Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0345

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fit-2 ta’ April 2014.
    Karen Millen Fashions Ltd vs Dunnes Stores u Dunnes Stores (Limerick) Ltd.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
    Regolament (KE) Nru 6/2002 — Disinn Komunitarju — Artikolu 6 — Karattru individwali — Impressjoni ġenerali differenti — Artikolu 85(2) — Disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Validità — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova.
    Kawża C‑345/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:206

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fit-2 ta’ April 2014 ( 1 )

    Kawża C‑345/13

    Karen Millen Fashions Ltdvs

    Dunnes Stores,

    Dunnes Stores (Limerick) Ltd

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

    “Proprjetà intellettwali u industrijali — Evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Oneru tal-prova”

    1. 

    It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 6/2002”).

    2. 

    Din ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn Karen Millen Fashions Ltd (iktar ’il quddiem “KMF”) kontra Dunnes Stores u de Dunnes Stores (Limerick) Ltd (iktar ’il quddiem flimkien “Dunnes”), bil-għan li tikseb il-projbizzjoni tal-użu, minn dawn tal-aħħar, tad-disinni li hija tgħid li huma tagħha.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Il-Ftehim TRIPs

    3.

    Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 3 ).

    4.

    Fit-Taqsima 4, bit-titolu “Disinji industrijali”, tal-Parti II tal-imsemmi Ftehim bit-titolu “Standards dwar id-Disponibbiltà, l-Għan u l-użu tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali”, l-Artikolu 25, li għandu t-titolu “Ħtiġijiet għall-Protezzjoni”, jipprovdi:

    “1.

    Il-Membri għandhom jipprovdu għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali maħluqa indipendentement li huma oriġinali jew ġodda. Il-Membri għandhom jipprovdu li d-disinji mhumiex oriġinali jew ġodda jekk ma jkunux daqshekk differenti mid-disinji jew kombinazzjonijiet tal-karatteristiċi tad-disinn magħrufa. Il-Membri jistgħu jipprovdu li din il-protezzjoni ma tkoprix iżjed minn disinji dettati essenzalment minn konsiderazzjonijiet tekniċi jew funzjonali.

    [...]”

    B – Ir-Regolament Nru 6/2002

    5.

    Il-premessi 9, 14, 16, 17, 19 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdu:

    “(9)

    Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE.

    [...]

    (14)

    L-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent informat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti, filwaqt li jqis in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat, u b’mod partikolari s-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

    [...]

    (16)

    Uħud minn dawn is-setturi jipproduċu numri kbar ta’ disinji għal prodotti li spiss ikollhom ħajja qasira fis-suq meta l-protezzjoni mingħajr il-piż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tkun ta’ vantaġġ u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni jkun ta’ sinifikat inqas. Mill-banda l-oħra, jeżistu setturi ta’ l-industrija li jivvalutaw il-vantaġġi tar-reġistrazzjoni minħabba ċ-ċertezza legali ikbar li tipprovdi u li teħtieġ il-possibbiltà ta’ [terminu] iktar fit-tul tal-protezzjoni li tikkorrispondi mal-ħajja mbassra fis-suq tal-prodotti tagħhom.

    (17)

    Dan isejjaħ għal żewġ għamliet ta’ protezzjoni, waħda għal disinn fuq [terminu] qasir mhux irreġistrat u l-oħra għal disinn fuq [terminu] itwal u rreġistrat.

    [...]

    (19)

    Disinn Komunitarju ma għandux jiġi megħjun jitwettaq għajr jekk id-disinn ikun ġdid u għajr jekk jippossjedi wkoll karattru individwali f’paragun ma’ disinji oħra.

    [...]

    (25)

    Dawk is-setturi ta’ l-industrija li jipproduċu numri kbar ta’ disinji bil-possibbiltà ta’ ħajja qasira fuq perjodi qosra taż-żmien li minnhom x’uħud jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu kummerċjalizzati jsibu vantaġġ fid-disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Iktar minn hekk, teżisti wkoll il-ħtieġa li dawn is-setturi jkollhom rikors eħfef għad-disinn Komunitarju rreġistrat. Għalhekk, l-għażla li jiġu magħquda flimkien numru ta’ disinji f’applikazzjoni waħda u multipla tissodisfa din il-ħtieġa. Madankollu, id-disinji li jkunu jinsabu f’applikazzjoni multipla jistgħu jiġu ttrattati b’mod indipendenti minn xulxin għall-għanijiet ta’ l-infurzar tad-drittijiet, il-liċenzji, id-drittijiet in rem, l-impost fuq it-twettiq, il-proċeduri tal-falliment, iċ-ċediment, it-tiġdid, l-assenjazzjoni, il-pubblikazzjoni ddiferita jew id-dikjarazzjoni ta’ l-invalidità.”

