EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CC0382
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 10 September 2014.#C.E. Franzen and Others v Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.#Request for a preliminary ruling from the Centrale Raad van Beroep.#Reference for a preliminary ruling — Social security for migrant workers — Regulation (EEC) No 1408/71 — Articles 13(2) and 17 — Casual work in a Member State other than the State of residence — Legislation applicable — Refusal to grant family benefits and reduction of the old-age pension by the State of residence.#Case C-382/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ppreżentati fl-10 ta’ Settembru 2014.
C.E. Franzen et vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti —Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13(2) u 17 — Xogħol okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza — Leġiżlazzjoni applikabbli — Rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat ta’ residenza.
Kawża C-382/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ppreżentati fl-10 ta’ Settembru 2014.
C.E. Franzen et vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti —Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13(2) u 17 — Xogħol okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza — Leġiżlazzjoni applikabbli — Rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat ta’ residenza.
Kawża C-382/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2190
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑382/13
C. E. Franzen
H. D. Giesen
F. van den Berg
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13(2) u 17 — Xogħol okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza — Leġiżlazzjoni applikabbli — Rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat ta’ residenza — Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema”
I – Introduzzjoni
1. |
Persuna li, matul ċerti perijodi tal-ħajja professjonali tagħha, eżerċitat, għalkemm dejjem residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, attività fil-Ġermanja għal numru limitat ta’ sigħat fil-ġimgħa jew fix-xahar abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol okkażjonali (“minijobs”) hija koperta mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 2 )? Meta din il-persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-imsemmi regolament jipprekludiha milli tiġi eskluża mis-sistema legali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija Olandiża? Dan ir-regolament jew ir-regoli tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-persuni jipprekludu li l-leġiżlazzjoni Olandiża teskludi din l-istess persuna mis-sistema nazzjonali tagħha ta’ sigurtà soċjali, jiġifieri s-sistema Olandiża, għas-sempliċi raġuni li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, anki jekk hija ma għadx għandha d-dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fil-Ġermanja? |
2. |
Din il-kawża għalhekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina l-kwistjoni, dejjem delikata, ta’ ħaddiema li, peress li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, jew tilfu l-kopertura li joffrilhom l-Istat ta’ residenza tagħhom, mingħajr ma jiksbu tal-Istat ta’ impjieg, li għalihom il-leġiżlazzjoni tapplika biss b’mod formali għas-sitwazzjonijiet ta’ impjieg prekarju, jew li jkollhom il-pensjoni tal-irtirar tagħhom imnaqqsa għal ammont inqas minn dak li jikkorrispondi għat-tul totali tal-attività tagħhom, għaliex il-perijodi ta’ attività fl-Istat ta’ Membru ta’ residenza tagħhom ma jingħaddux ma’ dawk tal-Istat ta’ impjieg ( 3 ). |
II – Il-kuntest legali
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71/KEE jistabbilixxi: “Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:
[…]” |
4. |
L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuni koperti”, jistabbilixxi: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.” |
5. |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jifforma parti mit-Titolu II, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jistabbilixxi r-regoli ġenerali bil-kliem segwenti: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]
|
6. |
Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 13 sa 16”: “Tnejn jew iktar Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati jew il-korpi ddisinjati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu bi ftehim komuni jipprovdu għall-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 16 fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni.” |
7. |
Il-Punt I(E) tal-Anness I tal-imsemmi regolament jindika, fir-rigward tal-Ġermanja, min għandu jitqies li huwa “persuna impjegata” jew bħala “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) tal-istess regolament. Dan huwa redatt kif ġej: “Jekk l-istituzzjoni kompetenti biex tagħti benefiċċji tal-familja skond il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament hija istituzzjoni Ġermaniża, allura fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament:
|
8. |
L-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jikkomunikaw lil xulxin informazzjoni oħra rigward:
2. Għall-iskopijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri jisilfu l-uffiċċji ta’jba tagħhom u jaġixxu bħallikieku qegħdin jimplimentaw il-leġislazzjoni tagħhom stess. L-assistenza amministrattiva fornuta mill-imsemmija awtoritajiet u istituzzjonijiet tkun, bħala regola, bla ebda ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż ikunu rimborsati.” |
B – Id-dritt Olandiż
1. Il-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata
9. |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata (Algemene Ouderdomswet, iktar ’il quddiem l-“AOW”), huwa resident fis-sens ta’ din il-liġi l-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
10. |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-AOW, il-post ta’ residenza ta’ persuna huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi. |
11. |
Abbażi tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AOW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi l-persuna li għadha ma laħqitx l-età ta’ tluq għall-irtirar u li hija residenti. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jispeċifika li, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-grupp ta’ msieħba jista’ jinkludi jew jiġi limitat bi jew abbażi ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika. |
12. |
Il-Liġi tad-29 ta’ April 1998 (Stb. 1998, Nru 267) żiedet mal-AOW Artikolu 6a, applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1989, li jistabbilixxi li: “Jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AOW u għad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha:
|
13. |
L-Artikolu 13(1)(a) tal-AOW jistabbilixxi li tnaqqis ta’ 2 % japplika fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena li matulha, wara li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, iżda ma jkunx laħaq l-età ta’ 65 sena, il-proprjetarju tal-pensjoni ma kienx assigurat. |
14. |
Il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu jistabbilixxi li l-allowance netta hija mnaqqsa bi 2 % għal kull sena li matulha, wara li l-proprjetarju tal-pensjoni jilħaq l-età ta’ 15-il sena iżda qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, il-konjuġi tal-proprjetarju tal-pensjoni ma kinitx assigurata. |
15. |
Abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tal-AOW, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ April 1985, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, iħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel ma jagħlqu ħamsa u sittin sena, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati. |
16. |
Abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ Jannar 1990, il-persuni assigurati u l-ex assiguarti jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, jassiguraw lilhom infushom b’mod volontarju għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel għeluq il-ħamsa u sittin sena tagħhom, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati. |
2. Il-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja
17. |
L-Artikoli 2 u 3(1) tal-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja (Algemene Kinderbijslagwet, iktar ’il quddiem l-“AKW”) għandhom kontenut identiku għal dak tal-Artikoli 2 u 3 (1) tal-AOW. |
18. |
Abbażi tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AKW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi l-persuna li hija residenti. |
19. |
L-Artikolu 6a(b) tal-AKW, jistabbilixxi li, jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AKW u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha, ma titqiesx li hija assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali. |
3. Id-digriet dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba għall-assigurazzjonijiet soċjali
20. |
Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bosta digrieti suċċessivi dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba fl-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen, iktar ’il quddiem il-“BUB”) ġew adottati abbażi tal-Artikolu 6(3) tal-AOW u tal-AKW. Għalhekk, għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew applikati d-digriet tad-19 ta’ Ottubru 1976 (Stb. 557, iktar ’il quddiem il-“BUB 1976”), id-digriet tat-3 ta’ Mejju 1989 (Stb. 164, iktar ’il quddiem il-“BUB 1989”) u d-digriet tal-24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 746, iktar ’il quddiem il-“BUB 1999”). |
