBED, fl-1992, bħala sussidjarja b’100 % ta’ ARBED, biex twettaq l-attivitajiet ekonomiċi u industrijali ta’ ARBED fis-settur tat-travi, tikkostitwixxi każ speċifiku analogu għal dawk li taw lok għas-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni u Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni” (enfasi miżjuda minni).

64.

Dik is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sussegwentement ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja li fil-punt 104 tas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (EU:C:2011:190), tippreċiża li, “[f]ir-rigward tal-argument ta’ ARBED li l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur fuq kumpannija sister iwassal sabiex fir-rigward ta’ din il-kumpannija tiġi stabbilita sistema ta’ responsabbiltà iktar ħarxa minn dik li tapplika għal kumpannija parent, huwa biżżejjed li jitfakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni imputat l-aġir tal-kumpannija sister minħabba l-fatt li hija kienet ħadet l-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpannija parent u li, għalhekk, peress li r-responsabbiltà tal-kumpannija sister tiddependi fuq dik tal-kumpannija parent, is-sistema ta’ responsabbiltà imposta fuq il-kumpannija sister ma hija bl-ebda mod iktar ħarxa minn dik applikata għall-kumpannija parent” (enfasi miżjuda minni).

65.

Jidhirli (bħall-Kummissjoni) li pożizzjoni oħra twassal għal riżultati arbitrarji, għaliex il-possibbiltà li tiġi imputata r-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-entità ċessjonarja għall-perijodu ta’ qabel it-trasferiment tiddependi miż-żamma ta’ rabtiet strutturali maċ-ċedent, b’riżultati radikalment differenti li jfissru li l-imsemmija rabtiet kienu ntemmu ftit żmien qabel jew wara l-waqfien tal-ksur.

66.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li entità ċessjonarja tista’ titqies bħala s-suċċessur ekonomiku tal-entità ċedenti, anki jekk ir-rabtiet strutturali li kienu eżistew bejniethom matul il-perijodu kollu tal-ksur (u b’hekk fid-data tat-trasferiment tal-attivitajiet) kienu sparixxew fid-data tad-deċiżjoni ( 27 ).

67.

Jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika intragrupp la teħtieġ li ċ-ċedent ikun waqaf jeżisti legalment, u lanqas li r-rabtiet strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jkunu baqgħu għaddejjin matul il-perijodu kollu tal-ksur.

68.

Fil-fehma tiegħi, id-data rilevanti biex jiġi evalwat jekk hemmx trasferiment ta’ attiv fi ħdan grupp jew inkella bejn impriżi indipendenti għandha tkun dik tat-trasferiment tal-attiv stess ( 28 ). F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li kien tabilħaqq il-grupp Saiag/ITR li ħoloq ITR Rubber, sussidjarja li lilha ġie ttrasferiti l-attiv, waqt li din kienet għadha taħt il-kontroll tiegħu.

69.

Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tagħhom fl-ewwel istanza, l-appellati issa jirrikonoxxu ( 29 ) li l-kontinwità ekonomika tista’ tiġi kkonstatata minkejja li r-rabtiet strutturali ma jeżistux iktar fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 30 ).

– It-tul tar-rabtiet strutturali

70.

Huwa minnu li r-rabtiet strutturali bejn ITR u ITR Rubber eżistew għal massimu ta’ seba’ xhur, jiġifieri mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, filwaqt li l-perijodu tal-ksur kopert mid-deċiżjoni kkontestata ddekorra matul il-perijodu mill-1986 sal-2007 u dik id-deċiżjoni ġiet adottata fl-2009. Dan premess, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza sabiex ITR Rubber (li saret Parker ITR) tinżamm responsabbli bħala suċċessur ekonomiku intragrupp tal-aġir imwettaq fil-passat minn ITR u Pirelli Treg wara l-1986 huma ssodisfatti f’din il-kawża ( 31 ). ITR ingħatat ir-responsabbiltà tal-predeċessur legali u ekonomiku tagħha Pirelli Treg wara l-inkorporazzjoni tagħha ma’ dik l-entità fl-1990. Fis-27 ta’ Ġunju 2001, ITR kienet sussegwentement ħolqot ITR Rubber (li saret Parker ITR) bħala sussidjarja tagħha b’100 % tal-ishma, u mbagħad fl-1 ta’ Jannar 2002 ittrasferitilha l-attiv li kien is-suġġett tal-ksur. Għandu jingħad ukoll li l-entità legali ITR Rubber inħolqot minn Saiag/ITR u mhux mix-xerrej Parker-Hannifin, u l-attiv ġie ttrasferit lil ITR Rubber waqt li din kienet dejjem taħt il-kontroll ta’ Saiag/ITR ( 32 ). Mis-27 ta’ Ġunju 2001 sat-trasferiment ta’ Parker ITR fil-31 ta’ Jannar 2002, ITR (iċ-ċedent tal-attiv) u ITR Rubber (li saret Parker ITR) (iċ-ċessjonarju) kellhom bejniethom ir-rabtiet strutturali li jeżistu bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha b’100 % tal-ishma u li kienu jagħmlu parti mill-istess impriża (Saiag). It-trasferiment ta’ attiv li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 b’hekk sar meta dawk ir-rabtiet strutturali kienu jeżistu.

71.

Filwaqt li huwa neċessarju li jeżistu rabtiet strutturali fid-data tat-trasferiment, min-naħa l-oħra ma huwiex neċessarju li dawk ir-rabtiet jibqgħu jeżistu għal perijodu twil u lanqas matul il-perijodu tal-ksur kollu ( 33 ) sabiex żewġ entitajiet ikunu jikkostitwixxu l-istess unità ekonomika għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni ( 34 ). Il-fatt li ITR Rubber ma baqgħetx fi ħdan il-grupp Saiag u li għadda biss perijodu qasir bejn il-ħolqien tagħha u l-bejgħ tagħha lill-grupp Parker-Hannifin b’hekk għandu jkun irrilevanti wisq iktar peress li, ladarba ġie ttrasferit l-attiv inkwistjoni, Parker ITR kompliet tipparteċipa fl-akkordju ( 35 ). Jekk wieħed ikollu jibbaża fuq avvenimenti li jseħħu wara t-trasferiment tal-attiv (u jekk dawn ikollhom jiġu eżaminati), dan joħloq b’mod ċar inċertezza legali.