    6.

    Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 6/2002:

    “1.   Disinn li jikkonforma mal-kondizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament huwa minn issa ’l quddiem imsejjaħ bħala ‘disinn Komunitarju’.

    2.   Disinn għandu jkun protett:

    (a)

    b’‘disinn Komunitarju mhux irreġistrat’, jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-Regolament;

    [...]”

    7.

    Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

    8.

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

    (a)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

    (b)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

    2.   Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

    9.

    L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

    “1.   Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

    (a)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

    (b)

    fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

    2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”

    10.

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

    “1.   Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba.

    2.   Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn, ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.”

    11.

    Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament:

    “1.   Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.

    2.   Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett.

    L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.

    [...]”

    12.

    Finalment, l-Artikolu 85 tal-imsemmi Regolament, bit-titolu “Preżunzjoni tad-difiża ta’ validità rigward il-merti tagħha”, jistabbilixxi:

    “1.   Fil-proċeduri rigward kawża ta’ kontravenzjoni jew kawża dwar kontravenzjoni mhedda dwar disinn Komunitarju, il-qorti tad-disinji Komunitarji għand[ha] [t]ittratta d-disinn Komunitarju bħala validu. Il-validità tista’ tiġi sfidata biss b’kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità. Madankollu, talba li jkollha x’taqsam ma’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju, sottomessa xorta oħra għajr bħala kontrotalba, għandha tkun ammissbbli safejn u sakemm il-konvenut jagħmel talba illi d-disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu minħabba dritt iktar bikri ta’ disinn nazzjonali, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 25(1)(d), li jappartjeni lilu.

    2.   Fil-proċeduri rigward kawża ta’ kontravenzjoni jew kawża ta’ kontravenzjoni mhedda ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tittratta d-disinn Komunitarju bħala validu jekk il-pussessur tad-dritt jipproduċi prova illi ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 u jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu. Madankollu, il-konvenut jista’ jikkontesta l-validità tiegħu permezz ta’ talba jew b’kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità.”

    II – Il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali

    13.

    KMF hija kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li l-attività tagħha tikkonsisti fil-manifattura u l-bejgħ ta’ ħwejjeġ għan-nisa.

    14.

    Dunnes huwa grupp importanti ta’ bejgħ bl-imnut fl-Irlanda li, fost affarijiet oħra, ibigħ ħwejjeġ tan-nisa.

    15.

    Fl-2005, KMF ħolqot u ħarġet għall-bejgħ qmis tan-nisa rrigata (f’verżjoni blu u verżjoni kannella lewn il-ġebla) u top iswed tas-suf (iktar ’il quddiem il-“ħwejjeġ ta’ KMF”).

    16.

    Xi rappreżentanti ta’ Dunnes xtraw kampjuni tal-ħwejjeġ ta’ KMF minn wieħed mill-ħwienet fl-Irlanda ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. Sussegwentement, Dunnes immanifatturat kopji ta’ dawn il-ħwejjeġ barra mill-Irlanda u ħarġithom għall-bejgħ fil-ħwienet Irlandiżi tagħha fit-tmiem is-sena 2006.

    17.

    Waqt li affermat li hija s-sid ta’ disinni Komunitarji mhux irreġistrati relatati mal-imsemmija ħwejjeġ, fit-2 ta’ Jannar 2007 KMF ippreżentat rikors quddiem il-High Court, li permezz tiegħu hija talbet b’mod partikolari li Dunnes tiġi pprojbita milli tuża d-disinni tagħha kif ukoll biex tingħata kumpens għad-danni.

    18.

    Il-High Court laqgħet dan ir-rikors.

    19.

    Dunnes appellat mid-deċiżjoni tal-High Court quddiem il-qorti tar-rinviju.

    20.

    Dik il-qorti tindika li Dunnes ma tikkontestax li kkopjat il-ħwejjeġ ta’ KMF u tammetti li d-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, li KMF tafferma li huma proprjetà tagħha, huma ġodda.

    21.

    Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Dunnes tikkontesta li KMF hija l-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat għal kull oġġett tal-ħwejjeġ ta’ KMF abbażi li, minn naħa waħda, dawn ma għandhomx karattru individwali fis-sens tar-Regolament Nru 6/2002 u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar jimponi fuq KMF l-oneru li tipprova li, fil-fatt, dawk il-ħwejjeġ għandhom tali karattru.

    22.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari.

    III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    23.