21. |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-BUB 1976, ma jitqiesx li huwa assigurat fis-sens, fost l-oħrajn, tal-AOW ir-resident li, lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandu impjieg b’salarju u li, abbażi ta’ dan, huwa assigurat skont sistema legali barranija fil-qasam tal-benefiċċji ta’ xjuħija u ta’ mewt kif ukoll fil-qasam tal-allowances tal-familja fis-seħħ fil-pajjiż li fih jaħdem. |
22. |
Wara li l-BUB 1976 ġiet issostitwita bil-BUB 1989, l-Artikolu 10(1) ta’ dan tal-aħħar, fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 1989 sal-1 ta’ Jannar 1992, kien jistabbilixxi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-1 ta’ Jannar 1997, din l-istess dispożizzjoni tal-BUB 1989 kienet tistabbilixxi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Skont il-formulazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-1 ta’ Jannar 1999, l-Artikolu 10(1) tal-BUB 1989 kien jistabbilixxi li, “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”. |
23. |
Fl-1 ta’ Jannar 1999, il-BUB 1989 ġie ssostitwit bil-BUB 1999. L-Artikolu 12 ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi li “ma hijiex assigurata abbażi tal-allowances soċjali l-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandha impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”. |
24. |
Il-BUB 1989 kif ukoll il-BUB 1999 jinkludu t-tnejn li huma klawżola ta’ salvagwardja rispettivament fl-Artikoli 25 u 24, li jawtorizzaw lir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) biex jidderoga f’ċerti każijiet mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-digriet sabiex jiġu rrimedjati inġustizzji gravi ħafna li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni u mill-esklużjoni tiegħu abbażi tad-digriet inkwistjoni (BUB 1989) jew sabiex tiġi injorata l-applikazzjoni tal-artikoli fl-imsemmi digriet jew biex tipprovdi deroga sa fejn din l-applikazzjoni, fid-dawl tal-importanza tal-estensjoni u tal-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba, twassal għal inġustizzja gravi ħafna u li tirriżulta esklużivament mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni tiegħu abbażi tad-digriet inkwistjoni (BUB 1999). |
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
25. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, C. E. Franzen, H. D. Giesen u F. van den Berg, huma kollha ta’ nazzjonalità Olandiża u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
26. |
C. E. Franzen irċeviet fil-Pajjiżi l-Baxxi allowances tal-familja abbażi tal-AKW għal bintha li rabbietha waħedha. F’Novembru 2002, hija informat lis-SVB li, mill-1 ta’ Jannar 2001, hija tipprovdi servizzi ta’ qtugħ ta’ xagħar fil-Ġermanja għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Peress li d-dħul ta’ C. E. Franzen minn din l-attività ma kienx sinjifikattiv, hija ma kinitx obbligatorjament imsieħba fis-sistema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, u ma kellha aċċess għall-ebda sistema oħra ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża. |
27. |
B’deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2003, is-SVB irtiralha l-provvista tal-allowances tal-familja mill-1 ta’ Ottubru 2002. |
28. |
Fid-dawl tan-natura insuffiċjenti tad-dħul tagħha Ġermaniż, C. E. Franzen kisbet mill-muniċipalità Olandiża li fiha tirrisjedi allowance addizzjonali abbażi tal-Liġi ġenerali dwar l-għajnuna soċjali (Algemene bijstandswet) kif ukoll il-Liġi dwar ix-xogħol u l-għajnuna soċjali (Wet Werk en Bijstand). Mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-SVB jirriżulta li din l-aħħar allowance tikkostitwixxi forma ta’ assistenza soċjali li għaliha r-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax, skont l-Artikolu 4(4) tiegħu. |
29. |
Is-SVB jippreċiża wkoll fl-osservazzjonijiet tiegħu li, bl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2003, C. E. Franzen talbet, skont l-Artikolu 24 tal-BUB 1999, it-tneħħija tal-esklużjoni tagħha mill-kopertura għall-assigurazzjoni soċjali. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2004, is-SVB ċaħad din it-talba għaliex C. E. Franzen ma kinitx assigurata la abbażi tad-dritt tal-Unjoni u lanqas abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż. |
30. |
Fit-30 ta’ Jannar 2006, C. E. Franzen ressqet talba għall-allowances tal-familja li, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2006, is-SVB laqa’ mill-ewwel tliet xhur tal-2006. B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2007, tressqet talba f’isem C. E. Franzen sabiex tingħata allowances tal-familja mill-aħħar tliet xhur tal-2002. |
31. |
B’deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007, is-SVB ikkonstata li, mill-ewwel tliet xhur tal-2006, C. E. Franzen ma kienx baqalha dritt għall-allowances tal-familja, iżda hija ddeċidiet li ma tirkuprax is-somom indebitament mogħtija. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2007, l-ilment ta’ C. E. Franzen kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat bħala infondat u t-talba tagħha għal reviżjoni ġiet barra minn hekk miċħuda. |
32. |
Fis-6 ta’ Frar 2008, għalkemm ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007 kien għadu pendenti, is-SVB adotta deċiżjoni ġdida li temenda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2007, billi indika li t-talbiet għall-allowances tal-familja kienu miċħuda għaliex, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża biss li kienet tapplika għal C. E. Franzen, u għalhekk eskludiet l-applikazzjoni tal-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi. |
33. |
B’sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2008, ir-Rechtbank Maastricht (Tribunal tad-distrett ta’ Maastricht) iddikjara bħala infondati r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Novembru 2007 u tas-6 ta’ Frar 2008. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, mill-1 ta’ Ottubru 2002, C. E. Franzen kinitx assigurata abbażi tal-AKW. |
34. |
Mart H. D. Giesen ħadmet fil-Ġermanja, l-ewwel matul żewġ perijodi fl-1970, u wara bħala “geringfügig Beschäftigte” (persuna li teżerċita attività żgħira) matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sat-12 ta’ Mejju 1993. Barra minn hekk, hija kienet taħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ u kienet teżerċita l-attività tagħha matul numru limitat ta’ sigħat kull xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali li fil-kuntest tiegħu hija kienet tmur taħdem fuq talba tal-persuna li timpjegaha iżda ma kellhiex l-obbligu li taċċetta t-talbiet tagħha. |
35. |
Fit-22 ta’ Settembru 2006, H. D. Giesen ressaq talba għal pensjoni tax-xjuħija u għall-allowance tal-imsieħba abbażi tal-AOW, li s-SVB laqa’ b’deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007. Madankollu, l-allowance tal-imsieħba tnaqset b’16 % għaliex, matul il-perijodu li fiha hija ħadmet fil-Ġermanja, mart H. D. Giesen ma kinitx assigurata abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali. H. D. Giesen ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni sa fejn tirrigwarda t-tnaqqis tal-imsemmija allowance. B’deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, dan l-ilment ġie ddikjarat bħala infondat. |
36. |
B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008, ir-Rechtbank Roermond iddikjara bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008. L-imsemmija qorti kkonkludiet li mart H. D. Giesen ma kinitx taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża għaliex ma kienx stabbilit li, matul iktar minn tliet xhur, hija ma kinitx ħadmet fil-Ġermanja. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen kinitx assigurata abbażi tal-AOW. |
37. |
F. van den Berg eżerċita attività fil-Ġermanja matul il-perijodi mill-25 ta’ Ġunju sal-24 ta’ Lulju 1972 u mill-1 ta’ Jannar 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1994. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet dwar in-natura tal-impjieg tiegħu. Fis-17 ta’ Jannar 2008, F. van den Berg talab pensjoni tax-xjuħija abbażi tal-AOW. B’deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2008, is-SVB tathielu iżda naqsitha b’14 % għaliex, matul iktar minn seba’ snin, F. van den Berg ma kienx assigurat. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, l-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat parzjalment fondat u t-tnaqqis ġie stabbilit għal 10 %. |
38. |
B’sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2009, ir-Rechtbank Maastricht iddikjara bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008. Quddiem il-qorti tar-rinviju, F. van den Berg u s-SVB ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1994, dan tal-aħħar kienx assigurat abbażi tal-AOW. |
39. |