72.

Għalkemm il-ġurisprudenza ma tagħtix wisq indikazzjonijiet konkreti dwar kemm iridu jdumu r-rabtiet strutturali (f’dan il-każ huma seba’ xhur u mhux xahar biss, kif jallegaw l-appellati), madankollu nirrileva li fil-kawża li tat lok għas-sentenzi Areva et vs Il‑Kummissjoni(T‑117/07 u T‑121/07, EU:T:2011:69) u, fl-appell, Areva vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257) ( 36 ), il-kumpannija parent (Areva Group) kienet il-proprjetarja ta’ sussidjarja għal perijodu ta’ erba’ xhur li ġie meqjus bħala suffiċjenti biex tiġi imposta fuqha multa kunsiderevoli, li l-kumpannija parent inżammet responsabbli in solidum tagħha.

– Xi jfissru ċ-ċirkustanzi li ITR Rubber kienet, sa mill-ħolqien tagħha, iddestinata biex tinbiegħ u fil-fatt inbiegħet ftit żmien wara?

73.

Ma jidhirlix li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fattur suġġettiv bħall-għan tal-ħolqien ta’ sussidjarja (punt 115 tas-sentenza appellata) joħloq inċertezza legali, peress li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika għandu jkun irregolat minn regoli oġġettivi u ċari u ma tistax tiddependi minn intenzjonijiet suġġettivi.

74.

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ekonomiku segwit permezz tat-trasferiment b’terminu itwal jew iqsar xorta waħda jmur kontra l-approċċ adottat fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), fejn l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni: (i) il-fatt li t-trasferiment tal-attivitajiet tal-Amministrazione autonoma dei monopoli di Stato (AAMS) lil ETI sar bil-għan li din tiġi privatizzata sussegwentement, peress li dan il-fatt ma eskludiex il-kontinwità ekonomika u lanqas (ii) iċ-ċirkustanza li l-predeċessur ekonomiku ma kienx sparixxa.

75.

Iċ-ċirkustanza li ITR Rubber inħolqot speċifikament biex tirċievi l-attiv inkwistjoni b’hekk ma tipprekludix il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika u ma tippermettix li tiġi eskluża b’mod validu r-responsabbiltà ta’ Parker ITR bħala suċċessur ekonomiku ta’ ITR. Is-sitwazzjoni ma hijiex differenti minn dik ta’ ETI, li nħolqot speċifikament biex issegwi l-attivitajiet ta’ AAMS, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ħolqot lil ETI kienet tipprevedi b’mod parallel it-trasferiment lil ETI tal-attivitajiet kummerċjali ta’ AAMS fis-settur tat-tabakk.

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punt 44) ( 37 ) li “[h]uwa wkoll irrilevanti l-fatt li trasferiment ta’ attivitajiet mhuwiex deċiż minn individwi, iżda mil-leġiżlatur fil-perspettiva ta’ privatizzazzjoni. Fil-fatt, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ organizzazzjoni mill-ġdid ta’ impriża adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux legalment ikollhom bħala konsegwenza li tiġi kompromessa l-effettività tad-dritt Komunitarju tal-kompetezzjoni” (enfasi miżjuda minni).

77.

Bl-istess mod, ir-rabtiet strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tal-attiv inkwistjoni, b’mod partikolari fi ħdan l-impriża li kienet l-awtriċi tal-ksur, għandhom jiġu evalwati indipendentement minn avvenimenti ulterjuri għat-trasferiment bħax-xoljiment tal-impriża jew il-bejgħ tas-sussidjarja ċessjonarja.

iii) Argument ieħor tal-appellati: x’tip ta’ rabta strutturali?

78.

L-appellati jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), ma stabbilixxietx regola mekkanika li tipprovdi li l-eżistenza fil-passat ta’ sempliċi rabta strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tal-attività implikata fi ksur kienet awtomatikament tagħmel liċ-ċessjonarju responsabbli għal dak il-ksur. Huma jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li dik il-konsegwenza kienet possibbli biss bil-kundizzjoni li jintwera li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju kienu taħt il-kontroll effettiv tal-istess persuna fil-mument meta kienet teżisti r-rabta strutturali u li huma essenzjalment applikaw l-istess direttivi kummerċjali ( 38 ).

79.

Huma jibbażaw fuq il-fatt li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li qieset l-eżistenza ta’ rabta strutturali bejn iż-żewġ entitajiet inkwistjoni (jiġifieri li huma kienu miżmuma mill-istess awtorità pubblika), madankollu ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu biex tivverifika jekk dawk l-entitajiet kinux “suġġetti” ( 39 ) tal-imsemmija awtorità, ħaġa li l-qorti nazzjonali ċaħdet.

80.

Skont l-appellati, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset totalment milli tevalwa jekk, matul it-tul ta’ żmien qasir tar-rabta strutturali li kienet eżistiet bejn ITR u ITR Rubber, dawn iż-żewġ entitajiet kinux, kif teżiġi s-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), taħt il-kontroll tal-istess persuna u kienu, fid-dawl tar-rabtiet stretti li kienu jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, essenzjalment applikaw l-istess direttivi kummerċjali. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss li, fil-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet tal-manek marittimi minn ITR lil ITR Rubber, din tal-aħħar kienet “100% proprjetà” ta’ din tal-ewwel. L-imsemmija deċiżjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li kumpannija parent tista’ tiġi preżunta li teżerċita influwenza determinanti fuq sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tagħha. L-appellati jiddeduċu minn dan li, inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tevalwa fid-deċiżjoni kkontestata jekk ITR u ITR Rubber (li saret Parker ITR) kinux jikkostitwixxu impriża waħda matul il-perijodu ta’ żmien qasir li matulu huma kellhom rabta strutturali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li Parker ITR ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ ITR fuq is-sempliċi bażi ta’ dik ir-rabta strutturali fil-passat.

81.