    B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2013, is-Supreme Court b’hekk issospendiet il-proċeduri quddiemha u rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn li huwa allegat li jibbenefika mill-protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-finijiet tar-Regolament [Nru 6/2002], l-impressjoni ġenerali prodotta fuq utent informat, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, għandha tiġi eżaminata b’riferiment għal jekk hijiex differenti mill-impressjoni ġenerali prodotta fuq tali utent minn:

    (a)

    kwalunkwe disinn individwali li kien espost lill-pubbliku minn qabel jew

    (b)

    kwalunkwe kombinazzjoni ta’ elementi ta’ disinn magħrufa li toriġina minn iktar minn disinn wieħed preċedenti ta’ dan it-tip?

    2)

    Qorti tad-disinni Komunitarji għandha l-obbligu li tikkunsidra disinn Komunitarju mhux irreġistrat bħala validu għall-finijiet tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament [Nru 6/2002] jekk id-detentur jillimita ruħu sabiex jindika kif id-disinn għandu karattru individwali, jew id-detentur huwa obbligat jipprova li d-disinn għandu karattru individwali skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament?”

    24.

    KMF, Dunnes, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kull wieħed.

    25.

    Fit-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha informazzjoni biżżejjed biex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr ma ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali (b’mod konformi mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja).

    IV – Analiżi

    A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dak id-disinn jipproduċi fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik li jipproduċi disinn jew disinni preċedenti fuq l-istess utent, meħuda individwalment jew b’taħlita ta’ elementi meħuda minn diversi disinni żvelati qabel lill-pubbliku.

    27.

    Kif tiddikjara fil-qosor Dunnes fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, f’sitwazzjoni fejn ikun hemm, pereżempju, tliet disinni preċedenti (X, Y u Z), il-kwistjoni tkun jekk id-disinn inkwistjoni għandux karattru individwali peress li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent informat tkun differenti mill-impressjoni globali li jipproduċu d-disinni preċedenti X, Y u Z meħuda separatament jew jekk ma għandux karattru individwali peress li ċerti elementi ta’ X, Y u Z (bħal strixxa, punt tal-innittjar jew tal-ħjata, jew taħlita ta’ kuluri), meħuda flimkien, joħolqu impressjoni globali li ma tkunx differenti minn dik tad-disinn inkwistjoni.

    28.

    Dunnes biss issostni din l-aħħar ipoteżi. KMF, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni huma tal-fehma li għandha tiġi adottata l-ewwel ipoteżi.

    29.

    Dunnes tibbaża l-affermazzjoni tagħha fuq, minn naħa waħda, il-premessi 14 u 19 tar-Regolament Nru 6/2002 u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPs.

    30.

    Huwa minnu li, skont il-premessa 14, “[l]-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent informat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti” ( 4 ).

    31.

    Barra minn hekk ma huwiex irrilevanti li l-kunċett ta’ karattru individwali f’din il-formulazzjoni huwa simili għal dak awtorizzat fl-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPs, li jistipula li l-partijiet kontraenti “għandhom jipprovdu li d-disinji mhumiex oriġinali jew ġodda jekk ma jkunux daqshekk differenti mid-disinji jew kombinazzjonijiet tal-karatteristiċi tad-disinn magħrufa]” ( 5 ).

    32.

    Madankollu, dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux ikunu determinanti fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

    33.

    Fl-ewwel lok, għalkemm il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tirreferi għall-“corpus tad-disinn”, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ma jintużax fl-artikoli tal-istess regolament.

    34.

    Rigward il-premessa 19 ta’ dan l-istess Regolament, din sempliċement tindika li “[d]isinn Komunitarju ma għandux jiġi megħjun jitwettaq għajr jekk id-disinn ikun ġdid u għajr jekk jippossjedi wkoll karattru individwali f’paragun ma’ disinji oħra”. B’hekk ma narax kif tista’ tiġi ssuġġerita l-idea ta’ paragun tad-disinn inkwistjoni ma’ għadd ta’ elementi li joħorġu minn diversi disinni oħrajn.

    35.

    Għall-kuntrarju, għalkemm jirreferi għal diversi disinni meta jippreċiża li, biex ikun validu, disinn għandu “ikun ġdid u [...] jippossjedi wkoll karattru individwali f’paragun ma’ disinji oħra” ( 6 ), jidhirli li dan ir-riferiment jimplika paragun ma’ disinni individwalizzati u mifhuma fil-globalità tagħhom, u mhux ma’ ċerti elementi partikolari jew iżolati tad-disinni identifikati b’dan il-mod.