Is-Centrale Raad van Beroep (Qorti Soċjali Olandiża Superjuri), adita fl-appell mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tqis li dawn jistgħu, għall-perijodi inkwistjoni, jitqiesu li huma persuni impjegati fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) tiegħu, u li l-AOW u l-AKW jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament. |
40. |
Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kinux, abbażi tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(2) u tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, suġġetti għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u, jekk ikun il-każ, jekk l-effett esklużiv ta’ din id-dispożizzjoni jimplikax li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma hijiex applikabbli. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183), li tirrigwarda impjieg part-time, u tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tapplikax ukoll għal kuntratt ta’ xogħol okkażjonali. |
41. |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ma huwiex ikkontestat li l-persuni kkonċernati ma kinux, minħabba l-attivitajiet tagħhom, assigurati abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tippermetti li jitolbu, skont il-każ, pensjoni tax-xjuħija jew allowances tal-familja. Barra minn hekk, hija tirrileva li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 1989 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen u, matul il-perijodi inkwistjoni li jikkonċernawhom, F. van den Berg u C. E. Franzen għandhom jitqiesu li ma kinux assigurati abbażi tal-AOW u tal-AKW fid-dritt nazzjonali. Sabiex jiġi evalwat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix din l-esklużjoni, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) kif ukoll dwar iċ-ċittadinanza (Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE). |
IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
42. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju, b’sentenza tal-1 ta’ Lulju 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2013, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
43. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mis-SVB, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentanti ta’ C. E. Franzen, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni nstemgħu matul is-seduta li saret fil-25 ta’ Ġunju 2014. |
V – Analiżi
44. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest tal-kawżi prinċipali, dan jikkonċerna, minn naħa, ir-rifjut mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ is-SVB, milli jagħtu lil C. E. Franzen l-allowances tal-familja u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis minn dawn l-istess awtoritajiet tal-allowance tal-imsieħba u tal-pensjoni tax-xjuħija mogħtija, rispettivament lil H. D. Giesen u lil F. van den Berg, għaliex mir-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, matul il-perijodi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu taħt il-liġi tal-Istat ta’ impjieg tagħhom, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul dawn il-perijodi, huma kienu biss koperti, fl-Istat ta’ impjieg, minn assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol u ma kellhomx dritt, la fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-Istat ta’ residenza) u lanqas fil-Ġermanja (l-Istat ta’ impjieg), għal allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, skont il-każ. |
45. |
Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċji inkwistjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jitqiesu li huma “benefiċċji tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jew bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan ir-Regolament. Is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħu għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament. |
46. |
Fl-aħħar nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 huwa s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Din id-domanda, li fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta affermattiva, ma tippreżentax diffikultajiet partikolari u ser tiġi eżaminata fil-qasir. |
A – L-ewwel domanda
47. |
Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata l-iktar għal jumejn jew tlieta fix-xahar fuq bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwiex suġġett għal-liġi tal-Istat ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament u, jekk iva, jekk l-imsemmi resident huwiex suġġett hemm biss għall-jiem ta’ xogħol jew ukoll għall-jiem l-oħra ( 4 ). |
48. |
Sabiex din id-domanda tingħata risposta, infakkar fl-ewwel stadju b’mod qasir il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex insostni li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li huma persuni impjegati fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni stadju, jien ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tax-xogħol part-time qabel ma neżamina l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1(E) tal-Anness I tal-imsemmi regolament fil-każ konkret ta’ C. E. Franzen. |
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71
49. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, tliet kriterji huma meħtieġa sabiex jiġi kkunsidrat li ħaddiem huwa kopert mill-imsemmi regolament. L-ewwel nett, għandha tkun persuna impjegata jew taħdem għal rasha ( 5 ). Dawn iż-żewġ kelmiet jirrigwardaw kull persuna li hija assigurata abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ( 6 ) fil-kuntest ta’ wieħed mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a)(i) u (ii) ta’ dan ir-regolament u skont il-kundizzjonijiet tal-imsemmija sistemi ( 7 ). It-tieni nett, il-ħaddiem għandu jkun ċittadin ta’ Stat Membru. It-tielet nett, huwa għandu jkun jew kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar. |
50. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li persuna għandha l-karatteristika ta’ “persuna impjegata” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 meta tkun assigurata, anki jekk kontra riskju wieħed biss, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ skema ġenerali jew speċjali ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, u dan irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol ( 8 ). |
51. |
F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali ħadmu fil-Ġermanja matul ċerti perijodi li matulhom huma kienu assigurati f’dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tindika li dawn eżerċitaw attività professjonali żgħira taħt l-istatus “geringfügig Beschäftigte” ( 9 ), fatt li jimplika li kienu tal-inqas assigurati abbażi tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol (“Unfallversicherung”). Konsegwentement, jidhirli li ma hemm l-ebda dubju li l-persuni kkonċernati għandhom jitqiesu li huma ħaddiema impjegati fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. |
2. Tfakkira qasira tal-ġurisprudenza rilevanti
52. |
Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kits van Heijningen ( 10 ) għall-fatti inkwistjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet b’interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tax-xogħol part-time, li, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi applikata b’analoġija għar-relazzjonijiet ta’ xogħol okkażjonali bħal f’dan il-każ. |
53. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm xejn fi kliem l-Artikolu 1(a) jew fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jippermetti li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ċerti kategoriji ta’ persuni minħabba ż-żmien li huma jqattgħu għall-attività tagħhom. Konsegwentement, persuna għandha titqies li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, irrispettivament miż-żmien li hija tqatta’ għall-attività tagħha ( 11 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jinkludi l-ebda distinzjoni dwar jekk l-attività bħala persuna impjegata hijiex eżerċitata full-time jew part-time. Barra minn hekk, l-għan imfittex minnu jintilef jekk jitqies li l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru ta’ impjieg hija limitata għall-perijodi li matulhom l-attività hija eżerċitata, bl-esklużjoni ta’ dawk li fihom il-persuna kkonċernata ma teżerċitax l-attività tagħha ( 12 ). |
54. |
F’dan ir-rigward, għalija jidher car li l-element determinanti biex wieħed jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae huwa, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li jkun assigurat, anki jekk biss kontra riskju wieħed, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ sistema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71. L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, it-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol, il-fatt li dan huwa kuntratt part-time jew kuntratt okkażjonali, kif ukoll in-numru ta’ sigħat maħduma huma għalhekk mingħajr importanza ( 13 ). Konsegwentement, f’din il-kawża, il-fatt li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali eżerċitaw attivitajiet professjonali żgħar li ma jeċċedux ċertu limitu f’termini ta’ sigħat jew ta’ dħul, pereżempju taħt l-istatus ta’ “geringfügig Beschäftigte” fid-dritt Ġermaniż, huwa irrilevanti. |
55. |