Minbarra l-fatt li fil-kawża ETI et, kien normali li l-Qorti tal-Ġustizzja tħalli f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu li tivverifika jekk AAMS (li ttrasferiet l-attivitajiet tagħha) u ETI (li kienet iċ-ċessjonarja), miżmuma mill-istess entità pubblika kinux tabilħaqq suġġetti għal din tal-aħħar (problema li ma tqumx hawnhekk fejn ir-rabta strutturali tgħaqqad biss lil ITR u ITR Rubber), l-argument tal-appellati ma huwiex konvinċenti inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60) li “[f]il-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja [ ( 40 )], u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha [ ( 41 )]”.

82.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tgħid fil-punt 61 ta’ dik is-sentenza li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ dik il-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq [ ( 42 )]”.

83.

L-appellati jinvokaw ukoll is-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2011:191), li fiha la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma invokaw ir-rabta strutturali li oriġinarjament eżistiet bejn iċ-ċedenti Thyssen Stahl u ċ-ċessjonarja ThyssenKrupp Nirosta bħala raġuni possibbli, jew suffiċjenti, biex din it-tieni entità titqies bħala responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-ewwel waħda ( 43 ).

84.

Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija sentenza ma hijiex rilevanti f’din il-kawża inkwantu, fil-kawża li tat lok fl-appell għas-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2011:191), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba tiddeċiedi dwar jekk kontinwità ekonomika setgħetx tirriżulta minn trasferiment uniku ta’ attiv, iżda minn sempliċi dikjarazzjoni tax-xerrej ta’ attiv li jassumi r-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur marbut ma’ dak l-attiv. Fil-kuntest tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi biss dwar il-kwistjoni jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali (li kienet tirrigwarda biss dik id-dikjarazzjoni) kinitx korretta jew le.

d) Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju

85.

Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li, f’kawża bħal dik ineżami, kontinwità ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ teżisti bejn żewġ entitajiet legali li kellhom rabtiet strutturali, anki jekk għal perijodu qasir. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tibbaża fuq il-preżunzjoni li l-kumpannija parent (ITR) li kellha 100 % tal-ishma ta’ sussidjarja (ITR Rubber) effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha sabiex tistabbilixxi li ċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja tal-attiv kienu “taħt il-kontroll tal-istess persuna” u applikaw “essenzjalment l-istess direttivi kummerċjali” ( 44 ).

86.

Hekk għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn irrilevat li, “fiż-żmien meta sar it-trasferiment, ITR SpA u ITR Rubber srl kienu jaqsmu r-rabtiet ekonomiċi ta’ kumpannija parent u sussidjarja kkontrollata 100 %” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “huma barra minn hekk kienu jappartjenu għall-istess impriża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 45 ).

87.

ITR kienet proprjetarja ta’ 100 % tal-ishma f’ITR Rubber għall-perijodu mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, jiġifieri matul seba’ xhur. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, kien hemm preżunzjoni legali li din tal-ewwel kienet teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar ( 46 ).

88.

Hekk kif jirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2009:536) (ara l-punti 81 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-argument tal-Kummissjoni li jibbaża fuq il-preżunzjoni ta’ 100 % f’din il-kawża b’hekk kien korrett.

89.

Għandu jingħad ukoll li l-appellati kellhom id-dritt li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital u jidher li huma ppruvaw jagħmlu dan fin-noti tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma bbażaw, b’mod partikolari, fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt konkluż f’Diċembru 2001 bejn Parker-Hannifin u ITR fid-dawl tat-trasferiment ta’ ITR Rubber.

90.

Huma jsostnu wkoll fl-istadju tal-appell li diversi minn dawn l-istipulazzjonijiet kienu jipprojbixxu lil ITR milli teżerċita kwalunkwe influwenza fuq ITR Rubber, sa mill-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

91.

Il-kuntratt inkwistjoni (dokument ta’ 64 paġna, li jinkludi 12-il kapitolu maqsuma f’għadd ta’ taqsimiet) effettivament ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala anness għar-rikors ( 47 ), iżda peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet ab initio l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn ITR u ITR Rubber, hija ma eżaminatx l-argumenti (kontradittorji) ibbażati fuq dan id-dokument mill-appellati u mill-Kummissjoni.

92.

Barra minn hekk, jiena tal-fehma li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li żżomm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-kumpanniji parent Saiag u ITR.

93.

Minn naħa waħda, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Unjoni ( 48 ) li l-Kummissjoni setgħet tagħżel li żżomm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur jew lill-predeċessur ekonomiku, jew inkella lis-suċċessur ekonomiku, jew inkella lit-tnejn in solidum ( 49 ).

94.

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li, f’kawża preċedenti, il-Kummissjoni kienet għażlet li żżomm responsabbli lill-kumpannija parent ċedenti u mhux lis-sussidjarja li kienet is-suġġett taċ-ċessjoni hija irrilevanti peress li l-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha ma toħloqx qafas ġuridiku vinkolanti biex tiġi evalwata l-legalità ta’ atti li hija tadotta ulterjorment ( 50 ).

95.

Hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, meta hija għażlet, f’din il-kawża, li żżomm lil ITR Rubber responsabbli għall-ksur bħala suċċessur ekonomiku ta’ ITR, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza ( 51 ).

96.

Minn dan isegwi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn hija ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-kontinwità ekonomika kienet eskluża f’din il-kawża. Bħala konsegwenza, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina jekk l-elementi ppreżentati mill-appellati humiex suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li ITR, bħala kumpannija parent li b’100 % tal-ishma ta’ ITR Rubber u li tappartjeni, bħal din tal-aħħar, għall-istess grupp, eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha kif ukoll l-argument, ippreżentat sussidjarjament mill-appellati li jgħid li fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni kkontestata hija impliċitament ibbażata fuq dik il-preżunzjoni, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, inkwantu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kellhiex referenza ċara ( 52 ).

97.

Fl-aħħar nett, għandha tittieħed pożizzjoni dwar punt aħħari fil-kuntest ta’ dan l-aggravju. L-appellati jirrilevaw li, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-punti tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali laqgħet il-ħames u s-sitt motivi tar-rikorsi tagħhom u ddeċidiet li kien żbaljat meta l-multa ġiet miżjuda minħabba li huma kienu żvolġew ir-rwol ta’ tmexxija (punti 139 u 140, 145 u 146 kif ukoll 253 u 254). Minn dan huma jiddeduċu li, fuq dan il-punt, is-sentenza appellata saret definittiva. Dan l-argument huwa manifestament inkorrett. Fil-fatt, fil-punti ċċitati, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eżaminat il-fondatezza tal-argumenti mressqa sabiex jiġi kkontestat ir-rwol ta’ tmexxija li żvolġiet Parker ITR. Hija sempliċement idderivat b’mod mekkaniku l-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ kontinwità ekonomika. L-annullament li jiena nipproponi jkopri l-punti inkwistjoni.