    36.

    Fit-tieni lok, l-uniku obbligu impost mill-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPs huwa li tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni tad-disinni industrijali maħluqa b’mod indipendenti li jkunu ġodda jew oriġinali. Dan l-obbligu jirriżulta mill-użu tal-verb “għandhom jipprovdu”.

    37.

    Il-kumplament ta’ dak l-artikolu, fejn isir riferiment għal “kombinazzjon[i] tal-karatteristiċi tad-disinn magħrufa”, min-naħa l-oħra hija biss dikjarazzjoni ta’ possibbiltà li titħalla fid-diskrezzjoni tal-partijiet kontraenti ( 7 ).

    38.

    Indipendentement minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-kliem tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 jimponi l-identifikazzjoni ta’ disinn jew disinni preċedenti li jistgħu jitqabblu mad-disinn inkwistjoni.

    39.

    Tkun xi tkun il-verżjoni lingwistika, il-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni għandu effettivament jitqabbel ma’ disinn ieħor wieħed biss (fil-verżjoni Ġermaniża, pereżempju ( 8 )), diversi disinni (fil-verżjoni Olandiża, pereżempju ( 9 )) jew inkella ma’ għadd ta’ disinni (fil-verżjoni Spanjola ( 10 ), Ingliża ( 11 ), Franċiża ( 12 ), jew dik Taljana ( 13 )).

    40.

    Madankollu, jidhirli li ebda waħda minn dawn il-verżjonijiet ma tawtorizza li jittieħdu ċerti elementi preċiżi f’disinn jew disinni preċedenti biex jinħoloq paragun teoretiku, jiġifieri li ma jeżistix per se fil-ħajja reali.

    41.

    Kif indikajt qabel fir-rigward tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 6/2002, għalkemm ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (ikklassifikati bħala “newtrali” mill-Kummissjoni) joħolqu l-idea ta’ paragun ma’ għadd ta’ disinni, jidhirli li din ir-riferiment jimplika paragun ma’ oġġetti identifikati b’mod preċiż.

    42.

    Jidhirli li ma hemm xejn f’dan l-artikolu li jawtorizza l-ħolqien a posteriori, u għall-bżonnijiet tal-każ, ta’ taħlita ta’ ċerti elementi partikolari ta’ disinni identifikati minn qabel.

    43.

    B’hekk naqbel mal-interpretazzjoni, appoġġata minn KMF, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, li sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dak id-disinn jipproduċi fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik li jipproduċi jew jipproduċu fuq l-istess utent disinn jew bosta disinni meħuda individwalment u mhux b’taħlita ta’ elementi meħuda minn diversi disinni żvelati qabel lill-pubbliku.

    44.

    Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-determinazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn.

    45.

    Ta’ mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li “meta dan ikun possibbli, [l-utent informat] [i]wettaq paragun dirett tad-disinni inkwistjoni” ( 14 ).

    46.

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tippreċiża li ma jistax jiġi eskluż “li tali tqabbil ma jsirx jew ma huwiex normali li jsir fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi jew minħabba l-karatteristiċi tal-oġġetti li d-disinni inkwistjoni jirrappreżentaw” ( 15 ).

    47.

    Hija ddikjarat ukoll li ma setax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-evalwazzjoni tad-disinni għal paragun dirett bejniethom, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 6/2002 ( 16 ).

    48.

    Madankollu, jirriżulta minn dawn is-sentenzi li għalkemm paragun indirett jista’ jkun ibbażat fuq il-memorja ta’ disinni partikolari, fi kwalunkwe każ ma jistax ikun ibbażat fuq it-taħlita ta’ diversi elementi minn bosta disinni.

    49.

    Effettivament, kif spjega l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża PepsiCo vs Gruppo Promer Mon Graphic, “ir-regolament huwa sieket [fir-]rigward [tat-tip ta’ tqabbil li l-utent informat jista’ jagħmel bejn id-disinni kunfliġġenti]. Għalhekk, bħala prinċipju jista’ jkun il-każ kemm ta’ [tqabbil] indirett ibbażat fuq il-memorja, kif isir bħala regola fil-qasam tat-trade marks [...], kif ukoll ta’ tqabbil dirett, li jsir meta wieħed josserva l-prodotti wieħed ħdejn l-ieħor” ( 17 ).

    50.