Għalhekk, nikkonstata li C. E. Franzen, H. D. Giesen u F. van den Berg jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, irrispettivament miż-żmien li huma jqattgħu fl-attività tagħhom matul il-perijodi inkwistjoni. Għalhekk, huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament u huma suġġetti, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tiegħu, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg. Dan l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża jikkonċerna mhux biss il-jiem li matulhom huma eżerċitaw l-attività tagħhom, iżda wkoll dawk li fihom huma ma wettqux xogħol. Dan huwa estiż kemm-il darba l-persuni kkonċernati huma assigurati kontra tal-inqas eventwali waħda fl-Istat ta’ impjieg ( 14 ). |
3. Fuq il-Punt I(E) tal-Anness I (“Ġermanja”) tar-Regolament Nru 1408/71
56. |
Fir-rigward b’mod partikolari ta’ C. E. Franzen, il-Kummissjoni tindika li r-referenza li tinsab fil-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-Ġermanja temenda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament. |
57. |
Mill-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li C. E. Franzen taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal C. E. Franzen hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ( 15 ). Għalhekk, tista’ hija tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja? |
58. |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta istituzzjoni Ġermaniża hija kompetenti biex tagħti allowances tal-familja skont il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament għandha titwarrab favur dik li tinsab fil-Punt I(E) tal-Anness I (“Ġermanja”) tal-imsemmi regolament ( 16 ). Għalhekk, huma biss il-persuni li huma assigurati b’mod obbligatorju fil-kuntest ta’ waħda mis-sistemi msemmija fil-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 li jistgħu jitqiesu li huma “persuna impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament ( 17 ). Fil-fatt, hija meqjusa bħala persuna impjegata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ dan l-anness, “persuna assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg [l-qgħad] jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta’ tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji”. Dan ma huwiex il-każ ta’ C. E. Franzen. Hija taqa’ taħt ir-“regola ġenerali” tal-Artikolu 1(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri d-definizzjoni ta’ persuna impjegata fis-sens ta’ dan ir-regolament għal dak li jikkonċerna l-allowances li għalihom hija assigurata, f’dan il-każ l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol. Kuntrarjament, hija ma tistax titqies li hija persuna impjegata għall-finijiet tal-għoti ta’ allowances tal-familja Ġermaniżi minħabba r-“regola speċjali” li tinsab fl-Anness I. Għalhekk, din ir-regola għandha natura partikolari fir-rigward tas-sistema ġenerali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, it-teħid flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Anness I u tal-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża r-rabta ta’ kawżalità bejn it-tip ta’ benefiċċju mitlub mill-ħaddiem (allowances tal-familja) u l-kundizzjonijiet li l-ħaddiem għandu jissodisfa biex ikun jista’ jkollu d-dritt għall-benefiċċju. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ried jippreċiża l-kunċett ta’ persuna impjegata u li taħdem għal rasha fis-sens ta’ dan ir-regolament meta tkun suġġetta għal skema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għar-residenti kollha, bħal fil-każ tal-allowances tal-familja fil-Ġermanja ( 18 ). Konsegwentement, inqis li C. E. Franzen ma tistax titqies, għall-perijodi inkwistjoni, li hija persuna impjegata fis-sens tal-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 għaliex ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(ii), moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir-regolament, sabiex tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja. |
59. |
Għalhekk, fir-rigward tal-għoti tal-allowances tal-familja abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-kunċett ta’ persuna impjegata għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss il-persuni impjegati li jissodisfaw il-kunċett li jirriżulta mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(ii) u tal-Punt I(E) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
4. Konklużjoni intermedjarja
60. |
Jien tal-fehma li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata l-iktar għal jumejn jew tlieta fix-xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament. Dan l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg jikkonċerna mhux biss il-jiem li matulhom huwa jeżerċita l-attività bħala persuna impjegata, iżda wkoll il-jiem li matulhom huwa ma jwettaqx l-imsemmija attività. Dan għandu jiġi estiż kemm-il darba l-persuna kkonċernata tkun assigurata kontra tal-inqas eventwalità waħda fl-Istat ta’ impjieg. |
B – It-tieni u t-tielet domanda preliminari
61. |
Nipproponi li t-tieni u t-tielet domanda jiġu eżaminati flimkien. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, lill-ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg mis-sistema nazzjonali tiegħu tas-sigurtà soċjali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-regoli tad-dritt primajru dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u/jew iċ-ċittadinanza Ewropea jipprekludux tali esklużjoni jekk il-ħaddiem migrant jiġi eskluż mis-sistema nazzjonali tiegħu tas-sigurtà soċjali minħabba li huwa hu suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg, għalkemm dan il-ħaddiem lanqas ma għandu dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Istat tal-impjieg. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jinkiteb f’assigurazzjoni fakultattiva jew li jitlob l-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti. |
62. |
Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli jien naħseb li l-ewwel nett għandu jiġi kkunsidrat il-qafas tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71. |
1. Il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit mir-Regolament Nru 1408/71
63. |
L-ewwel nett infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 tistrieħ fuq is-sempliċi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali u ma tirrigwardax l-armonizzazzjoni tagħhom ( 19 ). Is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri huma kkaratterizzati mit-territorjalità tagħhom ( 20 ), u l-koordinazzjoni tagħhom li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-regoli ta’ rabta simili għal dawk li jeżistu fid-dritt internazzjonali privat. Din il-koordinazzjoni għandha l-għan li jiġu ddeterminati l-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjonijiet applikabbli għal persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom li jużaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom tal-moviment liberu ( 21 ), filwaqt li tħalli differenzi bejn is-sistemi tad-diversi Stati Membri u, għalhekk, fid-drittijiet tal-persuni li jaħdmu hemm ( 22 ). Din il-koordinazzjoni għalhekk ma tirfisx fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam, kemm-il darba jaġixxu b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont l-għan tar-regolamenti ta’ koordinazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni ( 23 ). |
64. |
Għalhekk, stabbilit mill-bidu tal-kostruzzjoni Ewropea ( 24 ), dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huwa intiż biex jiffaċilita l-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, billi jiġu osservati l-karatteristiċi proprji tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u biex ma jippenalizzax il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu ( 25 ). |
65. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ewwel sentenzi tagħha, fakkret li r-regolamenti meħuda għall-applikazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE għandhom jiġu interpretati “fid-dawl tal-għan ta’ dan l-artikolu, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ liberta’ ta’ moviment tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli” ( 26 ). Hija indikat li l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE jikkostitwixxu l-bażi, il-kuntest u l-limiti tar-regoli tas-sigurtà soċjali ( 27 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali fid-dawl tal-Artikoli 45 u 48 TFUE. |
66. |
It-tieni nett, il-kunflitti tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli jirriżultaw mit-teħid flimkien fit-twettiq tal-moviment liberu tal-persuni, minn naħa, u mit-tkomplija tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, min-naħa l-oħra. Dawn il-kunflitti ta’ liġijiet, kemm jekk huma kunflitti pożittivi, fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ liġijiet applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, jew ta’ kunflitti negattivi, fil-każ ta’ assenza ta’ liġi li għandha l-għan li tapplika għal sitwazzjoni ( 28 ), huma ostakoli għal-libertà ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni. |
67. |
It-tielet nett, sabiex dawn il-kunflitti pożittivi jew negattivi ta’ leġiżlazzjonijiet applikabbli jiġu rrimedjati, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (li l-Artikolu 13 jifforma parti minnu), li jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet ( 29 ), huma intiżi sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta’ bosta leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnhom ( 30 ), iżda wkoll li jipprekludu li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fl-assenza tal-leġiżlazzjoni li tapplika għas-sitwazzjoni tagħhom ( 31 ). |
68. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għal sitwazzjoni partikolari ( 32 ), li b’mod partikolari jfisser il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lil skema ta’ sigurtà soċjali waħda. B’mod partikolari, l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod ċar li, bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17, “persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (la lex loci laboris) ( 33 ). |
69. |
Għalhekk, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 ( 34 ), din is-sistema ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, hija imperattiva u għandha l-effett, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja li “l-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw b’liema mod hija applikabbli l-leġiżlazzjoni tagħhom jew dik ta’ Stat Membru ieħor, peress li għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ” ( 35 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
70. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jien ser neżamina t-tieni u t-tielet domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju. |
2. Fuq il-prinċipji ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli
71. |
Kif jirriżulta mill-punti 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, jissottomettuhom għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss ( 36 ), sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha ( 37 ). Għalhekk ir-regoli li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom effett esklużiv, fatt li jfisser li fl-ebda mument, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 ( 38 ), l-ebda leġiżlazzjoni oħra ħlief dik iddeterminata mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet ma tista’ tkun applikabbli ( 39 ). |
72. |
Madankollu, sentenzi reċenti mogħtija f’kawżi dwar l-għoti ta’ allowances tal-familja jidhru li qed jindikaw tnaqqis fir-riġidità tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta’ unċità ( 40 ). |
73. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tindika li dan it-tnaqqis fir-riġidità ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li l-liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija tal-Istat ta’ residenza abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat tiġi applikata wkoll għal persuna impjegata li tiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni, li għalija tapplika l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. |
74. |
Jien naqbel ma’ din il-pożizzjoni. Interpretazzjoni differenti timplika, b’mod ġenerali, li l-persuni assigurati jkollhom iħallsu kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fatt li ma huwiex skont l-għan tar-Regolament Nru 1408/71, kif enfasizzat fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, id-disa’ premessa ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri, bħala deroga għar-regola ġenerali, għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fil-portata. |
75. |
Fi kwalunkwe każ, sabiex ikun hemm ċarezza u sabiex tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju, inqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tidher li taċċetta f’ċerti każijiet l-applikazzjoni simultanja tal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri. |
a) Tfakkira qasira tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja: is-sentenzi Bosmann ( 41 ) u Hudzinski u Wawrzyniak ( 42 )
76. |
Nistgħu ninterpretaw is-sentenzi msemmija iktar ’il fuq fis-sens li hemm lok li dawn jiġu applikati għall-kawża preżenti? Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, is-SVB u l-Kummissjoni huma tal-fehma li hemm lok li tinħoloq distinzjoni bejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Ten Holder ( 43 ) u Luijten ( 44 ) minn dik stabbilita mis-sentenzi Bosmann ( 45 ) u Hudzinski u Wawrzyniak ( 46 ). Kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-ewwel żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jeskludix li “Stat Membru, li mhuwiex l-Istat kompetenti, u li ma jissuġġettax id-dritt għall-allowance tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, milli jagħti allowance bħal din lil persuna residenti fuq it-territorju tiegħu, meta l-possibbiltà ta’ dan l-għoti effettivament jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu” ( 47 ). |
77. |
Bħas-SVB u l-Kummissjoni, jien tal-fehma li dawn l-aħħar sentenzi ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li dawn jiġu applikati għall-kawża preżenti. Bħala tfakkira, B. Bosmann kienet tibbenefika mill-allowances tal-familja Ġermaniżi sempliċement għaliex kienet residenti fil-Ġermanja u W. Hudzinski minħabba dispożizzjoni Ġermaniża li abbażi tagħha kull persuna li ma għandhiex id-domiċilju tagħha jew ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju Ġermaniż, iżda huma fl-imsemmi Stat integralment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jew huma meqjusa bħala tali, għandhom, barra minn hekk, dritt għall-allowances tal-familja. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti lill-persuni kkonċernati dritt speċifiku abbażi tad-dritt nazzjonali, ibbażat jew fuq ir-residenza, jew fuq l-issuġġettar tat-taxxa fuq id-dħul, mingħajr ma dawn il-leġiżlazzjonijiet jeskludu b’mod espress mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt il-persuni suġġetti abbażi tad-dritt tal-Unjoni għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, bħal pereżempju tal-Istat Membru ta’ residenza. |
78. |
Fil-kawżi prinċipali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6a u l-Artikolu6a(b) tal-AOW u l-Artikolu 6a tal-AKW jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet il-persuni li, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71, huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk, C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u, għalhekk, ma jistgħux jibbenefikaw, bħala regola ġenerali, matul il-perijodi inkwistjoni, minn allowance tal-familja abbażi tal-AKW u minn assigurazzjoni għax-xjuħija abbażi tal-AOW, skont il-każ. |
79. |
Madankollu, sabiex nirfina l-proposti tiegħi għar-risposta tad-domandi preliminari għall-fatti fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa meħtieġ li jsir raġunament fuq żewġ stadji. |
b) Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli
80. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat liema hija, abbażi tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, mill-analiżi tiegħi tat-tieni domanda jirriżulta li, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg. |
81. |
Fit-tieni lok, wara li ġiet iddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli, għandhom jiġu eżaminati, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll tal-libertajiet fundamentali, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg għall-fatti partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
c) Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tar-Regolament Nru 1408/71 u tad-dritt primarju
82. |
Fir-rigward tal-fatti fil-kawżi prinċipali, infakkar li C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg huma, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71, suġġetti għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat tal-impjieg. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-perijodi inkwistjoni, huma kienu biss imsieħba b’mod obbligatorju mas-sistema Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, mingħajr ma kellhom aċċess għall-ebda fergħa oħra tal-assigurazzjoni soċjali Ġermaniża, fatt li l-konsegwenza tiegħu huwa li huma tilfu l-possibbiltà li jissieħbu abbażi tal-leġiżlazzjoni Olandiża fis-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali tilfu l-kopertura soċjali li kien jiżguralhom l-Istat ta’ residenza tagħhom, mingħajr ma jiksbu dik tal-Istat tal-impjieg. Għalhekk, fil-verità, huma la huma koperti mis-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Istat tal-impjieg, minħabba n-numru limitat ta’ sigħat tagħhom ta’ xogħol u d-dħul minimu tagħhom, u lanqas minn dik tal-Istat ta’ residenza tagħhom, minħabba li huma kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, C. E. Franzen tilfet l-benefiċċju tal-allowances tal-familja, filwaqt li l-pensjoni tax-xjuħija u l-allowance tal-imsieħba, rispettivament, ta’ F. van den Berg u ta’ H. D. Giesen tnaqqsu f’ammonti inqas minn dawk li jikkorrispondu għat-tul sħiħ tal-attività tagħhom, għaliex il-perijodi ta’ attività fl-Istat ta’ residenza tagħhom ma ngħaddewx ma’ dawk tal-Istat ta’ impjieg. |
83. |
Fil-fatt, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, jidher biċ-ċar li, billi użaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn ħaddiem li qatta’ l-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed biss, għaliex huma b’hekk tilfu parti mid-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Li kieku baqgħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u hemm eżerċitaw l-istess attivitajiet, huma ma kinux jitilfu d-drittijiet tagħhom. |