B – It-tieni aggravju: ksur tal-prinċipju ne ultra petita u tal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni

1. Is-sentenza appellata

98.

Matul l-analiżi tagħha tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, hekk kif użat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iddeċidiet dwar l-ammont finali tal-multa skont kif ġej:

“250

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni, iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ […]

[…]

257

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi annullat l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni [kkontestata], sa fejn jirrigwarda l-ksur akkużat lil Parker ITR għall-perijodu qabel ix-xahar ta’ Jannar 2002, it-tieni nett, li jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 6 400 000, liema ammont Parker-Hannifin għandha tinżamm responsabbli in solidum f’ammont sa EUR 6 300 000, peress li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi applikata għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002, u fl-aħħar nett, it-tielet nett, jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.”

2. L-argumenti tal-partijiet

99.

Il-Kummissjoni ssostni li, billi naqqset il-multa b’EUR 100 000 ż-żieda applikata abbażi tad-dewmien għall-ammont sa fejn il-kumpannija parent Parker-Hannifin hija responsabbli konġuntament għall-ħlas tal-multa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita. Fil-fatt, Parker-Hannifin la kienet ikkontestat it-tul effettiv tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (li l-Qorti Ġenerali barra minn hekk ikkonfermat fil-punti 129 u 256 tas-sentenza tagħha) u lanqas il-fattur korrispondenti applikat fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenzi tagħha KME Germany et vs Il‑Kummissjoni u Chalkor vs Il‑Kummissjoni ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio” u li “huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra [d-deċiżjoni kkontestata] u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi”.

100.

Il-Kummissjoni tosserva li l-motivazzjoni mogħtija fil-punt 257 tas-sentenza appellata biex tiġġustifika dan it-tnaqqis (“peress li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002”) hija irrilevanti għaliex, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Parker-Hannifin ma ġietx stabbilita għall-perijodu inkwistjoni. Għalkemm il-Qorti Ġenerali xtaqet tagħmel riferiment għaċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni tas-sussidjarja Parker ITR fil-ksur, kif stabbilit fis-sentenza appellata, kienet itwal b’xahar (sa mill-1 ta’ Jannar 2002) minn dik ta’ Parker-Hannifin (sa mill-31 ta’ Jannar 2002), hija ma kellhiex tnaqqas l-ammont li Parker-Hannifin kienet responsabbli li tħallas in solidum, iżda żżid l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR.

101.

Il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-linji gwida li hija applikat għall-kalkolu tal-multi ( 54 ) u li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, dik id-differenza ta’ xahar fit-tul tal-ksur ma tistax, meta jitqies il-metodu ta’ tqarrib ( 55 ) applikat għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, tiġġustifika tnaqqis tal-multa għal wieħed biss minn dawk id-destinatarji. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ta’ mill-inqas, hija kellha tispjega għalfejn iddevjat, fil-każ ta’ Parker-Hannifin, mil-linji gwida, ħaġa li hija naqset li tagħmel.

102.

Fuq bażi preliminari, l-appellati jfakkru li, peress li s-sentenza appellata ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna biss lill-appellati, il-Qorti Ġenerali, meta eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-prinċipju ma kinitx marbuta bil-metodu ta’ kalkolu tal-multa użat mill-Kummissjoni ( 56 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali segwiet il-linji gwida biex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR.

103.

Fir-rigward tal-parti tal-multa ta’ Parker ITR li Parker-Hannifin tista’ tinżamm responsabbli għaliha in solidum, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti lil din tal-aħħar tnaqqis sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha (bħala kumpannija parent ta’ Parker ITR) fil-ksur kienet iqsar b’xahar mill-parteċipazzjoni diretta ta’ Parker ITR. Skont l-appellati dan huwa l-uniku approċċ li josserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Iż-żieda tal-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR, kif ipproponiet il-Kummissjoni, kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra Parker ITR fil-konfront tad-destinatarji l-oħrajn tad-deċiżjoni kkontestata. Li Parker-Hannifin tinżamm responsabbli sal-istess ammont bħal dak tal-multa imposta fuq Parker ITR kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra Parker-Hannifin, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet iqsar minn dik ta’ Parker ITR.

3. Kunsiderazzjonijiet

104.

Fil-fehma tiegħi, meta naqqset b’EUR 100 000 ż-żieda applikata abbażi tad-dewmien sa l-ammont sa fejn il-kumpannija parent Parker-Hannifin hija konġuntament responsabbli għall-ħlas tal-multa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita.

105.

Minn naħa waħda, l-ewwel nett jiena indirizzajt fid-dettall l-importanza u l-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2013:619), inkwantu din tal-aħħar hija obbligata li twettaq eżami fil-fond tal-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, meta twettaq l-istħarriġ tagħha, ma tistax tibbaża biss fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni biex tirrinunzja li teżerċita l-istess stħarriġ profond kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt fuq il-multa imposta jew ma teħtieġx li l-Kummissjoni tispjega l-bidla fil-politika tagħha dwar il-multi f’kawża speċifika.

106.

Min-naħa l-oħra, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza, “peress li l-qorti [tal-Unjoni] ma tistax teċċedi s-setgħat tagħha ultra vires u tiddeċiedi ultra petita […], l-annullament iddikjarat minnha ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent” ( 57 ).

107.

Huwa ċar li, f’din il-kawża, Parker-Hannifin la kienet ikkontestat id-dewmien effettiv tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (li effettivament, kif qalet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonfermat fil-punti 129 u 256 tas-sentenza tagħha, jiġifieri mill-31 ta’ Jannar 2002 sat-2 ta’ Mejju 2007) u lanqas il-fattur korrispondenti applikat fil-kalkolu tal-ammont tal-multa (jiġifieri l-fattur marbut mad-dewmien).

108.

Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha KME Germany et vs Il‑Kummissjoni u Chalkor vs Il‑Kummissjoni ( 58 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, tali nuqqas ta’ motivazzjoni huwa r-rikorrent li għandu jqajmu kontra d-deċiżjoni kkontestata u jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi tiegħu”.

109.

L-appellati ċertament ikkontestaw b’suċċess ir-rwol ta’ tmexxija bħala ċirkustanza aggravanti kontrihom, u sussegwentement għal dan il-Qorti Ġenerali aġġustat il-multa (ara l-punti 145, 146 u 254 tas-sentenza appellata). Iżda, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma tistax, lanqas fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tidderiva l-possibbiltà li timmodifika aspetti oħrajn tal-multa (f’dan il-każ, il-fattur marbut mad-dewmien) li kontrihom ir-rikorrent fl-ewwel istanza ma ssollevax motivi.

110.

Il-motivazzjoni mogħtija fil-punt 257 tas-sentenza appellata ( 59 ) biex tiġġustifika dak it-tnaqqis (“peress li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002”) hija barra minn hekk irrilevanti peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, Parker-Hannifin ma nżammitx responsabbli għall-perijodu inkwistjoni.

111.

Bħall-Kummissjoni, u inkwantu l-Qorti Ġenerali riedet tagħmel riferiment għaċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni tas-sussidjarja Parker ITR fil-ksur, kif stabbilit fis-sentenza appellata, kienet itwal b’xahar (sa mill-1 ta’ Jannar 2002) minn dik ta’ Parker-Hannifin (sa mill-31 ta’ Jannar 2002), jidhirli li l-Qorti Ġenerali b’hekk ma kellhiex tnaqqas l-ammont li Parker-Hannifin kienet responsabbli tħallas in solidum, iżda żżid l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR. Fil-fatt, huwa żbaljat li titnaqqas il-parti mhux ikkontestata tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent — minflok ma jiġi rrilevat l-ammont tal-parti kkontestata tal-multa imposta fuq Parker ITR.

112.

Rigward l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali kellha tagħti r-raġunijiet għalfejn hija skartat il-linji gwida għal waħda biss mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Parker-Hannifin, jidhirli li huwa ċar, minn qari tal-punt 250 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali xtaqet “tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess” u fil-fatt ma ħassitx li kienet marbuta bil-linji gwida.

113.

Issa, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Maduro, “fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti [tal-Unjoni] hija marbuta bl-istess obbligi legali bħall-Kummissjoni meta hija timponi penali”. Dawn l-obbligi jinkludu b’mod partikolari dak ta’ motivazzjoni ( 60 ).

114.

F’dan il-kuntest, jidhirli li t-tnaqqis tal-multa imposta fuq Parker-Hannifin għas-sempliċi raġuni li “ir-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002” (punt 257 tas-sentenza appellata) ma huwiex immotivat b’mod suffiċjenti.

115.

Isegwi li għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.

C – Fuq il-kalkolu tal-multa fl-ipoteżi li l-ewwel aggravju jintlaqa

116.

Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, l-appellati jargumentaw, fl-ewwel lok, li ebda żieda minħabba ċirkustanzi aggravanti ma tista’ tiġi applikata.

117.

Fit-tieni lok, l-appellati jsostnu li l-multa li Parker ITR tista’, f’każ ta’ kalkolu ġdid, tinżamm waħedha responsabbli li tħallas, ma tistax, b’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 61 ), teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Huma jfakkru li, sal-31 ta’ Jannar 2002, Parker ITR (issa ITR Rubber) u Parker-Hannifin kienu żewġ impriżi distinti. Din hija r-raġuni għaliex id-deċiżjoni kkontestata żammet lil Parker-Hannifin responsabbli in solidum biss għal parti (jiġifieri EUR 8 320 000) mit-total tal-multa imposta fuq Parker ITR (jiġifieri EUR 17 290 000). Għall-istess raġuni, sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu ta’ 10 % applikabbli għall-ammont tal-multa li Parker ITR hija waħedha responsabbli, id-deċiżjoni kkontestata kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul fl-2008 minn Parker ITR (jiġifieri EUR 9 304 570) u mhux id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp Parker.

118.

L-argument tal-appellati jikkorrispondi ma’ dak tat-tmien motiv tagħhom fl-ewwel istanza li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet (ara l-punti 227 u 228 tas-sentenza appellata). Skont il-punt 228, “peress li l-ewwel motiv huwa milqugħ, it-tmien motiv, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur qabel l-1 ta’ Jannar 2002 li matulu l-ksur twettaq minn ITR, huwa ineffettiv. Barra minn hekk, huwa infondat, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur wara l-1 ta’ Jannar 2002, peress li, matul dan il-perijodu kollu, bl-eċċezzjoni ta’ xahar, Parker ITR u Parker-Hannifin kienu jikkostitwixxu unità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat. Għalhekk, il-limitu massimu tal-multa seta’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tagħha kollha”.

119.

Huwa minnu li fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża YKK et vs Il‑Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:66, punti 96 sa 145), wara analiżi ddettaljata, jiena kkonkludejt li “l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li hija s-sussidjarja biss (YKK Stocko) li kellha titqies li hija l-impriża li pparteċipat fil-ksur” għall-ewwel perijodu u li għalhekk id-dħul mill-bejgħ tagħha u mhux dak tal-grupp kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %”. Fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:361, punti 71 sa 90) kienet ikkonkludiet fl-istess sens.

120.

Xorta jibqa’ l-fatt li, f’din il-kawża, l-appellati ma jistgħux jinvokaw dak l-argument, peress li huma ma ppreżentawx appell, lanqas appell inċidentali, kontra l-punti 227 u 228 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar dan il-punt.

121.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. L-Artikolu 176(1) ta’ dawn ir-regoli barra minn hekk jipprovdi li l-partijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 172 jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 176(2) tal-imsemmija regoli jipprevedi li l-appell inċidentali għandu jsir permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell.

122.