    Fil-fatt dan kien l-approċċ li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu kienet tal-fehma, minn naħa waħda, li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma kienet ikkommettiet ebda żball ta’ liġi meta użat “formulazzjoni li ’l-utent informat [avżat] mhux ser jiftakar dan ix-xebh fl-impressjoni globali [ġenerali] tad-disinni inkwistjoni', minkejja li, barra minn dan il-kuntest, hija tindika li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq metodu ta’ paragun indirett ibbażat fuq tifkira imperfetta” ( 18 ) u, min-naħa l-oħra, li “il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ir-raġunament tagħha [...] fuq it-tifkira imperfetta tal-impressjoni globali mogħtija miż-żewġ figuri li l-utent avżat żamm fil-memorja” ( 19 ).

    51.

    Għaldaqstant, inkwantu n-natura indiretta tal-paragun ma tagħmel ebda riferiment għal taħlita ta’ diversi elementi minn bosta disinni iżda għall-assenza fiżika tal-element tal-paragun, a fortiori l-paragun dirett jimplika t-tqabbil ta’ żewġ disinni fil-forma sħiħa tagħhom.

    52.

    Kif issintesizzat ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (apparat għall-komunikazzjoni) ( 20 ), “[s]a fejn l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għad‑differenza bejn l‑impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni, l-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ma jistax jitwettaq fir-rigward ta’ elementi speċifiċi meħuda minn disinni differenti preċedenti”. Għall-kuntrarju, “għandu jsir xebh [tqabbil] bejn, minn naħa, l-impressjoni globali prodotta mid-disinn Komunitarju kkontestat u, min-naħa l-oħra l‑impressjoni globali prodotta minn kull wieħed mid-disinni preċedenti invokati b’mod validu mill-applikant għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità” ( 21 ).

    53.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dak id-disinn jipproduċi fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik maħluqa fuq l-istess utent minn disinn jew disinni preċedenti meħuda individwalment b’mod sħiħ, u mhux minn taħlita ta’ diversi elementi minn disinni preċedenti.

    B – Fuq it-tieni domanda preliminari

    54.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk qorti tad-disinni Komunitarji għandhiex neċessarjament tikkunsidra disinn Komunitarju mhux irreġistrat bħala validu, għall-finijiet tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, jekk il-pussessur sempliċement jindika f’liema aspett id-disinn għandu karattru individwali jew jekk, għall-kuntrarju, huwa għandux iġib prova li d-disinn għandu karattru individwali b’mod konformi mal-Artikolu 6 ta’ dak ir-regolament.

    55.

    KMF, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu l-ewwel ipoteżi, waqt li Dunnes issostni t-tieni waħda.

    56.

    Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa xieraq li tiġi eżaminata b’mod globali l-portata tal-preżunzjoni ta’ validità stabbilita permezz tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

    57.

    It-titolu tal-Artikolu 85 ta’ dak ir-regolament huwa “Preżunzjoni tad-difiża ta’ validità rigward il-merti tagħha”. It-tieni paragrafu tiegħu jipprovdi li “[f]il-proċeduri rigward kawża ta’ kontravenzjoni jew kawża ta’ kontravenzjoni mhedda ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tittratta d-disinn Komunitarju bħala validu jekk il-pussessur tad-dritt jipproduċi prova illi ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 u jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu”. Jipprovdi wkoll li l-konvenut jista’ jikkontesta l-validità tiegħu billi jqajjem eċċezzjoni jew jagħmel kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità.

    58.

    Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, sabiex disinn jitqies li huwa validu, il-pussessur tiegħu għandu, minn naħa waħda, iġib prova li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002 huma sodisfatti u, min-naħa l-oħra, jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn tiegħu.

    1. Il-prova tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002

    59.

    Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, “[d]isinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba”.

    60.

    Din il-kundizzjoni tal-iżvelar hija ppreċiżata fit-tieni paragrafu tal-istess Artikolu, li jipprovdi li “[...] disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità”.

    61.

    Sabiex jibbenefika mill-preżunzjoni tal-validità stabbilita permezz tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, il-pussessur tad-disinn inkwistjoni b’hekk għandu jipprova fl-ewwel lok l-ewwel żvelar tad-disinn tiegħu lill-pubbliku, fi ħdan l-Unjoni Ewropea waqt li dak l-iżvelar ma jistax imur lura għal iktar minn tliet snin (fin-nuqqas ta’ dan id-disinn ma jibqax protett).

    62.

    Skont Dunnes, peress li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għall-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 1 ta’ dan ir-regolament, il-pussessur tad-disinn inkwistjoni għandu, barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni tiegħu dwar kontravenzjoni jew theddida ta’ kontravenzjoni, iġib prova tal-karattru ġdid u individwali tad-disinn allegatament protett, inkwantu dawk il-kundizzjonijiet huma previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel parti mill-imsemmija Taqsima 1.