84. |
Din il-konsegwenza sfavorevoli hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif interpretati fid-dawl tar-regoli tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema? |
85. |
Kif isostnu s-SVB kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss iddeċidiet li l-Istat Membri jibqgħu kompetenti, kemm-il darba jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, biex jiddeterminaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-benefiċċji ta’ skema ta’ sigurtà soċjali ( 48 ). Hija ddeċidiet ukoll li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt primarju tagħha, ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li ċ-ċaqliq fi Stat Membru ieħor mhux ser ikollu effett fuq it-tip jew il-livell tal-benefiċċji li għalihom hija tista’ tistenna fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha ( 49 ). Għalhekk, l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, wara bidla tal-Istat Membru ta’ residenza, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inqas favorevoli fuq il-pjan ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali tista’, bħala regola, tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni ( 50 ). Il-fatt li l-eżerċizzju tal-moviment liberu jista’ ma jkollux effett newtrali f’dan il-qasam, jiġifieri jkun ftit jew wisq vantaġġuż, saħansitra żvantaġġuż skont il-każ, jirriżulta direttament mill-fatt li nżammet id-differenza li teżisti bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri. ( 51 ). |
86. |
Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali konformità teżisti biss kemm-il darba, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma toħloqx żvantaġġ lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li eżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru li fih din tapplika ( 52 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-għan tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE ma jintlaħaqx jekk, wara l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, il-ħaddiema migranti jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li huma ggarantiti lilhom mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ( 53 ). Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn għandhom l-għan li jipprekludu li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tapplika għalihom ( 54 ). |
87. |
Hija b’mod partikolari din l-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-skema ta’ sigurtà soċjali li tippermetti lil C. E. Franzen biex tibbenefika mill-allowances tal-familja u lil F. van den Berg u H. D. Giesen li jibbenefikaw mill-assigurazzjonijiet għax-xjuħija li jikkaratterizzaw il-fatti fil-kawża prinċipali. Anki jekk ma hemmx dubju li, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni formalment applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ir-riżultat tal-applikazzjoni tagħha ma huwiex konformi, fil-fehma tiegħi, la mar-Regolament Nru 1408/71, li għandu l-għan li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, u lanqas mal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE li jispirawhom. Fil-fatt, għall-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni involuta ma hijiex dwar jekk l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom tal-moviment liberu kienx ftit jew wisq vantaġġuż, jew saħansitra sfavorevoli, iżda l-assenza totali ta’ protezzjoni, matul il-perijodi inkwistjoni, minn skema ta’ sigurtà soċjali, fatt li, fil-fehma tiegħi, huwa kuntrarju mhux biss għar-Regolament Nru 1408/71, iżda wkoll għall-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE. |
88. |
Għalhekk, nistaqsi b’liema mod, dejjem b’osservanza tal-mekkaniżmu ta’ kooridnazzjoni implementat mir-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar speċifiku l-prinċipju ta’ uniċità, tista’ tissolva s-sitwazzjoni tant kundannabbli kif ukoll inaċċettabbli li jinsabu fiha l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali minħabba li eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-moviment liberu. |
89. |
F’dan ir-rigward, naħseb li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fis-soluzzjoni li għandha tiġi proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-livell tal-benefiċċji mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg fil-każijiet fejn din il-leġiżlazzjoni, bħal fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teskludi lill-ħaddiema mill-protezzjoni mogħtija mill-fergħat fundamentali tas-sigurtà soċjali. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell tal-protezzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli fl-ipoteżi li din il-protezzjoni hija kważi ineżistenti, bħal fil-każ tal-impjiegi okkażjonali jew żgħar, jidħlu fil-loġika tal-progress soċjali ppromovut mit-Trattat u inkluż fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71, li tipprovdi li d-“dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”. |
90. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi sospiża b’mod temporanju l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg meta din tinbeda b’kuntratti okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir u għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza. Din is-sospensjoni għandha tkun limitata għall-perijodu li fih il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżomm l-esklużjoni tal-imsemmija kategoriji ta’ ħaddiema mill-fergħat fundamentali tas-sigurtà soċjali li ma hijiex l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol ( 55 ). |
91. |
L-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ sospensjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ impjieg tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-qari tal-Artikolu 13(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE u tippermetti li jiġi evitat li persuna impjegata li, billi użat id-dritt tagħha tal-moviment liberu u okkupat impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed, tiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattata b’mod inqas favorevoli minn dik li tkun qattgħet il-karriera kollha tagħha fi Stat Membru wieħed biss. Tali interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tippermetti wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-forom ġodda ta’ xogħol u l-iter professjonali taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta’ impjieg prekarju, bħal fil-każ ta’ kuntratti okkażjonali jew żgħar ( 56 ). |
92. |
Il-fatt li ħaddiem kellu l-possibbiltà li jkollu assigurazzjoni fakultattiva ( 57 ) jew li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa, fil-fehma tiegħi, bla effett fuq ir-risposta proposta. |
93. |
Madankollu nfakkar li, fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew l-organi magħżula minn dawn l-awtoritajiet jistgħu jaqblu flimkien biex jipprovdu, fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni, eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 sa 16 ta’ dan ir-regolament. Ftehim f’dan is-sens fir-rigward tal-persuni impjegati li għandhom kuntratti ta’ xogħol okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir jista’ jiġi ppjanat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet mhux mixtieqa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
3. Konklużjoni intermedjarja
94. |
L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi, fis-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-ħaddiem migrant mis-sistema nazzjonali tiegħu ta’ sigurtà soċjali minħabba li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Madankollu, fl-ipoteżi li fiha dan il-ħaddiem ma jkollux dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Istat ta’ impjieg, fid-dawl tal-fatt li l-protezzjoni soċjali mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg hija kważi ineżistenti, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi sospiża b’mod temporanju, meta din tkun inbdiet mill-kuntratti okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir, favur il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza. Din is-sospensjoni temporanja tapplika biss matul il-perijodu li fih il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżomm l-esklużjoni tal-imsemmija kategoriji ta’ ħaddiema mill-fergħat tas-sigurtà soċjali li ma hijiex l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, u biss għall-dawn il-fergħat l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-verifiki neċessarji. |
95. |
Il-fatt li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jkollu assigurazzjoni fakultattiva jew li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux effett f’dan ir-rigward. |
VI – Konklużjoni
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi skont kif ġej għad-domandi magħmula mis-Centrale Raad van Beroep:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3. p. 231), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L 392, p. 10), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”. Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Madankollu, dan jibqa’ applikabbli għall-kawżi prinċipali, peress li jirrigwardaw kontestazzjonijiet ta’ deċiżjonijiet amministrattivi adottati taħt ir-regolament l-antik.