Matul is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja interrogat lill-appellati dwar ir-raġunijiet għaliex huma ma ppreżentawx appell inċidentali. Huma wieġbu li dan kien għaliex fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma kien hemm ebda konstatazzjoni li setgħet tiġi kkontestata peress li l-Qorti Ġenerali ma kienet ħadet ebda deċiżjoni dwar id-dħul mill-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa inkwantu fil-punt 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “peress li l-ewwel motiv huwa milqugħ, ma huwiex barra minn hekk neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u tal-proporzjonalità u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li dawn jirrigwardaw l-impatt tat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002”.

123.

Issa, huwa ċar li dan l-argument ma huwiex korrett. Jirriżulta manifestament mill-punt 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali ddikjarat sew il-pożizzjoni tagħha dwar il-punt inkwistjoni li huwa rifless, barra minn hekk, fid-dispożittiv tas-sentenza appellata.

124.

Fi kwalunkwe każ, fir-risposta tagħhom, l-appellati ddedikaw ħmistax-il punt (83 sa 97) għall-argument li “għalkemm, minkejja l-argumenti ppreżentati iktar ’il fuq fit-Titolu II, l-ewwel aggravju huwa milqugħ u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, l-appellati jsostnu: (i) li ebda żieda minħabba ċirkustanzi aggravanti ma tista’ tiġi applikata għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq u (ii) li l-multa li Parker ITR titqies li hija waħedha responsabbli li tħallas ma tistax teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha”. Dan jindika b’mod ċar, li fil-mument tal-qari tal-appell tal-Kummissjoni f’din il-kawża, huma indunaw li kien hemm possibbiltà li dak l-appell jintlaqa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-ewwel motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali minn din tal-aħħar jiġi annullat. Din hija r-raġuni għalfejn huma ppreżentaw dan l-argument kollu fil-punti 83 sa 97 tar-risposta tagħhom. Issa, hekk kif spjegajt iktar ’il fuq, għalkemm l-appellati riedu jerġgħu jqajmu l-motiv tagħhom, skont ir-Regoli tal-Proċedura huma setgħu jagħmlu dan biss permezz ta’ appell inċidentali u mhux billi sempliċement iressqu l-argument tagħhom fir-risposta tagħhom.

125.

Peress li l-appellati ma ppreżentawx appell inċidentali permezz ta’ att separat, distint mir-risposta tagħhom, l-argument tagħhom imsemmi hawn fuq għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli ( 62 ).

IV – Konklużjoni

126.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Parker ITR u Parker-Hannifin vs Il‑Kummissjoni(T‑146/09, EU:T:2013:258), sa fejn iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika kienet eskluża f’din il-kawża u sa fejn hija ċaħdet iż-żieda fil-multa imposta fuq Parker ITR Srl applikata mill-Kummissjoni Ewropea fil-kalkolu tal-multa abbażi tal-irwol tagħha ta’ tmexxija fi ħdan l-akkordju;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina jekk l-elementi ppreżentati minn Parker Hannifin Manufacturing Srl u Parker-Hannifin Corp. humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li ITR SpA, bħala kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital ta’ ITR Rubber u li tappartjeni, bħal din tal-aħħar, għall-istess grupp, eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha;

tikkonstata li, billi naqqset b’EUR 100 000 ż-żieda applikata abbażi tad-dewmien fl-ammont sa fejn il-kumpannija parent Parker-Hannifin kienet responsabbli konġuntament għall-ħlas tal-multa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita;

tikkonstata li t-tnaqqis tal-multa imposta fuq Parker-Hannifin għas-sempliċi raġuni li “r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 [ta’ Jannar] sal-31 ta’ Jannar 2002” ma kienx immotivat b’mod suffiċjenti mill-Qorti Ġenerali; u

tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑146/09, EU:T:2013:258, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) Deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 — Manek marittimi, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Ser nuża l-enumerazzjoni l-qadima tat-Trattat f’dawn il-konklużjonijiet peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet taħt it-Trattat KE. Huwa interessanti li wieħed jinnota li dan l-akkordju huwa l-ewwel wieħed fejn negozjant minn Stat Membru (l-Italja) ġie estradit minn Stat Membru ieħor (il-Ġermanja) lejn l-Istati Uniti abbażi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan in-negozjant ammetta li kien ħati, “walked into court wearing glasses and dressed in a khaki jump suit, leg irons and handcuffs and accompanied by two US Marshals” u ġie kkundannat mill-U.S. District Court in the Southern District of Florida għal sentejn ħabs kif ukoll multa ta’ 50000 dollaru Amerikan (USD). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għadha kif ċaħdet ir-rikors tiegħu ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi (ara inter alia mLex, “Extradited marine hose executive pleads guilty, sentenced to 24 months”, 24 ta’ April 2014, u “Human-rights court rejects case of extradited Italian cartel executive”, 29 ta’ Mejju 2014).

( 4 ) Huwa interessanti wkoll li wieħed jinnota li dan l-akkordju kien ikopri d-dinja kollha u li l-impriżi parteċipanti kienu jirrappreżentaw parti ferm sinjifikattiva tas-settur tal-manek marittimi fid-dinja. Dan kien akkordju kumpless, istituzzjonalizzat sal-punt li ġew adottati “statuti” fil-forma ta’ protokoll ta’ ftehim, struttura formali ta’ “Club”, ismijiet ikkodifikati, u kien sar użu mis-servizzi ta’ “konsulenti” esterni li kienu jikkoordinaw u jissorveljaw l-akkordju. Kien ukoll akkordju reżiljenti, B’hekk, wara li għadda minn kriżi bejn Mejju 1997 u Ġunju 1999, reġa’ ħa r-ruħ u ssokta bl-attivitajiet tiegħu għal tmien snin oħra. L-akkordju sfaxxa biss wara spezzjonijiet ikkoordinati mmexxija minn diversi awtoritajiet responsabbli mill-kompetizzjoni madwar id-dinja. Sussegwentement, diversi diriġenti involuti fl-akkordju ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija f’diversi pajjiżi.

( 5 ) Ara s-sentenzi KNP BT vs Il‑Kummissjoni (C‑248/98 P, EU:C:2000:625, punt 71), Cascades vs Il‑Kummissjoni (C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punt 78), Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (C‑286/98 P, EU:C:2000:630, punt 37) u SCA Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑297/98 P, EU:C:2000:633, punt 27), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:404, punt 71).