    63.

    Jidhirli li din l-interpretazzjoni tmur kontra d-diċitura tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u kontra l-objettiv segwit mil-leġiżlatur.

    64.

    Fl-ewwel lok, jekk il-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu jġib prova, minbarra tad-data tal-iżvelar tad-disinn tiegħu, tal-karattru ġdid u individwali tiegħu, allura x’inhi l-utilità tat-tieni kundizzjoni prevista fl-aħħar tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 li tgħid li l-pussessur ta’ disinn għandu “jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu”?

    65.

    Barra minn hekk, kif tirrileva b’mod pertinenti l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-interpretazzjoni ta’ Dunnes, il-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat ikollu jġib prova mhux biss tal-karattru ġdid u individwali tiegħu, iżda wkoll li l-kundizzjonijiet kollha stipulati fit-Taqsima 1 tar-Regolament Nru 6/2002 (il-viżibbiltà meħtieġa mill-Artikolu 4(2), in-natura mhux funzjonali msemmija fl-Artikolu 8 jew il-konformità mal-ordni pubbliku u l-moralità tajba prevista fl-Artikolu 9) huma sodisfatti.

    66.

    Ċertament, tali obbligu ma huwiex konformi mal-objettiv segwit mil-leġiżlatur.

    67.

    Kif tfakkar il-premessa 16 tar-Regolament Nru 6/2002 “[u]ħud [...] [mi]s-setturi jipproduċu numri kbar ta’ disinji għal prodotti li spiss ikollhom ħajja qasira fis-suq meta l-protezzjoni mingħajr il-piż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tkun ta’ vantaġġ u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni jkun ta’ sinifikat inqas. Mill-banda l-oħra, jeżistu setturi ta’ l-industrija li jivvalutaw il-vantaġġi tar-reġistrazzjoni minħabba ċ-ċertezza legali ikbar li tipprovdi u li teħtieġ il-possibbiltà ta’ [terminu] iktar fit-tul tal-protezzjoni li tikkorrispondi mal-ħajja mbassra fis-suq tal-prodotti tagħhom”. Hija d-differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li tiġġustifika, b’mod konformi mal-premessa 17, iż-żewġ forom ta’ protezzjoni previsti minn dan ir-regolament, jiġifieri “waħda għal disinn fuq [terminu] qasir mhux irreġistrat u l-oħra għal disinn fuq [terminu] itwal u rreġistrat”.

    68.

    Għaldaqstant, jidhirli li jmur kontra l-objettiv ta’ sempliċità u ta’ ħeffa li fuqu hija bbażata l-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat jekk il-pussessur ta’ tali disinn mhux irreġistrat li jkun jixtieq jaġixxi kontra kontravenzjoni jew theddida ta’ kontravenzjoni jkollu oneru ta’ prova li ma hijiex imposta fuq il-pussessur ta’ disinn Komunitarju rreġistrat li jmur lil hinn mill-bżonn ta’ identifikazzjoni tad-disinn inkwistjoni.

    69.

    Id-differenza fit-trattament imwettqa mill-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 6/2002 bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ pussessuri hija spjegata biss, fil-fatt, min-neċessità li jiġi ddeterminat l-oġġett tal-protezzjoni u l-punt ta’ tluq tiegħu.

    70.

    Għalkemm dawn l-elementi jistgħu jiġu identifikati faċilment fil-każ ta’ disinn irreġistrat — minħabba l-formalità tar-reġistrazzjoni stess — dan ma huwiex neċessarjament il-każ ta’ disinn mhux irreġistrat. Din il-partikolarità tispjega li l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jissuġġetta għal ebda kundizzjoni l-preżunzjoni ta’ validità tad-disinn Komunitarju rreġistrat, għall-kuntrarju għall-Artikolu 85(2).

    71.

    Fit-tieni lok, jekk fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontravenzjoni jew theddida ta’ kontravenzjoni, il-pussessur ikun meħtieġ iġib prova tal-elementi kostituttivi kollha ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, dan imur kontra l-għażla tal-leġiżlatur li jirregola l-kwistjoni taħt l-uniku u l-istess artikolu bit-titolu “Preżunzjoni tad-difiża ta’ validità rigward il-merti tagħha” ( 22 ). Tali rekwiżit ta’ prova huwa inkompatibbli mal-kunċett proprju ta’ preżunzjoni.

    72.

    Fit-tielet lok dik l-interpretazzjoni tneħħi wkoll parti kbira mis-sens tal-possibbiltà, mogħtija mill-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, lill-konvenut li jikkontesta l-validità permezz ta’ eċċezzjoni jew permezz ta’ kontrotalba li tallega invalidità.