( 3 ) Fuq il-kunflitt negattiv tad-dritt applikabbli, ara, b’mod partikolari, P. Rodière, Droit social de l’Union européenne, LDGJ, 2014, p. 662.
( 4 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li, matul il-perijodi inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal C. E. Franzen u għal F. van den Berg hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, hija għandha dubju dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-konjuġi ta’ H. D. Giesen.
( 5 ) Dan l-artikolu jirrigwarda mhux biss lill-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom, iżda wkoll lill-istudenti, lill-persuni bla Stat jew lir-refuġjati residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom. Fil-fatt, wara s-sentenza Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217), iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wasslet biex wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Din l-estensjoni tal-benefiċjarji tar-Regolament ġiet ikkonfermata mis-sentenzi Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458) u Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172). Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni żiedet għalhekk dimensjoni ġdida għall-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Ara, R. Cornelissen, “The principle of territoriality and the Community regulations on social security (Regulations 1408/71 and 574/72)”, Common Market Law Review, 1996, 33, p. 439 sa 471. Ara, wkoll, C. Marzo, “La dimension sociale de la citoyenneté européenne”, Université Paul Cézanne – Aix-Marseille III, Collection B. Goldman, Presses Universitaires d’Aix-Marseille, p. 344.
( 6 ) Skont l-Artikolu 1(a)(iv) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li hija assigurata b’mod volontarju kontra eventwalità waħda jew iktar li jikkorrispondu għall-fergħat li għalihom japplika l-imsemmi regolament, fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru, u li ma jeżerċitax attività bħala persuna impjegata, taqa’ wkoll taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jekk hija kienet assigurata bil-quddiem kontra l-istess eventwalità fil-kuntest ta’ sistema organizzata favur il-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom tal-istess Stat Membru.
( 7 ) Fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, din tal-aħħar iddikjarat li, fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3/58, tal-25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, p. 561), “il-kunċett ta’ ‘persuna impjegata jew simili’ għandha għalhekk element Komunitarju, li jirrigwarda kull minn li, bħala tali, u b’liema mod imsejjaħ, huwa kopert mis-sistemi differenti nazzjonali tas-sigurtà soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza Unger, 75/63, EU:C:1964:19, dispożittiv Nru 1). Ara wkoll is-sentenza Megner u Scheffel (C‑444/93, EU:C:1995:442, punt 20).
( 8 ) Sentenzi Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 34) kif ukoll Borger (C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 26).
( 9 ) Mill-osservazzjonijiet tas-SVB jirriżulta li l-istatus ta’ “geringfügig Beschäftigte” jikkonċerna attivitajiet li ma jeċċedux ċertu limitu f’termini ta’ sigħat jew ta’ dħul.
( 10 ) EU:C:1990:183.
( 11 ) Ibidem, punt 10.
( 12 ) Ibidem, punt 14.
( 13 ) Ibidem, punti 9 u 11.
( 14 ) Barra minn hekk, hawn infakkar li għal persuna li tkun temmet kull attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru u li, għalhekk, ma tissodisfax iktar il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament sabiex taqa’ taħt il-liġi ta’ Stat Membru, hija applikabbli, abbażi tal-Artikolu 13(2)(f), u abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih hija tirrisjedi, jew il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih hija l-ewwel nett eżerċitat attività bħala persuna impjegata, kemm-il darba hija jibqa’ jkollha r-residenza tagħha hemmhekk, jew dik tal-Istat li fih, jekk ikun il-każ, hija tittrasferixxi r-residenza tagħha. Ara s-sentenza Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 34).
( 15 ) Ara l-punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Sentenza Kulzer (C‑194/96, EU:C:1998:85, punt 35).
( 17 ) Sentenzi Merino García (C‑266/95, EU:C:1997:292, punti 24 sa 26); Martínez Sala (EU:C:1998:217); kif ukoll Schwemmer (C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 34).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawżi maqgħuda Stöber u Piosa Pereira (C‑4/95 u C‑5/95, EU:C:1996:225, punti 13 u 28).
( 19 ) Sentenzi Lenoir (313/86, EU:C:1988:452, punt 13); Hervein et (C‑393/99 u C‑394/99, EU:C:2002:182, punt 52); kif ukoll Pasquini (C‑34/02, EU:C:2003:366, punt 52).
( 20 ) R. Cornelissen, loc. cit., p. 439 sa 441.
( 21 ) Sentenzi Piatkowski (C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 20); Nikula (C‑50/05, EU:C:2006:493, punt 20); kif ukoll Derouin (C‑103/06, EU:C:2008:185, punt 20).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gravina (807/79, EU:C:1980:184, punt 7); Rönfeldt (C‑227/89, EU:C:1991:52, punt 12); kif ukoll Leyman (C‑3/08, EU:C:2009:595, punt 40).
( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 26). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:114, punt 44).
( 24 ) Dan il-mekkaniżmu ġie stabbilit bir-Regolament Nru 3/58, li sar ir-Regolament Nru 1408/71. Ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83) kienu s-suġġett ta’ bosta emendi kemm biex jiġu adattati għall-evoluzzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali kif ukoll biex jintegraw l-acquis li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni jirrappreżentaw kontribuzzjoni essenzjali għall-integrazzjoni Ewropea. Ara, f’dan is-sens, R. Cornelissen, loc. cit., p. 471.
( 25 ) Sentenzi Nikula (EU:C:2006:493, punt 20) kif ukoll Tomaszewska (C‑440/09, EU:C:2011:114, punt 28). Għalhekk, il-bidla fid-dritt applikabbli ma għandux iwassal għal waqfien jew telf tal-protezzjoni soċjali. Ara P. Mavridis, La sécurité sociale à l’épreuve de l’intégration européenne, Bruylant, 2003, p. 34. Fuq it-telf ta’ territorjalità tal-liġi applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, ara R. Cornelissen, loc. cit., p. 444 sa 446 u 470.
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Belbouab (10/78, EU:C:1978:181, punt 5); Buhari Haji (C‑105/89, EU:C:1990:402, punt 20); Chuck (C‑331/06, EU:C:2008:188, punt 28); kif ukoll da Silva Martins (C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 70).
( 27 ) Sentenzi Duffy (34/69, EU:C:1969:71, punt 6) kif ukoll Massonet (50/75, EU:C:1975:159, punt 9).
( 28 ) Ara P. Rodière, loc. cit., p. 662, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
( 29 ) Sentenza Luijten (60/85, EU:C:1986:307, punti 12 sa 14).
( 30 ) Sentenzi Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punt 19), kif ukoll Luijten (EU:C:1986:307, punt 12).