( 6 ) Ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 356 sa 359), ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775), Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni (T‑43/02, EU:T:2006:270); ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni (T‑405/06, EU:T:2009:90) u, fl-appell, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190).

( 7 ) Il-manek marittimi jintużaw biex jitgħabba l-gass jew prodotti taż-żejt minn installazzjonijiet offshore (pereżempju, bagi ankrati offshore jew pjattaformi li jżommu f’wiċċ l-ilma għall-estrazzjoni tal-gass jew taż-żejt) fuq tankers u, sussegwentement, biex dawk il-prodotti jinħattu fuq installazzjonijiet oħrajn offshore jew fuq l-art.

( 8 ) Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nuża d-denominazzjoni Parker ITR ukoll għall-perijodi fejn, waqt li kienet tappartjeni lill-grupp Saiag u lill-kumpannija parent intermedjarja ITR, l-impriża kien jisimha ITR Rubber.

( 9 ) Il-punt 257 tas-sentenza appellata huwa fformulat hekk: “fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi annullat l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni [kkontestata], sa fejn jirrigwarda l-ksur li hija akkużata bih Parker ITR għall-perijodu qabel ix-xahar ta’ Jannar 2002, it-tieni nett, li jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 6 400 000, għal liema ammont Parker-Hannifin għandha tinżamm responsabbli in solidum sa ammont ta’ EUR 6 300 000, peress li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002, u, finalment, it-tielet nett, jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors”.

( 10 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punt 41).

( 11 ) Ara, pereżempju, A. Jones, u B. Sufrin, EC Competition Law, Oxford, 2004, p. 121.

( 12 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punti 48 u 49 kif ukoll għall-ġurisprudenza ċċitata, jiġifieri s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2004:6, punti 355 sa 358).

( 14 ) Il-Qorti Ġenerali tirreferi għas-sentenza NMH Stahlwerke vs Il‑Kummissjoni (T‑134/94, EU:T:1999:44, punt 127).

( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tirreferi, f’dan is-sens, għall-ġurisprudenza li ġejja: is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni (41/69, EU:C:1970:71, punt 173); Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 61), Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 22).

( 16 ) Fil-fatt, għalkemm żewġ tranżazzjonijiet jistgħu jkunu interdipendenti fuq il-livell ekonomiku, madankollu wieħed ma jistax jinjora l-ewwel waħda jew iqis li r-responsabbiltajiet legali riżultanti jisparixxu billi jiġu assorbiti ipso facto fit-tieni waħda.

( 17 ) Jidhirli (l-istess bħall-Kummissjoni) li s-suġġett ta’ din il-kawża ma huwiex manifestament is-sempliċi bejgħ ta’ entità legali li pparteċipat fil-ksur; kieku ITR kienet inbiegħet bħala entità legali, ir-responsabbiltà li kienet tkompli tiġi marbuta ma’ dik l-entità fi ħdan il-grupp il-ġdid għall-imgħoddi tirriżulta mis-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2000:626). Din il-kawża lanqas ma tista’ tiġi ppreżentata bħala l-bejgħ ta’ attiv lil grupp indipendenti.

( 18 ) Ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2004:6, punti 356 sa 359) u ETI et (EU:C:2007:775, punti 48 u 49). Il-punt 359 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2004:6) huwa partikolarment rilevanti f’din il-kawża: “f’dan ir-rigward, huwa minnu li fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 145), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun hemm kontinwità ekonomika biss f’każ fejn il-persuna ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża tkun waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur. Dik il-kawża madankollu kienet tikkonċerna l-każ ta’ żewġ impriżi eżistenti u operattivi li waħda minnhom kienet sempliċement ittrasferixxiet parti speċifika mill-attivitajiet tagħha lill-oħra, u li ma kellhomx rabta strutturali bejniethom. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 344 ta’ din is-sentenza, dan ma huwiex il-każ hawnhekk” (enfasi miżjuda minni).

( 19 ) Ara s-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punti 41, 42 u 44).

( 20 ) Effettivament, il-bejgħ tal-attiv inkwistjoni fi ħdan il-grupp Saiag u l-bejgħ sussegwenti tal-entità legali Parker ITR lil grupp ġdid għandhom jiġu ttrattati, fuq il-livell kunċettwali, bħala avvenimenti distinti.

( 21 ) “Konsegwentement, kienet il-Kummissjoni li kellha tikkonstata li Saiag u ITR kienu responsabbli mill-ksur sal-1 ta’ Jannar 2002, u wara, jekk kien il-każ, li tikkonstata li dan il-ksur kien preskritt, hekk kif tippermettilha ġurisprudenza stabbilita […]”.

( 22 ) “Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’tali kundizzjonijiet, tinvoka r-responsabbiltà ta’ ITR Rubber għall-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2002, id-data li fiha ġie ttrasferit lilha l-attiv involut fl-akkordju”.

( 23 ) T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punti 1334 u 1335 tal-motivi u l-punt 15 tad-dispożittiv.

( 24 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2004:6, punti 344 sa 359).

( 25 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) EU:T:2009:90.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punt 50), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx l-analiżi kuntrarja ssuġġerita mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tagħha (EU:C:2007:404, li tgħid li r-rabtiet strutturali għandhom ikomplu jeżistu fid-data tad-deċiżjoni).

( 28 ) Ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs I‑ Kummissjoni (EU:C:2004:6, punti 356 u 357) u ETI et (EU:C:2007:775, punti 48 sa 52).

( 29 ) Ara l-punt 35 tar-risposta tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 30 ) Ara l-punti 28, 29, 35 u 41 tar-risposta tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-punt 59 tas-sentenza appellata, li jgħid li “r-rikorrenti jippreċiżaw li l-ġurisprudenza reċenti tikkonferma li, fil-każ ta’ trasferiment tal-attiv fi ħdan grupp, it-teorija tas-suċċessjoni ekonomika tista’ tapplika biss jekk ir-rabtiet strutturali bejn l-entità ċessjonarja u l-entità ċedenti jkunu għadhom jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur mill-Kummissjoni”.

( 31 ) Ara l-premessi 370 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 32 ) B’hekk huwa dan il-kontroll eżerċitat mill-grupp Saiag/ITR fuq l-attività inkwistjoni fi ħdan dan il-grupp li jiġġustifika li ITR Rubber (li saret Parker ITR) tiġi imputata responsabbiltà għal kontinwità ekonomika, b’deroga għall-prinċipju tar-responsabbiltà personali.