    73.

    Effettivament, kieku r-rikorrent kellu jġib prova tal-karattru ġdid u individwali tad-disinn mhux irreġistrat li huwa jasserixxi li huwa tiegħu, fir-realtà huwa jkollu jġib prova tal-validità tiegħu. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jkollux għalfejn jippreżenta kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (jew kontestazzjoni permezz ta’ eċċezzjoni) biex jikkontesta l-validità ta’ disinn mhux irreġistrat. Jekk ikun il-każ, huwa jkun jista’ sempliċement jikkritika, fil-kuntest tad-difiża tiegħu, il-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu.

    74.

    Għandu jingħad ukoll, finalment, li għalkemm id-duttrina ma telaborax wisq fuq din il-kwistjoni, hemm kunsens dwar l-interpretazzjoni li l-oneru tal-prova li għandu l-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, fil-kuntest ta’ azzjoni dwar kontravenzjoni jew theddida ta’ kontravenzjoni, hija limitata għal dik tal-iżvelar tad-disinn tiegħu ( 23 ).

    2. Il-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn tiegħu

    75.

    Jidhirli li l-kliem tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 sabiex wieħed jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ validità tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat huwa totalment ċar.

    76.

    Permezz tal-ewwel kundizzjoni, il-leġiżlatur jeżiġi li “il-pussessur tad-dritt jipproduċi prova illi ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11”. Permezz tat-tieni kundizzjoni, huwa jitlob biss li l-pussessur “jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu”.

    77.

    Il-grad ta’ dan ir-rekwiżit bilfors huwa differenti, għaliex kieku ma kienx ikun neċessarju li jintuża verb ieħor wara l-konġunzjoni “u”.

    78.

    Kif tispjega b’mod pertinenti l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, meta l-applikant jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn tiegħu, huwa jispeċifika l-oġġett tal-protezzjoni mitluba. B’dan il-mod, huwa jiddefinixxi l-kuntest tal-paragun mad-disinn ikkontestat u jippermetti lill-konvenut, jekk ikun il-każ, li jiffoka b’mod adegwat il-kontrotalba li jista’ jressaq għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Din id-differenza fil-konfront tal-pussessur ta’ disinn Komunitarju rreġistrat hija spjegata, għal darba oħra, min-nuqqas ta’ formalità ta’ reġistrazzjoni.

    79.

    Ix-xogħol preparatorju jikkonferma, barra minn hekk, l-idea li d-differenza bejn in-neċessità li titressaq il-prova tal-iżvelar, minn naħa waħda, u s-sempliċi indikazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat, min-naħa l-oħra, ma hijiex b’kumbinazzjoni.

    80.

    Effettivament, għalkemm l-Artikolu 89 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar id-disinji Komunitarji kien jipprovdi li “il-pussessur ta’ disinn Komunitarju għandu jiġġustifika l-asserzjoni tiegħu tal-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu” ( 24 ) biex ikun jista’ jibbenefika mill-preżunzjoni tal-validità, il-Parlament Ewropew ippropona li l-pussessur “juri b’mod issostanzjat il-karattru individwali tad-disinn tiegħu” ( 25 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    81.

    Għalkemm din il-formulazzjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-proposta l-ġdida u emendata tagħha għar-Regolament tal-Kunsill dwar id-disinji Komunitarji ( 26 ), it-test finalment adottat kien ristrett għal sempliċi “indikazzjoni” tal-elementi li jwasslu biex id-disinn ikollu karattru individwali.

    82.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li jekk il-pussessur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat ikun meħtieġ jipproduċi prova tal-karattru individwali tad-disinn tiegħu, dan imur kontra l-evoluzzjoni tal-volontà tal-leġiżlatur, kif tirriżulta mix-xogħol preparatorju u mill-iżvilupp tat-test matul il-proċess leġiżlattiv.

    83.

    Għaldaqstant, jidhirli li qorti tad-disinni Komunitarji għandha neċessarjament tikkunsidra disinn Komunitarju mhux irreġistrat bħala validu, għall-finijiet tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, jekk il-pussessur jipproduċi prova, minn naħa waħda, ta’ meta sar l-ewwel żvelar tad-disinn tiegħu lill-pubbliku u jekk jindika, min-naħa l-oħra, l-elementi tad-disinn tiegħu li jagħtuh karattru individwali ( 27 ).

    V – Konklużjoni

    84.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari ppreżentati mis-Supreme Court skont kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dak id-disinn jipproduċi fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik li jipproduċu fuq l-istess utent disinn jew diversi disinni preċedenti meħuda individwalment b’mod sħiħ, u mhux minn taħlita ta’ diversi elementi ta’ disinni preċedenti.