( 31 ) Sentenzi Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12), kif ukoll Kuusijärvi (EU:C:1998:279, punt 28).
( 32 ) Il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 huwa wkoll ibbażat fuq it-tliet prinċipji segwenti: l-ewwel nett, l-ugwaljanza fit-trattament bejn persuni ta’ nazzjonalità tal-Istat u dawk li ma humiex ta’ nazzjonalità tal-Istat; it-tieni nett, it-totalità tal-perijodi ta’ assigurazzjoni (jew ta’ żamma tad-drittijiet matul il-kisba); it-tielet nett, l-esportazzjoni tal-benefiċċji fi ħdan l-Unjoni (tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza jew ta’ żamma tad-drittijiet miksuba).
( 33 ) Sentenza Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12).
( 34 ) Skont il-ħdax il-premessa tar-Regolament Nru 1408/71, “f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali”. L-eċċezzjonijiet għal-lex loci laboris huma previsit fl-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71. L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-ftehim li jikkonċernaw kategoriji partikolari ta’ persuni u li għandhom jiġu konklużi fl-interess tal-persuni kkonċernati. Minbarra t-Titolu II, eċċezzjonijiet huma wkoll previsti għal “kunsiderazzjonijiet soċjali u ta’ effikaċità prattika fit-Titolu III ta’ dan ir-Regolament” (P. Mavridis, loc.cit., p. 443).
( 35 ) Sentenzi Ten Holder (EU:C:1986:242, punt 21), kif ukoll Luijten (EU:C:1986:307, punt 14).
( 36 ) Hawn għandu jiġi nnotat li bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 (ara l-Artikolu 11(1)), ġie kkonfermat il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
( 37 ) Sentenzi Ten Holder (EU:C:1986:242, punt 19) u Luijten (EU:C:1986:307, punt 12).
( 38 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.
( 39 ) M. Morsa, Sécurité sociale, libre circulation et citoyennetés sociales, Anthemis, 2012, p. 142.
( 40 ) Sentenzi Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290) u Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339). Għal sunt tar-reazzjonijiet tad-duttrina għal din il-ġurisprudenza, ara, b’mod partikolari, F. Kessler, “Prestations familiales: une nouvelle remise en cause du principe d’unicité de la législation applicable”, Revue de jurisprudence sociale, 10 (2008), p. 770 sa 773; J.-Ph. Lhernould, “Ouverture de droits à prestations familiales dans deux États membres de l’Union: consolidation de nouveaux principes?”, Revue de jurisprudence sociale, 8-9 (2012), p. 583 sa 584; S. Devetzi, “The coordination of family benefits by Regulation 883/2004”, European Journal of Social Security, Volume 11, 1‑2 (2009), p. 205 sa 216, p. 212.
( 41 ) EU:C:2008:290, punt 32.
( 42 ) EU:C:2012:339, punt 49.
( 43 ) EU:C:1986:242. Bħala tfakkira, is-sentenza Ten Holder kienet tirrigwarda persuna li kienet temmet l-attivitajiet professjonali tagħha fil-Ġermanja, li kienet tirċievi minn dan l-Istat allowances għall-mard abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li stabbilixxiet ruħha fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma reġgħet bdiet taħdem fl-imsemmi Stat matul iż-żmien li fih hija kienet qed tibbenefika mill-imsemmija allowances għall-mard. Madankollu, ma jidhirx li hija kienet definittivament waqfet kull attività professjonali u li ma kinitx ser terġa’ tibda attività fl-Istat ġdid ta’ residenza tagħha. Għalkemm l-ebda dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma tirregola b’mod espliċitu din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tali persuna wettqet attività fl-aħħar lok (il-Ġermanja) tibqa’ tapplika għaliha, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Ninnota hawn li llum, dawn it-tipi ta’ każijiet huma koperti mill-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71.
( 44 ) EU:C:1986:307. Bħala tfakkira, fis-sentenza Luitjen, l-istess prinċipju ta’ esklużività tal-leġiżlazzjoni applikabbli ġie sostnut mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-riskju ta’ applikazzjoni simultanja tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg u tal-Istat ta’ residenza li tippermetti lill-persuni assigurati li jibbenefikaw minn allowance tal-familja.
( 45 ) EU:C:2008:290. L-oriġini ta’ din il-kawża tinsab fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni Ġermaniża responsabbli għall-allowances tal-familja li ma tkomplix tagħti allowance tal-familja għal ulied dipendenti B. Bosmann, ċittadina Belġjana residenti fil-Ġermanja bit-tfal tagħha, mill-mument li fih hija saret persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan l-aħħar Stat Membru, it-tfal tagħha ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dritt Olandiż biex jibbenefikaw mill-allowances korrispondenti.
( 46 ) EU:C:2012:339. Din is-sentenza, mogħtija fil-kuntest ta’ żewġ kawżi maqgħuda, kienet tirrigwarda żewġ ħaddiema Polakki li kienu jgħixu mal-familja tagħhom fil-Polonja u li kienu jaħdmu b’mod temporanju fil-Ġermanja, wieħed, bħala ħaddiem għal rasu fil-Polonja, fil-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien partikolari fis-sena u l-ieħor, persuna impjegata, fil-kuntest ta’ kollokament.
( 47 ) Sentenzi Bosmann (EU:C:2008:290, punt 32) u Hudzinski u Wawrzyniak (EU:C:2012:339, punt 49).
( 48 ) Sentenza van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 99).
( 49 ) Ibidem, punt 100.
( 50 ) Sentenzi von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, EU:C:2009:455, punti 85 u 87), kif ukoll da Silva Martins (EU:C:2011:439, punt 72).
( 51 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenereali Jääskinen fil-kawża Reichel-Albert (EU:C:2012:114, punt 45).
( 52 ) Sentenza da Silva Martins (EU:C:2011:439, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Ibidem punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 54 ) Sentenza Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12).
( 55 ) Hawn ninnota li l-Artikolu 84(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha dwar emendi fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, ninnota, li mis-seduta jirriżulta li, mix-xahar ta’ Jannar 2013, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ġiet emendata fis-sens li l-ħaddiema li jwettqu attivitajiet professjonali żgħar huma wkoll koperti mill-assigurazzjoni għax-xjuħija u l-mard.
( 56 ) Riflessjoni fuq l-impatt tal-forom il-ġodda ta’ mobbiltà fuq ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tidher li hija meħtieġa. Ara, b’mod partikolari, Y. Jorens, u F. Van Overmeiren, “General principles of coordination in Regulation 883/2004”, European Journal of Social Security, Volume 11, 1‑2 (2009), p. 47 sa 79, p. 73.
( 57 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-passi li l-ħaddiema, li ma humiex residenti u li jixtiequ jkunu assigurati b’mod volontarju, għandhom jieħdu bl-inizjattiva tagħhom stess, kif ukoll ir-restrizzjonijiet assoċjati ma’ assigurazzjoni ta’ dan it-tip, bħall-osservanza tat-termini sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal assigurazzjoni, jikkostitwixxu elementi li jpoġġu ħaddiema, li ma humiex residenti, li għandhom biss il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni volontarja, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mar-residenti, li huma koperti minn assigurazzjoni obbligatorja”. Ara s-sentenza Salemink (C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 44).