( 33 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża fuq is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2004:6) u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (EU:C:2011:190, punt 104), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, ivvalidat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li kienet ammettiet l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika minkejja li t-trasferiment tal-attiv kien seħħ wara l-waqfien tal-ksur.

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punt 48 et seq.).

( 35 ) Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, meta l-kumpannija parent ġdida Parker-Hannifin saret taf bil-ksur, hija madankollu ddeċidiet li taħbi l-akkordju bit-tama li ma jiġix skopert.

( 36 ) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ġiet annullata parzjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda mhux fuq dan il-punt.

( 37 ) Ara, ukoll, il-punt 95 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik l-istess kawża (EU:C:2007:404).

( 38 ) Punt 49 ta’ dik is-sentenza.

( 39 ) Għandu jiġi osservat li, fir-risposta tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellati jgħidu li “l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-Consiglio di Stato Taljan il-kompitu li jevalwa, fuq il-bażi tal-kriterju ta’ ‘kontroll effettiv’ stabbilit fis-sentenza tiegħu, jekk ETI setgħetx tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ AAMS” (enfasi miżjuda minni). It-terminu użat bl-Ingliż fir-risposta orġinali tagħhom huwa “actual control”. Issa, din l-espressjoni ma tinsabx bħala tali fit-traduzzjoni bl-Ingliż tas-sentenza ETI. Fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, il-kwistjoni hija jekk AAMS u ETI kinux “suġġetti” tal-entità pubblika kkonċernata li ġiet tradotta bl-Ingliż bħala “AAMS and ETI were subject to the control of that public entity”.

( 40 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punti 136 u 137).

( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenzi AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 50) u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2000:630, punt 29).

( 42 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2000:630, punt 29).

( 43 ) Punt 153 ta’ din is-sentenza.

( 44 ) Huwa interessanti li wieħed jinnota li fl-investigazzjoni dwar l-akkordju dwar il-manek marittimi fl-Istati Uniti, Parker ITR ġiet akkużata u ammettiet li kienet ħatja ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur li jmur lura għall-1999, jiġifieri tliet snin qabel ix-xiri tal-attiv minn Parker. Ara DOJ Press Release, Italian Subsidiary of U.S.-Based Company Agrees to Plead Guilty for Participating in International Price-Fixing Conspiracy (Feb. 16, 2010), http://www.justice.gov/atr/public/press_releases/2010/255258.htm. Fl-Istati Uniti, il-kunċett ta’ suċċessjoni tar-responsabbiltà lanqas ma jinkludi l-kundizzjoni ta’ kontinwità ekonomika. Fil-prinċipju, ir-responsabbiltà (kriminali, barra minn hekk) ma tonqosx fil-mument tal-inkorporazzjoni jew ix-xiri ta’ azzjonijiet, iżda meta ssir l-inkorporazzjoni mill-entità preċedenti għall-entità segwenti. Ara, f’dan ir-rigward, “EU Court Decision Significantly Reduces Cartel Fines in Marine Hose Investigation”, King & Spalding, 22 ta’ Mejju 2013, li tiċċita l-ġurisprudenza Amerikana inkwistjoni.

( 45 ) Ara wkoll, dwar ir-rabtiet strutturali, il-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 46 ) Fil-fatt, dan ġie rrikonoxxut minn ITR stess fl-“Act of transfer of marine hose assets by ITR to ITR Rubber” (l-Anness 2 tar-risposta ta’ Parker għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), p. 420 tar-rikors fl-ewwel istanza, li jirreferi għal ITR bħala l-“attuale unico socio controllante”.

( 47 ) Dan il-kuntratt ġie ppreżentat ukoll matul il-proċedura amministrattiva bħala anness mar-risposta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

( 48 ) Ara s-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2009:90, punti 112 sa 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell fis-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et) u Hoechst vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2009:366, punt 64, “l‑imputazzjoni lill‑operatur il‑ġdid ta’ ksur imwettaq mill‑operatur oriġinali hija possibbiltà li, f’ċerti każijiet, il‑ġurisprudenza tirrikonoxxi lill‑Kummissjoni, u mhux obbligu”).

( 49 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza reċenti tagħha Dow Chemical et vs Il‑Kummissjoni (C‑499/11 P, EU:C:2013:482, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata) li “ma teżistix ‘prijorità’” f’dak li jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ multa, mill-Kummissjoni, fuq waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji”, jiġifieri l-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha.

( 50 ) Ara wkoll il-punt 95 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ETI et (EU:C:2007:404).

( 51 ) Ara s-sentenzi Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 82) u Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punti 159 u 160)..

( 52 ) Ara, f’dan il-kuntest, pereżempju, is-sentenza Ballast Nedam vs Il‑Kummissjoni (C‑612/12 P, EU:C:2014:193).

( 53 ) C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 131 u C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64.

( 54 ) Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

( 55 ) Skont il-punt 24 tal-linji gwida, “[...] il-perijodi ta’ inqas minn sitt xhur jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda inqas minn sena jingħaddu bħala sena sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 56 ) Sentenza Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (C‑338/00 P, EU:C:2003:473, punt 147).

( 57 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 44 sa 50), ENI vs Il‑Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 103) u Arkema vs Il‑Kummissjoni (C‑520/09 P, EU:C:2011:619, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) EU:C:2011:816, punt 131 u EU:C:2011:815, punt 64.

( 59 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 60). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2004:6, punt 372). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Acerinox vs Il‑Kummissjoni (C‑57/02 P, EU:C:2005:453), li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Ara wkoll, Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżiġi li “[i]s-sentenzi għandhom ikunu motivati”. Ara, inter alia, is-sentenza Il‑Kunsill vs de Nil u Impens (C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punt 32) u d-digrieti Meyer vs Il‑Kummissjoni (C‑151/03 P, EU:C:2004:381, punt 72), kif ukoll L vs Il‑Kummissjoni (C‑230/05 P, EU:C:2006:270, punt 83).

( 61 ) Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 62 ) Fi kwalunkwe każ, l-appellati lanqas biss ikkontestaw il-punti 227 u 228 tas-sentenza appellata.

Top