    2)

    Sabiex qorti tad-disinni Komunitarji tikkunsidra disinn Komunitarju mhux irreġistrat bħala validu, għall-finijiet tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament, il-pussessur tad-disinn għandu jipprova biss, minn naħa waħda, meta sar l-ewwel żvelar tad-disinn tiegħu lill-pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-elementi tad-disinn tiegħu li jagħtuh karattru individwali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.

    ( 4 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 5 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 6 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 7 ) Fir-rigward ta’ dan l-artikolu, G. Tritton jikteb: “[a]s emphasised above, the first sentence of the Article is mandatory whereas the second and third sentences are optional. […] The effect of the above is that Member States are permitted a considerable degree of latitude as to requirements for protection of industrial designs” (Tritton, G., Intellectual Property in Europe, it-Tielet Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2008, Nru 5‑006).

    ( 8 ) “Ein Geschmacksmuster hat Eigenart, wenn sich der Gesamteindruck, den es beim informierten Benutzer hervorruft, von dem Gesamteindruck unterscheidet, den ein anderes Geschmacksmuster bei diesem Benutzer hervorruft, das der Öffentlichkeit zugänglich gemacht worden ist, und zwar”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 9 ) “[D]e algemene indruk die bij die gebruiker wordt gewekt door modellen die voor het publiek beschikbaar zijn gesteld”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 10 ) “[L]a impresión general producida por cualquier otro dibujoo modelo que haya sido hecho público”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 11 ) “[T]he overall impression produced on such a user by any design which has been made available to the public”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 12 ) “[L]’impression globale qu’il produit sur l’utilisateur averti diffère de celle que produit sur un tel utilisateur toutdessin ou modèle qui a été divulgué au public”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 13 ) “[I]mpressione generale suscitata in tale utilizzatore da qualsiasi disegno o modello che sia stato divulgato al pubblico”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 14 ) Sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 55). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Neuman et vs José Manuel Baena Grupo (C‑101/11 P u C‑102/11 P, EU:C:2012:641, punt 54).

    ( 15 ) Sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (EU:C:2011:679, punt 55). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Neuman et vs José Manuel Baena Grupo (EU:C:2012:641, punt 54).

    ( 16 ) Sentenzi PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (EU:C:2011:679, punt 57) kif ukoll Neuman et vs José Manual Baena Grupo (EU:C:2012:641, punt 56).

    ( 17 ) C‑281/10 P, EU:C:2011:302. Enfasi miżjuda minni.

    ( 18 ) Sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (EU:C:2011:679, punt 58).

    ( 19 ) Sentenza Neuman et vs José Manuel Baena Grupo (EU:C:2012:641, punt 57).

    ( 20 ) T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 23.

    ( 21 ) Sentenza Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni) (EU:T:2010:248, punt 24).

    ( 22 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 23 ) Ara, b’mod partikolari, D. Stone, European Union Design Law – A Practitioners’ Guide, Oxford University Press, 2012, Nri 18.18 u 18.25; V. M. Saez, “The unregistered Community design”, European Intellectual Property Review, 2002, Vol. 24, Nru 12, p. 585 sa 590, b’mod speċjali p. 589; J. M. Otero Lastres, “Concepto de diseño y requisitos de protección en la nueva ley 20/2003”, f’Actas de derecho industrial y derecho de autor, tome XXIV, Instituto de derecho industrial (Universidad de Santiago de Compostela), Madrid – Barcelona, 2004, p. 54 sa 90, b’mod speċjali p. 90; M.‑L. Llobregat Hurtado, “Régimen jurídico de los dibujos y modelos registrados y no registrados en el Reglamento 6/2002 del Consejo, del 12 de diciembre de 2001, sobre dibujos et modelos comunitarios”, f’La marca comunitaria, modelos y dibujos comunitarios. Análisis de la implantación el Tribunal de marcas de Alicante, Estudios de Derecho Judicial, Nru 68, Madrid, 2005, p. 119 sa 198, b’mod speċjali p. 172 u 176.

    ( 24 ) COM(1999) 310 finali (ĠU 2000, C 248 E, p. 3). Enfasi miżjuda minni.

    ( 25 ) Emenda 18 tal-Parlament, ĠU 2001, C 67, p. 340. Test enfasizzat fid-dokument oriġinali.

    ( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-verżjoni Franċiża (ĠU 2001, C 62 E, p. 173).

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, D. Stone, op. cit., Nri 18.23 u 18.25

    Top